EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0680

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effikaċja tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

COM/2015/0680 final

Brussell, 18.12.2015

COM(2015) 680 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effikaċja tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effikaċja tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

 

1.Sfond

F'April 2015, id-Dominju tal-Ogħla Livell (TLD).eu ċċelebra d-disa' (9) anniversarju tiegħu. Matul l-aħħar disa’ snin, il-kodiċi tal-pajjiż .eu TLD iddeskriva l-profil tiegħu bħala estensjoni innovattiva u moderna, li seta' jlaħħaq sew kemm mat-TLDs li ilhom fl-ambjent tad-dominju sa mill-aħħar tas-snin disgħin u seta' jikkompeti mad-Dominji tal-Ogħla Livell ġeneriċi l-ġodda (gTLDs) li ġew introdotti fl-2014. Fi tmiem l-ewwel trimestru tal-2015 (Q1 2015), it-TLD.eu kien is-sitt l-akbar kodiċi tal-pajjiż TLD (ccTLD) fid-dinja 1 . Bi kważi erba' miljun reġistrazzjoni, it-TLD .eu sar għażla apprezzata mill-Ewropej meta jagħżlu isem tad-dominju għall-preżenza tagħhom fuq l-Internet.

B'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 dwar l-implimentazzjoni tat-TLD .eu, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sena wara l-adozzjoni tar-Regolament u mbagħad kull sentejn. Dan ir-Rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill hu dwar l-implimentazzjoni, l-effikaċja u l-funzjonament tat-TLD .eu matul dawn l-aħħar sentejn, b'mod partikolari matul il-perjodu mill-1 ta' April 2013 sal-31 ta' Marzu 2015.

2.Il-qafas legali u l-prinċipji bażiċi ta’ .eu

It-TLD .eu ġie stabbilit b'dawn l-atti legali:

Ir-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' April 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Qasam [Dominju] tal-Ogħla Livell .eu 2 (kif emendat) 3 ;

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004 li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni 4 (kif emendat) 5 .

Fil-perjodu ta' rapportar, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 516/2015 emenda r-Regolament (KE) Nru 874/2004 billi introduċa kontrolli tekniċi biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ konfużjoni viżiva bejn l-ismijiet irreġistrati tad-dominji .eu, partikolarment meta wieħed jikkunsidra l-Ismijiet tad-Dominji Internazzjonalizzati .eu (IDNs) appoġġati minn Diċembru 2009, biex:

jiżgura li r-Reġistru jivverifika l-validità tal-applikazzjonijiet tar-reġistrazzjoni qabel ir-reġistrazzjoni ta’ isem tad-dominju, u mhux biss warajha, ,

jippermetti lir-Reġistru jintroduċi aktar karattri bl-appoġġ tal-protokoll IDNA2008 u li tiġi aġġornata l-lista ta’ ismijiet tad-dominji riżervati mill-UE u l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.

F’Mejju 2013, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 733/2002, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għall-espressjoni ta’ interess għall-għażla tar-Reġistru tat-TLD.eu. Is-sejħa għalqet fl-20 ta' Ġunju 2013. L-unika applikazzjoni li waslet kienet mill-EURid 6 . L-evalwaturi kkonkludew li l-proposta tal-EURid tissodisfa r-rekwiżiti minimi għal kull kriterju tal-għażla. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinnomina l-EURid bħala r-Reġistru tat-TLD.eu ġiet ppubblikata fit-12 ta’ April 2014 7 .    

3.Ir-reġistrazzjoni u l-użu tal-ismijiet tad-dominju .eu

Fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport, is-ccTLD .eu kompla jikber b’mod stabbli flimkien mas-ccTLDs Ewropej l-oħra. Fl-2014 it-tkabbir annwali ta' .eu kien eċċezzjonalment għoli (5.3%). Is-ccTLD .eu kellu total ta’ kważi 3.9 miljun reġistrazzjoni fl-aħħar tal-ewwel trimestru (Q1) tal-2015, li jirrapreżentaw żieda netta ta' 4.3% tar-reġistrazzjonijiet .eu mill-aħħar rapport u s-ccTLD .eu sar ir-raba’ l-aktar popolari fl-UE.

Il-medja tar-rata tat-tiġdid tal-ismijiet tad-dominju .eu baqgħet 80%, li hija rata għolja ħafna meta mqabbla mal-medja industrijali ta’ 73%.

Ix-xenarju tal-ismijiet tad-dominju nbidel b'mod drammatiku f’dawn l-aħħar sentejn minħabba l-introduzzjoni tal-gTLDs ġodda wara l-ftuħ tal-ispazju tal-gTLD mill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN). Fil-mument tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, kienu ġew iddelegati 684 gTLDs ġodda. B’mod ġenerali, ir-reġistrazzjonijiet tagħhom jammontaw għal 6.3 miljun isem tad-dominju u l-ogħla waħda hija .xyz bi ftit aktar minn 1 miljun reġistrazzjoni. Madankollu, is-suq il-ġdid tal-gTLD ma laħaqx l-aspettattivi kollha minħabba li d-domanda tal-utent kienet ħafna inqas milli mistenni. Fil-livell tas-ccTLD l-impatt kien marġinali s’issa, iżda għal raġunijiet varji — fosthom is-saturazzjoni tas-suq, aktar kompetittività, aktar setgħa fil-livell tar-reġistranti, billi xi wħud minnhom saru reġistri u viċi versa. Huwa stmat li t-tkabbir tas-ccTLDs se jnaqqas il-pass u mill-2017 jista' saħansitra jitreġġa' lura.

