EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1811

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern” [COM(2017) 142 final — 2017/0063 (COD)]

OJ C 345, 13.10.2017, p. 70–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern”

[COM(2017) 142 final — 2017/0063 (COD)]

(2017/C 345/11)

Relatur:

Juan MENDOZA CASTRO

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 26.4.2017

Il-Kunsill, 27.3.2017

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

130/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, li jqisha bħala miżura meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

1.2.

Għalkemm għad hemm xi differenzi, permezz ta’ armonizzazzjoni volontarja kien hemm konverġenza sinifikanti bejn is-sistemi fid-diversi Stati Membri, abbażi tar-regoli tal-UE bħala referenza.

1.3.

Is-sistema tal-allokazzjoni tal-każijiet fil-qafas tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) għandha tevita d-duplikazzjoni potenzjali tal-azzjonijiet fi Stati Membri differenti.

1.4.

Il-KESE jipproponi li, fil-futur, jiġi kkunsidrat li l-kontenut tal-liġi ċivili u amministrattiva jkun regolat permezz ta’ Regolament.

1.5.

Il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura opportunitajiet indaqs. Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs) ikollhom il-mezzi u l-istrumenti legali meħtieġa biex jiġġieldu kontra l-kartelli sigrieti u jisħaq dwar il-ħsara serja li jikkawża l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti.

1.6.

Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk investigati għandu jkun kompatibbli b’mod sħiħ mal-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE

1.7.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet serji, fil-qasam tal-indipendenza u r-riżorsi tal-NCAs, li bħalissa huma identifikati f’ħafna Stati Membri. Huwa essenzjali li l-NCAs ikunu ġenwinament indipendenti mill-awtoritajiet, u għalhekk il-persuni f’pożizzjonijiet maniġerjali għandhom ikunu esperti indipendenti b’esperjenza professjonali dokumentata. Il-persunal għandu jkun stabbli u jkun irċieva taħriġ vokazzjonali adegwat.

1.8.

F’bosta każijiet, huwa diffiċli – jew saħansitra impossibbli – li l-ħsara kkawżata mill-imġiba antikompetittiva jinstab rimedju għaliha, u għalhekk il-KESE jirrakkomanda li s-setgħat tal-NCAs jintużaw ukoll f’azzjonijiet preventivi.

1.9.

Il-Kumitat diġà stqarr li l-ammont tas-sanzjonijiet“għandu jkun deterrent u li (…) għandhom ikunu ikbar f’każ ta’ reċidiva” u jaqbel li l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu s-sanzjonijiet hija element ċentrali tal-politika tal-kompetizzjoni.

1.10.

L-esperjenza tal-Kummissjoni, li normalment tapplika miżuri ta’ klemenza, tista’ titqies bħala pożittiva u huwa importanti li l-NCAs japplikawhom b’mod uniformi sabiex ikun hemm liġi Ewropea ġenwina tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-klemenza ma għandhiex timpedixxii lill-partijiet li jġarrbu xi dannu (inklużi l-konsumaturi) milli jiksbu kumpens għad-dannu subit, permezz ta’ azzjonijiet kollettivi.

1.11.

In-natura transnazzjonali tal-azzjonijiet tal-NCAs trendi indispensabbli l-assistenza reċiproka bejniethom.

1.12.

Fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, is-sospensjoni tal-perjodu ta’ limitazzjoni għandha tkun konformi mar-regoli ġenerali ta’ limitazzjoni tal-Istati Membri.

1.13.

Huwa xieraq li l-NCAs ikollhom is-setgħa li jressqu proċedimenti ġudizzjarji fuq il-merti tagħhom stess, peress li n-nuqqas ta’ din is-setgħa huwa ostaklu għall-effettività tagħhom f’ċerti Stati Membri.

1.14.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-NCAs ikunu jistgħu jużaw kull tip ta’ evidenza irrispettivament mill-mezz intużat għall-ħżin tagħha.

1.15.

Il-kampanji ta’ informazzjoni huma meħtieġa peress li l-biċċa l-kbira tal-pubbliku ma jafux dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-Istati Membri tal-UE huma msieħba essenzjali tal-Kummissjoni Ewropea għall-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Mill-2004 ’l hawn, l-NCAs tal-Istati Membri bdew jingħataw is-setgħa mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 sabiex japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE flimkien mal-Kummissjoni. Għal aktar minn għaxar snin, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-NCAs infurzaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE bil-kooperazzjoni mill-qrib tan-NEK. In-NEK inħoloq fl-2004 speċifikament għal dan il-għan.

