EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Netwerk ferrovjarju uniku għall-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2012/34/EU li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2012/34/UE għandha l-għan li tiċċara r-regoli legali li japplikaw għas-settur ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex:

  • ittejjeb il-kwalità billi tagħti spinta lill-kompetizzjoni;
  • issaħħaħ is-superviżjoni tas-suq; u
  • ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-investiment.

Id-direttiva tgħaqqad u tħassar it-tliet direttivi mill-“ewwel pakkett ferrovjarju”. Dawn id-direttivi jikkonċernaw:

  • l-iżvilupp tal-ferroviji tal-UE (id-Direttiva 2001/12/KE);
  • l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (Direttiva 2001/13/KE); u
  • l-immaniġġjar ta’ infrastruttura tal-ferroviji (id-Direttiva 2001/14/KE).

Id-Direttiva (UE) 2016/2370 temenda-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja.

PUNTI EWLENIN

Żieda fil-kwalità permezz tal-kompetizzjoni

Direttiva 2012/34/UE:

  • tippermetti aktar trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq ferrovjarju;
  • ittejjeb l-aċċess għall-operaturi għal servizzi relatati mal-ferroviji bħal:
    • stazzjonijiet tal-ferrovija,
    • terminals tal-merkanzija, u
    • faċilitajiet ta’ manutenzjoni.

Il-maniġers tal-infrastruttura*

  • Meta l-infrastruttura titħaddem minn kumpaniji tal-ferroviji li storikament kellhom pożizzjoni dominanti fis-suq, għandha:
    • tkun independenti f’termini ta’ organizzazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet; u
    • jkolllha sistemi ta’ kontabilità separati.
  • Soġġett għal salvagwardji xierqa li jkunu fis-seħħ biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-maniġer tal-infrastruttura fir-rigward tal-funzjonijiet essenzjali*, l-immaniġġjar tat-traffiku u l-ippjanar tal-manutenzjoni, id-Direttiva emendatorja (UE) 2016/2370 tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jagħżlu bejn mudelli ta’ organizzazzjoni differenti. Dawn il-mudelli jvarjaw minn separazzjoni strutturali sħiħa għal integrazzjoni vertikali.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2016/2370 tintroduċi regoli dwar self, dividendi lis-sidien tal-kumpaniji ferrovjarji u flussi finanzjarji f’impriżi integrati vertikalment. Dawn ir-regoli huma mfassla biex jimpedixxu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari r-riskju ta’ sussidjar reċiproku fi strutturi integrati.

Servizzi domestiċi tal-passiġġieri

Id-Direttiva emendatorja (UE) 2016/2370 tiżgura li l-kumpaniji ferrovjarji kollha jkollhom aċċess ugwali għall-binarji u l-istazzjonijiet. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ aċċess għal servizzi tal-passiġġieri bejn post ta’ tluq partikolari u destinazzjoni partikolari fejn kuntratt ta’ servizz pubbliku wieħed jew aktar ikopru l-istess rotta. Dan japplika wkoll meta kuntratt wieħed jew aktar ta’ servizz pubbliku jkopri rotta alternattiva, jekk l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kellu jikkomprometti l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt jew tal-kuntratti inkwistjoni.

Kontroll regolatorju

  • Id-Direttiva 2012/34/UE ssaħħaħ l-indipendenza tal-korpi regolatorji nazzjonali li jissorveljaw is-suq ferrovjarju nazzjonali. Dawn il-korpi jistgħu jimponu multi fil-każ ta’ kondotta mhux xierqa jew jistgħu jwettqu awditi. Il-kontroll regolatorju huwa msaħħaħ permezz ta’ koperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi regolatorji u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sikurezza u liċenzjar tal-ferroviji.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2016/2370 tagħti lill-korpi regolatorji s-setgħa li jimmonitorjaw:
    • il-ġestjoni tat-traffiku;
    • l-ippjanar ta’ tiġdid; u
    • x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni skedati kif ukoll dawk mhux skedati.

Finanzjament tas-servizz ferrovjarju

L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti għandhom iħejju strateġiji ta’ investiment fuq medda itwal ta’ żmien biex joffru aktar stabbiltà lill-maniġer tal-infrastruttura, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment u fl-ippjanar ta’ xogħlijiet, kif ukoll aktar ċertezza għall-investituri, sabiex jinkoraġġixxu kumpaniji biex jinvestu fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura. Dawn l-istrateġiji għandhom ikopru perjodu ta’ mill-inqas ħames (5) snin u dan il-perjodu għandu jkun jista’ jiġġedded.

Adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni u ta’ delega

Il-Kummissjoni Ewropea adottat serje ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jissupplimentaw id-Direttiva 2012/34/UE u jikkonċernaw dan li ġej.

  • Test ta’ ekwilibriju ekonomiku, li għandu jitwettaq fil-każ ta’ servizzi ferrovjarji ġodda għall-passiġġieri (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 869/2014). Mit-12 ta’ Diċembru 2020, ir-Regolament (UE) Nru 869/2014 se jiġi revokat u mibdul bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1795, li jiżgura li japplikaw l-istess kriterji u proċeduri għas-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji kollha, irrispettivament jekk ikunux domestiċi jew internazzjonali.
  • Kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/10).
  • Ċerti aspetti tal-proċedura ta’ liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/171).
  • Il-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/429).
  • Il-kalkolu tal-ispejjeż diretti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/909).
  • L-obbligi tar-rapportar tal-pajjiżi tal-Istati Membri rigward il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1100).
  • Proċeduri u kriterji rigward ftehim qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarjay (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/545).
  • Aċċess għall-faċilitajiet tas-servizzi u servizzi relatati mal-ferroviji (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2177).