Meta wieħed iqis ix-xejra storika u s-sitwazzjoni preżenti tas-suq u t-tbassir għat-tkabbir futur, l-għan huwa li tinżamm rata ta’ tkabbir fir-reġistrazzjonijiet ta’ madwar 4% fis-sena.

4.L-Ismijiet tad-Dominju Internazzjonalizzati (IDNs)

4.1.IDNs .eu

L-introduzzjoni tal-IDNs fl-ogħla livell hija materja li taqa’ fil-kompetenza tal-ICANN. Fis-16 ta’ Novembru 2009, l-ICANN nediet il-Proċess Mgħaġġel 8 IDN ccTLD biex tiffaċilita l-introduzzjoni tal-estensjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell tal-Internet li jirrappreżentaw il-kodiċijiet tal-pajjiżi (eż. .gr, .bg, .eu) li jużaw karattri mhux Latini (eż. karattri Ċirilliċi, Griegi, Għarab u Ċiniżi).

Abbażi tas-sottomissjonijiet lill-Kummissjoni minn Ċipru, il-Greċja u l-Bulgarija dwar il-verżjonijiet preferuti tagħhom tas-suffiss .eu, l-EURid issottometta applikazzjoni lill-ICANN biex jiftaħ ir-reġistrazzjoni għall-verżjonijiet Ċirilliċi u Griegi tat-TLD .eu fil-5 ta’ Mejju 2010. L-istring Griega .ευ u dik Ċirillika .ею tqiesu bħala simili b’tali mod li joħlqu konfużjoni minħabba li diġà teżisti l-istring ASCII ccTLD (.eu) u għalhekk l-introduzzjoni tagħhom daħlet fi proċess twil ta’ valutazzjoni.

Filwaqt li l-valutazzjoni tal-istring Ċirillika (.ею) tlestiet b’suċċess, l-istring Griega (.ευ) ma għaddietx mill-fażi tal-proċess tal-valutazzjoni teknika għar-raġuni li hija, "jew viżwalment identika jew viżwalment konfondibbli ma' mill-inqas tliet strings tal-ISO 646-BV ".eu", ".ev", u ".ey"". Il-Kummissjoni ordnat lill-EURid biex jissospendi t-talba possibbli ta’ delega tal-istring Ċirillika (.ею) sakemm ġew solvuti l-kwistjonijiet marbuta mal-istring Griega (.ευ).

Fil-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni u l-EURid żviluppaw il-pjan ta’ implimentazzjoni ta’ livell għoli tal-IDN.eu. Il-pjan, li ntbagħat minn EURid f’Settembru 2014, jiddefinixxi l-approċċ li għandu jiġi segwit fit-tnedija ta' .eu bil-Grieg u ċ-Ċirilliku (pereżempju li jippermetti biss Grieg.Grieg), kif ukoll arranġamenti għall-ġestjoni tal-legat tas-sistema attwali (ASCII mhux Latin).

Fl-20 ta’ Jannar 2014, EURid, wara ftehim mal-Kummissjoni dwar l-istrateġija li għandha tiġi segwita, ressaq talba għal valutazzjoni mill-ġdid tal-istring.ευ lill-Extended Process Similarity Review Panel (EPSRP) (Bord ta’ Reviżjoni tax-Xebħ tal-Proċess Estiż) u bgħat ittra lill-Bord tal-ICANN biex jiġbed l-attenzjoni dwar tħassib u jindika l-inkonsistenzi fil-pjan ta’ implimentazzjoni tal-IDN ccTLD attwali u l-linji gwida tal-EPSRP ippubblikati mill-ICANN f’Novembru 2013. Ir-rispons mill-ICANN ma indirizzax b’mod adegwat bosta mill-punti li tqajmu.

L-eżitu tal-valutazzjoni tal-EPSRP twassal lill-EURid fl-10 ta’ Ottubru 2014 u ġie ppublikat fuq is-sit tal-ICANN għal kummenti pubbliċi fis-17 ta’ Ottubru 2014. Il-Bord ma kienx tal-fehma li .ευ kien simili b’tali mod li jiġi konfuż ma' ".ev" u ".ey", iżda li seta jiġi konfuż ma ".EV" u ".EY". Il-linji gwida tal-bord lingwistiku ma kienu jinkludu l-ebda proċedura li l-panel lingwistiku għandu japplika f’każ li xi string mitluba titqies simili b’tali mod li toħloq konfużjoni ma string b'ittri kbar, iżda mhux b’ittri żgħar.

F’diversi laqgħat mal-ICANN, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-EURid enfasizzaw id-dgħufija u s-superfiċjalità tal-proċess ta’ valutazzjoni tax-xebh tal-istrings ġenerali, li huwa estremament strett għall-ambjent tas-ccTLD, iżda ħafna aktar liberali fir-rigward tal-ispazju l-ġdid tal-gTLD, fejn applikazzjonijiet għal strings bħal .hotel u .hotels jew .car u .cars ma kinux meqjusa simili b’tali mod li joħolqu konfużjoni u ġew approvati. Fil-mument tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, il-Bord tal-ICANN ta istruzzjonijiet lill-persunal tal-ICANN u lis-ccNSO biex jeżaminaw mill-ġdid il-Proċess Aċċellerat biex jipprovdu gwida f’każijiet ta’ xebh ma' strings b'ittri kbar iżda mhux b'ittri żgħar.

