EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0074

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2009 tad- 19 ta' Jannar 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

OJ L 30, 31.1.2009, p. 100–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 068 P. 100 - 111

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1305

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/74/oj

31.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/100


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 74/2009

tad-19 ta' Jannar 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-2003, it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma, il-bijodiversità u r-ristrutturar tal-prodotti tal-ħalib kienu identifikati bħala sfidi ġodda kruċjali għall-agrikoltura Ewropea.

(2)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Tħejjija għall-‘Kontroll tas-Saħħa’ tar-riforma tal-PAK” fl-20 ta' Novembru 2007. Il-Komunikazzjoni u d-diskussjonijiet sussegwenti tal-elementi ewlenin tagħha mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll bosta kontributi li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu meqjusa.

(3)

Il-Komunità, bħala parti għall-Protokoll ta' Kjoto (4), intalbet timplimenta u/jew telabora aktar il-politiki u l-miżuri skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, bħall-promozzjoni ta' forom sostenibbli ta' agrikoltura fid-dawl ta' konsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima. Barra minn dan, il-Protokoll ta' Kjoto jobbliga lill-partijiet biex jifformulaw, jimplimentaw, jippublikaw u jaġġornaw regolarment il-programmi nazzjonali u, fejn adatt, programmi reġjonali li fihom miżuri biex itaffu t-tibdil fil-klima u miżuri biex jiffaċilitaw adattamenti opportuni għat-tibdil fil-klima. Dawn it-tipi ta'programmi jkunu, inter alia, jikkonċernaw l-agrikoltura u l-forestrija. Ir-rwol tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali għandu jissaħħaħ aktar f'dan il-kuntest. Evidenza xjentifika qawwija tenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti. Il-Komunità intalbet ukoll teżamina l-modi kollha possibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett serra. Minkejja li l-agrikoltura Ewropea kkontribwiet aktar mis-setturi l-oħra biex tikkontrolla l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, fil-futur is-settur agrikolu ser jintalab iżid l-isforzi tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bħala parti mill-istrateġija globali tal-UE kontra t-tibdil fil-klima.

(4)

Wara problemi serji relatati mal-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa, il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar “L-Iskarsezza tal-Ilma u n-Nixfa” tat-30 ta' Ottubru 2007, ikkunsidra li kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilma, inkluża l-kwalità tal-ilma, għandhom jiġu indirizzati aktar fil-fond fl-istrumenti tal-PAK rilevanti. Huwa essenzjali li l-agrikoltura Ewropea jkollha ġestjoni sostenibbli tal-ilma, sabiex titjieb l-effiċjenza fir-rigward tal-kwantità tal-ilma użata għall-agrikoltura u sabiex il-kwalità tal-ilma titħares aħjar. Fil-kuntest tat-tibdil mistenni fil-klima, x'aktarx li ż-żoni milquta minn nixfa ser jiżdiedu fil-vastità u fil-frekwenza.

(5)

Barra minn dan, fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar “It-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità” tat-18 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill enfasizza li l-protezzjoni tal-bijodiversità tibqa' sfida prinċipali, li tikber aktar bit-tibdil fil-klima u d-domanda għall-ilma, u li, filwaqt li sar progress importanti, il-kisba tal-mira tal-bijodiversità tal-Komunità għall-2010 ser teħtieġ sforzi addizzjonali. L-agrikoltura Ewropea għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-bijodiversità.

(6)

Huwa importanti li operazzjonijiet relatati ma' dawn il-prijoritajiet Komunitarji jissaħħu aktar fil-programmi tal-iżvilupp rurali approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (5).

(7)

L-innovazzjoni tista', b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji, prodotti u proċessi ġodda u għaldaqstant ser issostni l-isforzi għat-trattament tat-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità. Appoġġ speċifiku għall-innovazzjoni għandu jiġi pprovdut b'referenza għal dawn l-isfidi sabiex tiżdied l-effikaċja tal-operazzjonijiet rispettivi.

(8)

L-iskadenza tar-reġim tal-kwoti tal-ħalib fl-2015 taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (6) ser jeħtieġ sforzi speċifiċi mill-bdiewa ta' prodotti tal-ħalib biex jadattaw għall-kondizzjonijiet li qed jinbidlu, b'mod partikolari f'reġjuni żvantaġġati. Għaldaqstant huwa xieraq li din is-sitwazzjoni partikolari għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala sfida ġdida li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw bil-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm “skossi gravi” fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib tagħhom.

(9)

Meta titqies l-importanza ta' dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, għal operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda, approvati skont dan ir-Regolament.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi li, bil-ħsieb li jittieħed kont tat-tibdil prinċipali fil-prijoritajiet Komunitarji, il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perijodu ta' programmazzjoni 2007 sal-2013) adottatti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE (7) jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jirċievu fondi addizzjonali għandhom jirrevedu l-pjanijiet tal-istrateġija nazzjonali wara r-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji sabiex jiġi stabbilit qafas għall-programmi li għandhom jiġu mmodifikati. Dan l-obbligu għandu japplika biss għal dawk l-Istati Membri li ser jirċievu, mill-2010, riżorsi finanzjari addizzjonali li jirriżultaw mill-modulazzjoni obbligatorja taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 ta' 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (8) u, mill-2011, l-ammonti ta' fondi mhux utilizzati taħt il-limiti massimi nazzjonali għall-iskema ta' pagament uniku taħt dak ir-Regolament li jiddeċiedu li jitrasferixxu lill-FAEŻR.

