EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tisħiħ tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-reazzjoni għal diżastri fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (il-mekkaniżmu) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tal-UE u jiffaċilita l-koordinazzjoni bejniethom fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex tevita, tipprepara għal u tirrispondi għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem fl-UE u barra minnha.
  • Deċiżjoni (UE) 2019/420, li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, issaħħaħ b’mod partikolari l-kapaċità kollettiva tal-UE biex tiffaċċja diżastri naturali. Din tintroduċi wkoll ir-riżerva “rescEU”, li tipprovdi riżerva addizzjonali ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni fil-livell Ewropew. rescEU ġiet estiża suċċessivament sabiex tintroduċi kapaċitajiet oħra. .
  • Regolament (UE) 2021/836, li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, isaħħaħ is-solidarjetà Ewropea, b’mod partikolari għal emerġenzi fuq skala kbira li jagħmlu impatt fuq bosta pajjiżi fl-istess ħin (bħall-pandemija tal-COVID-19) fejn intwera li assistenza volontarja u nazzjonali ma kinitx suffiċjenti. Il-mekkaniżmu ser ikun ippreparat aħjar, iktar flessibbli u kapaċi jwieġeb iktar malajr u ser joffri appoġġ iktar komprensiv u transettorjali lill-Istati Membri u liċ-ċittadini tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

L-objettiv ewlieni tal-mekkaniżmu huwa li jtejjeb l-effettività tas-sistemi għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għar-reazzjoni għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem ta’ kull tip fl-UE u barra minnha. Għalkemm l-enfasi tiegħu huwa fuq li jipproteġi lin-nies, huwa jkopri wkoll l-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt naturali.

L-objettivi speċifiċi tal-mekkaniżmu huma li:

  • jilħaq livell għoli ta’ protezzjoni kontra d-diżastri billi:
    • jevita jew inaqqas l-effetti potenzjali tagħhom,
    • irawwem kultura ta’ prevenzjoni; u
    • jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-protezzjoni ċivili u servizzi rilevanti oħrajn;
  • isaħħaħ it-tħejjija għal reazzjoni għad-diżastri kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE;
  • jiffaċilita r-reazzjoni rapida u effiċjenti fil-każ ta’ diżastri jew ta’ diżastri imminenti, inkluż permezz tat-teħid ta’ miżuri għall-mitigazzjoni tal-konsegwenzi immedjati tad-diżastri;
  • iżid is-sensibilizzazzjoni pubblika u t-tħejjija għad-diżastri;
  • iżid id-disponibbiltà u l-użu tal-għarfien xjentifiku dwar id-diżastri; u
  • isaħħaħ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livell transkonfinali u bejn l-Istati Membri suxxettibbli għall-istess tipi ta’ diżastri.

Prevenzjoni u ġestjoni tar-riskju

Il-prevenzjoni tad-diżastri hija fokus maġġur tal-mekkaniżmu, b’enfasi partikolari fuq l-ippjanar tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-ġestjoni tar-riskju. Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE kif emedata minn Deċiżjoni (UE) 2019/420 teħtieġ li l-Istati Membri:

  • jiżviluppaw ulterjorment il-valutazzjoni tal-kapaċità għall-ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali jew fil-livell subnazzjonali xieraq;
  • kull 3 snin, jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea sommarju tal-elementi rilevanti tal-valutazzjoni, li jiffoka fuq ir-riskji prinċipali;
  • jipparteċipaw, fuq bażi volontarja, f’reviżjonijiet bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tal-kapaċità għall-ġestjoni tar-riskju.

Kif definit fir-Regolament emendatorju (UE) 2021/836, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tiddefinixxi u tiżviluppa għanijiet tal-UE marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri. Dawn l-għanijiet mhux vinkolanti ser ikunu stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u ser ikunu bbażati fuq xenarji li jużaw sitwazzjonijiet kurrenti u xenarji prospettivi, li jikkunsidraw id-data ta’ avvenimenti tal-passat u l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq riskji ta’ diżastri.

In-Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili

Sabiex ittejjeb it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien, id-Deċiżjoni emendatorja (UE) 2019/420 tirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi network ta’ riċerkaturi, korpi u istituzzjonijiet rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri, inklużi ċentri ta’ eċċellenza u universitajiet. Flimkien mal-Kummissjoni, dawn jiffurmaw Network tal-Unjoni ta’ għarfien dwar il-protezzjoni ċivili.

