EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0524

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Hansestadt Lübeck.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Tariffi tal-ajruport – Artikolu 108(2) TFUE – Ir‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Ammissibbiltà tar-rikors għal annullament – Persuna kkonċernata individwalment – Interess ġuridiku – Artikolu 107(1) TFUE – Kundizzjoni dwar is-selettività.
Kawża C-524/14 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:971

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Tariffi tal-ajruport — Artikolu 108(2) TFUE — Ir‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Ammissibbiltà tar-rikors għal annullament — Persuna kkonċernata individwalment — Interess ġuridiku — Artikolu 107(1) TFUE — Kundizzjoni dwar is-selettività”

Fil-Kawża C‑524/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche, R. Sauer u V. Di Bucci, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijet l-oħra fil-proċedura li huma:

Hansestadt Lübeck, aventi kawża ta’ Flughafen Lübeck GmbH, irrappreżentata minn M. Núñez Müller u I. Ruck, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, E. Juhász u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J. Malenovský, E. Jarašiūnas (Relatur), F. Biltgen, K. Jürimäe u M. C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-15 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni (T‑461/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:758), li permezz tagħha, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 1012 finali, tat-22 ta’ Frar 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27585 u SA.31149 (2012/C) (ex NN/2012, ex CP 31/2009 u CP 162/2010) – il-Ġermanja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna r-Regolament dwar it-tariffi tal-ajruport ta’ Lübeck (il-Ġermanja) adottat fl-2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”) u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-ajruport ta’ Lübeck kien jiġi operat minn Flughafen Lübeck GmbH (iktar ’il quddiem “FL”). Sat-30 ta’ Novembru 2005, FL kienet miżmuma 100 % mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Hansestadt Lübeck (il-belt ta’ Lübeck). Mill-1 ta’ Diċembru 2005 sal-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2009, FL kienet miżmuma 90 % mill-impriża privata minn New Zealand Infratil u 10 % mill-belt ta’ Lübeck. Mix-xahar ta’ Novembru 2009, FL kienet mill-ġdid miżmuma 100 % mill-belt ta’ Lübeck. Fl-1 ta’ Jannar 2013, l-ajruport ta’ Lübeck inbiegħ lil Yasmina Flughafenmanagement GmbH. FL ġiet assorbita mill-belt ta’ Lübeck u tneħħiet mir-reġistru kummerċjali fit-2 ta’ Jannar 2013.

3

Konformement mal-Artikolu 43a(1) tal-Luftverkehrs‑Zulassungs‑Ordnung (regolament tal-Liċenzjar għan-navigazzjoni bl‑ajru), tad-19 ta’ Ġunju 1964 (BGBl. I, p. 370), kif kien fis-seħħ fl-2006, (iktar ’il quddiem il-“LuftVZO”), FL adottat ir-Regolament tal-2006, li kien approvat mill‑awtorità tal-ajru tal-Land ta’ Schleswig‑Holstein. Dan ir-regolament japplika, sa mill-15 ta’ Ġunju 2006, għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, ħlief fil-każ ta’ ftehim konkluż bejn l-amministratur tiegħu u kumpannija tal-ajru.

4

Matul l-2007, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ kuntratt konkluż bejn FL u l-kumpannija tal-ajru Ryanair, peress li għal din il-kumpannija l-imsemmi kuntratt jistabbilixxi tariffi tal-ajruport inferjuri għal dawk previsti fir-Regolament tal-1998 dwar it-tariffi, applikabbli għall-ajruport ta’ Lübeck f’dak iż-żmien.

5

Billi b’mod partikolari qieset li r-Regolament tal-2006 seta’, bħala tali, jinkludi wkoll għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir‑rigward ta’ diversi miżuri relatati mal-ajruport ta’ Lübeck, fosthom dan ir-regolament.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ottubru 2012, FL ressqet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn, minn naħa, hija tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tar-Regolament tal-2006 u, min-naħa l-oħra, tobbliga lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti risposta għall-ordni li tipprovdi informazzjoni f’dak li jikkonċerna lil dan ir-regolament.

7

Fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2013, il-belt ta’ Lübeck iddikjarat li kienet qiegħda tissostitwixxi lil FL sabiex tkompli l-azzjoni mressqa minn din tal-aħħar.