(11)

Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita skadenza għall-introduzzjoni tal-operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda fil-programmi tal-iżvilupp rurali u għas-sottomissjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali riveduti lill-Kummissjoni, sabiex jitħalla lill-Istati Membri perijodu ta' żmien raġonevoli biex jimmodifikaw il-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom fid-dawl tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji u tal-pjanijiet tal-istrateġija nazzjonali riveduti.

(12)

Billi l-Atti tal-Adeżjoni tal-2003 u l-2005 pprovdew li l-bdiewa fl-Istati Membri l-ġodda, ħlief għall-Bulgarija u r-Rumanija, ser jirċievu pagamenti diretti wara mekkaniżmu ta' dħul f'fażijiet u li r-regoli għall-modulazzjoni japplikaw għal dawk il-bdiewa biss sa mill-2012, l-Istati Membri l-ġodda m'għandhomx jirrevedu l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali. L-iskadenzi għall-Istati Membri l-ġodda biex jirrevedu u jissottomettu l-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu adattati skont dan. Meta jitqies li, għall-istess raġuni, ir-regoli għall-modulazzjoni ma japplikawx għall-Bulgarija u r-Rumanija qabel l-2013, l-obbligu ta' reviżjoni tal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali u l-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom m'għandux japplika għal dawn l-Istati Membri l-ġodda.

(13)

Fid-dawl tal-obbligi l-ġodda, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tal-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu adattati. Għandha tiġi stabbilita lista mhux eżawrjenti tat-tipi ta' operazzjoni u l-effetti potenzjali tagħhom sabiex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw l-operazzjonijiet rilevanti relatati mal-isfidi l-ġodda fil-kuntest tal-qafas legali għall-iżvilupp rurali.

(14)

Sabiex jiġu pprovduti inċentivi addizzjonali lill-benefiċjarji biex iwettqu operazzjonijiet relatati mal-prijoritajiet il-ġodda, għandha tiġi pprovduta l-possibbiltà li jiġu stabbiliti ammonti u rati ogħla ta' appoġġ għal operazzjonijiet bħal dawn.

(15)

Sabiex tiġi rinfurzata l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u fis-settur tal-ikel u fis-settur tal-foresterija, għandha tiġi pprovduta aktar flessibbiltà rigward il-kompożizzjoni tas-sħab tal-proġett.

(16)

Għall-bdiewa affettwati minn tnaqqis sostanzjali fil-valur tal-pagamenti diretti tagħhom mogħtija f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (9), għandu jingħata appoġġ ta' ristrutturazzjoni sa mis-sena baġitarja 2011, li jkun transitorju, digressiv, u mhux diskriminatorju. Tali appoġġ għandu jiġi pprovdut permezz tal-programmi ta' żvilupp rurali sabiex jassisti lill-bdiewa kkonċernati fl-adattament għall-kondizzjonijiet mibdula billi jirristrutturaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ġewwa u barra mis-settur agrikolu.

(17)

Sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà għal appoġġ li jipproduċi effetti agroambjentali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jtemmu l-impenji agroambjentali u li jagħmlu disponibbli appoġġ ambjentali taħt l-ewwel pilastru, bil-kondizzjoni li l-interessi ekonomiċi u l-aspettattivi leġitimi tal-benefiċjarju jiġu rrispettati u li jinżamm il-benefiċċju ambjentali globali.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 stabbilixxa l-prinċipju li l-bdiewa li ma jikkonformawx ma' ċerti rekwiżiti fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali huma soġġetti għal tnaqqis jew għal esklużjoni minn appoġġ dirett. Regolament (KE) Nru 1698/2005 jintroduċi l-istess prinċipju fl-iżvilupp rurali għal ċerti miżuri. Din is-sistema ta' “kundizzjonalità” tifforma parti integrali mill-appoġġ Komunitarju taħt il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Madankollu, jistgħu jiġu identifikati differenzi bejn iż-żewġ oqsma ta' applikazzjoni, billi diversi mir-regoli ts-sistema ta' kundizzjonalità tal-pagamenti diretti mhumiex inklużi fil-kundizzjonalità għall-iżvilupp rurali. Sabiex tiġi żgurata konsistenza, huwa meħtieġ li regoli ta' żvilupp rurali dwar kundizzjonalità jiġi alinjati ma' dawk ta' pagamenti diretti, b'mod partikolari rigward ir-responsabbiltà fil-każ ta' trasferiment ta' art, limiti minimi applikabbli għal tnaqqis u esklużjonijiet, każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità, il-kriterji speċifiċi li għandhom jitqiesu għar-regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti u dati ġodda ta' applikazzjoni għal rekwiżiti dwar il-benesseri tal-annimali fl-Istati Membri l-ġodda.

