EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

IPA II: l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni 2014-2020

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 231/2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Din it-tieni fażi tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) timmira li tgħin lil pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE sabiex jimplimentaw riformi komprensivi sabiex iħejju għas-sħubija tagħhom. Dan jinkiseb l-aktar billi jallinjaw ir-regoli u l-politiki tagħhom mal-istandards u l-prattiki tal-UE.

PUNTI EWLENIN

L-objettiv ewlieni tal-IPA II huwa li joffri appoġġ lill-benefiċjarji fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi, bl-għan tas-sħubija fl-UE.

Appoġġ

L-assistenza prinċipalment tiffoka fuq għadd magħżul ta’ oqsma ta’ politika li se jgħinu lill-benefiċjarji jipprogressaw u jissodisfaw il-kriterji għall-adeżjoni mal-UE.

L-appoġġ jgħin lill-pajjiżi biex:

  • isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt;
  • jirriformaw l-amministrazzjoni ġudizzjarja u pubblika;
  • jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tolleranza u l-inklużjoni soċjali;
  • jappoġġjaw il-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transfruntiera kif ukoll l-iżvilupp territorjali;
  • itejbu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi żgħar u medji;
  • imexxu l-politiki interni tal-UE meta jissieħbu.

Benefiċjarji

L-IPA II se jippermetti appoġġ kontinwu lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali, jiġifieri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Kosovo*, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija.

Approċċ effiċjenti u flessibbli

  • Għal aktar effiċjenza, l-għajnuna hija aktar orjentata lejn ir-riżultati, flessibbli u mfassla għal ħtiġijiet speċifiċi. Il-koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress globali magħmul fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni se tissaħħaħ.
  • Dan se jinkiseb billi:
    • jiġu żgurati inċentivi għal pajjiżi li jagħmlu progress bir-riformi tagħhom, u f’każ ta’ nuqqas ta’ prestazzjoni, il-fondi se jiġu allokati mill-ġdid;
    • jiġu indirizzati aktar mill-qrib il-bżonnijiet tal-benefiċjarji u jitqiesu aħjar il-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi tagħhom;
    • ikun hemm ingranaġġ ta’ aktar fondi u jiġu sfruttati sinerġiji ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, filwaqt li l-fondi tal-UE jaġixxu bħala katalizzatur għall-investiment fl-infrastruttura lokali.

Baġit u implimentazzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 jistabbilixxi l-baġit tal-IPA II għall-2014-2020 għal EUR 11.699-il biljun. Ħafna mir-regoli u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm jistgħu jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 (ara s-sommarju), regolament trażversali li jallinja u jissimplifika l-implimentazzjoni tal-istrumenti esterni kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 447/2014. Dan jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 u regoli dettaljati li jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 fir-rigward ta’:

  • il-metodi ta’ implimentazzjoni,
  • il-ġestjoni finanzjarja,
  • il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar,
  • it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-assistenza tal-IPA II, kif ukoll
  • regoli speċifiċi għall-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tal-politika, il-“kooperazzjoni reġjonali u territorjali” u l-assistenza fl-ambitu tal-programmi ta’ żvilupp rurali fil-qasam tal-politika “agrikoltura u żvilupp rurali”.

Ir-Regolament (UE) Nru 447/2014 ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/891 biex jallinja r-regoli għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati fl-ambitu tal-IPA II b’miżuri speċifiċi b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Dan jippermetti:

  • rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % li għandha tiġi applikata għan-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għall-ħlas matul is-sena kontabilistika li tibda mill-1 ta’ Lulju 2020 u li tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2021 għal assi ta’ prijorità wieħed jew aktar, fuq talba tal-awtorità ta’ ġestjoni;
  • fl-ewwel jum tas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u li tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2022, ir-rata ta’ kofinanzjament għandha terġa’ lura awtomatikament għal-livell li kienet fil-jum meta t-talba għall-modifika tar-rata ta’ kofinanzjament ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni;
  • għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn pajjiż tal-UE wieħed jew aktar u benefiċjarju tal-IPA II wieħed jew aktar, l-awtorità ta’ ġestjoni tista’ tittrasferixxi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni ammont sa 8 % tal-allokazzjoni mill-1 ta’ Frar 2020 ta’ prijorità u mhux aktar minn 4 % tal-baġit tal-programm għal prijorità oħra tal-istess programm. Trasferimenti bħal dawn m’għandhomx jaffettwaw is-snin ta’ qabel u għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u ma jirrikjedux deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda l-programm. Madankollu, dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji kollha u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-kumitat konġunt ta’ monitoraġġ. Il-pajjiż tal-UE inkwistjoni għandu jinnotifika l-pjan ta’ finanzjament rivedut lill-Kummissjoni.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 11-26)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 447/2014 tat-2 ta’ Mejju 2014 dwar ir-regoli speċifiċi tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ĠU L 132, 3.5.2014, pp. 32-52)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 447/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 95-108)

Ara l-verżjoni konsolidata.


*Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

l-aħħar aġġornament 20.08.2020

Top