EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018M8861

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Każ M.8861 — Comcast/Sky) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

OJ C 170, 17.5.2018, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 170/9


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Każ M.8861 — Comcast/Sky)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 170/07)

1.

Fis-7 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Comcast Corporation (l-Istati Uniti tal-Amerika), u

Sky plc (ir-Renju Unit).

Comcast Corporation jakkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ Sky plc kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ offerta pubblika mħabbra fil-25 ta’ April 2018.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Comcast Corporation: Comcast hija kumpanija dinjija tal-midja, it-teknoloġija u d-divertiment ibbażata fl-Istati Uniti tal-Amerika u kkwotata fil-borża, b’żewġ negozji primarji: Comcast Cable u NBCUniversal (“NBCU”). Comcast hija preżenti fl-Ewropa kważi kompletament permezz ta’ NBCU, li hija attiva fl-Ewropa: (i) fil-produzzjoni, il-bejgħ u d-distribuzzjoni ta’ films u kontenut televiżiv; (ii) fil-provvista bl-ingrossa ta’ kanali tat-TV u s-servizzi on-demand; (iii) f’CNBC, servizz tal-aħbarijiet dwar in-negozju, kif ukoll NBC News; (iv) fil-forniment ta’ kontenut tat-televiżjoni għall-utenti finali permezz ta’ servizz ta’ video on demand tal-NBCU; (v) fil-ħruġ ta’ liċenzji ta’ proprjetà intellettwali tagħha lill-manifatturi u d-distributuri tal-prodotti għall-konsumatur; (vi) fin-negozji diġitali minuri relatati mal-golf; u (vii) f’livell minuri, fil-bejgħ dirett lill-konsumatur ta’ DVD u blu-ray, SteelBooks u diski tal-mużika;

—   Sky plc: Sky hija kumpanija pubblika Ingliża li l-ishma tagħha huma kkwotati fil-Borża ta’ Londra. Sky hi l-kumpanija azzjonarja ta’ għadd ta’ sussidjarji li jwettqu negozju f’varjetà ta’ setturi fil-biċċa l-kbira fir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Italja, inklużi: (i) il-liċenzjar/l-akkwist ta’ programmazzjoni awdjoviżiva; (ii) il-provvista bl-ingrossa ta’ kanali televiżivi fir-Renju Unit u l-Irlanda; (iii) il-bejgħ bl-imnut ta’ programmazzjoni awdjoviżiva lill-abbonati; (iv) il-provvista ta’ servizzi ta’ pjattaforma teknika lix-xandara fuq il-pjattaformi DTH ta’ Sky fir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Ġermanja u fl-Awstrija; (v) il-bejgħ ta’ reklamar televiżiv; (vi) fir-Renju Unit u l-Irlanda, il-forniment ta’ telefonija fissa bl-imnut u servizzi tal-broadband; (vii) fir-Renju Unit, il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet tal-mobile; u (viii) fir-Renju Unit, l-għoti ta’ aċċess għal hotspots pubbliċi tal-Wi-Fi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.8861 — Comcast/Sky

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


Top