EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-iżgurar ta’ splussivi sikuri għal użu mhux militari

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2014/28/UE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni tal-isplussivi għall-użi ċivili

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi regoli għat-tqegħid fis-suq u s-sorveljanza ta’ splussivi għall-użu ċivili fl-Unjoni Ewropea (UE). Dan ma japplikax għal:

  • splussivi maħsuba biex jintużaw mill-forzi armati jew il-pulizija;
  • oġġetti pirotekniċi (logħob tan-nar); jew
  • munizzjon (soġġett għal eċċezzjonijiet).

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tistipula r-responsabbiltajiet tal-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri fir-rigward tal-kummerċ fl-isplussivi kummerċjali.

  • Splussivi li jitqiegħdu fis-suq tal-UE għandu jkollhom il-marka ta’ konformità CE li turi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza essenzjali kollha skont il-liġi tal-UE.
  • Biex tinkiseb il-marka CE, il-manifattur għandu jwettaq valutazzjoni tal-konformità, ifassal dokumentazzjoni teknika dettaljata għall-prodotti u jiżgura li dawn ikunu traċċabbli.
  • L-importaturi għandhom jiċċekkjaw jekk il-manifatturi wettqux il-valutazzjonijiet tal-konformità b’mod korrett u għandhom jinfurmaw lill-awtorità nazzjonali maħtura biex tissorvelja s-sikurezza jekk jemmnu li l-isplussiv jirrappreżenta riskju.
  • Id-dokumentazzjoni meħtieġa kollha għandha tiġi rreġistrata u għandha tinżamm għal 10 snin.
  • Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni ta’ sikurezza għandhom jinkitbu f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali.
  • Il-manifatturi u l-importaturi għandhom jipprovdu l-indirizz postali tagħhom fuq l-isplussiv.
  • Id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-isplussiv ikollu l-marka CE u li jkun akkumpanjat mid-dokumenti meħtieġa u minn struzzjonijiet miktuba f’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. Jekk dawn jemmnu li l-isplussivi jirrappreżentaw riskju, għandhom jinfurmaw lill-awtorità nazzjonali maħtura biex tissorvelja s-sikurezza kif xieraq.

Barra minn hekk, id-Direttiva:

  • tistabbilixxi ir-rekwiżiti għall-korpi li jwettqu valutazzjonijiet ta’ konformità, li għandhom ikunu indipendenti u imparzjali;
  • tispeċifika l-passi li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq biex jidentifikaw prodotti li mhumiex konformi, jipprevjenu l-importazzjoni ta’ prodotti perikolużi minn pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u jieħdu kwalunkwe azzjoni korrettiva adegwata.

Din id-direttiva tħassar u tissostitwixxi d-Direttivi 93/15/KEE u 2004/57/KE mill-20 ta’ April 2016. Żewġ atti ta’ implimentazzjoni, adottati waqt li d-Direttiva 93/15/KEE kienet fis-seħħ, għadhom japplikaw:

  • Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/388/KE tistabbilixxi d-dokument mudell (magħruf bħala t-trasferiment intra-Komunitarju ta’ dokument dwar l-isplussivit) li għandu jiġi aċċettat mill-awtoritajiet rilevanti bħala dokument ta’ trasferiment validu biex jakkumpanja l-isplussivi għal trasferimenti bejn l-Istati Membri sakemm l-isplussivi jaslu fid-destinazzjoni tagħhom.
  • Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE tintroduċi sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-negozji fis-settur tal-isplussivi li jimmanifatturaw jew jimpurtaw l-isplussivi jew li jimmuntaw detonaturi jimmarkaw l-isplussivi u kull unità ta’ imballaġġ żgħira kemm hi żgħira b’identifikazzjoni unika.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva kellha tiġi trasposta sad-19 ta’ April 2016. Dawn ir-regoli ilhom japplikaw mill-20 ta’ April 2016.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2014/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi ċivili (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 1-44).

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/43/KE tal-4 ta’ April 2008 li tistabbilixxi, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/15/KEE, sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċabilità tal-isplussivi għall-użi ċivili (OJ L 94, 5.4.2008, pp. 8-12).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2008/43/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/388/KE tal-15 ta’ April 2004 dwar trasferiment intra-Komunitarju ta’ dokument dwar l-isplussivi (ĠU L 120, 24.4.2004, p. 43-47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 02.08.2022

Top