EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE5408

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’ każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida” [COM(2015) 450 final — 2015/0208(COD)]

OJ C 71, 24.2.2016, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’ każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”

[COM(2015) 450 final — 2015/0208(COD)]

(2016/C 071/09)

Relatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Nhar is-16 ta’ Settembru 2015 u nhar il-21 ta’ Ottubru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar

“Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida”

[COM(2015) 450 – final 2015/0208/(COD)].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-kriżi tar-refuġjati fl-UE laħqet punt fejn qed jiġu ddubitati l-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Minkejja d-diffikultajiet, il-KESE jemmen bil-qawwa li dawn il-prinċipji għandhom jiġu rispettati u implimentati kif suppost.

1.2.

Il-KESE jemmen li t-tendenzi lejn is-sovranità ta’ xi gvernijiet u l-perċezzjonijiet negattivi ta’ numru dejjem ikbar ta’ ċittadini dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati jistgħu jkunu limitati permezz ta’ sforz wiesa’ u meħtieġ biex jiġu mħarsal-valuri Ewropej ewlenin u l-kisbiet istituzzjonali tal-UE. F’dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, neħtieġu aktar Ewropa, aktar demokrazija u aktar solidarjetà.

1.3.

Il-kriżi tar-refuġjati attwali, għalkemm prevedibbli, seħħet minħabba n-nuqqas ta’ politika komuni dwar l-asil, li d-dewmien tagħha kien dovut għan-nuqqas ta’ azzjoni politika komuni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jimplimentaw l-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-UE biex toħloq politika tal-asil ġenwina.

1.4.

Il-KESE konsistentement enfasizza l-ħtieġa għal solidarjetà, responsabbiltà u azzjoni komuni, kif ukoll iċ-ċentralità tad-drittijiet fundamentali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkoordina rispons komuni għall-kriżi tar-refuġjati, inkluż il-laqgħa tal-mexxejja dwar flussi ta’ rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

1.6.

Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ kriżi huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Madankollu, il-KESE jixtieq li jkollu dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u inizjattivi oħra simili inklużi bħala parti minn strateġija ġenerali sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza. B’mod partikolari, jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

1.7.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE iridu jappoġġjaw b’mod attiv lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-prospetti adatti għall-integrazzjoni tal-applikanti għall-asil rilokati. Fost affarijiet oħra, f’dan il-kuntest għandu jiġi ċċarat li n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati mhijiex dejjiema jew strutturali u, għalhekk, ma għandhiex tiġi inkluża fil-kalkolu tad-defiċit baġitarju strutturali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-kriżi tar-rifuġjati attwali tirrappreżenta kemm sfida amministrattiva – peress li d-daqs ta’ dan il-fenomenu huwa mingħajr preċedent – kif ukoll sfida legali. L-UE laħqet punt fejn qed jiġu ddubitati l-prinċipji bażiċi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Ir-rieda tal-Istati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ it-trattati internazzjonali ntlaqtet minn mobilità internazzjonali akbar, b’konsegwenza tal-globalizzazzjoni ekonomika. Il-KESE jemmen li t-tendenzi lejn is-sovranità ta’ xi gvernijiet u l-perċezzjonijiet negattivi ta’ numru dejjem ikbar ta’ ċittadini dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati jistgħu jkunu limitati permezz ta’ sforz wiesa’ u meħtieġ biex jiġu mħarsal-valuri Ewropej ewlenin u l-kisbiet istituzzjonali tal-UE. F’dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, neħtieġu aktar Ewropa, aktar demokrazija u aktar solidarjetà.

2.2.

Is-sistema Ewropea tal-asil qiegħda taħt pressjoni konsiderevoli, b’riżultat ta’ kriżijiet multipli. Xi wħud minn dawn jafu l-oriġini tagħhom fil-politika internazzjonali tas-snin 2000 filwaqt li oħrajn huma effetti perversi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dawk l-aktar reċenti, ir-“Rebbiegħa Għarbija”, l-instabilità politika fil-Libja u l-gwerra ċivili fis-Sirja, wasslu direttament għaż-żieda konsiderevoli fin-numru ta’ refuġjati.