8

Insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet tagħha, il-belt ta’ Lübeck qajmet ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tieni, fuq ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 4, 6 u 13(1) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, il-ħames, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

9

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel kap ta’ talbiet kien ammissibbli, peress li qieset li, minn naħa, FL kienet ikkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża u kellha għalhekk locus standi fil-mument tal-preżentata tar-rikors u, min-naħa l-oħra, FL kienet żammet interess ġuridiku wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck. Fuq il-mertu, hija laqgħet ir-raba’ motiv billi qieset li din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn fiha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-vantaġġi stabbiliti mir-Regolament tal-2006 kienu ta’ natura selettiva. Konsegwentement, hija annullat l-imsemmija deċiżjoni sa fejn din tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ dan ir-regolament.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara inammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza jew, b’mod sussidjarju, tiddikjara l-imsemmi rikors bħala mingħajr skop;

sussidjarjament ukoll, tiddikjara infondata l-parti tar-raba’ motiv li permezz tagħha l-belt ta’ Lübeck tallega l-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar is-selettività u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv kif ukoll l-ewwel sat-tielet motiv u l-ħames motiv tar-rikors, u

tikkundanna lill-belt ta’ Lübeck għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell, jew, sussidjarjament, fil-każ ta’ rinviju lill-Qorti Ġenerali, tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

11

Il-belt ta’ Lübeck titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, tilqa’ t-talbiet li hija ppreżentat fl-ewwel istanza fl-intier tagħhom, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Marzu u tal-14 ta’ April 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja ngħataw id-dritt li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-belt ta’ Lübeck.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq li FL ma kinitx ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża

L-argumenti tal-partijiet

13

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li FL kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li, skont din, hija l-awtorità ta’ superviżjoni tal-Land, u mhux l-operatur tal-ajruport, li għandha tiffissa t-tariffi tal-ajruport. Billi, fil-punti 29 sa 35 tas-sentenza appellata, qieset li, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal‑2006, FL kienet eżerċitat kompetenzi li kienu mogħtija lilha biss, il-Qorti Ġenerali allegatament injorat ir-regola ta’ dritt nazzjonali applikabbli f’dan il-każ, li tgħid li regolament dwar it-tariffi tal-ajruport għandu jiġi approvat mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-Land, li hija stess hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni federali dwar it-tariffi tal-ajruport. Is-sempliċi fatt li l-impriża pubblika li tamministra l-ajruport tkun inkarigata li tipproponi dan ir-regolament ma jfissirx li hija din, u mhux l-Istat, li għandha s-setgħa li tiddetermina l-ġestjoni u l-politiki li hija għandha tapplika permezz tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali allegatament tikkontradixxi dik li tirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, DEFI vs Il-Kummissjoni (282/85, EU:C:1986:316), fejn ġie kkonstatat b’mod partikolari li, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża rilevanti, il-Gvern Franċiż kellu s-setgħa li jiddetermina l-ġestjoni u l-politika tal-organu kkonċernat u għaldaqstant li jiddefinixxi l-interessi li dan l-organu kellu jiddefendi.

14

Il-belt ta’ Lübeck u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tas-sentenza appellata, is-suġġetti li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li huma kkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk din id-deċiżjoni tkun tikkawżalhom preġudizzju minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kwalunkwe persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak dak li bih jiġi individwalizzat id-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, 223; tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 46).

16

F’dan il-każ, sabiex jiġi deċiż li FL kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punt 34 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li din id-deċiżjoni, sa fejn tirrigwarda r-Regolament tal-2006, taffettwa att li FL hija waħda mill-awturi tiegħu u tostakolaha milli teżerċita, kif hija għandha l-intenzjoni tagħmel, il-kompetenzi tagħha stess. Sabiex tasal għal din l-evalwazzjoni, hija rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO kien jipprevedi, ċertament, li l-awtorità ta’ superviżjoni tal-Land, li f’dan il-każ hija l-awtorità tal-ajru tal-Land ta’ Schleswig‑Holstein, kellha tapprova r-regolament dwar it-tariffi applikabbli għal ajruport, iżda li minn din id-dispożizzjoni kien jirriżulta li dan ir-regolament kellu jiġi propost mill-operatur tal-ajruport inkwistjoni u li l-awtorità ta’ superviżjoni ma kellhiex kompetenza proprja sabiex tiffissa hija stess l-imsemmija tariffi, billi hija setgħet biss tawtorizza jew tirrifjuta r-regolament propost.

