EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0385

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW It-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. dwar l-attivitajiet tal-UE fir-rigward tal-Antidumping, l-Antisussidji u ta' Salvagwardja (2014)

COM/2015/0385 final

Brussell, 3.8.2015

COM(2015) 385 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.
dwar l-attivitajiet tal-UE fir-rigward tal-Antidumping, l-Antisussidji u ta' Salvagwardja (2014)

{SWD(2015) 149 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-33 Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.
dwar l-attivitajiet tal-UE fir-rigward tal-Antidumping, l-Antisussidji u ta' Salvagwardja (2014)

Introduzzjoni

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ta’ antidumping, ta’ antisussidji u ta’ salvagwardja matul l-2014. Huwa ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku tal-antidumping”), l-Artikolu 33a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku tal-antisussidji”) u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 2015/478 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet.

L-investigazzjonijiet ta' antidumping (AD), antisussidji (AS) u ta’ salvagwardja (SFG) immexxija mill-Kummissjoni huma rregolati mir-Regolamenti tal-Kunsill imsemmija hawn fuq. Ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-leġiżlazzjoni, it-terminoloġija u l-proċeduri eżistenti hija disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

Dan ir-rapport qasir jagħti ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti ewlenin fil-qasam ta' Difiża tan-Negozju fl-UE matul l-2014 u huwa akkumpanjat, bħal fis-snin ta' qabel, b'Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, flimkien ma' annessi dettaljati. Dan ir-rapport għandu l-istess struttura ġenerali tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal, inklużi l-intestaturi kollha tiegħu, għal riferiment faċli għal informazzjoni aktar komprensiva.

Ir-rapport attwali u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal huma disponibbli wkoll għall-pubbliku fuq http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm .

1.Ħarsa ġenerali lejn l-investigazzjonijiet u l-miżuri tal-antidumping, tal-antisussidji u ta' salvagwardja

1.1.Ġenerali

L-għadd ta’ miżuri fis-seħħ u l-investigazzjonijiet li għaddejjin huwa ġeneralment konformi ma’ dawk fl-2013. Il-“portafoll” ta’ każijiet madankollu nbidel. Fil-fatt, l-attività fl-2014 kienet ikkaratterizzata minn ritorn għal aktar investigazzjonijiet ġodda u tnaqqis fl-għadd ta’ rieżamijiet (notevolment rieżamijiet tal-iskadenzi) meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Fi tmiem l-2014, l-UE kellha fis-seħħ 81 miżura AD u 13-il miżura AS.

Fl-2014, 0,29 % tal-importazzjonijiet totali fl-UE kienu affettwati mill-miżuri AD u AS.

Ħarsa ġenerali dettaljata tingħata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Ir-referenzi għall-Annessi tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jinsabu biswit it-titoli.

Fir-rigward taċ-ċifri dwar l-inizjazzjonijiet u l-konklużjonijiet ta’ każijiet f’sezzjonijiet sussegwenti, innota li l-bicca l-kbira tal-każijiet konklużi fl-2014 kienu nbdew fl-2013 filwaqt li ħafna minn dawk mibdija fl-2014 mistennija li jaslu għal deċiżjoni fl-2015.

1.2.Investigazzjonijiet ġodda (ara l-Annessi A sa E u l-Anness N)

Fl-2014, inbdew 16-il investigazzjoni ġdida. Ġew imposti dazji provviżorji f'żewġ (2) proċedimenti. Ingħalqu tliet każijiet bl-impożizzjoni ta’ dazji definittivi. Ingħalqu erba' investigazzjonijiet mingħajr miżuri.

1.3.Investigazzjonijiet ta' rieżami

L-investigazzjonijiet tar-rieżami għadhom jirrappreżentaw parti sostanzjali mill-ħidma tas-servizzi TDI tal-Kummissjoni. It-Tabella 2 fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tipprovdi informazzjoni statistika għas-snin 2010-2014.