2.3.

Is-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa huma marbuta li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem li, abbażi tal-Artikolu 3 (1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, jiżguraw li l-bnedmin kollha huma protetti. F’kuntrast ma’ dan, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati tagħti biss protezzjoni għal kategorija speċifika ta’ individwi, kif definit fl-Artikolu 1, u din il-protezzjoni tista’ tintilef iktar faċilment. Madankollu, il-Konvenzjoni tikkunsidra li l-individwi li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali huma intitolati għal għadd ta’ drittijiet. F’xi Stati Membri, pereżempju r-Rumanija, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali jagħtu preċedenza lit-trattati internazzjonali fuq il-leġislazzjoni nazzjonali. L-Artikolu 18 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li saret vinkolanti skont l-Artikolu 6 tat-TFUE, jistabbilixxi d-dritt ta’ persuni li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali.

2.4.

Is-sistema ta’ Dublin qiegħdet b’mod sproporzjonat il-piż tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil fuq għadd ta’ Stati l-aktar esposti (Malta, l-Italja, Ċipru, il-Greċja, Spanja u reċentement, l-Ungerija). Taħt dawn il-kondizzjonijiet sar dejjem aktar diffiċli għal xi Stati Membri biex josservaw fil-prattika l-prinċipji ta’ non-refoulement u l-prinċipji minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-direttivi li jirriżultaw minnha. Minkejja d-diffikultajiet, il-KESE jemmen b’mod qawwi li dawn il-prinċipji għandhom jiġu rispettati u implimentati kif suppost.

2.5.

L-Artikolu 67(2) u l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-UE biex tibni politika tal-asil ġenwina. Fid-dawl ta’ dawn l-artikoli, l-enfasi mhijiex fuq l-abbozzar ta’ regoli minimi, iżda minflok fuq il-ħolqien ta’ sistema komuni li tinkludi proċeduri uniformi. Il-kriżi tar-refuġjati attwali, għalkemm prevedibbli, seħħet minħabba n-nuqqas ta’ politika komuni dwar l-asil, li d-dewmien tagħha kien dovut għan-nuqqas ta’ azzjoni politika komuni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew biex jimplimentaw dawn l-Artikoli.

2.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkoordina rispons komuni għall-kriżi tar-rifuġjati, inkluż il-laqgħa tal-mexxejja dwar flussi ta’ rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-laqgħa laqqgħet il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, kemm tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE, bil-għan li jikkoordinaw aħjar azzjoni fir-reġjun fi tliet oqsma ewlenin: il-provvediment ta’ kenn, il-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ġestjoni tal-fruntieri (3).

2.7.

Il-KESE jittama li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi se jgħin lill-UE toqrob b’mod konsenswali lejn sistema li tkun robusta u flessibbli biżżejjed biex tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni fl-għamliet kollha tagħha.

2.8.

Il-KESE konsistentement enfasizza l-ħtieġa għal solidarjetà, responsabbiltà u azzjoni komuni, kif ukoll iċ-ċentralità tad-drittijiet fundamentali. Insista wkoll li għandhom isiru sforzi serji biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati.

2.9.

Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi huwa eżempju konkret ta’ kooperazzjoni bbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Madankollu, il-KESE jixtieq li jkollu dan il-mekkaniżmu u inizjattivi oħra simili inklużi bħala parti minn strateġija ġenerali sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effiċjenza. B’mod partikolari, jinħtieġu sistemi solidari u robusti ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet, u, fuq kollox, soluzzjoni permanenti, ġusta u vinkolanti għad-distribuzzjoni ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea hija pass pożittiv f’din id-direzzjoni.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Kwalunkwe Stat Membru li ma jipparteċipax fil-mekkaniżmu għandu jispjega r-raġunijiet tiegħu. Jekk il-motivazzjoni hija primarjament finanzjarja jew minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni għar-riċeviment tal-applikanti għall-asil, għandha ssir dispożizzjoni għal xi appoġġ finanzjarju bil-quddiem.

3.2.

