EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tagħmir aktar sigur u li jniġġes inqas fuq vapuri tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/90/UE dwar tagħmir tal-baħar

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tfittex li:

  • ittejjeb is-sikurezza fuq il-baħar;
  • tevita t-tniġġis tal-baħar;
  • tiżgura li standards internazzjonali tas-sikurezza għal tagħmir fuq vapuri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiġu interpretati bl-istess mod madwar l-UE.

Timponi kundizzjonijiet addizzjonali fuq l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir fuq vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom (skont konvenzjonijiet internazzjonali), meta joħorġu, japprovaw jew iġeddu ċ-ċertifikati.

PUNTI EWLENIN

  • Id-Direttiva tapplika għall-vapuri kollha li jtajru bandiera tal-UE, sew jekk il-bastiment kien fl-UE meta ġie mgħammar it-tagħmir jew le.
  • It-tagħmir huwa vvalutat minn parti terza indipendenti (“korp innotifikat”).
  • Jekk jissodisfa r-rekwiżiti tad-direttiva jiġi stampat b’marka ta’ ċertifikazzjoni (il-“marka tat-tmun”).
  • Il-manifatturi tat-tagħmir jistgħu wkoll jehmżu tikketta elettronika mal-prodotti tagħhom. Dan għandu jagħmilha aktar faċli biex tiġi evitata falsifikazzjoni u għall-monitoraġġ tas-suq.
  • L-Istati Membri tal-UE għandhom iwettqu sorveljanza tas-suq fuq skala adegwata.
  • Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jqisu li tagħmir kopert mil-leġiżlazzjoni jippreżenta riskju għas-sikurezza marittima, għas-saħħa tal-persuni jew tal-ambjent, jew jekk ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni, il-fornitur tiegħu jeħtieġ li jirtirah.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li ġejjin:

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/414 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/90/UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-identifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettar elettroniku. Mill-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fir-rigward tal-użu tat-tikketta elettronika bħala suppliment għall-marka tat-tmun jew bħala sostituzzjoni tagħha mwettqa mill-Kummissjoni ħareġ li, permezz tat-tikkettar elettroniku tat-tagħmir tal-baħar, il-manifatturi għandhom jibbenefikaw minn titjib fil-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni; is-sidien u l-operaturi tal-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jittraċċaw it-tagħmir u jikkontrollaw l-istokkijiet b’mod iktar faċli, u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jibbenefikaw minn aċċess dirett u faċli għall-bażijiet tad-data rilevanti, u dan se jtejjeb il-verifiki tal-validazzjoni taċ-ċertifikati. Mill-analiżi ħareġ li l-investiment ġenerali ser ikun baxx meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija u li l-awtoritajiet u l-industrija se jkunu jifilħu għall-ispejjeż minħabba li se jkunu jistgħu jimplimentaw dan it-tikkettar b’mod volontarju u b’mod gradwali.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/608 jistabbilixxi l-kriterji tekniċi għat-tikketti elettroniċi tat-tagħmir tal-baħar.

Barra minn hekk, f’konformità mas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu mil-leġiżlatur, il-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni kull sena li jkun fih l-aktar regoli reċenti dwar ir-rekwiżiti ta’ disinn, ta’ kostruzzjoni u ta’ prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-18 ta’ Settembru 2016.

SFOND

  • Konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza marittima jeħtieġu li l-pajjiżi jiżguraw li t-tagħmir fuq vapuri li jbaħħru taħt il-bandiera tagħhom jissodisfaw ċerti standards ta’ disinn, ta’ kostruzzjoni u ta’ prestazzjoni.
  • Madankollu, il-pajjiżi jingħataw grad sinifikanti ta’ diskrezzjoni fil-mod kif jagħmlu dan. Dan jista’ jwassal għal livelli differenti ta’ sigurtà u jista’ jfixkel il-fluss liberu tal-merkanzija madwar l-UE.
  • Bl-implimentazzjoni ta’ regoli standardizzati ta’ ċertifikazzjoni tal-UE, dawn il-problemi jiġu evitati u s-suq uniku jaħdem kif kien iddisinjat jagħmel. Barra minn hekk, l-ekwipaġġ u l-passiġġieri ta’ vapuri li jġorru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE jistgħu jkunu ċerti li t-tagħmir immarkat bit-tmun abbord ġie ttestjat u ċċertifikat skont l-istandards ta’ sigurtà u ambjentali applikabbli.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 146-185).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/90/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2022/1157 tal-4 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-disinn, tal-kostruzzjoni u tal-prestazzjoni u tal-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1158 (ĠU L 180, 6.7.2022, pp. 1-243).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE)2018/608 tad-19 ta’ April 2018 li jistabbilixxi l-kriterji tekniċi għat-tikketti elettroniċi tat-tagħmir tal-baħar (ĠU L 101, 20.4.2018, pp. 64-67).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE)2018/414 tad-9 Jannar 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-identifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettar elettroniku (ĠU L 75, 19.3.2018, pp. 3-17).

l-aħħar aġġornament 14.09.2022

Top