1.3.1.Rieżamijiet tal-iskadenza (ara l-Anness F)

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament AD u l-Artikolu 18 tar-Regolament AS jipprevedu l-iskadenza tal-miżuri wara ħames snin, sakemm rieżami tal-iskadenza ma jurix li għandhom jinżammu fil-forma oriġinali tagħhom. Matul l-2014, żewġ miżuri skadew awtomatikament wara l-perjodu tagħhom ta' ħames snin.

Matul l-2014, inbdew għaxar investigazzjonijiet ta' rieżami tal-iskadenza. Tmien rieżamijiet tal-iskadenzi ġew konklużi b'konferma tad-dazju għal perjodu ulterjuri ta' ħames snin. Erba' rieżamijiet tal-iskadenza ġew konklużi bl-iskadenza tal-miżuri.

1.3.2.Rieżamijiet interim (ara l-Anness G)

L-Artikolu 11(3) tar-Regolament AD u l-Artikolu 19 tar-Regolament AS jipprevedu r-rieżami tal-miżuri matul il-perjodu tal-validità tagħhom. Ir-rieżamijiet jistgħu jkunu limitati għal aspetti ta’ dumping/sussidjar jew ta’ ħsara.

Matul l-2014, inbeda total ta’ ħames rieżamijiet interim. Ħames rieżamijiet interim ġew konklużi bil-konferma jew bl-emenda tad-dazju. Żewġ rieżamijiet interim ġew konklużi bit-terminazzjoni tal-miżuri.

1.3.3.Rieżamijiet interim "oħra" (ara l-Anness H)

Kien hemm tliet rieżamijiet "oħra", jiġifieri li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 11(3) tar-Regolament AD jew l-Artikolu 19 tar-Regolament AS, li ġew konklużi f'dan il-perjodu. Ma kienx hemm tali rieżamijiet mibdija.

1.3.4.Rieżamijiet ta' esportaturi ġodda (ara l-Anness I)

L-Artikolu 11(4) tar-Regolament AD u l-Artikolu 20 tar-Regolament AS rispettivament jipprevedu rieżami ta’ "esportatur ġdid" u rieżami "aċċellerat" sabiex jiġi stabbilit marġini individwali tad-dumping jew dazju kompensatorju individwali għall-esportaturi l-ġodda, li jinsabu fil-pajjiż tal-esportazzjoni kkonċernat, li ma esportawx il-prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dawn l-esportaturi jridu juru li huma esportaturi ġodda ġenwini u li huma bdew jesportaw lejn l-UE wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkalkulat għalihom dazju individwali, li normalment ikun inqas mid-dazju għall-pajjiż kollu.

Fl-2014, inbedew żewġ rieżamijiet ta’ esportaturi ġodda filwaqt li ġew konklużi tliet tali rieżamijiet.

1.3.5.Investigazzjoni ta’ assorbiment (ara l-Anness J)

Meta jkun hemm biżżejjed informazzjoni li turi li, wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet ta’ esportazzjoni naqsu jew li ma kienx hemm moviment jew li l-moviment ma kienx biżżejjed, fil-prezzijiet għall-bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-UE, jista' jinfetaħ rieżami ta’ "assorbiment" biex jiġi eżaminat jekk il-miżura kellhiex effetti fuq il-prezzijiet imsemmija iktar 'il fuq. Il-marġnijiet tad-dumping jistgħu għalhekk jiġu kkalkulati mill-ġdid u d-dazju jiżdied biex jittieħed kont ta' dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni iktar baxxi. Il-possibbiltà ta’ rieżamijiet ta’ "assorbiment" hija inkluża fl-Artikolu 12 tar-Regolament AD u l-Artikolu 19(3) tar-Regolamenti AS.

Fl-2014, inbdew żewġ rieżamijiet ta' kontra l-assorbiment u ebda wieħed minnhom ma ġie konkluż.

1.3.6.Investigazzjonijiet dwar ċirkomvenzjoni (ara l-Anness K)

Fl-Artikolu 13 tar-Regolament AD u l-Artikolu 23 tar-Regolament AS hemm prevista l-possibbiltà li jerġgħu jinfetħu investigazzjonijiet f’ċirkostanzi fejn tinstab evidenza li turi li qed isseħħ ċirkumvenzjoni tal-miżuri.