Il-multilingwiżmu għandu għeruqu fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u l-inkoraġġiment, il-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-multilingwiżmu huwa wieħed mill-prinċipji ta’ gwida għall-istituzzjonijiet tal-UE. Għal dan il-għan huwa objettiv ta’ politika importanti li s-ccTLD .eu tkun disponibbli fil-kitbiet l-oħra Ewropej.

5.Il-funzjonament tar-Reġistru

5.1.Ir-Reġistru

L-EURid hija organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, għall-Ewropa kollha, bl-uffiċċju prinċipali tiegħu f'Diegem (il-Belġju) u b'uffiċċji reġjonali fi Stokkolma, Praga u Pisa. Huwa magħmul minn żewġ membri fundaturi: DNS Belgium (ir-reġistru .be) u l-Istituto di Informatica e Telematica (ir-reġistru .it), u tmien membri assoċjati: ARNES (ir-reġistru .si), CZ.NIC (ir-reġistru .cz), Business Europe (konfederazzjoni ta’ 39 federazzjoni relatati mal-industrija minn 33 pajjiż) ECTA Internet Committee (European Community Trademark Association), EMOTA (European Multi-channel and Online Trade Association), IAB Europe (Interactive Advertising Bureau), CECUA (Confederation of European Computer Users) u UEAPME (European Association of Craft, Small and Medium-sized Enterprises). Is-servers EURid prinċipali jinsabu fil-Belġju (Brussell) u fin-Netherlands (Amsterdam).

5.2.Ir-Relazzjonijiet mar-reġistranti

Bil-liġi, ir-Reġistru tad-dominju .eu nnifsu ma jaġixxix bħala reġistratur 9 . L-ogħla prijorità għall-EURid tibqa’ li jipprovdi servizz ta’ kwalità lis-751 reġistrant li huma akkreditati miegħu. Il-EURid jevalwa s-sodisfazzjon tar-reġistranti ta' .eu fuq bażi regolari. L-aħħar stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tar-reġistranti għad-dominju.eu sar bejn ir-raba' trimestru (Q4) tal-2013 u l-ewwel trimestru (Q1) tal-2014. Minn 176 reġistrant tal-ewwel livell tal-EURid, wieġbu103. 97% kienu sodisfatti jew sodisfatti ħafna.

Il-EURid qed ikompli jħaddem servizz ta' appoġġ kontinwu għall-komunità tar-reġistranti tiegħu.

Ir-Reġistru nieda l-pjattaforma ta’ reġistrazzjoni tiegħu stess, li bdiet tiffunzjona fil-15 ta’ Settembru 2014 wara komunikazzjoni intensiva u strutturata mal-komunità tar-reġistranti .eu. Mal-pjattaforma ta' reġistrazzjoni l-ġdida, ġew introdotti stati għall-ismijiet tad-dominju ġodda, flimkien ma’ bidliet fis-servizz DAS (Domain Availability Service), fil-Whois 10 , fl-Extensible Provisioning Protocol (EPP) u fl-iskadenza tal-ismijiet tad-dominju u d-dati tat-tiġdid.

5.3.Ir-Relazzjonijiet Internazzjonali

Fil-perjodu tar-rappurtar, l-EURid semma leħnu regolarment u b’mod proattiv fl-ekosistema tal-Internet. Dan kien jinkludi parteċipazzjoni proattiva fil-laqgħat u s-sessjonijiet ta’ ħidma tal-Council of European National Top Level Domain Registries (CENTR); il-presidenza tal-grupp ta’ ħidma CENTR-IGF li wasslet għall-preżentazzjoni b’suċċess tas-sessjonijiet ta’ ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali fil-laqgħat annwali tal-IGF fl-2013 u l-2014; il-parteċipazzjoni f’laqgħat tal-ICANN u l-involviment fil-gruppi ta’ ħidma tas-ccNSO dwar il-Proċess tal-Iżvilupp tal-Politika tal-IDN; il-presidenza tal-grupp ta’ ħidma dwar l-Istrateġija u l-Pjan Operazzjonali tas-ccNSO tal-ICANN sa mill-2014; is-sħubija mal-UNESCO; il-kooperazzjoni mal-ICANN għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tal-EURid fost ir-reġistri u r-reġistranti fil-Lvant Nofsani; il-klassijiet annwali dwar il-governanza tal-Internet fil-College of Europe fi Bruges u fil-Scuola S. Anna f’Pisa. Minn Marzu 2014, ir-rappreżentanti tal-EURid ilhom ukoll involuti attivament fil-proċessi ta' Tranżizzjoni tal-Ġestjoni tal-IANA u dawk tal-Kontabilità tal-ICANN.