L-appoġġ tal-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jittrattaw il-kriżi tar-refuġjati u l-integrazzjoni tal-migranti għadu insuffiċjenti. Regoli u proċeduri burokratiċi jxekklu l-kapaċità tagħhom biex jaġixxu b’mod effettiv fuq il-post.

3.3.

Sabiex tiddetermina li teżisti kriżi, il-KE għandha tqis jekk is-sitwazzjoni hija tali li Stat Membru b’“sistema tal-asil mħejjija sew” xorta ma jkunx jista’ jindirizza s-sitwazzjoni. Dan kif jiġi definit? X’inhuma l-kriterji sabiex sistema tal-asil tiġi deskritta bħala “imħejjija sew”? Il-proposta tagħti xi kriterji li l-KE tista’ tikkunsidra, iżda dawn huma flessibbli u huma deskritti bħala “inter alia”.

3.4.

Il-proposta mhix speċifika biżżejjed rigward it-tqabbil tal-preferenzi tal-Istat Membru benefiċjarju, l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, u l-applikanti. Mhuwiex ċar kif dan ser jaħdem fil-prattika.

3.5.

Huwa rakkomandat li jkun hemm disponibbli informazzjoni rilevanti u konsulenza lill-applikanti, provduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji u l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

3.6.

Mhuwiex ċar kif l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jitħeġġeġ biex jirċievi u jintegra sew l-applikanti rilokati. Il-qagħda tal-infrastruttura, id-disponibilità tas-servizzi, eż. edukattivi jew mediċi, u l-allokazzjonijiet finanzjarji ser jinfluwenzaw ir-rieda tal-applikanti li jiġu rilokati għal pajjiż speċifiku. Il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE iridu jappoġġjaw b’mod attiv lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-prospetti adatti għall-integrazzjoni tal-applikanti rilokati.

3.7.

Jeħtieġ li l-proposta tkun aktar speċifika f’dan ir-rigward u tistabbilixxi proċedura għall-evalwazzjoni u t-tħeġġiġ tal-iżvilupp ta’ infrastruttura u servizzi fil-qasam tal-asil fl-Istati Membri kollha.

3.8.

Is-sistema trid takkomoda sa ċertu punt il-preferenzi ta’ min ifittex l-asil għal Stati Membri ta’ rilokazzjoni speċifiċi. Il-preferenzi jridu jkunu marbuta ma’ prospetti ċari u dimostrabbli għal integrazzjoni b’suċċess (għall-membri tal-familja residenti, l-għarfien ta’ lingwa, u rabta preċedenti mal-pajjiż bħal studji jew negozju).

3.9.

“Ir-rabtiet kulturali” jissemmew bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta persuna tiġi rilokata fi Stat Membru. Il-KESE jqis li dan il-kriterju m’għandux jintuża biex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ persuni li jfittxu l-asil abbażi tar-reliġjon tagħhom.

3.10.

Il-proposta ma tispeċifikax kif l-iskema se taħdem għal pajjiżi bħas-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandhom prospetti ċari ta’ adeżjoni u qed jesperjenzaw influss sinifikanti ta’ migranti u ta’ dawk li jfittxu l-asil.

Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  “Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.” Barra minn hekk, l-Artikolu 3 huwa relatat mal-asil u l-protezzjoni internazzjonali. It-tkeċċija ta’ persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-asil li tkun ġiet miċħuda tista’ tkun problematika fir-rigward tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja), l-Artikolu 5 (Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà), l-Artikolu 6 (Id-dritt għal proċess imparzjali), l-Artikolu 7 (Ebda piena mingħajr liġi), l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ċittadini), u l-Artikolu 4 tal-istess Protokoll (Il-projbizzjoni tat-tkeċċija kollettiva ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi). Xi artikoli oħra li ġew invokati: l-Artikolu 8 (Id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja), l-Artikolu 13 (Id-dritt għal rimedju effettiv), l-Artikolu 16 (Ir-restrizzjonijiet fuq l-attività politika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi).

(2)  Id-dritt għall-asil huwa garantit, b’rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u b’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(3)  Ara d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja maħruġa wara l-laqgħa.


Top