EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2018/133/09

Sejħa għall-proposti — EACEA/16/2018 — Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma ta’ Politika — Żgħażagħ Ewropej Flimkien

OJ C 133, 16.4.2018, p. 25–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/25


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI — EACEA/16/2018

Programm Erasmus+, Azzjoni Ewlenija 3 — Appoġġ għar-Riforma ta’ Politika

Żgħażagħ Ewropej Flimkien

(2018/C 133/09)

1.   INTRODUZZJONI — SFOND  (1)

Iż-żgħażagħ huma attivi f’attivitajiet ta’ mobilità tal-UE: dawn jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet pan-Ewropej jew jidħlu fi skambji mhux formali inqas strutturati ma’ żgħażagħ minn pajjiżi Ewropej oħrajn u juru attitudnijiet pożittivi u appoġġ għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea (2). Fil-kapaċità tagħhom, jistgħu jkunu ambaxxaturi b’saħħithom tal-proġett Ewropew u jistgħu jibnu pontijiet fil-kontinent kollu, partikolarment mill-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent iżda wkoll tul il-linja tat- Tramuntana-Nofsinhar, biex jispiraw lil oħrajn fil-mod kif jesperjenzaw l-Ewropa u l-identità Ewropea tagħhom.

Illum, l-Erasmus + Youth (l-Erasmus+ Zgħażagħ) jippromwovi l-iskambji taż-żgħażagħ, il-mobilità tal-ħaddiema żgħażagħ u jappoġġja l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. L-analiżi tal-esperjenza turi kooperazzjoni produttiva u attiva bejn l-organizzazzjonijiet u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi kollha. Il-programm Erasmus + huwa ta’ suċċess fl-attrazzjoni u fl-involviment taż-żgħażagħ. Hemm interess kbir fil-parteċipazzjoni u fil-preżent wieħed biss minn kull 3 proġetti ta’ mobilità (Skambji taż-Żgħażagħ, Mobilità tal-Ħaddiema Żgħażagħ) u 1 minn kull 5 fi sħubiji (Inizjattivi Transnazzjonali taż-Żgħażagħ) jistgħu jiġu appoġġjati.

Kif iddikjara l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 (3); “… L-Ewropa għandha tkun Unjoni ta’ ugwaljanza u Unjoni ta’ ugwali. Ugwaljanza bejn il-Membri tagħha, kbar jew żgħar, Lvant jew Punent, Tramuntana jew Nofsinhar.” Iż-żgħażagħ huma atturi ewlenin biex iwettqu dan. Ħafna drabi jistgħu jkunu inqas impenjati minn persuni akbar fl-età f’forom tradizzjonali ta’ parteċipazzjoni bħal votazzjoni jew appartenenza f’partit politiku, iżda maġġoranza fosthom jiddikjaraw interess fil-politika u għandhom sentimenti aktar b’saħħithom ta’ ċittadinanza lejn l-UE minn gruppi akbar fl-età. L-istħarriġ il-ġdid tal-Ewrobarometru (4) dwar iż-Żgħażagħ Ewropej jikkonferma l-interess taż-żgħażagħ f’forom aktar kontemporanji ta’ parteċipazzjoni ċivika: aktar minn nofs (53 %) ta’ dawk li wieġbu jgħidu li pparteċipaw f’mill-inqas tip wieħed ta’ attività organizzata fl-aħħar 12-il xahar (+ 4 punti perċentwali mill-2014), filwaqt li kważi terz (31 %) taż-żgħażagħ fl-UE jindikaw li pparteċipaw f’attivitajiet volontarji organizzati f’dawn l-aħħar 12-il xahar (+ 6 punti perċentwali mill-2014).

Skont l-istħarriġ, iż-żgħażagħ jitolbu lill-UE tipprijoritizza suġġetti bħall-edukazzjoni u l-ħiliet, il-protezzjoni tal-ambjent, kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ċittadinanza tal-UE. Dawn is-sejbiet huma konformi sew mar-riżultati tan-Narrattiva Ġdida għall-Ewropa. In-Narrattiva Ġdida għall-Ewropa kienet proġett ta’ 5 snin li kellu l-għan li jiġbor il-fehmiet taż-żgħażagħ dwar x’għandhom ikunu l-prijoritajiet futuri tal-UE fir-rigward taż-żgħażagħ. Il-proġett ġie konkluż fil-31 ta’ Jannar 2018, fejn grupp ta’ żgħażagħ ippreżenta r-riżultati ta’ dan il-proġett lill-Kummissjoni (5).

