EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0956

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 956/2008 tad- 29 ta’ Settembru 2008 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 260, 30.9.2008, p. 8–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 033 P. 294 - 297

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/956/oj

30.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 260/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 956/2008

tad-29 ta’ Settembru 2008

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (1), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7(3), l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23 u l-Artikolu 23a(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSEs) fl-annimali. Huwa japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali u f'ċerti każijiet speċifiċi għall-esportazzjoni tagħhom.

(2)

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-għalf lir-ruminanti bi proteina ġejja mill-annimali huwa pprojbit. Madankollu, l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi deroga minn din il-projbizzjoni għall-għalf liż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti bi proteini ġejjin mill-ħut, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Dawk il-kondizzjonijet jinkludu valutazzjoni xjentifika tal-ħtiġijiet tad-dieta taż-żgħar tar-ruminanti u valutazzjoni ta’ l-aspetti ta’ kontroll ta’ deroga bħal din.

(3)

Il-Parti II ta’ l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tistipula d-derogi mill-projbizzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament u l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta’ derogi bħal dawn.

(4)

Fl-24 ta’ Jannar 2007 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat opinjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa fl-għalf tar-ruminanti tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut fir-rigward tar-riskju tat-TSE. L-opinjoni kkonkludiet li r-riskju ta’ TSE fil-ħut, sew jekk mitmugħ direttament jew permezz ta’ l-amplifikazzjoni ta’ infettività huwa minimu. Din sabet ukoll li jekk hemm xi riskju ta’ TSE fit-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut dan jista’ jiġi mill-għalf ta’ mammiferi li jkun intemgħa reċentement lil dan il-ħut jew permezz tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut ikkontaminat bl-MBM.

(5)

Fid-19 ta’ Marzu 2008, tlesta rapport mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, li sar bl-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti xjentifiċi. Dan ir-rapport jikkonkludi li t-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut huwa sors diġestibbli tajjeb ħafna ta’ proteina b'diġestibilità aktar baxxa mill-ħalib iżda ogħla mill-biċċa l-kbira ta’ proteini li joriġinaw mill-pjanti u bi profil tajjeb ta’ aċidu amminiku meta mqabbel mas-sorsi tal-proteina mill-ħaxix użati attwalment fis-sostituti tal-ħalib u li l-għalf taż-żgħar ta’ l-ispeċi tar-ruminanti bit-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut jista’ jkun permess.

(6)

Jekk titqies il-kondizzjoni li tikkonċerna valutazzjoni ta’ aspetti ta’ kontroll stipulati fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, ir-riskju potenzjali ta’ l-għalf liż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti bit-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut huwa kontrobilanċjat bir-regoli eżistenti stretti ta’ pproċessar imposti fuq il-produzzjoni ta’ trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut u l-kontrolli fuq kull kunsinna ta’ ikel mill-ħut importat qabel ir-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità.

(7)

Flimkien ma’ dan, biex ikun żgurat li l-użu tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut huwa biss permess għaż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti, użu bħal dan għandu jkun limitat għall-produzzjoni tas-sostituti tal-ħalib, imqassma fil-forma niexfa u amministrata wara taħlita bi kwantità speċifika ta’ likwidu, maħsub għall-għalf għaż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti bħala suppliment, jew bħala sostituzzjoni għal ħalib postkolostrali qabel jintemm il-ftim. Kif ukoll, għandhom jiġu imposti regoli stretti għall-implimentazzjoni fuq il-produzzjoni, l-imballaġġ, it-tikkettar u t-trasport tas-sostituti tal-ħalib li fih it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut maħsub għal annimali bħal dawn.

(8)

F'ġieħ iċ-ċarezza u l-konsistenza għandhom jiġu stipulati l-istess regoli relatati mat-tikkettar tad-dokument komplementari ta’ l-għalf li fih trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut imfassal għal dawk li mhumiex ruminanti.

(9)

Il-Punt E.1. tal-Parti III ta’ l-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi ta’ proteini pproċessati ta’ l-annimali mnissla minn ruminanti, u ta’ prodotti li fihom proteini pproċessati bħal dawn, huma pprojbiti.

(10)

Minkejja dan, l-użu ta’ proteini bħal dawn għall-produzzjoni ta’ l-għalf ta’ l-annimali domestiċi bħalissa huwa permess fi ħdan il-Komunità. Fl-interess ta’ konsistenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa xieraq li jiġu permessi esportazzjonijiet ta’ għalf ipproċessat ta’ l-annimali domestiċi inkluż għalf tal-bott ta’ l-annimal domestiċi li fih proteini pproċessati ta’ l-annimali mnissla minn ruminanti ta’ pajjiżi terzi.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.


ANNESS

L-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti II hija emendata hekk:

(a)

Fil-punt A, għandu jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

l-għalf lill-annimali tat-trobbija ta’ l-ispeċi ruminanti ta’ trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt BA).”

(b)

Il-Punt B huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (d) jinbidel b'dan li ġej:

“(d)

id-dokument kummerċjali li jakkumpanja kunsinni ta’ għalf li fih it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut u kwalunkwe imballaġġ li fih kunsinni bħal dawn, iridu jkunu mmarkati b'mod ċar bil-kliem ‘fih trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut – ma għandux jintemgħa lir-ruminanti’.”