17

Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, li mid-deċiżjoni kontenzjuża u mir-Regolament tal-2006 kien jirriżulta li l-possibbiltà li jiġu applikati tariffi mnaqqsa, fil-kuntest ta’ tnaqqis previst mill-imsemmi regolament, kienet suġġetta għal ftehim konkluż direttament bejn l-amministratur tal-ajruport ta’ Lübeck u kumpannija tal-ajru, mingħajr intervent tal-awtorità ta’ superviżjoni, u li barra minn hekk kien permezz ta’ ftehimiet konklużi direttament bejn FL u Ryanair li tariffi partikolari, li jidderogaw minn dawk previsti mir-Regolament Nru 2006, kienu ġew applikati għal din il-kumpannija tal-ajru.

18

Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 32 tal-imsemmija sentenza, li, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tal-ajruport ta’ Lübeck, FL kellha kompetenza proprja fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi tal-ajruport applikabbli għal dan l-ajruport u ma kinitx taġixxi biss bħala estensjoni tal-Istat meta kienet teżerċita kompetenzi mogħtija biss lil dan tal-aħħar. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, il-kompetenza għall-adozzjoni tar-Regolament tal-2006 kienet ta’ FL u mhux tal-awtoritajiet Statali, minkejja r-rekwiżit ta’ approvazzjoni tal-imsemmi regolament mill-awtorità ta’ superviżjoni.

19

Jidher li b’hekk, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli, ikkunsidrat li, lil hinn mis-setgħa li tipproponi lill-awtorità ta’ superviżjoni r-regolament li jiffissa t-tariffi tal-ajruport applikabbli għall-ajruport ta’ Lübeck, FL kellha kompetenza proprja sabiex tadotta dan ir-regolament.

20

Billi l-Kummissjoni tikkontesta din il-kunsiderazzjoni permezz tal-argumentazzjoni tagħha esposta fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-appell il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53, u tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 7980 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma sostnietx u, a fortiori, ma urietx tali żnaturament tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, hija la sostniet u lanqas ma stabbilixxiet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet kunsiderazzjonijiet li b’mod manifest imorru kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż inkwistjoni jew saħansitra kienet attribwixxiet lil waħda minnhom portata li manifestament ma għandhiex meta mqabbla mal-elementi l-oħra tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 81).

22

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-belt ta ’ Lübeck ma kellhiex interess ġuridiku attwali

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat, minn naħa, li FL kellha interess ġuridiku, anki wara l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil investitur privat, filwaqt li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx ingħalqet u għaldaqstant id-deċiżjoni kontenzjuża kienet għadha tipproduċi l-effetti tagħha u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, FL kienet żammet interess ġuridiku għall-perijodu ta’ qabel il-bejgħ.

24

Hija ssostni li, anki fl-assenza ta’ deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet waqfet tipproduċi l-uniku effett ġuridiku tagħha, jiġifieri l-obbligu li l-miżura ta’ għajnuna tiġi sospiża matul l-investigazzjoni, peress li kienx hemm sospensjoni mħabbra qabel il‑31 ta’ Diċembru 2012 u mill-1 ta’ Jannar 2013, li hija d-data tal-privatizzazzjoni tal-ajruport ta’ Lübeck, ir-Regolament tal-2006 ma setax jibqa’ jitqies bħala skema ta’ għajnuna li kienet qiegħda tiġi eżegwita, peress li din tal-aħħar ma kinitx għadha ffinanzjata minn fondi pubbliċi. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali allegatament tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-interess għandu jkun tnissel u attwali u jibqa’ biss jekk ir-rikors, permezz tar-riżultat tiegħu, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu. Il-belt ta’ Lübeck barra minn hekk allegatament ma urietx li hija kellha xi interess sabiex iżżomm ir-rikors tagħha wara l-privatizzazzjoni tal-ajruport.