Fl-2014, inbdew tliet investigazzjonijiet ta' dan it-tip. Kien hemm investigazzjoni waħda kontra ċ-ċirkomvenzjoni konkluża b’estensjoni tal-miżuri.

1.4.Investigazzjonijiet ta' salvagwardja (ara l-Anness L)

Matul l-2014, l-UE ma imponietx miżuri ta’ salvagwardja.

2.Infurzar tal-miżuri AD/AS

2.1.Miżuri ta’ segwitu

L-attivitajiet ta’ segwitu li jikkonċernaw il-miżuri fis-seħħ kienu jikkonċentraw fuq erba’ oqsma ewlenin: (1) għall-prevenzjoni tal-frodi; (2) għall-monitoraġġ tal-flussi tal-kummerċ u l-iżviluppi tas-suq; (3) għat-titjib tal-effettività bl-istrumenti xierqa u (4) għar-reazzjoni għal prassi irregolari. Dawn l-attivitajiet ippermettew lill-Kummissjoni sabiex tiżgura b'mod proattiv b'kooperazzjoni mal-Istati Membri l-infurzar xieraq tal-miżuri ta' difiża kummerċjali fl-Unjoni Ewropea.

2.2.Monitoraġġ tal-impenji (ara l-Annessi M u Q)

Il-monitoraġġ tal-impenji jifforma parti mill-attivitajiet ta’ infurzar, billi l-impenji huma forma ta’ miżuri AD jew AS. Huma jiġu aċċettati mill-Kummissjoni jekk tkun issodisfata li jistgħu jeliminaw b'mod effettiv l-effetti ta’ ħsara tad-dumping jew tas-sussidjar.

Fil-bidu tal-2014, kien hemm 134 impenn fis-seħħ. Matul l-2014, seħħew il-bidliet segwenti lill-portafoll tal-impenji: L-impenn ta’ kumpanija waħda ġie irtirat peress li ġie stabbilit li kien hemm ksur. L-impenji ta’ żewġ kumpaniji ġew irtirati minħabba tibdil fiċ-ċirkostanzi waqt l-implimentazzjoni tal-impenji. L-impenn għal kumpanija waħda skada u l-impenn għal kumpanija oħra ġie annullat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. L-ebda impenn ġdid ma ġie aċċettat. Dan ġab l-għadd totali ta' impenji fis-seħħ fi tmiem l-2014 għal 129.

3.Rifużjonijiet

L-Artikolu 11(8) tar-Regolament AD u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament AS jippermettu lill-importaturi sabiex jitolbu r-rimborż tad-dazji rilevanti miġbura fejn jintwera li l-marġini tad-dumping/sussidju tneħħa jew tnaqqas għal livell inqas minn dak tad-dazju fis-seħħ.

Matul l-2014, tressqu 42 talba ġdida għal rifużjoni. Fi tmiem l-2014, kienu għaddejjin tlettax-il investigazzjoni li jkopru 31 talba. Fl-2014, ġew adottati 31 Deċiżjoni tal-Kummissjoni: 20 minnhom taw rifużjoni parzjali u 11 ċaħdu t-talbiet għal rifużjoni. Għaxar talbiet ġew irtirati.

4.Modernizzazzjoni tad-TDI

Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni f’April 2013 ta’ proposta leġiżlattiva u Komunikazzjoni, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija għaddejja fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Il-Parlament ivvota dwar riżoluzzjoni leġiżlattiva f’April 2014, u b’hekk għalaq l-ewwel qari tagħha. F’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ħadet ukoll nota ta’ abbozz ta’ linji gwida fuq erba’ suġġetti bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom ladarba l-proċess leġiżlattiv kien aktar avvanzat.