(19)

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ir-riżorsi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni obbligatorja taħt dak ir-Regolament flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ta' fondi mhux utilizzati taħt il-limiti massimi nazzjonali għall-iskema ta' pagament uniku taħt dak ir-Regolament li l-Istati Membri jiddeċiedu li jittrasferixxu lill-FAEŻR għandhom jintużaw għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Huwa adatt li jiġi żgurat li ammont ekwivalenti għal dawk ir-riżorsi finanzjarji għandu jintuża biex ikunu appoġġjati operazzjonijiet relatati mal-isfidi l-ġodda.

(20)

Meta jitqies li l-użu addizzjonali, speċifiku u vinkolanti tal-ammonti korrispondenti għal dawk ir-riżorsi finanzjarji, il-bilanċ stabbilit bejn l-objettivi ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali m'għandux ikun affettwat.

(21)

Meta titqies l-importanza tal-isfidi l-ġodda fil-livell Komunitarju u l-urġenza li jkun hemm rispons għalihom, il-kontribut tal-FAEŻR għandu jiżdied biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet relatati.

(22)

Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-kumitat ta' monitoraġġ fir-rigward tat-tibdil fil-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom jiġu mmodifikati sabiex tiżdied l-effiċjenza tiegħu.

(23)

Fl-interess taċ-ċertezza u tas-sempliċità legali, huwa adatt li jiġu ċċarati u armonizzati d-dispożizzjonijiet li jipprevedu għan-non-applikazzjoni tal-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat għall-pagamenti li saru mill-Istati Membri skont, u f'konformità ma', dan ir-Regolament.

(24)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-istabbiliment inizjali ta' bdiewa żgħażagħ u l-aġġustament strutturali tal-azjendi agrikoli tagħhom wara l-istabbiliment inizjali, l-ammont ta' appoġġ massimu għandu jiżdied.

(25)

Sabiex jiġi pprovdut qafas ġdid għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet strateġiċi nazzjonali riveduti u programmi ta' żvilupp rurali b'mod f'waqtu, partikolarment rigward l-ammonti li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz ta' modulazzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika sa mill-1 ta' Jannar 2009, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Minħabba fin-natura tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, tali applikazzjoni retroattiva m'għandhiex tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji kkonċernati. Madankollu, u fid-dawl ta' dak il-prinċipju, id-dispożizzjonijiet emendati li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kundizzjonalità għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 11(3), il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

lista tal-programmi tal-iżvilupp rurali li jimplimentaw il-pjan ta' strateġija nazzjonali, allokazzjoni indikattiva mill-FAEŻR għal kull programm, inklużi l-ammonti previsti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, u indikazzjoni separata tal-ammonti previsti fl-Artikolu 69(5a) ta' dan ir-Regolament.”;

(2)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fil-Kapitolu II:

“Artikolu 12a

Reviżjoni

1.   Kull Stat Membru li jirċievi, mill-2010, il-fondi addizzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikoli 9(4) u 10(3) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 ta' 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa (*), għandu jirrevedi, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(1) ta' dan ir-Regolament, il-pjan ta' strateġija nazzjonali tiegħu wara r-reviżjoni tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji kif imsemmija fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-pjan ta' strateġija nazzjonali rivedut imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jintbagħat lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2009..

(*)  ĠU L 30,31.1.2009, p. 16.”"

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Operazzjonijiet speċifiċi relatati ma' ċerti prijoritajiet

1.   Mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom, fil-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, jipprevedu għal tipi ta' operazzjonijiet li jkollhom il-prijoritajiet li ġejjin kif deskritti fil-linji gwida strateġiċi Komunitarji u speċifikati aktar fil-pjanijiet ta' strateġija nazzjonali:

(a)

tibdil fil-klima,

(b)

enerġiji rinnovabbli,

(c)

ġestjoni tal-ilma,

(d)

bijodiversità.

(e)

miżuri li jakkumpanjaw ir-ristrutturar tas-settur tal-prodotti tal-ħalib,

(f)

innovazzjoni marbuta mal-prijoritajiet imsemmijin fil-punti (a), (b), (c) u (d).

It-tipi ta' operazzjonijiet li għandhom ikunu relatati mal-prijoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mmirati biex jilħqu effetti bħall-effetti potenzjali speċifikati fl-Anness II. Lista indikattiva ta' tipi ta' operazzjonijiet bħal dawn u l-effetti potenzjali tagħhom hija mniżżla f'dak l-Anness.

Il-programmi riveduti ta' żvilupp rurali relatati mal-operazzjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2009.

2.   Mill-1 ta' Jannar 2010, għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, ir-rati tal-intensità tal-għajnuna stabbiliti fl-Anness I jistgħu jiżdiedu b'10 punti perċentwali.