2.2.

L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-NCAs huwa element essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern miftuħ, kompetittiv u innovattiv u huwa kruċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir f’setturi importanti tal-ekonomija, b’mod partikolari s-setturi tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni, dak diġitali u tat-trasport.

2.3.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huma fost l-aspetti distintivi tas-suq intern: meta jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni, is-suq intern ma jkunx jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu u ma jkunx jista’ joħloq il-kundizzjonijiet tajbin għal tkabbir ekonomiku sostnut. Aspett ewlieni ta’ suq intern aktar profond u aktar ġust huwa li jiġi żgurat li r-regoli tas-suq intern ikunu infurzati b’mod effettiv, sabiex ir-riżultati jaslu għand iċ-ċittadini.

2.4.

L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE issa qiegħed iseħħ fuq skala li l-Kummissjoni qatt ma kienet tkun tista’ tikseb waħedha. Il-Kummissjoni ġeneralment tinvestiga prattiki jew ftehimiet antikompetittivi li jkollhom effett fuq il-kompetizzjoni fi tliet Stati Membri jew aktar, jew fejn ikun utli li tistabbilixxi preċedent fl-Ewropa kollha. Normalment, l-NCAs huma l-entitajiet ideali biex jaġixxu meta l-kompetizzjoni tintlaqat b’mod sostanzjali fit-territorju tagħhom, peress li dawn jafu kif jaħdmu s-swieq fl-Istat Membru tagħhom u dan it-tagħrif huwa ta’ valur kbir fir-rigward tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.

2.5.

Hemm potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għal infurzar aktar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE mill-NCAs. Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma indirizzax il-mezzi u l-istrumenti li bihom l-NCAs japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, u ħafna minnhom ma għandhomx il-mezzi u l-istrumenti kollha meħtieġa sabiex jinfurzaw b’mod effettiv l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE.

2.6.

Id-dgħufijiet u l-limitazzjonijiet tal-istrumenti u l-garanziji tal-NCAs ifissru li l-impriżi involuti fi prattiki antikompetittivi jistgħu jiġu kkonfrontati b’riżultati ferm differenti, skont l-Istat Membru li fih huma preżenti: ir-regoli kollha taħt l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE jistgħu ma jiġux applikati għalkollox jew inkella ma jiġux applikati b’mod effettiv, pereżempju għax ma tistax tinkiseb evidenza ta’ mġiba antikompetittiva jew għax l-impriżi jistgħu jevitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-multi. L-infurzar mhux uniformi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern u jdgħajjef is-sistema deċentralizzata ta’ infurzar stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1/2003.

2.7.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li tinħtieġ proposta leġislattiva b’għan strateġiku doppju:

il-bażi legali tal-Artikolu 103 tat-TFUE, li tagħti s-setgħa lill-NCAs li jimplimentaw b’mod aktar effettiv il-prinċipji tal-kompetizzjoni tal-UE, billi jagħtihom il-garanziji neċessarji tal-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat;

il-bażi legali tal-Artikolu 114 tat-TFUE, li għandha l-għan li ssaħħaħ is-suq intern billi jitneħħew l-ostakli nazzjonali li jimpedixxu lill-NCAs milli japplikaw ir-regoli b’mod effettiv, biex b’hekk jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tinkiseb applikazzjoni aktar omoġenea tar-regoli, li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u l-impriżi.

2.8.

Barra minn hekk, il-fatt li l-NCAs ikollhom il-kapaċità jipprovdu b’mod effettiv assistenza reċiproka ser jiżgura kundizzjonijiet aktar ekwi u ser tiġi ssalvagwardjata l-kooperazzjoni mill-qrib fi ħdan in-NEK.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni, li jqisha bħala miżura meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-istabbiliment ta’ sistema Ewropea tal-kompetizzjoni jirrikjedi t-tneħħija tal-ostakli u l-lakuni għall-applikazzjoni sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE li jeżistu attwalment f’ċerti Stati Membri.

