EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0760

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/760/PESK tat- 22 ta’ Novembru 2007 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK dwar il-Missjoni Integrata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

OJ L 305, 23.11.2007, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/760/oj

23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 305/58


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/760/PESK

tat-22 ta’ Novembru 2007

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK dwar il-Missjoni Integrata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Marzu 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK dwar il-Missjoni Integrata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX (1).

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2007, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (minn hawn ‘il quddiem il-“KPS”) qabel li l-EUJUST LEX għandu jiġi estiż għal 18-il xahar ieħor wara l-iskadenza tal-mandat eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 2007, sat-30 ta’ Ġunju 2009. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkopri l-ewwel fażi ta’ din l-estensjoni sat-30 ta’ April 2008.

(3)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill approva Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili ta’ l-UE fl-Immaniġġar ta’ Kriżijiet. Dawn il-Linji Gwida jipprovdu li Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili ser jeżerċita kmand u kontroll fil-livell strateġiku għall-ippjanar u t-tmexxija ta’ l-operazzjonijiet kollha tal-immaniġġar ta’ kriżijiet ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (minn hawn ‘il quddiem l-“SĠ/RGħ”). Dawn il-Linji Gwida jipprovdu ulterjorment li d-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) stabbilit fis-Segretarjat tal-Kunsill ser ikun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għal kull operazzjoni ta’ mmaniġġar ta’ kriżi ċivili.

(4)

L-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll imsemmija hawn fuq hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(5)

Il-kapaċità ta’ l-għassa stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni.

(6)

L-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

1.

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3 a

Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta’ l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għall-EUJUST LEX.

2.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGĦ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EUJUST LEX fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istat mittenti jew ta’ l-istituzzjoni ta’ l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza ta’ l-UE jiġi attwat b’mod xieraq.”;

2.

l-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni mqegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, inkluż lill-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni fi Brussell u l-Uffiċċju ta’ Kollegament f’Bagdad, għat-tmexxija effettiva ta’ l-EUJUST LEX, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha, billi jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta’ l-UE ikkonċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUJUST LEX u għandu jiżgura l-viżibbiltà xierqa tal-Missjoni.”;

3.

l-Artikolu 6(4) 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-dover tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (*).

(*)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).”;"

4.

l-Artikolu 8 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Katina ta’ Kmand

1.   L-EUJUST LEX għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata, bħala operazzjoni ta’ mmaniġġar tal-kriżijiet.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta’ l-EUJUST LEX.

3.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jkun il-kmandant ta’ l-EUJUST LEX fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll ta’ l-EUJUST LEX fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili.”;

5.

l-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emandati l-CONOPS u l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li sussegwentement jieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.”;

6.

l-Artikolu 10 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Sigurtà

1.   Il-Kmandant ta’ l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUJUST LEX skond l-Artikoli 3a u 8 u f’koordinazzjoni ma’ l-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn hawn ‘il quddiem l-“Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-SĠK”).

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta’ l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Għall-elementi tal-Missjoni li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà tal-parteċipanti u ta’ min iħarreġ fit-territorju tiegħu.

4.   Għall-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni fi Brussell, il-miżuri meħtieġa u xierqa għandhom ikunu organizzati mill-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-SĠK f’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti.

5.   Jekk it-taħriġ iseħħ fi Stat terz, l-UE, bl-involviment ta’ l-Istati Membri kkonċernati, għandha titlob lill-awtoritajiet ta’ l-Istat terz biex jagħmel l-arranġementi xierqa rigward is-sigurtà tal-parteċipanti u ta’ min iħarreġ fit-territorju tiegħu.

6.   L-EUJUST LEX għandu jkollha Uffiċjal tas-Sigurtà tal-missjoni ddedikat li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonsulta mal-KPS dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà li jaffettwaw l-insedjament tal-Missjoni kif immexxi mis-SĠ/RGħ.

8.   Il-membri tal-persunal ta’ l-EUJUST LEX għandhom jieħdu taħriġ obbligatorju fis-sigurtà organizzat mill-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-SĠK u eżamijiet mediċi qabel kwalunkwe insedjament jew ivvjaġġar lejn l-Iraq.

9.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jipprovdu lill-EUJUST LEX, b’mod partikolari l-Uffiċċju ta’ Kollegament, b’akkomodazzjoni sigura, korazza tal-persuna u protezzjoni stretta ġewwa l-Iraq.”;

7.

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13 a

Għassa

Il-funzjoni ta’ l-għassa għandha tiġi attivata għall-EUJUST LEX.”;

8.

it-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 14 għandu jnbidel b’dan li ġej:

“Għandha tiskadi fit-30 ta’ April 2008.”.

Artikolu 2

L-ammont finanzjarju ta’ referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu l-1 ta’ Novembru 2006 sat-30 ta’ April 2008 għandu jkun ta’ EUR 11,2 miljun.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Novembru 2007

Għall-Kunsill

Il-President

M. PINHO


(1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 37. Azzjoni Konġunta kif emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2006/708/PESK (ĠU L 291, 21.10.2006, p. 43).


Top