Fl-10 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni waqqfet formalment in-network tal-għarfien (Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/1956). Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tistabbilixxi l-istruttura ta’ governanza tan-network ta’ għarfien u l-mod kif jopera. L-istruttura ta’ governanza tan-network ta’ għarfien hi magħmula minn bord u żewġ pilastri ta’ gruppi ta’ ħidma (żvilupp tal-kapaċità u xjenza). Is-segretarjat qed jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha wkoll:

  • issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar it-taħriġ u l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza bejn in-network Ewropew ta’ għarfien għall-protezzjoni ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi mhux tal-UE;
  • tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni sabiex tagħmel ir-riżultati tal-miżuri meħuda taħt il-mekkaniżmu viżibbli għaċ-ċittadini; u
  • tagħti medalji sabiex tirrikonoxxi u tonora l-impenji fit-tul u l-kontributi straordinarji lejn il-mekkaniżmu.

Ċentru ta’ Koordinazzjoni għar-Rispons ta’ Emerġenza(ERCC)

Sabiex tissaħħaħ it-tħejjija u r-reazzjoni għad-diżastri fil-livell tal-UE, hemm Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) li jopera 24 siegħa kuljum immexxi mill-Kummissjoni fi Brussell. L-ERCC hu ċentru ta’ koordinazzjoni u l-għan operazzjonali tal-mekkaniżmu.

Għodda addizzjonali jinkludu:

  • is-sistema komuni ta’ komunikazzjoni u informazzjoni f’każ ta’ emerġenza, għodda tal-IT li tippermetti komunikazzjoni immedjata ta’ emerġenza fost il-pajjiżi parteċipanti;
  • eżerċizzji u programm ta’ taħriġ biex titjieb il-kapaċità ta’ reazzjoni għad-diżastri tal-Istati Membri u l-koordinazzjoni tal-assistenza tal-protezzjoni ċivili;
  • moduli tal-protezzjoni ċivili, li huma unitajiet ta’ persunal u tagħmir lesti biex jiġu mmobilizzati;
  • ir-riżerva Ewropea ta’ protezzjoni ċivili: li hi riżerva volontarja ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni għad-diżastri tal-Istati Membri tal-UE impenjati minn qabel, lesti biex ikunu mobilizzati għall-operazzjonijiet tal-protezzjoni ċivili tal-UE. Din tinkludi moduli ta’ kwalità għolja ta’ timijiet ta’ sokkors, esperti u apparat u tirċievi rati ogħla ta’ ko-finanzjament mill-UE.

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2021/836 jagħti lill-ERCC kapaċitajiet imtejba operazzjonali, analitiċi, ta’ monitoraġġ, ta’ ġestjoni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

rescEU

Deċiżjoni Emendatorja (UE) 2019/420 tistabbilixxi wkoll rescEU, riżerva addizzjonali ta’ kapaċitajiet biex tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet fejn b’mod ġenerali kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali u l-kapaċitajiet li kienu ġew allokati mill-Istati Membri tal-UE lir-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux biżżejjed biex tiġi żgurata reazzjoni effettiva.

Il-kompożizzjoni inizjali ta’ rescEU f’termini ta’ rekwiżiti ta’ kapaċitajiet u kwalità kienet stabbilita b’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 rescEU inizjalment kienet magħmula minn kapaċitajiet għal:

  • tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru;
  • evakwazzjoni medika mill-ajru;
  • timijiet mediċi ta’ emerġenza; u
  • kumulazzjoni ta’ riżerva medika.

L-iskop tiegħu kien sussegwentement estiż biex ikopri kumulazzjoni ta’ riżerva, dekontaminazzjoni fiż-żona tal-inċidenti CBRN u kapaċitajiet għat-trasport u loġistika (ara hawn taħt).

Regolament Emendatorju (UE) 2021/836 daħħal il-possibbilità għall-Kummissjoni biex tikseb direttament kapaċitajiet rescEU fil-qasam tat-trasport u tal-loġistika u kapaċitajiet oħra (biss f’każijiet debitament ġustifikati f’każ ta’ urġenza). Kapċitajiet rescEU huma ffinanzjati kompletament mill-Kummissjoni.

Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-kapaċitajiet tar-rescEU, filwaqt li tqis:

  • ir-riskji identifikati u emerġenti; u
  • l-kapaċitajiet u l-lakuni ġenerali fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fl-oqsma ta’:
    • tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru,
    • inċidenti CBRN,
    • reazzjoni medika ta’ emerġenza, u
    • trasport u loġistika.

Il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 tmien darbiet.