3.2.

Id-deċentralizzazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ma wasslitx, kif mistenni, għall-frammentazzjoni fis-setgħat tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni. Għalkemm għad hemm xi differenzi, permezz ta’ armonizzazzjoni volontarja kien hemm konverġenza sinifikanti bejn is-sistemi fid-diversi Stati Membri, abbażi tar-regoli tal-UE bħala referenza (1).

3.3.

Il-KESE jenfasizza li l-eżistenza ta’ kompetenzi paralleli – fil-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri – tesiġi, f’ċerti każijiet, li jsir sforz ta’ adattament tal-liġijiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali. Is-sistema tal-allokazzjoni tal-każijiet fil-qafas tan-NEK għandha, f’kull każ, tevita d-duplikazzjoni potenzjali tal-azzjonijiet fi Stati Membri differenti.

3.4.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Direttiva hija l-istrument adatt minħabba li tirrispetta “t-tradizzjonijiet legali u l-ispeċifiċitajiet istituzzjonali tal-Istati Membri”. Madankollu, sabiex ikun hemm applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli mill-NCAs, l-iżjed fir-rigward tal-katalgu tal-penali (Kapitolu V) u l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tagħhom (Kapitolu VI), jeħtieġ li tingħeleb id-diversità enormi li teżisti fil-preżent. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li, fil-futur, tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-kontenut tal-liġi ċivili u amministrattiva jiġi rregolat permezz ta’ regolament, u b’hekk l-Istati Membri jżommu l-awtonomija sħiħa tagħhom fir-rigward tal-liġi kriminali.

3.5.

Il-politika tal-kompetizzjoni għandha tiżgura opportunitajiet indaqs. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-NCAs ikollhom il-mezzi u l-istrumenti legali meħtieġa biex jindirizzaw il-kartelli sigrieti (kif definit fl-Artikolu 2(9) tal-proposta), u jenfasizza wkoll il-ħsara serja li l-abbużi tal-pożizzjoni dominanti – ġeneralment kommessi minn impriżi kbar jew assoċjazzjonijiet tagħhom – jikkawżaw fil-konfront ta’ impriżi oħra (b’mod partikolari l-SMEs), il-konsumaturi u l-utenti.

3.6.

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li jwettqu kampanji ta’ informazzjoni peress li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni ma tafx biżżejjed dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Drittijiet fundamentali

4.1.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tirreferi għall-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2), li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għal proprjetà, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal rimedju effettiv (Artikoli 16, 17, 41 u 47 tal-Karta).

4.1.2.

Il-KESE jfakkar li r-rikonoxximent tas-setgħat wiesgħa li għandu jkollhom l-NCAs biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom jimplika l-istabbiliment ta’ salvagwardji u garanziji tad-drittijiet tal-persuni taħt investigazzjoni u jeħtieġ li jkun kompatibbli mal-applikazzjoni sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. L-NCAs u, fejn meħtieġ, il-qrati nazzjonali tal-ġustizzja għandhom jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dawn il-garanziji. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), il-preżunzjoni tal-innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni (Artikolu 48(1) tal-Karta), li l-Istati Membri jridu jirrispettaw meta japplikaw il-liġi tal-kompetizzjoni (3). Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (id-dritt għal proċess ġust) (4) u ħarġet deċiżjoni dwar il-leġittimità tal-Kummissjoni (5) u l-prinċipju “nom bis in idem” (6) fil-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni.

4.2.    Indipendenza u riżorsi

4.2.1.

Il-garanzija ta’ indipendenza tfisser l-eżerċitar tas-setgħat “b’mod imparzjali u fl-interessi tal-infurzar effettiv u uniformi” tad-dispożizzjonijiet (Artikolu 4(1)).