L-eżerċizzju ta’ modernizzazzjoni huwa importanti għall-partijiet ikkonċernati billi jirrappreżenta mezz sabiex jiġu adattati l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali (TDIs) għal realtajiet kummerċjali attwali. L-ambjent kummerċjali tal-lum huwa ferm differenti minn dak taż-żmien tat-tlestija tar-Round tal-Uruguay 'il fuq minn 20 sena ilu, meta kienu saru l-aħħar tibdiliet importanti għar-regoli globali li jirregolaw it-TDIs. Għalhekk, hemm bżonn li tittejjeb is-sistema attwali ta’ difiża kummerċjali tal-UE għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha.

L-għan ta’ dan l-eżerċizzju ta’ modernizzazzjoni huwa li jirrendi l-istrumenti aktar effiċjenti u effettivi. Billi jsibu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi reali li l-partijiet ikkonċernati jiltaqgħu magħhom, it-TDIs huma maħsuba biex isiru risponsi aktar aċċessibbli u mmirati aħjar għal ċerti prattiki kummerċjali inġusti eżerċitati mis-sħab kummerċjali tagħna. Elementi importanti oħra tal-proġett huma aktar trasparenza, attenzjoni partikolari għall-SMEs, filwaqt li jinżamm l-bilanċ ta’ interessi bħala karatteristika essenzjali.

5.Status ta' ekonomija tas-suq fuq livell nazzjonali (market economy status - MES)

Il-prattika attwali hija li pajjiż jista’ jitqies bħala ekonomija tas-suq għall-finijiet ta' investigazzjonijiet antidumping, jekk jissodisfa l-ħames kriterji kif stabbiliti wkoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Sitt pajjiżi talbu l-MES għall-pajjiż kollu: Iċ-Ċina, il-Vjetnam, l-Armenja, il-Każakistan, il-Mongolja u l-Belarussja.

Fl-2014, il-Vjetnam u l-Każakistan ipprovdew aktar informazzjoni biex isostnu t-talbiet tagħhom. L-informazzjoni pprovduta kienet ivverifikata matul laqgħat speċjali tal-grupp ta’ ħidma ta' MES ma' uffiċjali mill-Ministeri rilevanti fiż-żewġ pajjiżi matul is-sena. Dan, flimkien ma’ informazzjoni oħra minn sorsi indipendenti ffurmaw il-bażi għall-aġġornament ta' valutazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mill-Kummissjoni, li kompla sa tmiem l-2014.

F’April 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni qasmu rapport ta’ valutazzjoni mal-Mongolja dwar il-progress tagħha b’rabta ma’ MES, fejn il-ħames kriterju kien ikkunsidrat bħala sodisfatt. Ir-rapport ikkonkluda wkoll li minkejja xi progress b’rabta mal-kriterju l-ieħor dan ma kienx biżżejjed biex jiġġustifika l-għoti ta’ xi wieħed mill-kumplament tal-erba’ kriterji.

Mill-2008 fir-rigward taċ-Ċina, ma saru l-ebda konsultazzjonijiet dwar l-MES. Fl-2014, il-Kummissjoni baqgħet bir-rieda li tiddiskuti aktar il-progress taċ-Ċina lejn l-MES, b'mod li tispera li l-awtoritajiet Ċiniżi jkomplu jipparteċipaw fl-eżerċizzju u jagħtu l-informazzjoni meħtieġa għall-analiżi tal-MES mill-Kummissjoni. 

L-Armenja attivat mill-ġdid l-impenn tagħha fil-proċess tal-MES matul l-2014 billi pprovdiet xi informazzjoni aġġornata dwar l-iżviluppi fl-ekonomija kif ukoll tweġibiet għall-mistoqsijiet li ntbagħtu fl-2010. Il-valutazzjoni dwar il-fajl kompliet abbażi ta’ din l-informazzjoni ġdida. F’dak li għandu x’jaqsam mal-Belarussja kull ħidma fuq dan il-fajl ilha sospiża mill-2010 ’l hawn minħabba l-qagħda politika fil-pajjiż.