3.   Mill-1 ta' Jannar 2010, kull programm tal-iżvilupp rurali għandu jinkludi wkoll:

(a)

il-lista tat-tipi ta' operazzjonijiet u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(c) dwar it-tipi speċifiċi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(b)

tabella li tistabbilixxi, għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2013, il-kontribuzzjoni totali tal-Komunità għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.   Għall-Istati Membri l-ġodda, kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 id-dati ta' bidu msemmija fil-prażijiet introduttorji tal-paragrafi 1 u 3 għandhom ikunu l-1 ta' Jannar 2013, id-data għall-preżentazzjoni tal-programmi riveduti tal-iżvilupp rurali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun it-30 ta' Ġunju 2012 u l-perijodu msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkun l-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2013.

5.   Il-paragrafi 1, 3 u 4 m'għandhomx japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija”.

(4)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 17:

“3.   L-ammonti ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 69(5a) m'għandhomx jitqiesu fil-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR li minnu l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja minima għal kull assi tiġi kkalkulata kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.”;

(5)

Fl-Artikolu 20(1), il-punt (d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

miżuri transitorji dwar:

(i)

l-appoġġ għall-azjendi agrikoli ta' semi-sussistenza li għaddejjin minn ristrutturar (għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja);

(ii)

l-appoġġ għall-istabbiliment ta' gruppi ta' produtturi (għall-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja);

(iii)

l-appoġġ għall-azjendi agrikoli li għaddejjin minn ristrutturar, inkluża d-diversifikazzjoni lil attivitajiet barra mis-settur agrikolu, minħabba riforma tal-organizzazzjoni tas-suq komuni.”;

(6)

Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied mal-Artikolu 29(1):

“Il-kooperazzjoni għandha tinvolvi mill-inqas żewġ atturi li minnhom mill-inqas wieħed ikun jew produttur primarju jew jappartjeni għall-industrija tal-ipproċessar.”

(7)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fis-Subtaqsima 4 “Kondizzjonijiet għal miżuri transitorji”:

“Artikolu 35a

Azjendi li għaddejjin minn ristrutturar minħabba riforma ta' organizzazzjoni tas-suq komuni

1.   Appoġġ previst fl-Artikolu 20(d)(iii) għal azjendi agrikoli li jgħaddu minn ristrutturar, inkluża diversifikazzjoni barra mill-attivitajiet agrikoli, minħabba riforma tal-organizzazzjoni tas-suq komuni għandhom jingħataw lil bdiewa li l-pagamenti diretti tagħhom huma mnaqqsa sa mill-2010 b'aktar minn 25 % meta mqabbla mal-2009 skont ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li jippreżentaw pjan ta' negozju.

2.   Progress fir-rigward tal-pjan ta' negozju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi vvalutat wara tnax-il xahar.

3.   L-appoġġ għandu jitħallas fil-forma ta' għajnuna ta' rata fissa digressiva u biss fis-snin 2011, 2012 u 2013. L-appoġġ għandu jiġi limitat għall-ammont massimu stabbilit fl-Anness I u, fi kwalunkwe każ, m'għandux jeċċedi 50 % tat-tnaqqis ta' pagamenti diretti meta mqabbla mal-2009 skont ir-Regolament Nru 1782/2003.”;

(8)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 39(3):

“L-Istati Membri jistgħu jtemmu tali impenji, mingħajr obbligu għall-benefiċjarju kkonċernat li jirrimborża l-appoġġ li rċieva diġà, bil-kondizzjoni li:

(a)

l-appoġġ taħt ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ikun reċentement imqiegħed għas-dispożizzjoni fil-qafas li fih jiġu applikati r-regoli li jipproduċu effetti agroambjentali ekwivalenti għal dawk tal-miżura agroambjentali li ngħalqet;

(b)

tali appoġġ ma jkunx finanzjarjament anqas favorevoli għall-benefiċjarju kkonċernat;

(c)

il-benefiċjarju kkonċernat ikun infurmat b'din il-possibbiltà fil-ħin li jaċċetta l-inpenji tiegħu.”;

(9)

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fis-Subtaqsima 4 “Rispett ta' Standards”:

“Article 50a

Rekwiżiti ewlenin

1.   Benefiċjarju li jirċievi pagamenti taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u l-Artikolu 36(b)(i), (iv) u (v) għandu jirrispetta, rigward l-azjenda sħiħa, ir-rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta', u fl-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

L-obbligu ta' konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba msemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal attivitajiet mhux agrikoli f'azjenda u żoni mhux agrikoli li għalihom ma jintalab l-ebda appoġġ skont l-Artikoli 36(b)(i), (iv) u (v) ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tipprovdi lill-benefiċjarju, inter alia bl-użu ta' mezzi elettroniċi, lista ta' rekwiżiti tal-ġestjoni statutorji u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba li jridu jiġu rispettati.”;

(10)

L-Artikolu 51(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fejn fi kwalunkwe żmien f'sena kalendarja partikolari (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja kkonċernata’) ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti ta' ġestjoni statutorji u l-kondizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta' konformità msemmi jkun ir-riżultat ta' att jew ta' ommissjoni direttament attribwibbli lill-benefiċjarju li kien ippreżenta t-talba għal pagament taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u l-Artikolu 36(b)(i), (iv) u (v) fis-sena kalendarja kkonċernata, l-ammont totali ta' dawn il-pagamenti mogħti jew li ser jingħata lil dak il-benefiċjarju relatat mas-sena kalendarja kkonċernata għandu jitnaqqas jew ikun eskluż skont ir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 4.

