EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli ġodda għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ tagħmir tar-radju

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2014/53/UE li tarmonizza l-liġijiet tal-Istati Membri tal-UE marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Huwa jistabbilixxi r-regoli biex tagħmir tar-radju jitpoġġa fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea (UE).
  • Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jżommu l-pass mal-għadd u l-varjetà dejjem tikber ta’ tagħmir tar-radju, sabiex jiżguraw li dawn ma jinterferixxux ma’ xulxin u li jirrispettaw ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sigurtà.
  • Id-direttiva tistabbilixxi wkoll mezzi addizzjonali għas-sorveljanza tas-suq biex tintraċċa u timmonitorja l-prodotti li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali (eż. is-saħħa u s-sigurtà).
  • Hija tħassar id-Direttiva 1999/5/KE b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2016.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Id-direttiva tapplika għat-tagħmir kollu li jipproduċi jew jirċievi l-mewġ tar-radju għad-determinazzjoni bir-radju (determinazzjoni tal-pożizzjoni, tal-veloċità jew ta’ karatteristiċi oħrajn ta’ oġġett li juża mewġ tar-radju) jew għal finijiet ta’ komunikazzjoni. L-apparat jinkludi telefons ċellulari, apparat li jiftaħ il-bibien tal-karozzi u modems.
  • Hija ma tkoprix tagħmir tar-radju li jintuża għas-sigurtà pubblika u għal attivitajiet ta’ difiża jew tagħmir tar-radju użat minn dilettanti tar-radju.
  • Ir-Regolament emendatorju (UE) 2018/1139 dwar regoli tal-avjazzjoni ċivili (ara s-sommarju) jeskludi wkoll mill-ambitu tad-Direttiva 2014/53/UE t-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej li huwa maħsub esklussivament għall-użu fl-ajru:
    • inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, flimkien ma’ magni assoċjati, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat;
    • inġenji tal-ajru bla ekwipaġġ, flimkien ma’ magni assoċjati, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont dak ir-regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-regolamenti tar-radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett.

Obbligi tal-manifatturi, tal-importaturi u tad-distributuri

  • Id-Direttiva fiha listi ta’ obbligi fuq il-manifatturi (l-Artikolu 10), l-importaturi (l-Artikolu 12) u d-distributuri (l-Artikolu 13).
  • Pereżempju, qabel ma l-manifatturi jpoġġu t-tagħmir tar-radju tagħhom fis-suq għall-bejgħ, jeħtieġ li jiżguraw li dan kien iddisinjat u manifatturat b’tali mod li jissodisfa għadd ta’ rekwiżiti essenzjali. Wieħed minn dawn huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tan-nies u tal-annimali domestiċi.
  • Rekwiżiti oħrajn huma stabbiliti fl-Artikolu 3 u għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ data personali u privatezza, mal-protezzjoni kontra l-frodi u mal-aċċess għal servizzi ta’ emerġenza.

Ċarġers tal-batteriji

  • Fis-7 ta’ Diċembru 2022, id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/2380 irrevediet ir-regoli u r-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2014/53/UE. Din:
    • tistabbilixxi interfaċċa tal-iċċarġjar armonizzata għal ċerti kategoriji u klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili;
    • tarmonizza l-protokoll tal-kommunikazzjoni tal-iċċarġjar għal tali tagħmir tar-radju;
    • tistabbilixxi l-qafas għall-adattament futur tal-interfaċċa armonizzata għall-iċċarġjar u l-armonizzazzjoni potenzjali futura għar-rekwiżiti tal-iċċarġjar għat-tagħmir tar-radju li jista’ jerġa’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ kwalunkwe mezz ħlief iċċarġjar bil-fili;
    • tippermetti lill-konsumaturi l-għażla li jixtru tagħmir tar-radju mingħajr ma jkollhom jixtru ċarġer;
    • ittejjeb l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi.
  • Ir-rekwiżiti l-ġodda jsiru applikabbli wara 24 xahar. B’riżultat ta’ dan, minn Diċembru 2024, kull mowbajl, tablet, kamera diġitali, console tal-logħob tal-vidjows li jinżammu fl-idejn, headphones, headsets, speakers portabbli, qarrej elettroniku, tastiera, mouse, sistema ta’ navigazzjoni portabbli u earbud ser ikollhom ikunu mgħammra bl-interfaċċa tal-iċċarġjar armonizzata (jiġifieri b’port tal-iċċarġjar USB-C). Fil-każ tal-laptops, ir-rekwiżiti se japplikaw minn April 2026.

Atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea adottat żewġ atti delegati.

  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/320 jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE rigward l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti essenzjali sabiex jisgura l-lokalizzazzjoni ta’ min qed iċempel f’komunikazzjonijiet ta’ emerġenza minn mowbajl li jinżammu fl-idejn b’karatteristiċi simili għal dawk ta’ kompjuter f’termini ta’ kapaċità ta’ trattament u ħażna tad-data.
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/30 jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/KE fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali. Dan jeħtieġ li l-manifatturi jintegraw kunsiderazzjonijiet dwar il-privatezza u d-data personali, is-sigurtà tan-network u l-prevenzjoni tal-frodi fid-disinn tat-tagħmir tar-radju.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

Id-direttiv kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-12 ta’ Ġunju 2016. Ir-regoli għandhom japplikaw mit-13 ta’ Ġunju 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, pp. 62–106).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/53/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/320 tat-12 ta’ Diċembru 2018 jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali riferuti fl-Artikolu 3(3)(g) ta’ dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta’ min qed iċempel f’komunikazzjonijiet ta’ emerġenza minn apparat mobbli(OJ L 55, 25.2.2019, pp. 1–3).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 tat-29 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali riferuti fl-Artikolu 3(3), punti (d), (e) u (f), tad-Direttiva (ĠU L 7, 12.1.2022, pp. 6–10).

l-aħħar aġġornament 01.10.2023

Top