5.4.L-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u ta' għarfien

F’dawn l-aħħar sentejn, EURid wettaq diversi attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq żewġ livelli:

bit-twaqqif ta' sħubija soda mar-reġistranti tiegħu biex jippromwovi t-TLD .eu permezz tal-Programm ta’ Kummerċjalizzazzjoni Kofinanzjata u bi skemi oħra ta’ inċentivi. Fl-ambitu tal-programm, ir-Reġistru jiddepożita EUR 0.75 għal kull isem tad-dominju .eu ġdid u EUR 0.30 għal kull isem tad-dominju .eu mġedded f'kont ta' kummerċjalizzazzjoni kkofinanzjata maħluq għal kull reġistrant. Fl-2013 u l-2014 rispettivament ġew ippreżentati 94 u 86 proposta ta’ diversi tipi. Il-Programm kiseb dejjem iktar suċċess fost ir-reġistranti u ġie imitat ukoll minn reġistri oħra. Fl-2013 irċieva l-premju CENTR għall-aħjar azzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni tar-reġistru;

kummerċjalizzazzjoni diretta biex titqajjem kuxjenza ta’ .eu permezz ta’ azzjonijiet dedikati onlajn u b’kampanja ta’ kartelluni regolari fl-Ajruport ta’ Brussell bix-xbieha ta' waħda mix-xhieda ewlenija tal-EURid, il-plejer tat-tennis Flavia Pennetta. Il-kampanji kollha jinsabu fis-sit web dedikat tar-Reġistru (ambitionhasanaddress.eu) fejn l-utent tal-Internet jista’ jara testimonjanzi minn kumpaniji u individwi li għażlu isem tad-dominju .eu biex jippreżentaw lilhom infushom u/jew il-prodotti tagħhom onlajn.

Matul l-2014 l-EURid nieda l-Premji Web .eu biex jagħraf l-aqwa siti web .eu f’ħames kategoriji. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fi Brussell fid-19 ta’ Novembru 2014 kienet suċċess kbir għad-deskrizzjoni tal-profil .eu. Minħabba dan is-suċċess, ir-Reġistru qed jorganizza t-tieni edizzjoni.

5.5.Is-sitwazzjoni finanzjarja

Ir-Reġistru hija organizzazzjoni esterna awtonoma iżda l-Kummissjoni tiskrutinizza mill-qrib is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, f’konformità mal-qafas legali u l-Kuntratt ta’ Konċessjoni ta’ Servizz. Isiru reviżjonijiet sħaħ, fuq il-post, tal-kontabilità minn awditur finanzjarju indipendenti. Il-Kummissjoni twettaq ir-rwol superviżorju tagħha permezz ta' valutazzjonijiet tar-rimarki tal-awdituri, rapporti finanzjarji kull tliet xhur u kull sena, rapporti ta' progress kull tliet xhur, proposti għall-baġit, u pjanijiet ta' strateġija u kummerċjalizzazzjoni. Il-kwistjonijiet finanzjarji jiġu diskussi b'mod regolari mar-Reġistru f'laqgħat fil-livell tas-servizz kull tliet xhur.

Fil-bidu tal-operazzjonijiet tat-TLD .eu, id-dħul iġġenerat min-numru kbir ta' reġistrazzjonijiet tad-dominju kien konsiderevolment akbar mill-ispejjeż tar-Reġistru. Il-bilanċi pożittivi annwali konsegwenti ġew trasferiti għall-baġit tal-UE. Sabiex inaqqas il-bilanċi pożittivi u jirrikonoxxi t-tnaqqis fl-ispejjeż imġarrba għal kull isem tad-dominju minħabba ż-żieda fil-volum tar-reġistrazzjoni, ir-Reġistru naqqas gradwalment it-tariffi varji għar-reġistranti. Minn Jannar tal-2013, sabiex jibqa' fidil għall-obbligu kuntrattwali li jaħdem skont il-kost, ir-Reġistru ddeċieda li jibdel it-tariffa tat-tiġdid u tal-estensjoni tat-terminu ta’ isem tad-dominju minn EUR 4.00 għal EUR 3.75.

L-aspetti finanzjarji ewlenin tar-Reġistru baqgħu stabbli fl-2013 u fl-2014, bi dħul u bi spejjeż ta' madwar EUR 13 miljun fis-sena, għas-sentejn li huma. Konsegwentement, ir-riżultat finanzjarju nett kien aktar ibbilanċjat mis-snin preċedenti b’eċċessi ta’ EUR 535,017 u EUR 76,953 għas-snin fiskali 2013 u 2014 rispettivament, li ġew ittrasferiti għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni eżaminat fid-dettall il-bidliet fl-ispejjeż reali u dawk ibbaġitjati tar-Reġistru, b'mod partikolari l-ispejjeż marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni (EUR 2.8 miljuni fl-2013 u EUR 3.0 miljuni fl-2014) 11 u mar-riżorsi umani (EUR 4.7 miljuni fl-2013 u EUR 4.4 miljuni fl-2014). Iż-żieda fl-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni fl-2014 ġejja min-numru għoli ta’ reġistrazzjonijiet u għaldaqstant aktar kontribuzzjonijiet għall-fond ta’ Kummerċjalizzazzjoni Kofinanzjata u mill-inizjattivi ta' għarfien ġodda, marbuta mal-fatt li r-residenti tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja saru eliġibbli biex jirreġistraw dominji .eu.

5.6.Il-kontinwità tal-operat, ir-reżiljenza u l-kwalità

5.6.1.Il-Kontinwità tal-operat

EURid wettaq l-hekk imsejjaħ spot test ta’ rkupru f'każ ta' diżastru fuq diversi komponenti tal-infrastruttura tiegħu. It-test wera li r-ridondanza preżunta fuq is-sistemi ta' telefonija ma taħdimx kif maħsub u teħtieġ ċerti korrezzjonijiet. B’mod aktar speċifiku, l-infrastruttura ta' kommutazzjoni ewlenija ħadmet tajjeb waqt ħsara simulata u s-servizzi baqgħu disponibbli, is-swiċċijiet ta' quddiem li jikkonnettjaw is-servers ta' quddiem mal-firewalls u l-Internet ħadmu tajjeb matul kommutazzjoni (failover) kkontrollat, iżda xi servizzi sfaw indisponibbli minħabba suppożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li fil-prattika ma ħadmux. Is-suppożizzjonijiet tranġaw u t-testijiet mill-ġdid urew li l-kommutazzjoni ħadmet kif suppost.

