EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0356

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni ta’l-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’fokus fuq l-elettriku

/* COM/2014/0356 final */

52014DC0356

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni ta’l-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’fokus fuq l-elettriku /* COM/2014/0356 final */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni ta’l-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’fokus fuq l-elettriku

Objettiv

L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jitkejjel il-progress dwar l-utilizzazzjoni ta’ metraġġ intelliġenti fl-Istati Membri tal-UE b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija[1]. Suġġett għar-riżultat ta’ possibbilment valutazzjoni ekonomika tal-ispejjeż u l-benefiċċji fit-tul, l-Istati Membri huma meħtieġa li jippreparaw perjodu ta’ żmien (sa 10 snin fil-każ tal-elettriku) għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti[2]. Dan ir-rapport jagħti ħarsa lejn il-progress li sar fl-UE-27[3] sal-lum u jinkwadra r-rakkomandazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem.

Hemm żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaw dan ir-rapport. Dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-metraġġ intelliġenti fl-UE, u jinkludu ħarsa ġenerali tal-analiżi tal-benefiċċju tan-nefqa mwettqa mill-Istati Membri flimkien ma’ dejta relatata speċifikament għal kull pajjiż.

Il-metraġġ intelliġenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE

It-Tielet Pakkett tal-Enerġija jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ miters intelliġenti għall-benefiċċju fit-tul tal-konsumaturi. Din l-implimentazzjoni tista’ tkun soġġetta għal valutazzjoni ekonomika pożittiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji fuq medda ta’ żmien twil (analiżi tal-kostbenefiċċji u – CBA) li għandha titlesta sat-3 ta’ Settembru 2012. Għall-elettriku, hemm mira għall-introduzzjoni ta’ mill-inqas 80% sal-2020, tal-każijiet ivvalutati b’mod pożittiv.

Barra minn hekk, fl-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Pakkett, u b’mod komplementari għalihom, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija[4] tappoġġja l-iżvilupp ta’ servizzi tal-enerġija msejsa fuq id-dejta minn miters intelliġenti, ta’ reazzjoni għad-domanda[5] u ta’ prezzijiet dinamiċi. Dan tagħmlu filwaqt li tirrispetta u tippromwovi d-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif minqux fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), u tiżgura wkoll li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta).

It-Tielet Pakkett dwarl-Enerġija ma jistabbilixxix mira speċifika ta’ implimentazzjoni ta’ miters intelliġenti fis-settur tal-gass, iżda n-Nota Interpretattiva dwar is-Swieq tal-Konsumaturi[6] tgħid li għandha tinkiseb f’“perjodu ta’ żmien raġonevoli”.

Progress fl-utilizzazzjoni tal-metraġġ intelliġenti fl-UE-27

L-analiżi turi li sar progress sinifikanti. Wara CBAs pożittivi għall-elettriku f’aktar minn żewġ terzi tal-każijiet, l-Istati Membri issa huma impenjati li jipproċedu (jew diġà kkompletaw) bl-introduzzjoni tal-metraġġ intelliġenti. Hemm qrib il-45 miljun miter intelliġenti diġà installati fi tliet Stati Membri (il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja), li jirrappreżentaw 23 % tal-installazzjoni prevista fl-UE sal-2020. Skont l-istimi tagħna, l-impenji tal-introduzzjoni jammontaw għal investiment ta’ madwar EUR 45 biljun għall-installazzjoni sal-2020 ta’ kważi 200 miljun miter intelliġenti għall-elettriku (li jirrappreżentaw madwar 72 % tal-konsumaturi Ewropej kollha) u 45 miljun miter (madwar 40% tal-konsumaturi) għall-gass. Dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti. Dawn juru li meta t-tixrid tal-użu tal-miters intelliġenti jkun evalwat b’mod pożittiv, tkun mistennija rata ta’ penetrazzjoni għall-elettriku f’dawn l-Istati Membri li taqbeż il-mira fit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija ta’ 80% iżda li ma tilħaqx ir-rata ta’ penetrazzjoni ta’ 80% fl-UE kollha. Dan jindika wkoll li l-każ ta’ negozju għall-introduzzjoni tal-miters intellġienti għadu mhux mifrux ħafna fl-Ewropa kollha, u l-isfida f’dan hija akbar fil-każ tal-gass.

Ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva

Ir-riżultati tal-analiżi tal-kostbenefiċċji mqabbla tal-Istati Membri huma kif ġej:

L-elettriku

- Sittax(16)-il Stat Membru (l-Awstrija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit[7] se jipproċedu fuq skala kbira għall-introduzzjoni ta’ miters intelliġenti sal-2020 jew qabel, jew diġà għamlu dan. Fi tnejn minnhom, jiġifieri fil-Polonja u fir-Rumanija, is-CBAs ħallew riżultati pożittivi iżda d-deċiżjonijiet uffiċjali dwar l-introduzzjoni għadhom pendenti;

- F’seba’ Stati Membri (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, u s-Slovakkja), is-CBAs għall-introduzzjoni fuq skala kbira sal-2020 kienu negattivi jew ma jwasslux għall-konklużjoni, iżda fil-Ġermanja, fil-Latvja u fis-Slovakkja l-metraġġ intelliġenti nstab li kien ekonomikament ġustifikat għal gruppi partikolari ta’ konsumaturi;

- Għal erba’ Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, l-Ungerija u s-Slovenja), is-CBAs jew il-pjanijiet ta’ introduzzjoni ma kinux disponibbli fiż-żmien tal-kitba[8]; kif ukoll

- Il-leġiżlazzjoni għal miters intelliġenti tal-elettriku li tipprovdi għal qafas legali għall-użu u/jew li tirregola kwistjonijiet speċifiċi bħal skeda ta’ żmien tal-introduzzjoni, jew li tiffissa speċifikazzjonijiet tekniċi għall-miters, eċċ. hija fis-seħħ fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Ħames Stati Membri biss (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja u l-Litwanja), m’għandhom l-ebda leġiżlazzjoni bħal din fis-seħħ.

Il-gass

- Ħames Stati Membri (l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit) iddeċidew li jintroduċu miters intelliġenti sal-2020 jew qabel;

- Żewġ Stati Membri (Franza u l-Awstrija) għandhom pjanijiet biex jipproċedi bi tnedija fuq skala kbira iżda għad iridu jieħdu deċiżjonijiet uffiċjali;

- F’12-il Stat Membru (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Latvja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Isvezja), ir-riżultati tas-CBA kienu negattivi; filwaqt li

- l-Istati Membri l-oħra għad iridu jikkonkludu l-valutazzjoni tagħhom (nota: ma hemm l-ebda netwek tal-gass f’Ċipru jew f’Malta).

Sjieda tal-miters tal-elettriku u t-trattament tad-dejta

- F’15 mis-16-il Stat Membru li ddeċidew li jipproċedu bl-introduzzjoni fuq skala kbira, l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (DSOs) huma responsabbli mill-implimentazzjoni u s-sjieda tal-miters, biex b’hekk  l-operat jiġi ffinanzjat permezz tat-tariffi tan-netwerk;

- F’erba’ Stati Membri (id-Danimarka, l-Estonja, il-Polonja u r-Renju Unit) id-dejta se tkun ġestita permezz ta’ ċentru tad-dejta ċentrali indipendenti; kif ukoll

- Stampa simili tapplika fl-Istati Membri li mhux se jipproċedu (tal-inqas skont il-kundizzjonijiet attwali) bl-introduzzjoni fuq skala kbira sal-2020 fejn – bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u s-Slovakkja, fejn għażliet alternattivi għat-trattament tad-dejta huma kkunsidrati – id-DSOs jistgħu jkunu responsabbli wkoll mill-implimentazzjoni, is-sjieda u t-trattament tad-dejta.

