EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0536

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 536/2008 tat- 13 ta’ Ġunju 2008 li jdaħħal fis-seħħ l-Artikolu 6 (3) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni tal-komposti ta’ l-organotin fuq il-bastimenti u li jemenda dak ir-Regolament

OJ L 156, 14.6.2008, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 013 P. 122 - 123

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/536/oj

14.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 536/2008

tat-13 ta’ Ġunju 2008

li jdaħħal fis-seħħ l-Artikolu 6 (3) u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-projbizzjoni tal-komposti ta’ l-organotin fuq il-bastimenti u li jemenda dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 782/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ April 2003 dwar il-projbizzjoni tal-komposti ta’ l-organotin fuq il-bastimenti (1), u partikolarment l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 7, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 782/2003 jesiġi li l-Kummissjoni tadotta għadd ta’ miżuri sabiex idaħħal dak ir-Regolament fis-seħħ jekk sa’ l-1 ta’ Jannar 2007 ma tkunx għadha daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll ta’ sistemi fuq il-bastimenti ta’ anti-fouling li jagħmlu l-ħsara (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni AFS) li kienet adottata fil-5 ta’ Ottubru 2001.

(2)

Il-Konvenzjoni-AFS għadha ma daħlitx fis-seħħ.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu addottati miżuri biex il-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat terz jitħallew juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003, u biex ikun provdut għall-kontroll mill-Istat tal-port.

(4)

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 jgħid li dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat biex jittieħed kont ta’ l-iżviluppi ta’ livell internazzjonali u partikolarment fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (minn hawn ’il quddiem l-IMO), jew biex tittejjeb l-effikaċja tar-Regolament fid-dawl ta’ l-esperjenza.

(5)

Il-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu ta’ l-IMO (minn hawn ’il quddiem l-MEPC), skond ir-regolament 1(4)(a) ta’ l-Anness 4 tal-Konvenzjoni AFS, adotta Linji Gwida dwar l-Ispezzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni ta’ Sistemi ta’ Anti-Fouling fuq il-Bastimenti permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC.102(48) tal-11 ta’ Ottubru 2002.

(6)

Il-MEPC, skond l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni-AFS, adotta l-Linji Gwida dwar l-Ispezzjoni ta’ Sistemi ta’ Anti-Fouling fuq il-Bastimenti permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC.105(49) tat-18 ta’ Lulju 2003.

(7)

L-MEPC, skond l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni AFS, adotta l-Linji Gwida dwar it-Teħid ta’ Kampjuni fil-Qosor ta’ Sistemi ta’ Anti-Fouling fuq il-Bastimenti permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC.104(49) tat-18 ta’ Lulju 2003.

(8)

Sakemm tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni-AFS, huwa xieraq li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tagħha fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li huwa Parti f’dik il-konvenzjoni. B’mod simili, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li mhuwiex Parti fil-Konvenzjoni-AFS ma għandux jirċievi trattament aktar favorevoli fi ħdan il-Komunità.

(9)

Il-miżuri provduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li:

jistabbilixxi miżuri biex il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat terz li jidħlu ġo port jew terminal ’il barra mix-xtut ta’ Stat Membru juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003,

jistabbilixxi proċeduri ta’ kontroll mill-Istat tal-port fi ħdan il-Komunità, u

jemenda r-referenzi għad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità ta’ l-AFS fir-Regolament (KE) Nru 782/2003 u l-Anness I għal dak ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Bastimenti msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 għandhom juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Matul il-perijodu tranżitorju, il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li huwa Parti fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll ta’ sistemi fuq il-bastimenti ta’ anti-fouling li jagħmlu l-ħsara (minn hawn ’il quddiem il-Konvenzjoni AFS) għandhom juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE Nru 782/2003 permezz ta’ Dikjarazzjoni ta’ Konformità skond il-paragrafu 5.4.1 tal-linji gwida dwar l-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi ta’ anti-fouling fuq bastimenti annessi għar-Riżoluzzjoni MEPC.102(48) tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ambjent Marittimu ta’ l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (minn hawn ’il quddiem l-MEPC).

3.   Mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni AFS, bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat li huwa Parti fil-Konvenzjoni AFS għandhom juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 permezz ta’ Ċertifikat tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Anti-Fouling skond l-Anness 4 għall-Konvenzjoni-AFS.

4.   Il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat mhux Parti fil-Konvenzjoni AFS għandhom juru l-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 permezz ta’ Dikjarazzjoni ta’ Konformità mogħtija mill-Amministrazzjoni ta’ l-Istat tal-bandiera u b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni-AFS, flimkien ma’ l-Anness 4 tiegħu u l-gwidi linja dwar l-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ sistemi ta’ anti-fouling fuq il-bastimenti annessi għar-Riżoluzzjoni MEPC.102(48) tal-MEPC. Għall-iskop ta’ dan il-paragrafu, r-referenzi f’dan l-Artikolu, l-Anness u l-linji gwida għaċ-Ċertifikat tas-Sistema Internazzjonali dwar l-Anti-Fouling għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità.

Artikolu 3

1.   Matul il-perijodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet ta’ kontroll ekwivalenti ma’ dawk provduti fid-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE (3) lil bastimenti li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 skond il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Rigward l-ispezzjonijiet u l-kxif tal-kontravenzjonijiet, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni AFS u għandhom ikunu ggwidati mil-linji gwida dwar l-ispezzjoni ta’ sistemi ta’ anti-fouling fuq bastimenti anness għar-Riżoluzzjoni MEPC.105(49) ta’ l-MEPC.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għall-bastimenti msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 782/2003 mill-1 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 4

Fit-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 782/2003, l-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mil-linji gwida dwar t-teħid ta’ kampjuni fil-qosor ta’ sistemi ta’ anti-fouling fuq il-bastimenti annessi għar-Riżoluzzjoni MEPC.104(49) tal-MEPC.

Artikolu 5

Ir-Regolament (KE) Nru 782/2003 hu emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(9)

‘Dikjarazzjoni-AFS tal-Konformità Ewropea’ tfisser dokument li jirreġistra l-konformità ma’ l-Anness 1 għall-Konvenzjoni-AFS, maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta f’isem l-amministrazzjoni ta’ Stat Membru;”

(2)

Fl-Artiklu 6(2), il-punt (b) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

sas-sena ta’ wara d-data imsemmija fil-punt (a), l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu kwalunkwe Dikjarazzjoni-AFS tal-Konformità Ewropea.”

(3)

Fl-Anness I, il-paragrafu 1.4, ir-referenza għar-Riżoluzzjoni MEPC.101(48) għandha tinbidel b’referenza għar-Riżoluzzjoni MEPC.102(48).

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 115, 9.5.2003, p. 1.

(2)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 93/2007 (ĠU L 22, 31.1.2007, p. 12).

(3)  ĠU L 157, 7.7.1995, p. 1.


Top