Is-softwer tar-reġistrazzjoni reġa' inkiteb kollu mill-ġdid fl-2014 u beda jaħdem f’Settembru ta’ dik is-sena. F’Diċembru sar eżerċizzju tal-awditjar tal-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP). It-test sar fis-16 ta' Diċembru u ġie sottopost għal kontroll kontabilistiku minn PwC li kkonkludew li "it-testijiet kollha marbuta mal-ambitu tat-Test BCP, imwettqa matul ħinijiet differenti, kienu pożittivi."

5.6.2.Sigurtà

F'Settembru 2010, il-EURid lesta l-implimentazzjoni tal-protokoll tal-Estensjonijiet tas-Sigurtà tal-Ismijiet tad-Dominju (DNSSEC – Domain Name Security Extensions) għat-TLD .eu. Id-DNSSEC huwa protokoll biex jivverifika l-awtentiċità tar-risposti tas-server tal-ismijiet li jidhru fuq l-iskrin (is-siti web) sar-root zone tal-Internet f'dik li tissejjaħ 'il-katina ta' fiduċja'. Huwa ddisinjat biex jipproteġi l-utenti tal-Internet minn dejta DNS falza, iżda jista' jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu biss jekk iż-żoni kollha fis-siġra ġerarkika tad-DNS ikunu ffirmati. It-tnaqqis fid-DNSSEC (skont ta' EUR 0.02 fuq it-tariffa tal-isem tad-dominju għal kull isem tad-dominju ffirmat b'mod korrett kull xahar) ġie introdott fl-2013 biex ikompli jappoġġja l-implimentazzjoni tad-DNSSEC fil-livell tar-reġistranti.

5.6.3.Il-pjan ta' kwalità Whois

EURid qed japplika miżuri sabiex ta' kuljum jiġġieled il-phishing u tipi oħra ta' mġiba malizzjuża online. B'mod partikolari l-ismijiet tad-dominju jiġu ċċekkjati għall-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u r-reġistrazzjonijiet il-ġodda jiġu skrinjati għal tendenzi suspettużi jew anomaliji oħra.

Skont l-Artikolu 4 tal-ftehim tal-akkreditazzjoni tar-registrar.eu, ir-reġistranti jridu jiżguraw li kull detentur ta’ isem tad-dominju jkun konformi mar-Regolamenti tal-UE (kif emendati), mal-Politika ta' Reġistrazzjoni .eu u mat-termini u l-kundizzjonijiet .eu, kif ippubblikati fis-sit web tar-Reġistru.

Mill-2013, EURid fittex li jtejjeb il-kwalità tad-dejta Whois .eu u ħeġġeġ il-konformità kooperattiva tar-reġistranti mal-obbligi kuntrattwali tagħhom. Għal dak l-għan, ir-Reġistru nieda l-proġett tal-Pjan tal-Kwalità Whois biex jivverifika l-bażi ta' dejta tal-Whois u jirranġa xi ineżattezzi.

5.7.L-Awditu u l-Verifika Teknika tar-Reġistru 2013

Fl-ambitu tal-Kuntratt ta’ Konċessjoni ta’ Servizz mal-EURid, il-Kummissjoni tista’ tirranġa biex "jitwettaq awditu jew minn korp estern tal-għażla tagħha, jew mid-dipartimenti tal-Kummissjoni nfushom. L-għan ta’ dan l-awditu huwa li jiġi vverifikat jekk il-Kuntrattur huwiex qed jikkonforma mal-kuntratt”.

Twettaq awditu mill-Kummissjoni bejn il-tielet (Q3) u r-raba' trimestru (Q4) tal-2013. Abbażi tar-riżultati tal-awditu u l-verifika teknika, is-servizzi tal-awditu tal-Kummissjoni kienu tal-opinjoni li l-amministratur tar-Reġistru EURid — Asbl/vzw — kien f’konformità mal-Kuntratt ta’ Konċessjoni ta’ Servizz għall-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-immaniġġjar tat-TLD .eu.

Fl-istess ħin, l-awdituri identifikaw numru ta’ oqsma fejn jista' jsir titjib, inkluż:

l-istabbiliment ta’ politika interna effettiva dwar il-kunflitt ta’ interess (li l-EURid kellu fis-seħħ, iżda ġiet irfinata iktar u saret iktar stretta);

il-valutazzjoni tal-ħtieġa li jkun hemm sussidjarji fi tliet Stati Membri oħra (dan kien obbligu skont il-Kuntratt ta’ Konċessjoni ta’ Servizz oriġinali. l-EURid kien diġà ntrabat li jevalwa l-valur tas-sussidjarji meta wieġeb għas-sejħa għal espressjoni ta’ interess tal-2013 għall-għażla tar-Reġistru tat-TLD.eu);

l-introduzzjoni ta’ politika formali ta’ akkwist pubbliku (l-EURid, minn dakinhar tal-awditu, il-proċedura interna tiegħu għamilha uffiċjali u obbligatorja għal spejjeż li jaqbżu limitu speċifiku);

it-twettiq ta' reviżjonijiet regolari tal-proċess ta' bini ta' riżerva (l-EURid qed jagħmel dan fuq bażi annwali f’kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni).