It-tnaqqis jew l-esklużjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll fejn ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' prodotti ta' fertilizzanti u protezzjoni tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 39(3) ma jkunx hemm konformità magħhom fi kwalunkwe żmien tas-sena kalendarja kkonċernata u n-nuqqas ta' konformità in kwistjoni hu r-riżultat ta' att jew ommissjoni direttament attribwibbli lill-benefiċjarju li ppreżenta t-talba għal pagament taħt l-Artikolu 36(a)(iv).

L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom japplikaw ukoll fejn in-nuqqas ta' konformità in kwistjoni tkun ir-riżultat ta' att jew ommissjoni marbuta direttament mal-persuna li lilha jew li mingħandha ġiet ittrasferita l-art.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, ‘trasferiment’ tfisser kull tip ta' transazzjoni li permezz tagħha l-art ma tibqax għad-dispożizzjoni ta' min jittrasferixxi.

B'deroga mit-tielet subparagrafu, fejn il-persuna li l-att jew ommissjoni huma attribwibbli direttament lilha tkun ippreżentat talba għal pagament fis-sena kalendarja kkonċernata, it-tnaqqis jew l-esklużjoni għandhom ikunu applikati għall-ammonti totali ta' pagamenti mogħtija jew li għandhom jingħataw lil dik il-persuna.”;

(11)

L-Artikolu 51(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   It-tnaqqis jew l-esklużjoni tal-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw għal standards li għalihom ingħata perijodu ta' konċessjoni skont l-Artikolu 26(1) waqt il-perijodu ta' konċessjoni.

Minkejja l-paragrafu 1 u f'konformità mal-kondizzjonjiet stabbiliti fir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx tnaqqis jew esklużjoni li tammonta għal EUR 100 jew anqas għal kull benefiċjarju u għal kull sena kalendarja.

Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jiddisponi mill-għażla prevista fit-tieni subparagrafu, fis-sena ta' wara l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżgura li l-benefiċjarju jirrimedja s-sejbiet tan-nuqqas ta' konformità kkonċernati. Is-sejbiet u l-obbligu li tittieħed azzjoni ta' rimedju għandhom jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju.”;

(12)

L-Artikolu 51(3) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fit-tieni subparagrafu, id-data “l-1 ta' Jannar 2011” għandha tiġi sostitwita b'“l-1 ta' Jannar 2013”;

(b)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (c), id-data “l-1 ta' Jannar 2014” għandha tiġi sostitwita b'“l-1 ta' Jannar 2016”;

(13)

L-Artikolu 51(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2). F'dan il-kuntest għandu jittieħed kont tas-severità, il-firxa, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta' konformità misjuba kif ukoll tal-kriterji li ġejjin:

(a)

Fil-każ ta' negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis m'għandux jaqbeż il-5 % u, f'każ ta' nuqqas ta' konformità repetittiv, 15 %.

F'każijiet debitament iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ebda tnaqqis m'għandu jkun applikat fejn, minħabba s-severità, il-firxa u l-permanenza, każ ta' nuqqas ta' konformità għandu jkun ikkunsidrat bħala minuri. Madankollu, każijiet ta' nuqqas ta' konformità li jikkostitwixxu riskju dirett għall-pubbliku jew għal saħħet l-annimali m'għandhomx jitqiesu bħala minuri.

Sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ħa azzjoni ta' rimedju immedjata li twaqqaf in-nuqqas ta' konformità misjub, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa li jistgħu, fejn adatt, jkunu limitati għal kontroll amministrattiv, biex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jirrimedja s-sejba ta' nuqqas ta' konformità kkonċernata. Is-sejba ta' nuqqas ta' konformità minuri u l-obbligu li tittieħed azzjoni ta' rimedju għandhom jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju.

(b)

Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità intenzjonali, il-perċentwali ta' tnaqqis m'għandux bħala prinċipju jkun inqas minn 20 % u jista' jwassal anke għall-esklużjoni totali minn waħda jew diversi skemi ta' għajnuna u japplika għal sena kalendarja waħda jew iktar.

(c)

F'kull każ, l-ammont totali ta' tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda m'għandux ikun iktar mill-ammont totali imsemmi fl-Artikolu 51(1).”

(14)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħħlu fl-Artikolu 69:

“5a.   Ammont ekwivalenti għall-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikoli 9(4) u 10(4) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għandu jintefaq esklussivament mill-Istati Membri fil-perijodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2015 bħala appoġġ Komunitarju taħt il-programmi preżenti tal-iżvilupp rurali għal operazzjonijiet tat-tipi msemmija fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament.

Għall-Istati Membri l-ġodda, kif iddefinit fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2015.