6.Attivitajiet ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni/Kuntratti bilaterali

6.1.Intrapriżi żgħar u medji (SMEs)

Il-parteċipazzjoni f’investigazzjonijiet ta’ Difiża Kummerċjali tista’ tippreżenta ċerti sfidi għall-SMEs minħabba d-daqs żgħir tagħhom u l-limitazzjonijiet tar-riżorsi. Sabiex l-SMEs jiġu megħjuna jittrattaw il-kumplessità involuta fl-investigazzjonijiet tat-TDI, twaqqaf Helpdesk għall-SMEs f'Diċembru 2004. Fl-2014, il-Helpdesk kompla jittratta t-talbiet għal informazzjoni. Dawn il-mistoqsijiet kienu jvarjaw minn mistoqsijiet ta' każ speċifiku għal kwistjonijiet ta’ difiża kummerċjali aktar ġenerali li jindirizzaw kemm l-elementi proċedurali kif ukoll dawk sostanzjali tal-proċedimenti. Dan is-sit web dwar it-TDI jenfasizza wkoll b’mod speċifiku r-rwol tal-SMEs fil-proċeduri tad-TDI u joffri pariri prattiċi u għajnuna.

6.2.Kuntatti bilaterali/attivitajiet ta' informazzjoni – industrija u pajjiżi terzi

Parti importanti mill-ħidma tas-servizzi tat-TDI tal-Kummissjoni hija li jispjegaw il-leġiżlazzjoni, il-proċeduri u l-prassi tal-attività tad-difiża kummerċjali tal-UE.

Fl-2014 il-Kummissjoni organizzat seminars ta’ taħriġ dwar il-politika u l-prassi tad-difiża kummerċjali għal uffiċjali minn bosta pajjiżi terzi. Kien hemm għadd ta' kuntatti bilaterali oħra ddedikati għad-diskussjonijiet dwar suġġetti varji ta' difiża kummerċjali ma' għadd ta' pajjiżi terzi inklużi ċ-Ċina, il-Korea, il-Ġappun, l-Awstralja, il-Vjetnam u l-Marokk. 

Fir-rigward tal-industrija u l-organizzazzjonijiet kummerċjali fl-UE, kien hemm seminar fi Frar 2014 li laqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati differenti biex jiddiskutu aspetti ta’ politika u l-prattika tad-difiża kummerċjali tal-UE. Il-parteċipanti inkludew rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet kemm tal-produtturi u tal-importaturi kif ukoll tas-settur tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, saru għadd ta’ laqgħat ma’ assoċjazzjonijiet Ewropej tal-partijiet ikkonċernati ewlenin (eż. Business Europe) fl-2014.

7.L-Uffiċjal tas-Seduta

Ir-rwol ewlieni tal-Uffiċjal tas-Seduta (Hearing Officer - HO) huwa li jiggarantixxi d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet ikkonċernati u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li r-regoli huma implimentati b’mod oġġettiv u trasparenti fi proċeduri kummerċjali.  Ir-rwol u s-setgħat tal-HO huma stabbiliti f’mandat formali b’Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, li tiggarantixxi proċess ġust fil-proċeduri kummerċjali u l-imparzjalità tal-funzjoni. L-HO huwa marbut, għal għanijiet amministrattivi, mal-Kummissarju responsabbli għall-politika kummerċjali. L-attivitajiet tal-Uffiċjal tas-Seduta mhumiex se jibqgħu jiġu indirizzati f’dan ir-rapport, iżda se jkunu disponibbli f’rapport separat li jista’ jinsab fi (daħħal il-ħolqa).

http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.Stħarriġ ġudizzjarju: deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ) / Qorti Ġenerali (QĠ) (ara l-Anness S)

Fl-2014, il-Qorti Ġenerali ("QĠ") u l-Qorti tal-Ġustizzja ("QtĠ") tat 28 sentenza b'kollox f’oqsma marbuta mal-antidumping jew l-antisussidju. Ħamsa mis-sentenzi tal-QtĠ kienu jikkonċernaw appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali u erba' kienu sentenzi preliminari.

Tressqu 37 każ ġdid fl-2014. 28 minn dawn tressqu quddiem il-QĠ u 9 quddiem il-QtĠ.