5.8.Il-proċedimenti legali u tilwimiet rigward l-ismijiet tad-dominju

5.8.1.Kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti Ġenerali: xejn

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE): deċiżjoni preliminari waħda.

Fl-2011 il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell irreferiet il-każ lensworld.eu (Pie Optiek vs. Bureau Gevers) lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għal deċiżjoni preliminari.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppronunċjat is-sentenza fid-19 ta’ Lulju 2012. Il-Qorti tal-Appell ippronunċjat id-deċiżjoni finali tagħha fit-3 ta’ Ottubru 2013, billi ċaħdet it-talba ta' Pie Optiek kontra l-EURid u qalet li hija inammissibbli. Il-qorti kkonkludiet li Gevers kienet għamlet żball u kkundannatha tħallas danni ta' EUR 70.000 lil Pie Optiek, spejjeż li kienu l-aktar marbuta mal-qorti.

L-ebda appell ma ġie ppreżentat; is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Brussell saret definittiva.

5.8.2.Proċedura ta' Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim

Kull tilwim bejn id-detenturi tal-ismijiet tad-dominju .eu jew pretensjoni kontra deċiżjonijiet tar-Reġistru .eu, jistgħu jiġu ppreżentati lill-fornitur tas-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR), li hija l-Qorti tal-Arbitraġġ Ċeka (CAC).

Il-proċedura tal-ADR tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment tal-qorti. L-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati onlajn fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE 12 .

L-ADR kontra l-EURid dwar l-ismijiet tad-dominju b'karattru wieħed

Il-proċediment tal-ADR 06814 inbeda kontra l-EURid fir-rigward tal-ismijiet tad-dominju e.eu, f.eu, y.eu. Skont ir-regoli applikabbli, isem tad-dominju .eu għandu jinkludi mill-inqas żewġ karattri.

Il-Kwerelant ikkontesta ċ-ċaħda tal-EURid tat-talbiet għar-reġistrazzjoni.

Fid-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2014 il-membru tal-bord tal-ADR inkarikat ċaħad l-ilment. Il-Kwerelant ma appellax u l-każ ingħalaq.

It-tnaqqis tat-tariffa tal-ADR (ftehim bejn l-EURid u l-Qorti tal-Arbitraġġ Ċeka)

Fis-27 ta’ Ġunju 2012, CAC u EURid ħabbru tnaqqis speċjali fit-tariffa biex jagħmlu l-proċess tal-ADR .eu dejjem aktar aċċessibbli.

It-tariffa ta' EUR 1,300 għal proċediment bażiku, jiġifieri l-ikkontestar ta' wieħed sa ħames ismijiet tad-dominju quddiem membru uniku tal-bord, tnaqqset b’EUR 700 abbażi ta' struttura tariffarja ġdida valida għal perjodu ta’ sitt xhur li jibda mill-1 ta’ Lulju 2012. It-tariffi tal-ADR komplew jonqsu fl-2014, bit-tnaqqis kumplessiv għal kull ilment ippreżentat quddiem l-ADR li jammonta għal EUR 1,000 mill-1 ta’ Jannar 2015. L-iskont ta' EUR 1,000 jingħata għal kull ilment ippreżentat irrispettivament min-numru ta’ ismijiet tad-dominju inkwistjoni u t-tip ta’ bord mitlub.

5.8.3.Proċedimenti ġudizzjarji oħra

Fil-perjodu tar-rappurtar, l-EURid kien parti fil-kawżi li ġejjin:

Depmarc

Depmarc ikkontestat iċ-ċaħda tal-EURid tal-applikazzjonijiet Sunrise tagħha 13 għal 36 isem tad-dominju bbażati fuq ismijiet kummerċjali Olandiżi. Il-Rikorrent talab lill-Qorti biex tordna lill-EURid jittrasferixxi l-ismijiet tad-dominju lil Depmarc. Il-każ ġie riżolt permezz ta’ ftehim bonarju u fl-14 ta’ Novembru 2013 il-Qorti ddikjarat il-każ magħluq.

Mis-36 isem tad-dominju, 30 li għalihom ma kienx hemm applikazzjonijiet suċċessivi aċċettati fil-lista Sunrise ġew rilaxxati għar-reġistrazzjoni ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2014. Is-sitt (6) ismijiet tad-dominju l-oħra li għalihom l-applikazzjonijiet suċċessivi ġew aċċettati fil-lista Sunrise ġew attivati f’isem l-applikant.

Dotace

L-applikazzjoni Sunrise mill-kumpannija Ċeka Dotace ġiet miċħuda mill-validatur (u l-EURid) minħabba nuqqas ta’ prova ta’ dritt preċedenti għall-isem "Dotace". Is-CAC ikkonferma ċ-ċaħda tal-EURid tal-isem tad-dominju tad-dotace.eu fid-deċiżjoni tiegħu (Każ 04281). L-applikant għall-isem tad-dominju sussegwentement appella quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ Brussell.

Meta r-Rikorrent irrifjuta li jiffirma ftehim bonarju, l-EURid għamlet talba għal proċedimenti tal-qorti vessatorji sabiex ikun jista’ jattiva mill-ġdid il-proċedimenti u jikseb riżultat finali.

Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2014, il-Qorti tal-Prim’ Istanza ddeċidiet kompletament favur l-EURid.  