  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1930 tipprovdi għal żewġ tipi differenti ta’ kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika rispettivament għal:
    • vittmi ta’ diżastri b’mard li jittieħed ħafna; u
    • vittmi ta’ diżastri b’mard li ma jitteħidx.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/414, b’rispons għall-konkulżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-COVID-19, iżżid l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ kontromiżuri mediċi, tagħmir mediku tal-kura intensiva u tagħmir protettiv personali bil-għan li tiġġieled theddid transkonfinali għas-saħħa mar-responsabbiltajiet ta’ rescEU.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/452 tistabbilixxi l-kapaċitajiet ta’ rescEU biex jiġu ġestiti riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli. Sabiex jiġu stabbiliti dawn il-kapaċitajiet, ġew definiti l-kategoriji ta’ riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli, filwaqt li tqiesu x-xenarji possibbli għal tali riskji.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/88 temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, u testendi l-iskop tagħha biex tinkludi fir-responsabbiltajiet ta’ rescEU d-dekontaminazzjoni minn aġenti CBRN tal-infrastruttura, bini, vetturi, tagħmir u evidenza kritika. Din ir-responsabbiltà tista’ tinkludi wkoll id-dekontaminazzjoni xierqa tal-persuni affettwati, inklużi l-fatalitajiet.
  • Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/288 temenda Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, u testendi l-iskop tagħha biex tkopri faċilitajiet ta’ kenn temporanju u timijiet mediċi ta’ emerġenza bħala parti mir-riżerva ta’ rescEU.
  • Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/461 temenda Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, u testendi l-iskop tagħha biex tkopri kapaċitajiet ta’ trasport u loġistika bħala parti mir-riżerva ta’ rescEU.
  • Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/465 temenda Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, u testendi l-iskop tagħha biex tkopri faċilitajiet ta’ laboratorji mobbli flimkien ma’ kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN bħala parti mir-riżerva ta’ rescEU.
  • Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1198 temenda Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, b’rispons għall-vulnerabbiltà ta’ infrastruttura kritika relatata mal-enerġija esposta bil-gwerra fl-Ukrajna billi tinkorpora kapaċitajiet ta’ provvista tal-enerġija ta’ emerġenza bħala parti mir-riżerva tar-rescEU.

Regoli ulterjuri ta’ implimentazzjoni għar-rescEU huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1310. Dan l-att ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi r-regoli kollha meħtieġa għal operazzjoni ta’ rescEU bħall-kriterji għall-iskjerament u t-talbiet konfliġġenti, ir-regoli dwar id-demobilizzazzjoni u r-regoli dwar l-użu nazzjonali.

Baġit

  • Ftit aktar minn €574.02 miljun ġew allokati għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għall-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020.
  • Il-finanzjament żdied sostanzjalment għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027, b’allokazzjoni ta’ €1.26 biljun flimkien ma’ ammont sa €2.06 biljun għal miżuri relatati mal-protezzjoni ċivili biex jindirizzaw l-impatt tal-kriżi ta’ COVID-19 maħsuba fl-istrument tal-UE għall-irkupru (ara s-sommarju).

Parteċipazzjoni

Il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu u fid-diversi għodda elenkati hawn fuq hija miftuħa għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għall-pajjiżi fil-fażi ta’ adeżjoni, għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali. L-Istati Membri flimkien mal-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja u t-Turkija jipparteċipaw fil-mekkaniżmu.

Oħrajn

Fil-5 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/706, li tistabbilixxi l-kriterji u l-proċeduri għall-għoti ta’ medalji biex tirrikonoxxi l-impenn fit-tul u l-kontribuzzjonijiet straordinarji għall-mekkaniżmu. L-att ta’ implimentazzjoni jaħseb għal żewġ tipi ta’ medalji, waħda għal impenn fit-tul u waħda għal kontribuzzjoni straordinarja, waqt li l-iskop tal-premju jkopri l-attivitajiet taċ-ċiklu sħiħ tal-ġestjoni tad-diżastru. Il-medalji ser jingħataw fil-Forum għall-Premju Ċivili Ewropew jew f’ċerimonji oħra formali fuq bażi ad hoc.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 924-947).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/706 tal-5 ta’ Mejju 2022 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni ta’ Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji u l-proċeduri għar-rikonoxximent tal-impenn fit-tul u l-kontribuzzjonijiet straordinarji għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 132, 6.5.2022, pp. 102-106).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1956 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar it-twaqqif u l-organizzazzjoni tan-Network tal-Unjoni tal-Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 399, 11.11.2021, pp. 1-7).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1310 tal-31 ta’ Lulju 2019 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-operat tar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili u r-rescEU (ĠU L 204, 2.8.2019, pp. 94-99).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, pp. 41-45).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/142 tal-15 ta’ Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE li tistipula regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 25, 30.1.2018, pp. 40-48).

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE tas-16 ta’ Ottubru 2014 li tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u li tħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/277/KE, Euratom u 2007/606/KE, Euratom (ĠU L 320, 6.11.2014, pp. 1-45).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni Interim tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (2014-2016) — Akkumpanjament tad-dokument — Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:dwar l-Evalwazzjoni Interim tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2014-2016 (SWD(2017) 287 finali, 30.8.2017).

l-aħħar aġġornament 19.05.2022

Top