2.   OBJETTIVI

L-ambitu tal-azzjonijiet “Żgħażagħ Ewropej Flimkien” għandu jibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-proġett ‘Narrattiva Ġdida għall-Ewropa’ (6) u inizjattivi oħrajn ta’ politika u ta’ programmi għaż-żgħażagħ li għandhom l-għan li jippromwovu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika Ewropea kif ukoll skambji transkonfinali u attivitajiet ta’ mobilità.

2.1.   Objettivi Ġenerali

Il-proġetti “Żgħażagħ Ewropej Flimkien” għandhom l-għan li joħolqu netwerks li jippromwovu sħubiji reġjonali, u li għandhom jitmexxew f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ żgħażagħ mill-Ewropa kollha (pajjiżi tal-programm Erasmus+). In-netwerks se jorganizzaw skambji, jippromwovu t-taħriġ (pereżempju għall-mexxejja żgħażagħ), u jippermettu liż-żgħażagħ infushom jistabbilixxu proġetti konġunti.

“Żgħażagħ Ewropej Flimkien” se tappoġġa inizjattivi minn mill-inqas ħames organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ minn ħames pajjiżi eliġibbli differenti tal-programm Erasmus+ biex jikkondividu l-ideat tagħhom dwar l-UE, jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ċivika usa’ u jgħinu fit-trawwim ta’ sens ta’ ċittadinanza Ewropea. L-inizjattiva se jkollha l-għan li tgħaqqad flimkien liż-żgħażagħ Ewropej mill-Ewropa; Lvant, Punent, Tramuntana u Nofsinhar.

Il-prijoritajiet tematiċi huma ċittadinanza attiva, bini ta’ netwerks, valuri Ewropej u ċittadinanza Ewropea, parteċipazzjoni demokratika, reżiljenza demokratika u inklużjoni soċjali relatati maż-żgħażagħ.

2.2.   Objettivi Speċifiċi

L-inizjattiva sejra tappoġġja speċifikament:

il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni iktar strutturata bejn organizzazzjonijiet differenti taż-żgħażagħ biex jibnu jew isaħħu sħubiji;

organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ involuti f’inizjattivi biex iħeġġu liż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-proċess demokratiku u fis-soċjetà billi jorganizzaw taħriġ, juru l-karatteristiċi komuni fost iż-żgħażagħ Ewropej u jħeġġu diskussjoni u dibattitu dwar il-konnessjoni tagħhom mal-UE, il-valuri u l-fondazzjonijiet demokratiċi tagħha. Dan jinkludi l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti li jwasslu għall-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew.

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ gruppi ta’ żgħażagħ inqas rappreżentati fil-politika, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili billi jinvolvu żgħażagħ vulnerabbli u soċjoekonomikament żvantaġġati.

Il-miri tagħha huma l-NGOs taż-żgħażagħ, korpi pubbliċi u gruppi informali ta’ żgħażagħ li se jipproponu proġetti li jinvolvu mill-inqas ħames msieħba li għandhom il-kapaċità li jimmobilizzaw liż-żgħażagħ fi sħubiji li jkopru pajjiżi u reġjuni differenti fil-Pajjiżi tal-Programm Erasmus+.

3.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

L-applikazzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin sejrin ikunu soġġetti għal evalwazzjoni fil-fond.

L-applikazzjonijiet mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi tal-programm li ġejjin biss huma eliġibbli (7).

3.1.   Applikanti eliġibbli

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkunu:

organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ, assoċjazzjonijiet u NGOs inkluż NGOs taż-Żgħażagħ Ewropej;

intrapriżi soċjali;

korpi pubbliċi fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;

assoċjazzjonijiet tar-reġjuni;

Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali;

korpi li jagħmlu profitt attivi fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva

stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm Erasmus+.

Ir-rekwiżit minimu tal-kompożizzjoni tas-sħubija għal din is-sejħa huwa tal-anqas 5 imsieħba minn 5 pajjiżi differenti eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-programm Erasmus+. L-organizzazzjonijiet li japplikaw għandhom juru l-kapaċità tagħhom li jiżguraw bilanċ ġeografiku tajjeb f’termini ta’ msieħba minn partijiet differenti tal-Pajjiżi tal-Programm Erasmus+. Dan ifisser distribuzzjoni sħubija bejn il-pajjiżi eliġibbli fejn l-imsieħba ġejjin minn reġjuni differenti tal-Lvant, Punent, Tramuntana u Nofsinhar.