6.Ir-reġistrazzjoni fl-EMAS u kumpens għas-CO2

Fit-23 ta’ Mejju 2012, l-EURid sar l-ewwel reġistru ċċertifikat fl-EMAS 14 fl-Ewropa (numru ta’ reġistrazzjoni BE-VL-000016). Il-valutazzjoni finali tad-disa' (9) objettivi u l-41 azzjoni tal-programm tal-EMAS 2012-2014 uriet li 95% tal-objettivi kienu ntlaħqu, inkluż l-objettiv ewlieni: il-kumpens sħiħ għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-EURid. Fl-ewwel trimestru (Q1) tal-2015, wara l-awditi annwali, l-EURid beda l-proċess ta’ tiġdid tar-reġistrazzjoni tiegħu fl-EMAS u ta' estensjoni lejn il-fergħa tiegħu f' Pisa.

Mill-2013, l-EURid ivvalida l-emissjonijiet tiegħu ta’ CO2 u xtara krediti ċċertifikati tas-CO2 biex jikkumpensa għalihom.

7.Konklużjonijiet

Il-mudell tat-TLD .eu ġie implimentat b'suċċess u qiegħed jopera b'mod effettiv.

Matul l-aħħar sentejn, it-TLD .eu saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fost l-akbar u l-iżjed TLDs popolari fl-Ewropa u fid-dinja. Għadu qed jikseb suċċess minkejja t-tkabbir kontinwu, għalkemm aktar bil-mod, tas-ccTLDs tat-28 Stat Membru u d-disponibbiltà akbar ta’ gTLDs, li magħhom ir-reġistru kien kapaċi jlaħħaq bis-saħħa tat-tikketta ta’ kwalità assoċjata mat-TLD .eu.

Ħames snin wara l-applikazzjoni tal-EURid għall-istring .eu fil-Grieg u fiċ-Ċirilliku, l-ICANN ma approvax il-Greek .ευ għar-raġuni li hija simili b’tali mod li toħloq konfużjoni ma’ strings oħrajn b'ittri kbar. Il-Kummissjoni ħeġġet ripetutament lill-ICANN sabiex dan il-proċess jitlesta malajr kemm jista’ jkun. Hija enfasizzat li r-regoli għal proċedura "permanenti" għall-applikazzjonijiet tal-IDN għandhom ikunu stabbiliti b'mod li jiġi evitat dewmien bla bżonn. Din hija waħda mill-kwistjonijiet ta' politika pubblika li l-Kummissjoni se tkompli tqajjem fil-Kumitat Konsultattiv tal-Gvern li jipprovdi pariri dwar il-politika pubblika lill-ICANN, kif ukoll f'entitajiet kostitwenti oħra tal-ICANN.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tar-Reġistru baqgħet stabbli matul il-perjodu ta' rappurtar.

Il-Kummissjoni tissorvelja l-użu tas-sistema tal-ADR ipprovduta mis-CAC, li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tar-reġistranti bil-lingwi kollha tal-UE. Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri, l-EURid naqqas it-tariffi tal-ADR biex titjieb l-aċċessibbiltà għas-sistema għall-individwi u l-SMEs li għandhom raġunijiet biex jaħsbu li l-ismijiet .eu tagħhom ġew reġistrati ħażin minn partijiet terzi.

Dan l-aħħar l-ambjent tad-DNS għadda minn waħda mill-ikbar bidliet tiegħu f' dawn l-aħħar żewġ deċennji. Mijiet ta’ gTLDs ġodda tnedew fis-suq u dan xi kultant ħoloq konfużjoni fost ir-reġistranti u r-reġistraturi. Fl-istess ħin, il-miġja tal-midja soċjali wasslet għal tnaqqis ta’ interess fl-ismijiet tad-dominju, peress li l-utenti aħħarija aktar żgħażagħ tal-Internet u l-kumpaniji ġodda dinamiċi jippreferu jikkomunikaw il-preżenza onlajn tagħhom permezz tal-mezzi tal-midja soċjali li huma aktar rapidi.

S'issa t-TLD.eu u r-Reġistru tiegħu wrew li huma kapaċi li jlaħħqu tajjeb ħafna mal-isfidi, għalkemm l-ambjent huwa mistenni li jkun aktar kompetittiv fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni għandha djalogu regolari u kostruttiv mar-Reġistru biex tinvestiga u tidentifika modi possibbli ta’ kif tittratta x-xenarju l-ġdid tad-DNS filwaqt li żżomm l-ispazju .eu sigur, affidabbli u utli għall-partijiet ikkonċernati fil-preżent u fil-ġejjieni.



ANNESSI



Anness 1: It-TLDs l-aktar imfittxija fid-dinja fil-31 ta’ Marzu 2015

Sors: Ir-Rapport Trimestrali ta' Progress tal-EURid, Q1 2015

ANNESS 2: reġistrazzjonijiet .eu għal kull trimestru


ANNESS 3: Ilmenti ADR imressqa skont is-sena

Ilmenti mressqa

fl-2013

Ilmenti mressqa

fl-2014

Jannar

6

5

Frar

5

5

Marzu

4

4

April

4

1

Mejju

2

6

Ġunju

7

5

Lulju

6

4

Awwissu

2

7

Settembru

3

7

Ottubru

6

7

Novembru

4

7

Diċembru

3

4

TOTALI

52

62

Każijiet tal-ADR mitmuma fl-2013: 57 (li minnhom 47 ilment ġew aċċettati)

