EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0344

Kawża T-344/10: Rikors ippreżentat fl- 20 ta’ Awwissu 2010 — UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni

OJ C 288, 23.10.2010, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/50


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2010 — UPS Europe u United Parcel Service Deutschland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-344/10)

()

(2010/C 288/94)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: UPS Europe NV/SA (Brussell, il-Belġju) u United Parcel Service Deutschland Inc. & Co. OHG (Neuss, il-Ġermanja), (rappreżentanti: T.R. Ottervanger u E.V.A. Henny, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara, skont l-Artikolu 265 TFEU, li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma ħaditx pożizzjoni fil-Każ C 36/07 (ex NN 25/07) — Il-Ġermanja vs Deutsche Post; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 265 TFEU, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma ħaditx pożizzjoni fil-Każ C 36/07 (ex NN 25/07) — Il-Ġermanja vs Deutsche Post (ĠU 2007 C 245, p. 21).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fil-proċedura ta’ investigazzjoni msemmija iktar ’il fuq f’terminu raġjonevoli, hija kisret l-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1).

Barra minn hekk, billi naqset milli tieħu pożizzjoni f’terminu raġjonevoli, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali. Skont ir-rikorrenti, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kellu jiġi rrispettat peress li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali komuni fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, dan il-prinċipju huwa ripprodott b’mod ċar fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Dirttijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010 C 83, p. 389).


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


Top