EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Insolvu t-tilwimiet bejn il-konsumaturi u l-operaturi tas-suq li jirriżultaw mix-xiri fuq l-internet

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi

X'INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Għandu l-għan li joħloq pjattaforma ta’ Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR) (sit elettroniku) fil-livell tal-UE.
  • Il-konsumaturi u l-operaturi tas-suq ser ikunu jistgħu jużaw il-pjattaforma sabiex isolvu tilwimiet meta jkollhom problema bi prodott jew servizz li jkunu xtraw fi kwalunkwe pajjiż fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Il-proċedura ta’ ilment tinvolvi liż-żewġ partijiet u l-korp ta’ medjazzjoni (Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim jew ADR) illi huma jaqblu li jużaw. Dawn il-korpi – li wħud minnhom joperaw online – joffru parti newtrali bħal ombudsman jew medjatur. Xogħolhom huwa li jipproponu jew jimponu soluzzjoni jew li jġibu lill-partijiet flimkien sabiex ikunu jistgħu jsibu soluzzjoni.

Il-proċedura kollha tista’ tiġi mmaniġġjata malajr online, għalhekk, il-biċċa l-kbira tat-tilwimiet għandhom jiġu solvuti fi żmien 90 jum.

Il-pjattaforma ODR

Il-Kummissjoni Ewropea sejra tiżviluppa, topera u żżomm il-pjattaforma ODR. Din sejra tibda topera f’Jannar 2016 u tkun

  • sit elettroniku interattiv u faċli biex jintuża mill-utenti;
  • miftuħa għal kwalunkwe klijent jew operatur tas-suq fl-UE;
  • disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;
  • bla ħlas.

Il-pjattaforma għandha diversi funzjonijiet. Dawn jinkludu li tiġi offruta formola elettronika għas-sottomissjoni tal-ilment, li l-konvenut jiġi informat dwar l-ilment, li jiġu identifikati l-korpi ta’ medjazzjoni nazzjonali u l-immaniġġjar tal-każijiet b’mod elettroniku.

Kull pajjiż tal-UE għandu jaħtar punt ta’ kuntatt ODR wieħed, li jospita mill-inqas żewġ konsulenti ODR. Il-kummissjoni sejra tistabbilixxi wkoll netwerk ta’ punti ta’ kuntatt ODR.

Ladarba tkun ġiet sottomessa formola elettronika tal-ilment lill-pjattaforma ODR, il-pjattaforma tagħmel kuntatt malajr u titlob reazzjoni mill-parti konvenuta. Barra minn hekk, hija għandha tittrasmetti l-ilment lill-korp ta’ medjazzjoni li l-partijiet jaqblu li jużaw. Jekk il-korp ta’ medjazzjoni jaqbel li jittratta t-tilwima, dan għandu jagħmel ħiltu kollha biex isolvi t-tilwima malajr u mbagħad jinforma lill-pjattaforma ODR bir-riżultati tal-proċedura.

Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim

Il-pjattaforma ODR tista’ tiġi aċċessata minn fuq il-portal L-Ewropa Tiegħek. Hija sejra tkun konnessa wkoll mal-korpi ta’ medjazzjoni nazzjonali kollha li ġew stabbiliti u nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mad-Direttiva tal-UE dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR).

Kemm ir-Regolament dwar l-ODR kif ukoll id-Direttiva dwar l-ADR ġew adottati f’Mejju 2013.

Il-pjattaforma tal-ODR saret aċċessibbli għall-konsumaturi u n-negozjanti fil-15 ta' Frar 2016.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Beda japplika mid-9 ta' Jannar 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, pp. 1–12)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, pp. 63–79)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1051 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi (ĠU L 171, 2.7.2015, pp. 1–4)

l-aħħar aġġornament 30.08.2016

Top