3.2.   Pajjiżi eliġibbli

L-Istati Membri tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit;

Il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jiffurmaw parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE): l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja;

Pajjiżi kandidati li għalihom tkun ġiet stabbilita strateġija ta’ pre-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fi ftehimiet qafas konklużi ma’ dawk il-pajjiżi bil-għan tal-parteċipazzjoni tagħhom fi Programmi tal-UE: l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u t-Turkija.

3.3.   Attivitajiet eliġibbli

Il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea taħt din is-Sejħa jieħu l-forma ta’ għotja ta’ azzjoni biex tappoġġa parti mill-ispejjeż imġarrba mill-korpi magħżula fit-twettiq ta’ serje ta’ attivitajiet. Dawn l-attivitajiet għandhom ikunu marbuta direttament mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tas-Sejħa u għandhom ikunu dettaljati f’deskrizzjoni tal-proġett li tkopri l-perjodu kollu tal-għotja li tkun saret applikazzjoni għaliha.

Din li ġejja hija lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet eliġibbli:

Attivitajiet ta’ mobilità inklużi skambji ta’ żgħażagħ fuq skala kbira;

Attivitajiet li jiffaċilitaw l-aċċess u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-aġenda tal-politika tal-UE;

Skambji ta’ esperjenza u prattika tajba; netwerking u sħubiji ma’ organizzazzjonijiet oħrajn taż-żgħażagħ; parteċipazzjoni f’laqgħat jew seminars ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn u/jew dawk li jfasslu l-politika wkoll bil-għan li jiżdied l-impatt tal-politika fuq gruppi, setturi u/jew sistemi fil-mira;

Inizjattivi u avvenimenti għall-iżvilupp ta’ NGOs Ewropej/organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili/netwerks fl-UE kollha;

Attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni, disseminazzjoni u promozzjoni (seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, kampanji, laqgħat, dibattiti pubbliċi, konsultazzjonijiet, eċċ.) dwar prijoritajiet ta’ politika tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-attivitajiet għandhom ikunu ta’ natura transkonfinali u jistgħu jitwettqu f’livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Kriterji addizzjonali ta’ eliġibilità għal attivitajiet ta’ mobilità/skambji taż-żgħażagħ:

durata: minn 5 t’ijiem sa 21 jim, eskluż il-ħin tal-vjaġġ;

post(ijiet) tal-attività: l-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiżi tal-applikant/imsieħba;

parteċipanti eliġibbli: żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena li huma residenti fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet riċeventi u/jew spedituri;

numru ta’ parteċipanti: minimu ta’ 16-il parteċipant u massimu ta’ 180 parteċipant (mexxej(ja) tal-grupp mhux inklużi). Minimu ta’ 4 parteċipanti għal kull grupp (mexxej(ja) tal-grupp mhux inklużi). Kull grupp nazzjonali għandu jkollu mill-inqas mexxej tal-grupp wieħed. Mexxej tal-grupp huwa adult li jakkumpanja liż-żgħażagħ li jipparteċipaw f’attività ta’ mobilità/skambju taż-żgħażagħ sabiex jiżguraw it-tagħlim, il-protezzjoni u s-sigurtà effettivi tagħhom.

4.   IR-RIŻULTATI TAL-PROĠETTI U D-DURATA

Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-kontribut mistenni tagħhom għall-aġenda ġenerali tal-politika dwar iż-żgħażagħ tal-UE billi:

jibnu fuq ir-riżultati tan-Narrattiva Ġdida għall-Ewropa (jew proġetti simili ta’ dibattitu) u torbothom mal-iżvilupp tal-politika fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali/Ewropew;

itejbu l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika u l-involviment tagħhom ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (għoti ta’ setgħa, ħiliet ġodda, involviment taż-żgħażagħ fid-disinn tal-proġett, eċċ.);

jgħinu fit-titjib tal-kapaċità tas-settur taż-żgħażagħ biex jaħdem b’mod transnazzjonali u jippromwovi t-tagħlim transnazzjonali u l-kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;

itejbu l-aħjar prattiki eżistenti u l-ilħuq lil hinn min-netwerk(s) regolari;

ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ involuti f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, sabiex iwittu t-triq għal sħubiji aktar sistematiċi, kif ukoll fost iż-żgħażagħ li mhumiex affiljati ma’ strutturi taż-żgħażagħ jew dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġat.