25

Il-belt ta’ Lübeck u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu, u fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku, ir-rikors ikun inammissibbli. Dan l-iskop tat-tilwima għandu jissussisti, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li, bir-riżultat tiegħu, ir-rikors jista’ jagħti benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (sentenza tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan il-każ, sabiex jitwarrab l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-bejgħ tal-ajruport ta’ Lübeck lil kumpannija privata fl-1 ta’ Jannar 2013 temm l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’tali mod li l-obbligu ta’ sospensjoni tal-imsemmija skema ma jibqax jikkawża preġudizzju u l-belt ta’ Lübeck għaldaqstant ma jkollhiex interess attwali sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, kif indikat fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, li, peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx magħluqa, l-imsemmija deċiżjoni kienet għadha qed tipproduċi l-effetti tagħha u li l-belt ta’ Lübeck kien għad għandha tal-inqas interess ġuridiku għall-perijodu ta’ qabel il-bejgħ tal-ajruport.

28

Preliminarjament, fil-punt 27 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi għamlet riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punti 5253), fakkret li deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura li tkun qiegħda tiġi implementata u kklassifikata bħala “għajnuna ġdida” toħloq effetti ġuridiċi awtonomi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna s-sospensjoni ta’ din il-miżura. Hija rrilevat li tali deċiżjoni timmodifika neċessarjament il-portata ġuridika tal-miżura meqjusa kif ukoll is-sitwazzjoni ġuridika tal-impriżi li jibbenefikaw minnha, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna t-tkomplija tal-implementazzjoni ta’ dik il-miżura. Hija osservat ukoll li tal-inqas jeżisti, wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, dubju kbir dwar il-legalità tal-miżura li tkun qiegħda tiġi implementata li għandu jwassal lill-Istat Membru sabiex jissospendi l-applikazzjoni tagħha u li tali deċiżjoni tista’ wkoll tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali msejħa tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

29

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 45), u fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2014, Flughafen Lübeck (C‑27/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:240, punt 27), li, meta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-Kummissjoni tkun fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ miżura mhux notifikata li tkun qiegħda tiġi implementata, qorti nazzjonali, adita b’talba intiża sabiex l-implementazzjoni ta’ din il-miżura titwaqqaf u intiża għall-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa, hija obbligata tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tislet il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija miżura. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li tordna l-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa. Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tordna miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, u, min-naħa l-oħra, l-effett utli tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

30

Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-obbligu ta’ sospensjoni tal-implementazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma huwiex l-uniku effett ġuridiku ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

31

F’din il-kawża, fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, wara l-privatizzazzjoni tal-ajruport ta’ Lübeck, il-belt ta’ Lübeck baqgħet tal-inqas esposta għar-riskju li qorti nazzjonali tordna l-irkupru tal-eventwali għajnuniet mogħtija filwaqt li FL kienet il-propjetarja ta’ dan l-ajruport. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, fl-assenza ta’ deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża baqgħu fis-seħħ, b’mod li l-belt ta’ Lübeck żammet interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tagħha.

32

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura selettiva tar-Regolament tal-2006

L-argumenti tal-partijiet

33

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni dwar is-selettività fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata qieset li, sabiex jiġi evalwat il-karattru eventwalment selettiv ta’ livell tariffarju stabbilit minn entità pubblika għall-użu ta’ oġġett jew servizz, kellu jiġi vverifikat jekk dan il-livell tariffarju kienx japplika b’mod nondiskriminatorju għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dan l-oġġett jew dan is-servizz u li ċ-ċirkustanza fil-kawża ineżami li r-Regolament tal-2006 kien japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck ma kinitx rilevanti.

34

Din l-interpretazzjoni tkun manifestament kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li miżura ma tikkostitwixxix miżura ġenerali ta’ politika fiskali jew ekonomika, u għaldaqstant hija ta’ natura selettiva, jekk hija tkun tapplika biss għal ċerti setturi tal-ekonomija jew għal ċerti impriżi fi ħdan settur partikolari. Issa, billi ma tapplika qatt għall-operaturi ekonomiċi kollha, miżura li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom impriża pubblika toffri l-oġġetti tagħha stess jew is-servizzi tagħha stess tibqa’ dejjem miżura selettiva.

35

Ma tantx huwa importanti li din il-miżura tapplika b’mod nondiskriminatorju għall-impriżi kollha li jużaw, jew jistgħu jużaw, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi, bil-kwistjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament jew ta’ diskriminazzjoni ma tkunx rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta bbażat ruħha fuq il-kriterju meqjus fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), li allegatament japplika biss għall-miżuri fiskali, u allegatament injorat il-portata tas-sentenzi tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38), tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑56/93, EU:C:1996:64), tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, EU:C:2003:622), u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit (C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732).