2013

Ilment

Miċhud

Ilment

Aċċettat

Ilment

difettuż

Saldu

TOTALI

Jannar

6

6

Frar

3

3

Marzu

4

1

5

April

1

1

Mejju

7

7

Ġunju

2

6

8

Lulju

5

2

7

Awwissu

1

3

1

5

Settembru

1

1

2

Ottubru

6

1

7

Novembru

2

1

3

Diċembru

3

3

TOTALI

3

47

4

3

57

   

Każijiet tal-ADR mitmuma fl-2014: 57 (li minnhom 43 ilment ġew aċċettati)

2014

Ilment

Miċhud

Ilment

Aċċettat

Ilment

difettuż

Saldu

TOTALI

Jannar

6

1

7

Frar

1

1

Marzu

1

4

5

April

1

1

2

Mejju

7

7

Ġunju

1

1

Lulju

4

1

5

Awwissu

5

2

7

Settembru

2

1

3

Ottubru

1

3

1

5

Novembru

2

2

1

5

Diċembru

8

1

9

TOTALI

5

43

8

1

57


ANNESS 4: Għadd totali ta’ ismijiet tad-dominju .eu skont il-pajjiż tar-reġistrant

Sors: Ir-Rapport Trimestrali ta' Progress tal-EURid, Q1 2015
ANNESS 5: Dominji .eu għal kull 1,000 abitant

Sors: Ir-Rapport Trimestrali ta' Progress tal-EURid, Q1 2015



ANNESS 6: Reġistrazzjonijiet tal-IDN fid-dominju .eu mqabbla mar-reġistrazzjonijiet totali fid-dominju .eu

Sors: Ir-Rapport Trimestrali ta' Progress tal-EURid, Q1 2015

(1)  Id-dominju .tk huwa eskluż minħabba li għandu qafas u mudell ta' bejgħ speċjali.
(2) (ĠU L 113, 30.4.202, p. 1)
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 li jadatta numru ta' strumenti suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tal-proċedura regolatorja bi skrutinju — L-Ewwel Parti (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1).
(4) (ĠU L 162, 30.4.2004, p. 40)
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1654/2005 tal-10 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 266, 11.10.2005, p. 35), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1255/2007 tal-25 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 282, 26.10.2007, p. 16) ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 560/2009 tas-26 ta’ Ġunju (ĠU L 166, 27.6.2009, p. 3), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 516/2015 tas-26 ta' Marzu 2015 (ĠU L 82, 27.03.2015, p.14).
(6) EURid hija taqsira ta' European Registry of Internet Domain Names (Reġistru Ewropew tal-Ismijiet tad- Dominju tal-Internet), kumpanija mingħajr skop ta' qligħ, li kellha l-ġestjoni ta' .eu TLD b'kuntratt mill-Kummissjoni Ewropea.
(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta’ April 2014 dwar id-deżinjazzjoni tar-Reġistru tad-Dominju tal-Ogħla Livell .eu (ĠU L109/41, 12.4.2014).
(8) Għal aktar informazzjoni dwar il-Proċess Mgħaġġel ara: http://www.icann.org/en/topics/idn/fast-track/ .
(9) L-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002, u l-premessi 2, 3, 4 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 874/2004.
(10) Is-sistema li permezz tagħha jinstab min hu responsabbli minn isem ta' dominju.
(11) Dawn iċ-ċifri jinkludu l-fondi mwarrba għall-Programm ta’ Kummerċjalizzazzjoni Kofinanzjata għar-reġistranti.
(12) Għall-istatistika tal-ADR, ara l-Anness 3.
(13) cybersquatting dominju tal-ogħla livell Perjodu Sunrise PricewaterhouseCoopers EURid Il-perjodu Sunrise ta' reġistrazzjoni tad-dominju huwa perjodu speċjali li matulu d-detenturi tal-marka kummerċjali jistgħu jirreġistraw minn qabel ismijiet li jkunu l-istess jew simili għall-marka kummerċjali tagħhom biex jiġi evitat is-. Dan iseħħ qabel it-tnedija ġenerali tad- (TLD). Biex jirreġistra, il-grupp jew l-individwu jrid juri li huwa għandu dritt preċedenti għall-isem. Il- għal .eu kien maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, li bdiet fis-7 ta’ Diċembru 2005, kienet biex tiffaċilita l-applikazzjonijiet minn reġistranti bi drittijiet preċedenti abbażi ta' marki kummerċjali u ismijiet ġeografiċi. It-tieni fażi bdiet fis-7 ta’ Frar 2006 u kopriet ismijiet tal-kumpaniji, ismijiet kummerċjali u ismijiet personali. Fil-każ tal-applikazzjonijiet Sunrise kollha, kien meħtieġ li l-applikazzjoni tkun akkumpanjata minn dokumenti li juru l-pretensjoni ta' sjieda ta’ ċertu dritt. Id-deċiżjoni mbagħad ittieħdet minn il-Belġju, li ntgħażlet bħala l-aġent tal-validazzjoni mill-. Fis-7 ta’ Frar 2006 infetaħ ir-reġistru għall-ismijiet tal-kumpaniji, l-ismijiet kummerċjali u l-ismijiet personali. Fl-ewwel 15-il minuta, kien hemm total ta’ 27.949 applikazzjoni, u wara siegħa, 71.235.
(14) L-Iskema tal-Immaniġġjar tal-Ambjent u l-Verifika tal-UE (EMAS) hija għodda ta' ġestjoni għal kumpaniji u għal organizzazzjonijiet oħra li tivvaluta, tirrapporta u ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.
Top