4.2.2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal u l-membri tal-korp deċiżjonali tal-NCAs ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom: (Artikolu 4(2)):

b’mod indipendenti minn influwenza politika u kwalunkwe influwenza esterna oħra;

mingħajr ma jfittxu jew jieħdu struzzjonijiet mingħand l-ebda entità governattiva jew entità pubblika jew privata oħra;

billi joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom;

barra minn hekk:

ikunu jistgħu jitneħħew biss jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew ikunu nstabu ħatja ta’ mġiba ħażina serja skont il-liġi nazzjonali;

ir-raġunijiet għat-tkeċċija jinħtieġ li jiġu stabbiliti minn qabel fil-liġi nazzjonali;

ma jistgħux jitneħħew għal raġunijiet marbutin mat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u l-eżerċitar tas-setgħat tagħhom;

4.2.3.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet serji f’dan l-aspett li, fil-fehma tal-Kummissjoni, bħalissa huma identifikati f’ħafna Stati Membri. Ir-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi adatti (Artikolu 5), huma fundamentali sabiex l-NCAs ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom. L-indipendenza timplika awtonomija sostanzjali fl-istruttura tal-Istat (7) li ma teskludix:

il-kontroll ġudizzjarju;

l-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament;

rapporti perjodiċi tal-attivitajiet;

il-monitoraġġ tal-allokazzjonijiet baġitarji.

4.2.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-NCAs ikunu ġenwinament indipendenti mill-awtoritajiet. Għal dan l-għan, il-persuni f’pożizzjonijiet maniġerjal għandhom ikunu esperti indipendenti b’esperjenza professjonali dokumentata. Il-persunal għandu jkun stabbli u jkun irċieva taħriġ vokazzjonali adegwat.

4.3.    Is-setgħat

4.3.1.

Jeħtieġ li l-NCAs ikollhom is-setgħat li ġejjin (Artikoli 6 sa 11):

Is-setgħa li l-bini tan-negozju jiġi spezzjonat għal għarrieda, b’ordni tal-qorti jew mingħajrha, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Istat Membru inkwistjoni: dan jimplika li, bħala minimu, id-dritt li “jidħlu fi kwalunkwe bini, biċċa art u f’mezzi tat-trasport tal-impriżi”; li jeżaminaw kotba u dokumentazzjoni oħra; li jagħmlu jew jiksbu kopji “fi kwalunkwe forma”; li “jissiġillaw kwalunkwe proprjetà fejn isir in-negozju kif ukoll kotba jew reġistri” u li jitolbu spjegazzjonijiet. Jekk impriża topponi spezzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja “l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jiksbu l-assistenza neċessarja tal-pulizija jew ta’ aġenzija ekwivalenti tal-infurzar”, li “tista’ tinkiseb ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni”.

L-ispezzjoni ta’ bini ieħor għal għarrieda b’awtorizzazzjoni tal-qorti: din isseħħ jekk ikun hemm “suspett raġonevoli” li jeżistu elementi li jistgħu jkunu rilevanti għal ksur serju tal-Artikoli 101 jew 102 tat-TFUE.

Talbiet għall-informazzjoni.

Ordni sabiex jiġi terminat ksur konstatat.

L-impożizzjoni ta’ miżuri interim: dawn japplikaw “f’każijiet fejn ikun hemm urġenza minħabba r-riskju ta’ ħsara serja u irreparabbli għall-kompetizzjoni u abbażi ta’ konstatazzjoni prima facie ta’ ksur”. Il-miżura trid tingħata għal perjodu determinat, li jista’ jiġġedded.

L-istabbiliment tan-natura vinkolanti tal-impenji offruti mill-impriżi.

4.3.2.

F’bosta każijiet, huwa diffiċli – jew saħansitra impossibbli – li l-ħsara kkawżata mill-imġiba antikompetittiva jinstab rimedju għaliha, u għalhekk il-KESE jirrakkomanda li s-setgħat tal-NCAs jintużaw ukoll f’azzjonijiet preventivi.

4.4.    Multi f’każ ta’ ksur u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

4.4.1.

Il-multi f’każ ta’ ksur li jkunu “effikaċi, proporzjonati u ta’ deterrent” jistgħu jiġu applikati meta jkun hemm ċerta mġiba “b’intenzjoni jew b’negliġenza”: ir-rifjut ta’ spezzjoni; ksur ta’ siġilli; tweġibiet mhux korretti jew qarrieqa; informazzjoni żbaljata; jew il-ksur tal-miżuri interim. Il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali ikopru każijiet ta’ omissjoni, bħar-rifjut ta’ spezzjoni, fost l-oħrajn (Artikoli 12 u 15).

4.4.2.