36

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat ukoll, fil-punti 52 u 53 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, minn naħa, in-natura selettiva ta’ miżura għandha tiġi evalwata essenzjalment fir-rigward tal-effetti ta’ din il-miżura u, min-naħa l-oħra, il-miżuri li minnhom jibbenefika biss settur ta’ attività wieħed huma selettivi. Hija tenfasizza li, filwaqt li l-ajruport ta’ Lübeck jinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ dak ta’ Hamburg (il-Ġermanja), il-vantaġġ mogħti mir-Regolament tal-2006 jibbenefika biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ewwel wieħed, u dan huwa biżżejjed, skont il-Kummissjoni, sabiex jintwera li dan ir-regolament huwa selettiv. L-approċċ magħżul mill-Qorti Ġenerali allegatament għandu l-konsegwenza li jnaqqas mir-regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat ir-regolamenti li jiffissaw it-tariffi tal-ajruport.

37

B’mod iktar sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li, jekk wieħed jippreżupponi li l-kriterju stabbilit fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, EU:C:2001:598), huwa applikabbli sabiex tiġi kkonstatata s-selettività ta’ regolamenti li jiffissaw it-tariffi ta’ ċerti istituzzjonijiet pubbliċi, il-Qorti Ġenerali interpretat dan il-kriterju b’mod żbaljat. Sabiex jiġi ddeterminat liema impriżi jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, fil-fatt ikun hemm bżonn mhux li wieħed jibbaża ruħu fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni, iżda għandu jittieħed kont tal-impriżi li għandhom entrati ta’ spejjeż analogi għal dawk tal-impriżi li l-miżura tiffavorixxi. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-2006 allegatament huwa selettiv għaliex ma josservax il-prinċipju, imniżżel fl-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO, li jimponi fuq l-ajruporti Ġermaniżi kollha, u għaldaqstant fuq il-kumpanniji tal-ajru kollha li jtiru minn u lejn dawn l-ajruporti, li skontu t-tariffi tal-ajruport għandhom ikopru l-ispejjeż. Billi qieset li huwa element determinanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament u mhux l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi.

38

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll billi naqset milli teżamina jekk it-tnaqqis previst mir-Regolament tal-2006 kienx selettiv minħabba li bbenefikaw minnu biss il-kumpanniji tal-ajru li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

39

Il-belt ta’ Lübeck, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” teħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C‑39/14, EU:C:2015:470, punt 24).

41

F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, li tikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jirrigwardax il-miżuri mill-Istat li jintroduċu differenzjazzjoni bejn impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzjazzjoni tkun tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li jaqgħu fiha (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, EU:C:2001:598, punti 4142; tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 8283; tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 7475, kif ukoll tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 5455).

42

Sabiex jintlaqa’ l-aggravju mqajjem mill-belt ta’ Lübeck, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni qieset li r-Regolament tal-2006 kien selettiv, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkonstatat, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li, fl-imsemmija deċiżjoni, din il-kunsiderazzjoni kienet ibbażata fuq is-sempliċi raġuni li l-vantaġġi inkwistjoni kienu mogħtija biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

43

Sussegwentement, fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-fatt li r-Regolament tal-2006 kien japplika biss għall-imsemmija kumpanniji kellu l-istess sustanza bħas-sistema legali Ġermaniża dwar it-tariffi tal-ajruport u tan-natura stess ta’ regolament li jiffissa tali tariffi, u li, fil-kuntest ta’ din is-sistema legali, il-kumpanniji tal-ajru li jiffrekwentaw l-ajruporti Ġermaniżi l-oħra kienu suġġetti, f’dawn l-ajruporti, għar-regolamenti dwar it-tariffi applikabbli speċifikament għalihom u għaldaqstant ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-kumpanniji li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

44

Barra minn hekk, fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, minkejja li mill-ġurisprudenza jirriżulta li għajnuna tista’ tkun selettiva anki meta din tkun tikkonċerna settur ekonomiku sħiħ, din il-ġurisprudenza, imfassla b’mod partikolari fil-kuntest ta’ miżuri nazzjonali ta’ portata ġenerali, ma kinitx direttament rilevanti f’din il-kawża, peress li l-miżura inkwistjoni ma tikkonċernax is-settur tal-ajruporti kollu, iżda biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

45

Fl-aħħar nett, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment indikat li n-natura selettiva ta’ miżura li permezz tagħha entità pubblika tistabbilixxi livell tariffarju għall-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi tagħha għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi u billi jiġi eżaminat jekk humiex kollha, jew uħud minnhom biss, li jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ eventwali.

