EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2007/223/35

Kawża F-21/07: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Ġunju 2007 — Marcuccio vs Il-Kummissjoni

OJ C 223, 22.9.2007, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/20


Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2007 — Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-21/07)

(2007/C 223/35)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (Rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunità Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni impliċita (aktar 'il quddiem:id-“deċiżjoni kkuntestata”) li permezz tagħha ġiet miċħuda t-talba tat-30 ta' Diċembru 2005, li r-rikorrenti għamel fis-17 ta' Jannar 2006;

jannulla, safejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta' l-awtorità tal-ħatra tal-15 ta' Novembru 2006 li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkuntestata

jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent il-kumpens mitlub permezz tat-talba tat-30 ta' Diċembru 2005, jiġifieri s-somma ta' EUR 100 000, jew dik is-somma akbar jew anqas li t-Tribunal jidhirlu li hija ġusta u ekwa;

jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent il-somma ulterjuri ta' EUR 50 000, jew dik is-somma akbar jew anqas li t-Tribunal jidhirlu li hija ġusta u ekwa, bħala kumpens għad-danni sostnuti wara d-data ta' l-imsemmija talba;

jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent l-interessi għad-dewmien, ikkalkolati bir-rata ta' 10 % fis-sena, bil-kapitalizzazzjoni ta' darba fis-sena li jibdew jiddekorru mid-data tat-talba tat-30 ta' Diċembru 2005 sal-ħlas, u b'mod aktar ġenerali, sat-tneħħija totali ta' l-imsemmija ilmenti, jew inkella mid-dies a quo li t-Tribunal jidhirlu ġusti u ekwi, fuq is-somma ta' EUR 100 000, jew fuq dik is-somma akbar jew anqas li t-Tribunal jidhirlu li hija ġusta u ekwa;

jikkundanna lill-konvenuta li tipproċedi, mingħajr l-ebda dewmien ieħor, għal-qerda materjali ta' l-oriġinali u tal-kopji kollha tan-nota ta' l-20 ta' Frar 2001, prot. 951883, kif ukoll tan-nota tal-15 ta' Novembru 2006, kif ukoll, fl-aħħar nett, jekk teżisti, ta' l-ittra ta' l-20 ta' Lulju 2006 li għaliha l-konvenuta tirreferi fin-nota tal-15 ta' Novembru 2006;

jikkundanna lill-konvenuta tinnotifika lir-rikorrent li tkun seħħet il-qerda materjali, fejn tispeċifika ad substantiam, fir-rigward ta' kull att meqrud, il-post li fiħ kien jinsab qabel id-qerda materjali u ċ-ċirkostanzi kollha ta' ħin, ta' post u ta' azzjoni tal-qerda materjali, b'mod partikolari d-data, il-post u l-aġent esekuttiv.

jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 100, jew dik is-somma akbar jew anqas li t-Tribunal jidhirlu li hija ġusta u ekwa, għall-kull ġurnata ta' dewmien fil-qerda materjali, li tibda tiddekorri mid-data tal-ħruġ tas-sentenza sakemm ir-rikorrent jiġi effettivament innotifikat li seħħet tali qerda materjali, li titħallas fl-ewwel ġurnata tax-xahar fir-rigward tad-drittijiet miksuba abbażi ta' dan l-intitolament minn dak preċedenti

jikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti għandu l-oriġini tiegħu f'xi dikjarazzjonijiet li allegatament jinsabu f'xi noti li jemanaw mill-konvenuta, li minnhom ir-rikorrent isostni li jirriżultaw atti, fatti, u komportamenti illegali inerenti fl-ipproċessar ta' data sensittiva li tirrigwarda l-persuna tiegħu.

In sostenn ta' l-argumenti tiegħu, ir-rikorrent jressaq it-tliet motivi li ġejjin:

1.

nuqqas ta' motivazzjoni, peress li, minn-naħa, it-talba tar-rikorrent ġiet miċħuda b'mod impliċitu biss u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni mogħtija mill-konvenuta fin-nota tal-15 ta' Novembru ma kinitx xierqa, kienet illoġika u fittizja.

2.

ksur ta' liġi, peress li jeżistu l-kundizzjonijiet sabiex jiġi magħruf lir-rikorrent id-dritt għal kumpens għad-dannu imsemmi fit-talba tat-30 ta' Diċembru 2005, jiġifieri: l-illegalità ta' l-atti, l-fatti u l-aġir mwettqa mill-konvenuta; id-danni sostnuti mir-rikorrent; in-ness kawżali bejn id-dannu li dwaru sar l-ilment u l-aġir ikkontestat.

3.

ksur tad-dmir tal-premura u ta' dak ta' amministrazzjoni tajba, minħabba li l-konvenuta naqset milli tieħu debitament in konsiderazzjoni l-interessi tar-rikorrent u ħolqot numru ta' atti u fatti konnessi li, minħabba l-illegalità gravi tagħhom u t-tul ta' żmien konsiderevoli li matulu ġew kommessi, jikkonstitwixxu vjolazzjoni ta' l-imsemmija dmirijiet.


Top