EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0099

Kawża T-99/18: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2018 – Stamatopoulos vs ENISA

OJ C 134, 16.4.2018, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/34


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2018 – Stamatopoulos vs ENISA

(Kawża T-99/18)

(2018/C 134/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Grigorios Stamatopoulos (Ateni, il-Ġreċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni mogħtija fil-25 ta’ Lulju 2017 mit-tim ta’ ġestjoni tal-persunal tal-ENISA, li tiċħad il-kandidatura ppreżentata mir-rikorrent għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-Finanzi u tal-Kuntratti Pubbliċi tal-ENISA, li kiene is-suġġett tal-avviż Nru ENISA-TA16-AD-2017-03, sabiex l-ENISA tagħmel evalwazzjoni mill-ġdid tal-kandidatura tar-rikorrent b’mod ekwu u trasparenti;

tordna lill-ENISA tikkumpensa d-dannu morali subit mir-rikorrent minħabba illegalitajiet li jivvizzjaw lid-deċiżjoni kkontestata u, abbażi ta’ dan, tikkundannaha tħallas għall-inqas ħamest elef (5 000) euro; u

tordna lill-ENISA tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrent għal dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni tar-rikorrent li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur min-naħa tal-ENISA tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, din id-deċiżjoni ma tagħtix motivazzjoni suffiċjenti għaċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu. Għalkemm huwa minnu li l-ENISA pprovdiet lir-rikorrent il-marka li kiseb f’kull kriterju ta’ selezzjoni, kif ukoll il-marka totali, l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha kienet ta’ natura komparattiva u minn dan isegwi li l-punti mogħtija lil kull kandidat kienu r-riżultat ta’ tali analiżi komparattiva. Issa, ir-rikorrent josserva li l-ENISA ma kkomunikatlux motivazzjoni speċeifika għall-punti li ngħatawlu għal kull kriterju u lanqas ma kkomunikatlu, b’mod partikolari, il-vantaġġi komparattivi tal-kandidati magħżula sabiex jgħaddu għall-fażi tal-intervisti u tat-testijiet. Minn dan huwa jikkonkludi li l-ENISA ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti li, l-ewwel nett, kienet tippermettilu jevalwa jekk l-att li jikkawżalu preġudizzju kienx fondat u jekk kienx xieraq li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, u li, it-tieni nett, kienet tqiegħed lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq is-sottomissjoni tar-rikorrent li l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tiegħu mill-Kumitat ta’ Selezzjoni kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ selezzjoni li ġejjin: “livell għoli ta’ kapaċità ta’ organizzazzjoni, preċiżjoni u kapaċità li janalizza, jiġbor u jqassar informazzjoni finanzjarja kumplessa”, “kompetenzi eċċellenti fil-qasam tan-negozjar u sabiex isolvi l-problemi”, “kapaċità għolja li jmexxi l-persuni u jsolvi l-kunflitti”, “kapaċitajiet għolja fil-komunikazzjoni bl-Ingliż, kemm orali kif ukoll bil-miktub” u “kapaċità li jibqa’ effiċjenti taħt il-pressjoni ta’ ħafna xogħol u josserva sistematikament it-termini tal-proġetti, irrispettivament mit-tibdil fl-ambjent tax-xogħol”.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq is-sottomissjoni tar-rikorrent li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, il-limitu ffissat mill-Kumitat ta’ Selezzjoni sabiex jiġi ddeterminat liema kandidati ser jintgħażlu sabiex jgħaddu għall-fażi tal-invervisti u t-testijiet intgħażel b’mod arbitrarju u illegali. Ir-rikorrent isostni li l-avviż tal-pożizzjoni ma kien jinkludi ebda kundizzjoni dwar l-istadju li fih kien ser jiġi ffissat limitu u ma kienx jippreċiża l-kriterji li l-Kumitat ta’ Selezzjoni kien ser jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jistabbilixxi tali limitu. Konsegwentement, il-Kumitat ta’ Selezzjoni ma pprovda ebda motivazzjoni li tispjega kif iddetermina l-livell tal-limitu u kkomunika dan lill-kandidati biss wara l-konklużjoni tal-evalwazzjoni.

4.

Fl-aħħar nett, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-illegalitajiet deskritti hawn fuq, ir-rikorrent jitlob il-kumpens tad-dannu morali li ġarrab minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fi proċedura vvizzjata u illegali, kif ukoll minħabba l-assenza ta’ ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu, u dan jista’ jitqies biss bħala nuqqas ta’ rispett totali u bħala ksur tad-dritt tiegħu għal amministrazzjoni tajba.


Top