46

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-sempliċi fatt li r-Regolament tal-2006 kien japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck ma kienx rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li dan kien ta’ natura selettiva u li, billi ma huwiex ikkontestat li l-kumpanniji tal-ajru kollha setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tariffarji tal-imsemmi regolament, “kien b’mod żbaljat, fid-dawl tal-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni [kontenzjuża], li l-Kummissjoni [kienet] [i]kkunsidrat li r-Regolament tal-2006 kien selettiv”.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirriżulta li miżura li permezz tagħha impriża pubblika tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-oġġetti jew tas-servizzi tagħha hija dejjem, u għaldaqstant hija min-natura tagħha, miżura selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Is-sentenzi li għalihom hija tirreferi, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma jindikawx tali ġeneralità.

48

Għall-kuntrarju, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u għaldaqstant indipendentement mit-tekniki użati (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant, minkejja li ma jistax jiġi eskluż li miżura li permezz tagħha impriża pubblika tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ użu tal-oġġetti jew tas-servizzi tagħha, minkejja li tkun ta’ applikazzjoni ġenerali għall-impriżi kollha li jużaw dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi, għandha karattru distintiv, hemm lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, li wieħed jieħu kont mhux tan-natura ta’ din il-miżura, iżda tal-effetti tagħha billi wieħed ifittex jekk il-vantaġġ li hija intiża li tagħti, fil-verità jkunx ta’ benefiċċju biss għal uħud minn dawn l-impriżi meta mqabbla mal-oħrajn, minkejja li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-iskema kkonċernata, l-imsemmija impriżi kollha jkunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

50

Minn dan isegwi li l-argument prinċipali tal-Kummissjoni, espost fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li jgħid li miżura li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom impriża pubblika toffri l-oġġetti jew is-servizzi tagħha dejjem tkun tikkostitwixxi miżura selettiva, ma huwiex fondat.

51

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tal-Kummissjoni, invokata fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, li tgħid li sabiex wieħed jiddeċiedi li teżisti għajnuna, ma tantx huwa importanti li tali miżura tkun tapplika b’mod nondiskriminatorju għall-impriżi kollha li jużaw, jew li jistgħu jużaw, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi, u lanqas ma hija kkontestata mill-argument li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-ġurisprudenza dwar il-miżuri fiskali.

52

Fil-fatt, minn naħa, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura, minkejja li tkun ta’ applikazzjoni ġenerali għal grupp sħiħ ta’ operaturi ekonomiċi, għandhiex l-effett li tagħti vantaġġ, b’mod definittiv, lil ċerti impriżi biss, għandu jiġi eżaminat, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 tas-sentenza preżenti, jekk ċerti impriżi jiġux iffavoriti meta mqabbla ma’ oħrajn li, fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema legali kkonċernata, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

53

L-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk tali miżura hijiex ta’ natura selettiva għaldaqstant jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak ta’ jekk din il-miżura tapplikax għal dan il-grupp sħiħ ta’ operaturi ekonomiċi b’mod nondiskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 53). Il-kunċett ta’ selettività għaldaqstant huwa marbut, hekk kif l-Avukat Ġenerali jenfasizza fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma’ dak ta’ diskriminazzjoni.

54

Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta wkoll minn din il-ġurisprudenza, dan l-eżami tas-selettività għandu jsir “fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari”. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura, konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il‑KummissjoniC‑403/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:533, punt 36).

55

Dan l-eżami għaldaqstant jimplika, fil-prinċipju, li jiġi ddefinit minn qabel il-kuntest ta’ riferiment li fih taqa’ l-miżura kkonċernata. Hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 77 u 86 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-metodu ma huwiex riżervat għall-eżami tal-miżuri fiskali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja osservat biss li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment ikollha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali, peress li l-eżistenza stess ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss bi tqabbil ma’ obbligu msejjaħ “normali” (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 56).