Lista tal-każijiet AD/AS li tressqu quddiem il-QĠ u l-QtĠ li kienu għadhom pendenti fi tmiem l-2014 tinsab fl-Anness S tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

9.Attivitajiet fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

9.1.Soluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-AD, AS u SFGs 

Id-WTO tipprevedi proċedura rigoruża għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn il-Membri tad-WTO fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehimiet tad-WTO.

Żewġ bordijiet ġew ifformati fl-2014, jiġifieri l-Bord dwar il-miżuri tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ alkoħol xaħmi mill-Indoneżja (DS442) u l-Bord dwar miżuri tal-antidumping imposti fuq il-bijodiżil mill-Arġentina (DS473). F’DS397 (proċeduri ta’ konformità in segwitu għat-tilwima tad-WTO dwar miżuri definittivi tal-antidumping mill-UE fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina), il-laqgħa sostantiva bejn il-partijiet u ma’ partijiet terzi saret f’Novembru 2014. Fl-aħħarnett, l-UE kellha konsultazzjonijiet mar-Russja dwar metodoloġiji ta' aġġustament tal-kost u ċerti miżuri ta’ antidumping, il-Bord ġie stabbilit fit-22 ta’ Lulju 2014 (DS474), mal-Indoneżja dwar il-miżuri tal-antidumping fuq il-bijodiżil (DS480) u mal-Pakistan dwar miżuri kompensatorji fuq importazzjonijiet ta’ PET (DS486).

9.2.Attivitajiet oħra tad-WTO 

Ma kien hemm ebda attività ta' negozjar matul l-2014 għall-Grupp tan-Negozjar dwar ir-Regoli. Il-President tal-Grupp, l-Ambaxxatur Wayne McCook, kellu konsultazzjonijiet miftuħa mal-Membri tad-WTO fis-16 ta’ Diċembru 2014 biex jiddiskuti modi possibbli 'l quddiem f’oqsma ta’ regoli fl-2015, inkluża l-organizzazzjoni ta’ sessjoni ta’ rendikont u xogħol possibbli dwar it-trasparenza.

Il-Grupp Tekniku, sottogrupp tal-Grupp tan-Negozjar, iltaqa' darbtejn matul is-sena. Il-grupp iddiskuta numru ta’ kwistjonijiet relatati mal-aspetti prattiċi għat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet antidumping inklużi rieżamijiet ta’ qabel l-iskadenza (sunset reviews), impenji fuq il-prezz u prodott taħt kunsiderazzjoni.

Filwaqt li kienu qegħdin iseħħu dawn l-attivitajiet, il-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-ħidma regolari tal-Kumitati tal-Antidumping, is-Sussidji u l-Kumpensazzjoni u s-Salvagwardja baqgħet għaddejja. Il-Kumitati ltaqgħu darbtejn f’sessjonijiet speċjali biex jirrieżaminaw in-notifiki, inkluża n-Notifika 2013 tal-UE ta’ Sussidji Ġodda u Sħaħ.

10.Konklużjoni

L-2014 kienet ikkaratterizzata b'żieda fil-ftuħ ta’ investigazzjonijiet ġodda u tnaqqis fl-għadd ta’ rieżamijiet tal-iskadenza. Bħal fis-snin ta’ qabel, dan jirrifletti t-tip ta’ lmenti li tressqu u li ġew appoġġati b'evidenza prima facie. B’kontinwazzjoni tax-xejra tas-snin ta' qabel, l-ebda azzjoni ta’ salvagwardja ma ttieħdet mill-UE.

Kompliet il-ħidma fuq il-Modernizzazzjoni tal-proposta dwar l-istrumenti ta’ Difiża Kummerċjali bil-Parlament jivvota riżoluzzjoni leġiżlattiva f’April 2014 u jagħlaq l-ewwel qari tagħha u b'diskussjonijiet fil-Kunsill.

Is-servizzi tal-Kummissjoni dwar it-TDIs komplew ukoll l-attivitajiet ta’ informazzjoni tagħhom immirati lejn uffiċjali ta’ pajjiżi terzi, l-industrija tal-Unjoni u l-importaturi.

Top