EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tnaqqis tar-riskji - id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

Is-severità u l-frekwenza tad-diżastri naturali żdiedu b’mod stabbli fl-aħħar għexieren ta’ snin, parzjalment bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali. L-Ewropa hija kontinent b’popolazzjoni densa u ekonomikament żviluppat. Dan ifisser li meta l-Ewropa tintlaqat minn diżastri, dawn jistgħu tabilħaqq jolqtuha ħażin ħafna u jikkawżaw ukoll ħsara ekonomika serja

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: Il-ġestjoni tar-riskji għall-kisba ta’ reżiljenza (COM(2014) 216 final tat-8.4.2014).

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: Il-ġestjoni tar-riskji għall-kisba ta’ reżiljenza (Ġunju 2014) (ara p. 29-33).

SOMMARJU

Is-severità u l-frekwenza tad-diżastri naturali żdiedu b’mod stabbli fl-aħħar għexieren ta’ snin, parzjalment bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, l-urbanizzazzjoni, it-tkabbir tal-popolazzjoni u d-degradazzjoni ambjentali. L-Ewropa hija kontinent b’popolazzjoni densa u ekonomikament żviluppat. Dan ifisser li meta l-Ewropa tintlaqat minn diżastri, dawn jistgħu tabilħaqq jolqtuha ħażin ħafna u jikkawżaw ukoll ħsara ekonomika serja

It-telf annwali medju mid-diżastri naturali żdied minn €9 biljun fis-snin tmenin (1980s) għal aktar minn €13-il biljun fis-snin elfejn (2000s). Il-politiki dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji huma essenzjali sabiex jiġu indirizzati dawn ix-xejriet allarmanti.

L-enfasi ewlenija tal-leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea (UE) hija fuq il-politika u l-azzjoni ta’ tħejjija u prevenzjoni. Domestikament, il-mekkaniżmu jistabbilixxi impenji ġodda għall-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tar-riskju ulterjuri, il-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tar-riskji, l-użu ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari għall-pajjiżi tal-UE sabiex dawn jitgħallmu minn xulxin fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, kif ukoll il-bażi ta’ evidenza u għarfien għall-ġestjoni tad-diżastri. Is-soluzzjonijiet innovattivi għall-finanzjament tal-prevenzjoni tad-diżastri huma wkoll prominenti fuq l-aġenda, inkluż l-użu tal-assigurazzjoni bħala għodda għall-ġestjoni tad-diżastri u bħala inċentiv għall-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri ġew inklużi f’għadd ta’ politiki ewlenin tal-UE, inkluża l-politika ta’ koeżjoni, is-saħħa, il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ekosistemi, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-ilma, il-ġestjoni tar-riskji ta’ għargħar, il-prevenzjoni ta’ inċidenti industrijali kbar, il-finanzjament ta’ riskju, is-sikurezza nukleari, it-trasport, l-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

X’TGĦID DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni Wara l-2015: Il-Ġestjoni tar-Riskji għall-kisba ta’ Reżiljenza. Appoġġjata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill, hija tappoġġja pożizzjoni komuni tal-UE għan-negozjati globali fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar Qafas għal Azzjoni ġdid wara l-2015 għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri.

Il-Kummissjoni sawret ir-rakkomandazzjonijiet abbażi tal-kisbiet tal-imgħoddi fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri miksuba minn firxa ta’ politiki tal-UE, inklużi l-protezzjoni ċivili, il-ħarsien ambjentali, is-sigurtà interna, l-adattament għat-tibdil fil-klima, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-azzjoni esterna. Dawn il-kisbiet huma kontribut importanti tal-UE lejn it-tiswir ta’ politika koerenti dwar il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri fil-livell Ewropew u internazzjonali.

Proposti ewlenin tal-Kummissjoni

  • 1.

    Aktar trasparenza u governanza aħjar tal-Qafas ġdid ta’ Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: il-Kummissjoni tissuġġerixxi standards ta’ governanza, reviżjonijiet perjodiċi bejn il-pari mill-pajjiżi u l-ġbir u l-kondiviżjoni ta’ dejta globalment komparabbli dwar it-telf u l-perikli tad-diżastri.

  • 2.

    Enfasi fuq ir-riżultati: il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ miri u azzjonijiet li jistgħu jitkejlu għat-tnaqqis tar-riskji ta’ diżastri.

  • 3.

    Il-miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri għandhom jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli u intelliġenti: l-infrastruttura u l-proġetti ewlenin kollha għandhom ikunu sensittivi għar-riskji u reżiljenti għall-klima u d-diżastri (jiġifieri għandhom jinbnew b’tali mod li jkunu kemm jista’ jkun reżistenti biex jifilħu għad-diżastri). It-teknoloġiji u l-istrumenti innovattivi maħsuba biex jappoġġjaw il-ġestjoni tad-diżastri għandhom jiġu inkoraġġiti aktar (l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ twissija bikrija, infrastruttura u bini reżiljenti, infrastruttura ekoloġika, il-komunikazzjoni tar-riskji, eċċ.) sabiex iwasslu għal opportunitajiet akbar ta’ negozju u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku.

  • 4.

    Attenzjoni speċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli: il-Kummissjoni qiegħda tistenna wkoll li l-Qafas ġdid ta’ Hyogo għal Azzjoni jkun aktar sensittiv għas-sessi u li jkun immirat għal gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, il-persuni mingħajr dar u l-foqra. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-bini ta’ reżiljenza fl-ambjenti urbani u rurali vulnerabbli kollha, kif ukoll fiż-żoni kostali.

  • 5.

    Flimkien mal-perikli naturali, qafas internazzjonali komprensiv għandu jindirizza wkoll il-kunflitti u forom oħrajn ta’ vjolenza u fraġilità tal-istat (pajjiżi b’kapaċitajiet u istituzzjonijiet statali dgħajfa) kif ukoll ir-riskji teknoloġiċi (pereżempju, nukleari), l-insigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-epidemiji.

SFOND

L-UE tappoġġja l-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni li jippromwovi t-tnaqqis u s-sensibilizzazzjoni tar-riskju ta’ diżastri madwar id-dinja. Hija tinkoraġġixxi wkoll l-inklużjoni ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fil-qafas ta’ wara l-2015 għall-eradikazzjoni tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli. F’dan il-kuntest, fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni dwar il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni Wara l-2015: Il-Ġestjoni tar-Riskji għall-kisba ta’ Reżiljenza. Dan ikkontribwixxa għat-tiswir ta’ pożizzjoni komuni tal-UE matul in-negozjati internazzjonali fuq il-qafas internazzjonali (NU) imġedded għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.

Il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni (HFA) “Il-bini tar-reżiljenza tan-nazzjonijiet u l-komunitajiet għad-diżastri” huwa pjan ta’ 10 snin adottat minn 168 pajjiż membru tan-NU, li volontarjament impenjaw ruħhom li jaħdmu fuq 5 prijoritajiet għal azzjoni bil-għan li jagħmlu d-dinja aktar sikura mid-diżastri naturali u tinbena reżiljenza għad-diżastri. L-HFA, li jkopri l-perjodu 2005-2015, huwa sostitwit mill-qafas ta’ wara l-2015 għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, li kien approvat waqt it-tielet konferenza Dinjija għat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri li saret f’Sendai (il-Ġappun) bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2015.

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347 tal-20.12.2013, p. 924-947).

l-aħħar aġġornament 08.12.2014

Top