56

Fir-rigward tal-argument sussidjarju tal-Kummissjoni, espost fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment li jikkonċerna l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-miżura kkonċernata, li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-motivazzjonijiet tagħha, li skonthom il-vantaġġi inkwistjoni kienu mogħtija biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, billi kkonstatat li dawn il-motivazzjonijiet kienu jikkostitwixxu l-unika motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tas-selettività.

57

Barra minn hekk, billi qieset b’mod impliċitu, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li r-Regolament tal-2006 ma kienx diskriminatorju u billi kkonstatat, fil-punt 55 tal-istess sentenza, li ma kienx ikkontestat li l-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw jew li jistgħu jużaw l-ajruport ta’ Lübeck setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tariffarji ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ħadet kont tal-effetti tiegħu.

58

Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, miżura li tagħti benefiċċju lil settur ta’ attività wieħed biss jew lil parti mill-impriżi ta’ dan is-settur ma hijiex neċessarjament selettiva. Hija tkun selettiva biss, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 41 u 47 sa 55 tas-sentenza preżenti, jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, hija jkollha l-effett li tagħti vantaġġ lil ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jappartjenu lil setturi oħra jew lill-istess settur u li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

59

Bl-istess mod, il-fatt li, f’dan il-każ, l-ajruport ta’ Lübeck jinsab f’kompetizzjoni diretta ma’ dak ta’ Hamburg jew ma’ ajruporti Ġermaniżi oħrajn u li huma biss il-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck li jibbenefikaw mill-vantaġġi eventwalment mogħtija mir-Regolament tal-2006 ma huwiex biżżejjed sabiex tintwera n-natura selettiva ta’ dan ir-regolament. Sabiex ikollu tali karattru, għandu jiġi stabbilit li, fil-kuntest tas-sistema legali li taħtha jaqgħu dawn l-ajruporti kollha, l-imsemmi regolament jagħti vantaġġ lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck għad-detriment tal-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruporti l-oħra li, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.

60

Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza preżenti, id-determinazzjoni tal-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli tiddependi mid-definizzjoni minn qabel tas-sistema legali fir-rigward tal-għan li tiegħu għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata l-komparabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika rispettiva tal-impriżi ffavoriti mill-miżura inkwistjoni u ta’ dawk li ma humiex.

61

Issa, f’dan ir-rigward, fil-punti 32 u 51 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tas-setgħa tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali l-Qorti Ġenerali kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punti 16 sa 21 tas-sentenza preżenti, li, konformement mal-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO, meta jeżerċita kompetenza proprja tiegħu, l-amministratur ta’ ajruport għandu jfassal il-livell tat-tariffi tal-ajruport applikabbli għal dan l-ajruport.

62

Minn din il-konstatazzjoni jirriżulta li, f’dan il-każ, ma huwiex l-Artikolu 43a(1) tal-LuftVZO jew leġiżlazzjoni oħra applikabbli għall-ajruporti kollha, li minnha r-Regolament tal-2006 allegatament eventwalment idderoga favur il-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, li jistabbilixxi t-tariffi tal-ajruport applikabbli għal ajruport, iżda r-regolament adottat għal dan l-għan mill-amministratur tal-ajruport stess fl-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata għal dan l-ajruport. Għaldaqstant, jidher li, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kuntest ta’ riferiment rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk ir-Regolament tal-2006 kellux l-effett li jiffavorixxi ċerti kumpanniji tal-ajru meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli kien dak tal-iskema applikabbli biss għall-ajruport ta’ Lübeck.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, filwaqt li għaldaqstant iddelimitat is-sistema legali rilevanti għall-każ ineżami, qieset li l-kumpanniji tal-ajru li jtiru minn u lejn l-ajruporti Ġermaniżi l-oħra ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

64

Għaldaqstant, billi rrilevat li r-Regolament tal-2006 kien japplika b’mod nondiskriminatorju għall-kumpanniji tal-ajru kollha li jużaw jew li jistgħu jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta qieset li dak ir-regolament kien ta’ natura selettiva.