L-ewwel żewġ subparagrafi m'għandhomx japplikaw għall-Bulgarija u r-Rumanija.

5b.   Jekk, fl-għeluq tal-programm, l-ammont reali ta' kontribuzzjoni Komunitarja li jkun intefaq fuq l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu jkun aktar baxx mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu, id-differenza għandha tkun rimborżata mill-Istat Membru lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej sal-ammont li bih l-allokazzjonijiet totali disponibbli għall-operazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 16a jkunu nqabżu.

5c.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 5a ta' dan l-Artikolu m'għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005.”;

(15)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 70(4):

“Minkejja l-limiti massimi mniżżlin fil-paragrafu 3, il-kontribut tal-FAEŻR jista' jiżdied sa 90 % għal reġjuni ta' konverġenza u sa 75 % għal reġjuni ta' non- konverġenza għall-operazzjonijiet tat-tipi msemmijin fl-Artikolu 16a ta' dan ir-Regolament, sal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 10(3) flimkien ma', mill-2011, l-ammonti ġġenerati taħt l-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) 73/2009”;

(16)

Fl-Artikolu 78, il-punt (f) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

għandu jikkunsidra u japprova kwalunkwe proposti sostanzjali għal tibdil fil-programmi tal-iżvilupp rurali.”;

(17)

Fl-Artikolu 88(1), it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 89 ta' dan ir-Regolament, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m'għandhomx japplikaw għall-pagamenti li saru mill-Istati Membri skont, u f'konformità ma', dan ir-Regolament fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 36 tat-Trattat.”;

(18)

Il-kelma “Anness” għandha tiġi sostitwita b'“Anness I” fit-titolu tal-Anness u fl-Artikoli li ġejjin: 22(2), 23(6), 24(2), 26(2), 27(3), 28(2), 31(2), 32(2), 33, 34(3), 35(2), 37(3), 38(2), 39(4), 40(3), 43(4), 44(4), 45(3), 46, 47(2), 88(2), 88(4), 88(6);

(19)

L-Anness għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-ammont f'EUR għall-“istabbiliment ta' appoġġ” taħt l-Artikolu 22(2) indikat fit-tielet kolonna tal-ewwel ringiela, għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“70 000”;

(b)

ir-ringiela li ġejja għandha tiddaħħal wara l-ħdax-il ringiela dwar l-appoġġ għal gruppi ta' produtturi taħt l-Artikolu 35(2):

“35a(3)

Ammont massimu ta' appoġġ għar-ristrutturar minħabba riforma ta' organizzazzjoni tas-suq komuni

 

Għal kull azjenda

4 500

3 000

1 500

fl-2011

fl-2012

fl-2013”;

(c)

in-nota fit-tmiem “*” għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“(*)

L-istabbiliment ta' appoġġ jista' jingħata fil-forma ta' primjum uniku sa massimu ta' EUR 40 000, jew fil-forma ta' sussidju ta' rata ta' interess, li l-valur kapitalizzat tiegħu ma jistax jeċċedi l-EUR 40 000. Għaż-żewġ forom ta' appoġġ ikkombinati, il-massimu ma jistax jeċċedi l-EUR 70 000.”;

(d)

in-nota fit-tmiem “****” għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“(****)

Dawn l-ammonti jistgħu jiżdiedu għat-tipi ta' operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16a u f'każijiet oħra eċċezzjonali billi jitqiesu ċirkostanzi speċifiċi li għandhom jiġu ġġustifikati fil-programmi tal-iżvilupp rurali.”;

(20)

Għandu jiżdied Anness ġdid, li t-test tiegħu huwa stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009, bl-eċċezzjoni tal-punti (10), (11) u (13) tal-Artikolu 1, li għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Jannar 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GANDALOVIČ


(1)  Opinjoni tad-19 ta' Novembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tat-23 ta' Ottubru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(3)  Opinjoni tat-8 ta' Ottubru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obbligatorja.

(4)  Adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE (ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1).

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.

(8)  Ara l-paġna 16 f'dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.


ANNESS

“ANNESS II

Lista indikattiva bit-tipi ta' operazzjonijiet u effetti potenzjali relatati ma' prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 16a

Prijorità: Adattament u mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima

Tipi ta' operazzjonijiet

Artikoli u miżuri

Effetti potenzjali

Titjieb l-effiċjenza tal-użu tal-fertilizzant tan-nitroġenu (eż. tnaqqis fl-użu, tagħmir, agrikoltura ta' preċiżjoni), titjib fil-ħżin tad-demel

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O)

Titjib fl-effiċjenza tal-enerġija (eż. użu ta' materjali ta' kostruzzjoni li jnaqqsu t-telf tas-sħana)

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija

Artikolu 29: kooperazzjoni għal prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) permezz tal-iffrankar tal-enerġija

Mekkaniżmi preventivi kontra effetti negattivi ta' avvennimenti estremi relatati mal-klima (eż. it-tqegħid ta' xbieki għall-borra)

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Tnaqqis tal-effetti negattivi minn avvennimenti ta' temp estrem fuq il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola

Prattiki ta' ġestjoni tal-ħamrija (eż. metodi tat-tkabbir tal-għelejjel, għelejjel li jikbru malajr, newbiet diversifikati tal-uċuh)

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); l-iżolament tal-karbonju;

adattament għall-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-ħamrija

Tibdil fl-użu tal-art (eż. il-bidla minn art li tinħarat għal mergħat, serħan permanenti tal-artijiet)

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Artikolu 41: investimenti mhux produttivi

Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); iżolament tal-karbonju

Estensifikazzjoni tal-bhejjem (eż. tnaqqis tad-densità tal-istokkijiet) u ġestjoni ta' art erbaċea

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metanu (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O)

Tisġir, stabbiliment ta' sistemi ta' agroforestrija

Artikoli 43 u 45: l-ewwel tisġir ta' art agrikola u ta' art mhux agrikola

Artikolu 44: l-ewwel stabbilitment ta' sistemi ta' agroforestrija fuq art agrikola

Tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O); iżolament tal-karbonju

Prevenzjoni tal-għargħar u miżuri ta' ġestjoni (eż. proġetti relatati mal-protezzjoni mill-għargħar tal-kosta u tal-art interna)

Artikolu 20: ir-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola danneġġjat minn diżastri naturali u l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni adatti

Tnaqqis tal-effetti negattivi ta' avvennimenti ta' temp estrem relatati mat-tibdil fil-klima fuq il-potenzjal tal-produzzjoni agrikola

Taħriġ u użu ta' servizzi konsultattivi għall-farms relatati mat-tibdil fil-klima

Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni

Artikolu 24: użu ta' servizzi konsultattivi

Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni

Provvediment ta' taħriġ u konsulenza lill-bdiewa biex inaqqsu l-gassijiet b'effett serra u biex jadattaw għat-tibdil fil-klima

Azzjonijiet ta' prevenzjoni kontra n-nirien fil-foresti u diżastri naturali relatati mal-klima

Artikolu 48: ir-restawr tal-potenzjal tal-forestrija u l-introduzzjoni ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni

Iżolament tal-karbonju fil-foresti u l-evitar tal-emissjonijiet tal-ossidu tal-karbonju (CO2); tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti

Bidla għal tipi ta' foresti aktar reżistenti

Artikolu 47: ambjent ta' foresti

Artikolu 49: investimenti mhux produttivi

Tnaqqis tal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti

Prijorità: Sorsi ta' enerġija li tiġġedded

Tipi ta' operazzjonijiet

Artikoli u miżuri

Effetti potenzjali

Produzzjoni tal-bijogass — bl-użu ta' skart organiku (fuq il-produzzjoni mill-farms u lokali)

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli

Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili; it-tnaqqis tal-metan (CH4)

Uċuh perenni ta' enerġija (msaġar ta' newba qasira u ħxejjjex erbaċeji)

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili; l-iżolament tal-karbonju; tnaqqis tal-ossidu nitruż (N2O)

L-ipproċessar ta' bijomassa agrikola/mill-foresti għall-enerġija li tiġġedded

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija

Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur agrikolu u dak tal-ikel u fis-settur tal-forestrija

Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli

Artikolu 54: appoġġ għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-kummerċ

Sostituzzjoni tal-karburanti fossili

Istalazzjonijiet/infrastruttura għall-enerġija rinnovabbli bl-użu ta' bijomassa u sorsi oħra ta' enerġija rinnovabbli (enerġija solari u mir-riħ, ġeotermali)

Artikolu 53: diversifikazzjoni għal attivitajiet mhux agrikoli

Artikolu 54: appoġġ għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-kummerċ

Artikolu 56: servizzi bażiċi għall-ekonomija u għall-popolazzjoni rurali

Artikolu 30: infrastruttura relatata mal-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura u l-forestrija

Sostituzzjoni tal-karburanti fossili

Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-enerġiji rinnovabbli

Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni

Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni

Sensibilizzazzjoni u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-enerġiji rinnovabbli

Prijorità: Ġestjoni tal-Ilma

Tipi ta' operazzjonijiet

Artikoli u miżuri

Effetti potenzjali

Teknoloġiji għall-iffrankar tal-ilma (eż. sistemi ta' irrigazzjoni effiċjenti)

Ħżin tal-ilma (inklużi żoni fejn ifur l-ilma)

Teknoloġiji għall-iffrankar tal-ilma (eż. varjazzjonijiet ta' ħsad adattati)

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 30: infrastruttura

Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Titjieb il-kapaċità ta' użu aktar effiċjenti tal-ilma u biex tittejjeb il-kapaċità ta' ħżin tal-ilma

Restawr ta' artijiet mistagħdra

Il-bidla ta' art agrikola f'art mistagħdra

Artikolu 41: investimenti mhux produttivi

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Artikolu 38: pagamenti ta' Natura 2000

Konservazzjoni ta' masses tal-ilma ta' valur għoli; protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma

Il-bidla ta' art agrikola f'foresta/sistemi ta' agroforestrija

Artikoli 43 u 45: l-ewwel tisġir ta' art agrikola u ta' art mhux agrikola

Protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma

Istalazzjonijiet għat-trattament tal-ilma użat fuq farms u fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Artikolu 28: żieda fil-valur tal-prodotti ta' art agrikola u tal-forestrija

Titjieb il-kapaċità ta' użu aktar effiċjenti tal-ilma

Żvilupp ta' masses tal-ilma semi-naturali

Ħolqien ta' xtut naturali

Xmajjar serpeġġjanti

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Artikolu 57: konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali

Konservazzjoni ta' masses tal-ilma ta' valur għoli; protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ilma

Prattiki ta' ġestjoni tal-ħamrija (eż. uċuh li jikbru malajr, biedja organika, il-bidla ta' art li tinħarat f'mergħat permanenti)

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Kontribut għat-tnaqqis ta' telf ta' komposti differenti fl-ilma, inkluż il-fosfru.

Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-ġestjoni tal-ilma

Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni

Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni

Sensibilizzazzjoni ta' kuxjenza u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni tal-ilma

Prijorità: Bijodiversità

Tipi ta' operazzjonijiet

Artikoli u miżuri

Effetti potenzjali

Ma jiġux applikati fertilizzanti u pestiċidi fuq art agrikola ta' valur naturali għoli

Forom estensivi ta' ġestjoni tal-bhejjem

Produzzjoni integrata u organika

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Konservazzjoni ta' tipi ta' veġetazzjoni rikki fl-ispeċi, protezzjoni u żamma fl-ordni ta' artijiet erbaċei

Għelieqi perenni u meded ta' konfini f'xtut ix-xmajjar u biobeds

Stabbiliment ta' pjanijiet ta' ġestjoni għal Natura 2000

Bini/ġestjoni ta' bijotopi/habitats ġewwa jew 'il barra mis-siti ta' Natura 2000

Bidla fl-użu tal-art (ġestjoni estensiva ta' art erbaċea, bidla ta' art ikkultivata f'mergħa permanenti, serħan tal-artijiet għall-perijodu ta' żmien twil)

Ġestjoni ta' pjanti perenni ta' valur naturali għoli

Stabbiliment u preservazzjoni ta' msaġar ta' mergħat

Artikoli 38 u 46: pagamenti ta' Natura 2000

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Artikolu 41: investimenti mhux produttivi

Artikolu 47: pagamenti għall-foresti u għall-ambjent

Artikolu 57: konservazzjoni u titjib tal-wirt rurali

Għasafar u annimali salvaġġi oħrajn protetti u netwerk tal-bijotopi imtejjeb; inqas dħul ta' sustanzi ta' ħsara f'habitats konfinali; konservazzjoni ta' fawna u flora protetti

Konservazzjoni ta' diversità ġenetika

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Diversità ġenetika konservata

Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-bijodiversità

Artikolu 21: taħriġ professjonali u azzjonijiet ta' informazzjoni

Artikolu 58: taħriġ u informazzjoni

Sensibilizzazzjoni ta' kuxjenza u għarfien u għaldaqstant, indirettament, l-effiċjenza ta' operazzjonijiet oħra relatati mal-bijodiversità

Prijorità: Miżuri li jakkumpanjaw ristrutturar tas-settur tal-prodotti tal-ħalib

Tipi ta' operazzjonijiet

Artikoli u miżuri

Effetti potenzjali

Appoġġ għall-investiment relatat mal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib

Artikolu 26: modernizzazzjoni ta' azjendi agrikoli

Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija

Informazzjoni u disseminazzjoni ta' għarfien relatat mal-bijodiversità

Artikolu 28: jiżdied il-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija

Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija

Innovazzjoni relatata mas-settur tal-prodotti tal-ħalib

Artikolu 29: kooperazzjoni għal iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija

Primjums għall-art tal-mergħa u produzzjoni estensiva tal-bhejjem produzzjoni organika relatata mal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib; primjums għall-mergħat permanenti f'żoni żvantagġġati; primjums għall-mergħat

Artikolu 39: pagamenti agroambjentali

Tisħiħ tal-effetti ambjentali pożittivi tas-settur tal-prodotti tal-ħalib

Prijorità: Approċċi innovattivi rilevanti għall-prijoritajiet taħt l- Artikolu 16a(1)(a), (b), (c) u (d)

Operazzjonijiet innovattivi biex jitrattaw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u miżuri ta' adattament

Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG (gassijiet b'effett serra) u adattament tal-agrikoltura għat-tibdil fil-klima

Operazzjonijiet innovattivi biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli

Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Sostituzzjoni tal-karburanti fossili u tnaqqis tal-GHG;

Operazzjonijiet innovattivi biex tittejjeb il-ġestjoni tal-ilma

Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Tittejjeb il-kapaċità tal-użu aktar effiċjenti tal-ilma u biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma

Operazzjonijiet innovattivi biex tiġi appoġġata l-konservazzjoni tal-bijodiversità

Artikolu 29: kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda

Jitwaqqaf it-telf fil-bijodiversità”


Top