EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0121R(01)

Corrigendum għad-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ( ĠU L 396, 30.12.2006 )

OJ L 136, 29.5.2007, p. 281–282 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/121/corrigendum/2007-05-29/oj

29.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 136/281


Corrigendum għad-Direttiva 2006/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

( Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, L 396 tat-30 ta' Diċembru 2006 )

Id-Direttiva 2006/121/KE għandha taqra hekk:

DIRETTIVA 2006/121/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi sabiex tadattaha għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

Fid-dawl ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (3), id-Direttiva 67/548/KEE (4) għandha tiġi adattata u r-regoli tagħha dwar in-notifika u l-istima tar-riskji ta' sustanzi kimiċi għandhom jitħassru,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 67/548/KEE hija emendata kif ġej:

1)

fl-Artikolu 1, paragrafu 1, il-punti (a), (b), u (ċ) għandhom jiġu mħassrin;

2)

fl-Artikolu 2, paragrafu 1, il-punti (ċ), (d), (f) u (g) għandhom jiġu mħassrin;

3)

l-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

L-ittestjar u l-valutazzjoni tal-proprjetajiet ta' sustanzi

It-testijiet fuq sustanzi mwettqa fil-qafas ta' din id-Direttiva għandhom jitmexxew skond ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH) u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (*).

(*)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.”;"

4)

l-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fis-suq sustanzi, waħedhom jew fi preparazzjonijiet, sakemm l-imballaġġ u l-ittikkettar tagħhom ma jkunux skond l-Artikoli 22 sa 25 ta' din id-Direttiva u skond il-kriterji fl-Anness VI ta' din id-Direttiva, u, għal sustanzi reġistrati, skond l-informazzjoni miksuba permezz ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ħlief fil-każ ta' preparazzjonijiet fejn ikunu jeżistu dispożizzjonijiet f'Direttivi oħrajn.”;

(b)

il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw sa meta s-sustanza tiġi elenkata fl-Anness I jew sa meta tittieħed deċiżjoni sabiex din ma tiġix elenkata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.”;

5)

l-Artikoli 7 sa 15 għandhom jiġu mħassrin;

6)

l-Artikolu 16 għandu jiġi mħassar;

7)

l-Artikoli 17 sa 20 għandhom jiġu mħassrin;

8)

l-Artikolu 27 għandu jiġi mħassar;

9)

l-Anness 32 għandu jiġi sostwit kif gej:

“Artikolu 32

Referenzi

Ir-referenzi għall-Annessi VIIA, VIIB, VIIC, VIID u VIII ta' din id-Direttiva għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Annessi korrispondenti, VI, VII, VIII, IX, X u XI tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.”;

10)

l-Anness V għandu jiġi mħassar;

11)

l-Anness VI għandu jiġi emendat kif gej:

(a)

fit-Taqsimiet 1.6.2, 1.7.2, 1.7.3, 2.1, 2.2.1, 2.2.2, 2.2.2.1, 2.2.3, 2.2.4, 2.2.5, 3.1.1, 3.1.5.1, 3.1.5.2, 3.2.1, 3.2.2, 3.2.3, 3.2.5, 3.2.6.1, 3.2.6.2, 3.2.7.2, 4.2.3.3, 5.1.3, 9.1.1.1, 9.1.1.2, 9.3 u 9.5 ta' dan l-Anness, il-kliem “Anness V” u “Anness V ta' din id-Direttiva” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar il-metodi ta' l-ittestjar kif speċifikat fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006”;

(b)

fit-Taqsima 1.6.1, il-punt (a), għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

fir-rigward ta' sustanzi li għalihom tkun meħtieġa l-informazzjoni speċifikata fl-Annessi VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-parti l-kbira tad-data meħtieġa għall-klassifikazzjoni u għall-ittikettar tidher fis-sett bażi. Din il-klassifikazzjoni u dan l-ittikettar għandhom jiġu riveduti, jekk ikun meħtieġ, meta tkun disponibbli aktar informazzjoni (Annessi IX u X tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006);”;

(ċ)

fit-Taqsima 5.1, it-tieni paragrafu għandhu jiġu sostitwit b'dan li ġej:

“Il-kriterji stabbiliti hawn taħt isegwu direttament mill-metodi ta' l-ittestjar stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni dwar metodi ta' ittestjar kif speċifikat fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 sa fejn dawn ikunu msemmija. Il-metodi ta' l-ittestjar meħtieġa għas-sett bażi msemmi fl-Annessi VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huma limitati u l-informazzjoni miksuba minnhom tista' tkun insuffiċjenti għal klassifikazzjoni adegwata. Il-klassifikazzjoni tista' tkun teħtieġ data addizzjonali miksuba mill-Annessi IX jew X tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew minn studji ekwivalenti oħra. Barra minn hekk, is-sustanzi klassifikati jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni fid-dawl ta' data oħra ġdida.”;

(d)

fit-Taqsima 5.2.1.2, it-tieni paragrafu, it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Tali prova xjentifika addizzjonali għandha normalment tkun ibbażata fuq l-istudji meħtieġa mill-Anness IX tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jew minn studji oħra ta' valur ekwivalenti, u tista' tinkludi:”.

(12)

l-Annessi VIIA, VIIB, VIIC, VIID u VIII għandhom jiġu mħassrin.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Ġunju 2008. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta dawn jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2008.

Minkejja t-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, il-punt (6) ta' l-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta' Awwissu 2008.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Brussell, 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

M. VANHANEN


(1)  ĠU C 294, 25.11.2005, p. 38.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Novembru 2005 (ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 440), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-27 ta' Ġunju 2006(ĠU C 276 E, 14.11.2006, p. 252), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2006(għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU 196, 16.8.1967, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1). Direttiva korretta fil-ĠU L 216, 16.6.2004, p. 3.


Top