65

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli teżamina jekk it-tnaqqis previst mir-Regolament tal-2006 kienx ta’ natura selettiva sa fejn huwa allegatament jiffavorixxi ċerti kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck għad-detriment ta’ kumpanniji oħra li jużaw dan l-istess ajruport. Fil-fatt, minkejja li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża fiha deskrizzjoni tal-imsemmija tnaqqis u evalwazzjoni ġuridika preliminari, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar tikkonċerna biss l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni li tikkonċerna s-selettività hija bbażata fuq is-sempliċi konstatazzjoni li l-vantaġġi inkwistjoni kienu ta’ benefiċċju biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, meta eżaminat il-motiv imqajjem mill-belt ta’ Lübeck, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE mwettaq mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-kundizzjoni li tirrigwarda s-selettività, ġustament tat deċiżjoni dwar il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tar-raġunijiet biss li kienu ta’ bażi għal dik l-evalwazzjoni.

66

Minn dan isegwi li l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni ma huwiex fondat.

67

Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġu miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ aggravju, ibbażat fuq nuqqasijiet ta ’ motivazzjoni tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li s-sentenza appellata fiha tliet nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. Qabelxejn, din is-sentenza allegatament ma fiha ebda konstatazzjoni dwar l-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni, filwaqt li huwa fid-dawl ta’ dan l-għan li għandhom jiġu ddeterminati l-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli. Sussegwentement, l-imsemmija sentenza allegatament ma fiha ebda motivazzjoni dwar it-tnaqqis previst mir-Regolament tal-2006. Fl-aħħar nett, din allegatament ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi regolament għandu karattru mhux selettiv daqstant manifest li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

69

Il-Kummisjoni tqis, it-tieni nett, li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa kontradittorju, għaliex fil-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata hija tapplika l-ġurisprudenza relatata man-natura selettiva ta’ miżuri fiskali u sussegwentement, fil-punt 57 ta’ dik is-sentenza, tiddikjara li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti.

70

Il-belt ta’ Lübeck, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Jidher, l-ewwel nett, li, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni żviluppata quddiemha, li skonthom ir-Regolament tal-2006 kien selettiv peress li kien japplika biss għall-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck, il-Qorti Ġenerali esponiet b’mod abbundanti, fis-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet li din is-sempliċi ċirkustanza ma kinitx tippermetti li twassal għal tali evalwazzjoni. F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, hija ppreċiżat, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom il-kumpanniji tal-ajru li jiffrekwentaw l-ajruporti l-oħra ma kinux jinsabu, fil-kuntest tas-sistema legali inkwistjoni, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-kumpanniji li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck.

72

It-tieni nett, għar-raġunijiet esposti fil-punt 65 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tagħti deċiżjoni dwar it-tnaqqis previst mir-Regolament tal-2006.

73

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu mhux li tevalwa jekk dak ir-regolament huwiex, manifestament, ta’ natura selettiva jew le, iżda, hekk kif ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ħames aggravju, jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

74

Fl-aħħar nett, l-argument tal-Kummissjoni dwar kontradizzjoni ta’ motivazzjonijiet ġej minn affermazzjoni li bl-ebda mod ma hija ssostanzjata.

75

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq deċiżjoni ta ’ ftuħ tal-proċedura ta ’ investigazzjoni formali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

76

Permezz tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tagħha. Hija ssostni li sempliċi eżami preliminari tal-fatti ma ppermettilhiex tneħħi d-dubji tagħha dwar in-natura selettiva jew le tar-Regolament tal-2006. Issa, is-sentenza appellata allegatament ma fiha ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom dan ir-regolament kellu karattru mhux selettiv daqstant manifest li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

77

Il-belt ta’ Lübeck, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, meta r-rikorrent jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalifika tal-miżura kontenzjuża bħala “għajnuna mill-Istat”, huwa limitat għall-verifika ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, EU:C:2011:497, punt 61).

79

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet indikati fil-punti 47 sa 55 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li skontha l-vantaġġi li jirriżultaw mir-Regolament tal-2006 kienu selettivi fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE għas-sempliċi raġuni li huma kienu jingħataw biss lill-kumpanniji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Lübeck u li abbażi tagħha hija ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ dak ir-regolament, hija manifestament żbaljata.

80

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ din il-motivazzjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u li hija annullat din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna r-Regolament tal-2006.

81

Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

82

Peress li ebda wieħed mill-aggravji ppreżentati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

83

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawk ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet l-aggravji tagħha u l-belt ta’ Lübeck talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-appell preżenti.

84

Konformement mal-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti minn Hansestadt Lübeck.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top