(ii)

Jiżdied il-punt BA li ġej:

BA   Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-użu tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut imsemmi fil-punt A(b)(i) u l-għalf li jkun fih it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut fit-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija mhux miftuma ta’ l-ispeċi ruminanti:

(a)

it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut għandu jkun prodott f'impjanti ta’ l-ipproċessar iddedikati esklussivament għall-produzzjoni ta’ prodotti mnissla mill-ħut;

(b)

qabel ma tinħareġ għaċ-ċirkolazzjoni libera fil-Komunità, kull kunsinna importata tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut għandha tiġi analizzata permezz tal-mikroskopija skond id-Direttiva 2003/126/KE;

(c)

l-użu tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut għaż-żgħar ta’ l-annimali tat-trobbija ta’ l-ispeċi tar-ruminanti se jkun awtorizzat biss għall-produzzjoni tas-sostituti tal-ħalib, imqassmin fil-forma mnixxfa u amministrati wara taħlita bi kwantita speċifika ta’ likwidu, maħsuba għall-għalf għaż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti bħala suppliment, jew bħala sostitut għal ħalib postkolostrali qabel jintemm il-ftim;

(d)

sostituti tal-ħalib li fihom trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut maħsub għaż-żgħar ta’ l-annimali tat-trobbija ta’ l-ispeċi tar-ruminanti għandhom jiġu prodotti fi stabilimenti li ma jipproduċux għalf ieħor għar-ruminanti u li huma awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti.

Permezz ta’ deroga mill-punt (d), il-produzzjoni ta’ għalf ieħor għar-ruminanti fi stabbilimenti li jipproduċu wkoll sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut maħsuba għaż-żgħar ta’ l-annimali tat-trobbija ta’ l-ispeċi tar-ruminanti tista’ tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-għalf bl-ingrossa u ppakkjat maħsub għar-ruminanti jinżammu f’faċilitajiet li jkunu separati fiżikament minn dawk għat-trab ta’ l-ikel bl-ingrossa magħmul mill-ħut u sostituti tal-ħalib bl-ingrossa li jkun fihom trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut matul il-ħażna, it-trasport u l-ippakkjar;

(ii)

għalf ieħor maħsub għar-ruminanti jiġi mmanifatturat f’faċilitajiet separati fiżikament minn faċilitajiet fejn jiġu mmanifatturati sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut.

(iii)

reġistri bid-dettalji tax-xiri u l-użi tat-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut u s-sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut jinżammu għad-disponibilità ta’ l-awtorità kompetenti għal mill-inqas ħames snin, u

(iv)

isiru testijiet b'mod regolari fuq għalf ieħor maħsub għar-ruminanti sabiex jiġi żgurat li ma jkunux preżenti proteini pprojbiti li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut. Ir-riżultati għandhom jibqgħu disponibbli għall-awtorità kompetenti għal mill-inqas ħames snin;

(e)

id-dokument kummerċjali li jakkumpanja s-sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut, maħsuba għaż-żgħar ta’ l-annimali tat-trobbija ta’ l-ispeċi tar-ruminanti, u kwalunkwe imballaġġ li fih kunsinna bħal din, iridu jkunu mmarkati b'mod ċar bil-kliem ‘fih it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut – irid jintemgħa biss lil ruminanti mhux miftuma’;

(f)

sostituti tal-ħalib bl-ingrossa li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut maħsuba għaż-żgħar ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi tar-ruminanti għandhom jiġu trasportati permezz ta’ vetturi li ma jkunux qed iġorru għalf ieħor għar-ruminanti fl-istess waqt. ekk applikabbli, meta l-vettura sussegwentement tintuża għat-trasport ta’ l-għalf maħsub għar-ruminanti, din għandha titnaddaf kompletament skond proċedura approvata mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni reċiproka;

(g)

f'irziezet fejn jinżammu r-ruminanti, se jkunu stabbiliti miżuri speċifiċi għal dak ir-razzett sabiex jipprevjenu s-sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut milli jintemgħu lil ruminanti oħra minbarra dawk previsti mid-deroga li jaqgħu taħt il-punt A(e) tal-parti II ta’ l-Anness IV. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi lista ta’ rziezet fejn is-sostituti tal-ħalib li fihom it-trab ta’ l-ikel magħmul mill-ħut jintużaw permezz ta’ sistema ta’ notifika minn qabel mir-razzett jew sistema oħra li tiżgura konformità ma’ din id-dispożizzjoni.”

(2)

Fil-Parti III, il-punt E.1 jinbidel b'dan li ġej:

E.1   L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ proteini ta’ l-annimali pproċessati mnissla minn ruminanti, u ta’ prodotti li fihom proteini pproċessati ta’ l-annimali bħal dawn, għandha tkun ipprojbita. Madankollu dik il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ikel ipproċessat tal-bott ta’ l-annimali domestiċi li fih proteini pproċessati ta’ l-annimali mnissla mir-ruminanti u li għaddew minn trattament u li huma ttikkettati skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.”


Top