Id-durata tal-proġett għandha tkun ta’ bejn 9 xhur u 24 xahar. Ma jistax jiġi estiż fiż-żmien.

5.   KRITERJI TAL-GĦOTI

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji tal-esklużjoni, tal-għażla u tal-għoti. Il-kriterji ta’ esklużjoni u għażla jistgħu jinstabu fil-linji gwida tal-applikazzjoni li jinsabu fuq: https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

Il-kriterji tal-għoti għall-finanzjament ta’ applikazzjoni huma:

Ir-rilevanza tal-proġett (25 %)

Il-kwalità tat-tfassil tal-proġett u l-implimentazzjoni (25 %)

Il-kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (25 %);

Inkluż kif iż-żgħażagħ huma involuti fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġett u kif jitqiesu l-linji tal-Lvant-Punent u tat-Tramuntana-Nofsinhar.

L-impatt, it-tixrid u s-sostenibbiltà (25 %).

Il-proposti biss li jkunu laħqu:

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 60 % tal-punteġġ totali (jiġifieri punteġġ aggregat tal-4 kriterji tal-għoti)

u

tal-inqas il-limitu minimu ta’ 50 % ta’ kull kriterju

sejrin jiġu kkunsidrati għal finanzjament tal-UE.

6.   BAĠIT

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għal proposti huwa ta’ EUR 5 000 000.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE hija minimu ta’ EUR 100 000 u ma tistax taqbeż EUR 500 000. Hija limitata għal rata massima ta’ kofinanzament ta’ 80 % tal-ispejjeż totali tal-proġett eliġibbli.

L-Aġenzija tirriżerva d-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

7.   PROĊEDURA TA’ SOTTOMISSJONI U SKADENZA

Il-pakkett tal-applikazzjoni jrid jiġi sottomess online bl-użu tal-formola elettronika t-tajba, mimlija kif suppost u jkun fih l-annessi u d-dokumenti ta’ appoġġ rilevanti u applikabbli kollha.

Il-formola elettronika hija disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fl-indirizz li ġej fuq l-internet:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

u għandha timtela kif suppost f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Il-Formola elettronika mimlija għandha tiġi sottomessa online sal-25 ta’ Mejju 201812.00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) u tinkludi d-dokumenti mehmuża rilevanti (8):

Id-dokumenti mehmuża amministrattivi obbligatorji addizzjonali jridu jintbagħtu b’email lill-Aġenzija sal-istess skadenza.

L-applikanti huma mitlubin jaqraw sew l-informazzjoni kollha dwar is-sejħa għal proposti EACEA/16/2018 u l-proċedura ta’ sottomissjoni u li jużaw id-dokumenti li jifformaw parti mill-pakkett ta’ applikazzjoni li jista’ jinstab fuq:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

8.   L-INFORMAZZJONI KOLLHA DWAR IS-SEJĦA

L-informazzjoni kollha dwar is-Sejħa EACEA/16/2018 inklużi l-linji gwida għall-applikazzjoni hija disponibbli mis-sit web li ġej:

https://eacea.ec.europa.eu/erasmus-plus/funding_en

Kuntatt b’email:

EACEA-YOUTH@ec.europa.eu


(1)  Ara C(2018)774 tal-15.2.2018 (WPI 3.18): https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/sites/erasmusplus2/files/c-2018-774-en.pdf

(2)  Ara l-Eurobarometer 455 (Ewrobarometru 455) taż-“Żgħażagħ Ewropej” (Settembru 2017), ippubblikat f’Jannar 2018: http://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getsurveydetail/instruments/flash/surveyky/2163

(3)  http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-17-3165_mt.htm

(4)  https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/sites/erasmusplus2/files/c-2018-774-en.pdf

(5)  https://europa.eu/youth/have-your-say/new-narrative-for-europe_mt

(6)  Ara https://europa.eu/youth/have-your-say/new-narrative-for-europe_mt

(7)  http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/sites/erasmusplus2/files/files/resources/erasmus-plus-programme-guide_mt.pdf

(8)  Kwalunkwe dokument amministrattiv ieħor mitlub fil-Linji gwida għall-Applikanti għandu jintbagħat b’email lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura mhux iktar tard mill-25 ta’ Mejju 2018 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) fl-email li ġejja: EACEA-YOUTH@ec.europa.eu


Top