Fl-2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni Delegata (UE) 2017/2075 li tissostitwixxi l-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE. Dan jikkonċerna l-iskeda għall-proċess tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura.

Il-pandemija tal-COVID-19

  • Ir-Regolament (UE) 2020/698 jintroduċi flessibilità temporanja rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-postponiment ta’ ċertu verifiki perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċertu oqsma tal-leġiżlazzjoni tat-trasport tal-UE biex tgħin kumpaniji u awtoritajiet jindirizzaw iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19. Ir-regolament jestendi b’sitt xhur il-limiti taż-żmien għat-twettiq tar-reviżjoni regolar tal-liċenzji u l-validità tal-liċenzji temporanji kif stipulati fid-Direttiva 2012/34/UE. L-Artikolu 13 fih ukoll regoli dwar it-trattament tal-liċenzji tal-impriżi ferrovjarji fil-każ ta’ nuqqas ta’ nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ qagħda finanzjarja tajba.
  • Ir-Regolament (UE) 2020/1429 jistabbilixxi regoli temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja sabiex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali u l-maniġers tal-infrastruttura jindirizzaw aktar faċilment għadd ta’ konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 sakemm dawk il-konsegwenzi jippersistu. Dan japplika għall-użu tal-infrastruttura għas-servizzi ferrovjarji domestiċi u internazzjonali koperti mid-Direttiva 2012/34/UE għall-perdjodu ta’ referenza tal-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Huwa jippermetti lill-maniġers tal-infrastruttura jnaqqsu, jirrinunzjaw jew jiddiferixxu t-tariffi għall-pakkett ta’ aċċess minimu u t-tariffi għar-reżervazzjonijiet. Ir-Regolament (UE) 2022/312 jestendi l-perjodu ta’ referenza ta’ miżuri temporanji introdotti mir-Regolament (UE) 2020/1429 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

  • Id-Direttiva 2012/34/UE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sas-16 ta’ Ġunju 2015.
  • L-applikazzjoni ta’ ħafna mir-regoli introdotti bid-Direttiva emendatorja (UE) 2016/2370 saret gradwalment fuq perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-14 ta’ Diċembru 2020 (ara l-Artikolu 3(2) tad-direttiva).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Maniġer tal-infrastruttura. Kwalunkwe korp jew ditta responsabbli għat-tħaddim, il-manutenzjoni u t-tiġdid ta’ infrastruttura ferrovjarja fuq network, u għall-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tagħha kif determinat minn Stat Membru bħala parti mill-politika ġenerali tiegħu dwar l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastruttura tiegħu.
Funzjonijiet essenzjali. It-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar: l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ferroviji, inklużi kemm id-definizzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tad-disponibbiltà u l-allokazzjoni ta’ mogħdijiet ta’ ferroviji individwali; u l-imposti fuq l-infrastruttura, inkluż id-determinazzjoni u l-ġbir tal-imposti.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 32-77).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/34/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2022/312 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/1429 fir-rigward tad-durata tal-perijodu ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ miżuri temporanji dwar l-impożizzjoni ta’ imposti għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 1-3).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1061 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li jestendi l-perjodu ta’ referenza tar-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 229, 29.6.2021, pp. 1-2).

Ir-Regolament (UE) 2020/1429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jistabbilixxi miżuri għal suq ferrovjarju sostenibbli fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 333, 12.10.2020, pp. 1-5).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 10-24).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/1795 tal-20 ta’ Novembru 2018 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji għall-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 21.11.2018, pp. 5-14).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2177 tat-22 ta’ Novembru 2017 dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ servizz u għas-servizzi relatati mal-ferroviji (ĠU L 307, 23.11.2017, pp. 1-13).

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/2075 tal-4 ta’ Settembru 2017 li tissostitwixxi l-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 295, 14.11.2017, pp. 69-73).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/545 tas-7 ta’ April 2016 dwar proċeduri u kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ ftehimiet qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 94, 8.4.2016, pp. 1-11).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri fil-qafas tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (ĠU L 181, 9.7.2015, pp. 1-26).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 tat-12 ta’ Ġunju 2015 dwar il-modalitajiet għall-kalkolu tal-ispiża direttament imġarrba minħabba t-tħaddim tas-servizz ferrovjarju (ĠU L 148, 13.6.2015, pp. 17-22).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/429 tat-13 ta’ Marzu 2015 li jistabbilixxi l-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-imposti għall-ispejjeż tal-effetti tal-istorbju (ĠU L 70, 14.3.2015, pp. 36-42).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/171 tal-4 ta’ Frar 2015 dwar ċerti aspetti tal-proċedura ta’ liċenzjar tal-impriżi ferrovjarji (ĠU L 29, 5.2.2015, pp. 3-10).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/10 tas-6 ta’ Jannar 2015 dwar kriterji għall-applikanti għall-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 870/2014 (ĠU L 3, 7.1.2015, pp. 34-36).

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 869/2014 tal-11 ta’ Awwissu 2014 dwar servizzi ġodda għall-passiġġieri ferrovjarji (ĠU L 239, 12.8.2014, pp. 1-10).

l-aħħar aġġornament 03.03.2022

Top