Abbażi tal-kriterju tas-soltu fil-liġi kriminali, il-penali li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri jikkunsidraw “kemm il-gravità kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-ksur” u l-ammont massimu tal-multi “ma għandux jiġi stabbilit għal livell taħt l-10 % tal-fatturat totali tagħha madwar id-dinja kollha fis-sena kontabilistika ta’ qabel id-deċiżjoni” (Artikoli 13(1) u 14). Huma previsti kriterji differenti ta’ responsabbiltà għall-ħlas f’każ ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (Artikolu 13(2)).

4.4.3.

Għandu jiġi nnotat li l-estensjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multi in solidum lill-membri kollha tal-assoċjazzjonijiet jew gruppi ta’ impriżi (Artikolu 13(2)) timla lakuna fil-leġislazzjoni attwali (8).

4.4.4.

L-ambitu tal-proposta jkopri biss lill-impriżi li japplikaw għalihom penali amministrattivi. Mġiba li tista’ tikkostitwixxi reat kriminali hija kwistjoni fil-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE diġà ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-penali amministrattivi u kriminali (9).

4.4.5.

Il-Kumitat, li stqarr li l-ammont tas-sanzjonijiet “għandu jkun deterrent u li s-sanzjonijiet għandhom ikunu ikbar f’każ ta’ reċidiva” (10), jaqbel li l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu s-sanzjonijiet hija element ċentrali tal-politika tal-kompetizzjoni. Jesprimi t-tħassib tiegħu, barra minn hekk, li attwalment il-liġi tal-kompetizzjoni ma tiġix infurzata kemm suppost minħabba d-disparitajiet sostanzjali fil-leġislazzjoni u l-istrutturi tal-NCAs.

4.5.    Immunità mill-multi/tnaqqis tal-multi (klemenza)

4.5.1.

L-Istati Membri għandhom is-setgħa li jistabbilixxu l-kawżi u l-proċeduri għall-immunità mill-multi jew it-tnaqqis tagħhom iżda fi ħdan qafas stabbilit fid-dettall u li jinkludi:

ir-rekwiżiti għall-immunità (Artikolu 16) u t-tnaqqis (Artikolu 17);

il-kundizzjonijiet biex jiġu applikati dawn il-miżuri (Artikolu 18);

forma tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (Artikolu 19);

indikatur għal applikazzjoni formali għall-immunità (Artikolu 20);

applikazzjonijiet fil-qosor meta dawn jiġu ppreżentati fl-istess ħin lill-Kummissjoni u lill-NCAs (Artikolu 21);

salvagwardji għall-applikanti għall-immunità (Artikolu 22).

4.5.2.

Ir-raġuni tal-proposta hija li, fid-dawl tal-għan li jinkixfu kartelli sigrieti, id-differenzi kbar bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom joħolqu inċertezza legali, idgħajfu l-inċentivi li r-regoli jiġu rispettati u jwasslu għal nuqqas ta’ effiċjenza fil-politika tal-kompetizzjoni fl-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma japplikawx il-Programm Mudell tan-NEK (11), li l-aspetti fundamentali tiegħu ser jiġu inklużi fir-regolamentazzjoni l-ġdida.

4.5.3.

Fil-fehma tal-KESE, l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri ta’ klemenza min-naħa tal-NCAs hija importanti biex ikun hemm liġi Ewropea ġenwina tal-kompetizzjoni, u l-esperjenza tal-Kummissjoni, li normalment tapplika dawn it-tipi ta’ miżuri (12), tista’ titqies bħala pożittiva. Madankollu, il-klemenza ma għandhiex timpedixxi lill-partijiet li jġarrbu xi dannu (inklużi l-konsumaturi) milli jiksbu kumpens għad-dannu subit, permezz ta’ azzjonijiet kollettivi.

4.6.    Assistenza reċiproka

4.6.1.

Il-kooperazzjoni bejn l-NCAs titlob, fid-dawl tas-setgħat ġodda assenjati minn din il-proposta, assistenza u għajnuna fil-proċeduri ta’ spezzjoni (Artikolu 23), li jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu n-notifika ta’ oġġezzjonijiet u deċiżjonijiet preliminari (Artikolu 24) u li jissodisfaw it-talbiet għall-infurzar ta’ deċiżjonijiet (Artikolu 25). Ġew stabbiliti s-setgħat fil-qasam tat-tilwim (Artikolu 26).

4.6.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li dawn l-obbligi jiġu imposti fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-politika tal-kompetizzjoni.

4.7.    Sospensjoni tal-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali

4.7.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni tittratta żewġ kriterji speċifiċi għas-sospensjoni ta’ dawn il-perjodi: “għat-tul ta’ żmien tal-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra jew il-Kummissjoni fir-rigward ta’ ksur li jkun jirrigwarda l-istess ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni jew prattika miftiehma” (Artikolu 27(1)) u meta jkun hemm proċedimenti ġuidizzjarji (Artikolu 27(2)).

4.7.2.

Il-KESE josserva li t-traspożizzjoni tad-Direttiva għandha tindirizza l-kunflitt potenzjali mar-rekwiżiti li jipprevedu wkoll li l-perjodi jistgħu jiġu interrotti f’każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji.

4.8.    Is-setgħa tal-NCAs li jibdew proċedimenti ġudizzjarji fuq il-merti tagħhom stess

4.8.1.

Skont il-proposta, l-NCAs għandhom ikunu jistgħu jieħdu sehem fi proċedimenti ġudizzjarji biex iressqu azzjonijiet direttament quddiem awtorità ġudizzjarja, u għandhom ikunu intitolati fuq il-merti tagħhom stess biex jieħdu sehem bħala rikorrent jew konvenut fi proċedimenti ġudizzjarji, l-istess drittijiet bħal dawk ta’ partijiet oħra (Artikolu 28).

4.8.2.

Il-KESE huwa tal-fehma li, attwalment, il-fatt li ma għandhomx din is-setgħa jagħmilha diffiċli għall-NCAs f’ċerti Stati Membri (13), u għalhekk huwa essenzjali li din is-setgħa tiġi stabbilita sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti imposti fuqhom mill-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

4.9.    Ammissibbiltà tal-evidenza quddiem l-NCAs  (14)

4.9.1.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-NCAs ikunu jistgħu jużaw bħala evidenza “dokumenti, dikjarazzjonijiet bil-fomm, rikordings u kull oġġett ieħor li jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz li fuqu tkun maħżuna l-informazzjoni” (Artikolu 30).

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  “An Academic View on the Role and Powers of National Competition Authorities”, Parlament Ewropew, 2016.

(2)  Sentenza fil-Kawża Karlsson et, il-Kawża C-292/97, paragrafu 37.

(3)  Sentenzi fil-Kawża Eturas, C-74/14, paragrafu 38; il-Kawża E.ON Energie vs il-Kummissjoni (C 89/11 P, paragrafu 72); u l-Kawża VEBIC (C 439/08, paragrafu 63).

(4)  Il-Kawża Menarini Diagnostics S.R.L./l-Italja.

(5)  C-12/03P, Il-Kummissjoni/Tetra Laval (2005).

(6)  Il-Kawża Menarini Diagnostics S.R.L./l-Italja.

(7)  “Independence and accountability of competition authorities”, UNCTAD, 2008.

(8)  Sentenza fil-Kawża C-97/08 P, AkzoNobel NV vs il-Kummissjoni, paragrafi 45 u 77.

(9)  Sentenza tas-26.2.2013 – Kawża C-617/10, Åkerberg Fransson.

(10)  Opinjoni dwar “Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014” (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 33).

(11)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17).

(12)  Ara “Cartel leniency in EU: overview”, Thompson Reuters. Eżempji ta’ tnaqqis u eżenzjonijiet applikati mill-Kummissjoni: Riberebro 50 % (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17); Hitachi 30 %, u oħrajn; Philips, eżentati; Hitachi 50 %; Schenker u oħrajn 55 % 40 %; DHL, immunità (C-428/14, DHL/AGCM); Eberspächer 45 % u Webasto, immunità.

(13)  Fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-NCA fil-Ġermanja (“Bundeskartellami”) semmiet dan bħala waħda mill-kawżi ta’ sistema “li hija ħażina għall-aħħar”.

(14)  Limitazzjonijiet fuq l-użu tal-informazzjoni (Artikolu 29). Il-Kummissjoni tindirizza l-possibbiltà li tiġi riveduta l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu.


Top