Metraġġ intelliġenti — ta’ valur għall-konsumatur u għas-sistema tal-enerġija

Għalkemm id-diverġenza fil-parametri ewlenin tal-introduzzjoni titlob kawtela (Table 1 u Table 2), id-dejta disponibbli tindika li sistema ta’ metraġġ intelliġenti tista’ tiswa medja ta’ EUR 200 sa EUR 250 għal kull konsumatur. Il-kost għal kull punt ta’ metraġġ ivarja bejn EUR 100 (EUR 77 f’Malta, EUR 94 fl-Italja) sa EUR 766 fir-Repubblika Ċeka.

Tabella 1 Taqsira statistika — parametri ewlenin tal-introduzzjoini tal-metraġġ intelliġenti għall-elettriku (imsejsa fuq valutazzjonijiet ekonomiċi fuq medda twila taż-żmien tal-Istati Membri)[9]

|| Firxa ta’ valuri || Medja bbażata fuq dejta minn każijiet ivvalutati b’mod pożittiv

Rata ta’ skont || 3.1 sa 10% || 5.7% + 1.8% (70 %[10]) jikkorrispondi mal-għadd ta’ kejl (bħala parti tad-dejta kkonsultata) li jaqa’ fi ħdan il-firxa tal-valur medju kkwotat ± id-devjazzjoni standard mogħtija.)

Kemm idum iservi || bejn 8 u 20 sena || 15 + 4 snin (56%)

Ffrankar tal-enerġija || 0 sa 5 % || 3% + 1.3% (67%)

Trasferiment tal-ogħla livell ta’ tagħbija || 0.8 sa 9.9 % || m.a.

Kost għal kull punt ta’ metraġġ || EUR77 sa EUR766 || EUR223 + EUR143 (80%)

Benefiċċju għal kull punt ta’ metraġġ || EUR18 sa EUR654 || EUR309 + EUR170 (75%)

Benefiċċji għall-konsumatur (bħala % tal-benefiċċji totali) || 0,6% sa 81% || m.a.

Tabella 2 Taqsira statistika — parametri ewlenin tal-introduzzjoini tal-metraġġ intelliġenti għall-gass (imsejsa fuq il-valutazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri fuq medda twila ta’ żmien)

|| Firxa ta’ valuri || Medja bbażata fuq id-dejta kollha

Rata ta’ skont || 3,1 sa 10% || m.a.

Kemm idum iservi || bejn 10 u 20 sena || 15 - 20 sena (75 %)

Iffrankar tal-enerġija || 0 sa 7 % || 1,7 % + 1 % (55 %)

Kost għal kull punt ta’ metraġġ || EUR100 sa EUR268 || EUR200 + EUR55 (65%)

Benefiċċju għal kull punt ta’ metraġġ || EUR140 sa EUR1000 || EUR160 + EUR30 (80 %)

Is-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti huma mistennija li jagħtu benefiċċju globali għal kull konsumatur ta’ EUR 160 fir-rigward tal-gass u EUR 309 għall-elettriku flimkien ma’ ffrankar preżunt tal-enerġija ta’ 3 %. Il-medda tal-aħħar tvarja minn 0 % fir-Repubblika Ċeka għal 5 % fil-Greċja u f’Malta. Fost il-pajjiżi li temmew l-introduzzjoni, il-Finlandja u l-Isvezja indikaw iffrankar tal-enerġija ta’ bejn 1-3%, iżda ma kienet disponibbli l-ebda dejta għall-Italja.

Miters intelliġenti b’funzjonalitajiet faċli għall-konsumatur fil-qalba ta’ sistemi tal-enerġija ċċentrati fuq il-konsumatur

Is-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti li għandhom jintużaw għandhom ikunu mfassla bir-reqqa u għalhekk dawn għandhom:

- ikunu mgħammra b’funzjonalitajiet adattati skont il-bżonn b’mod konformi mal-istandardizzazzjoni u kif propost fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE[11] sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità teknika u kummerċjali, jew jiżguraw il-possibbiltà li jiżdiedu funzjonalitajiet oħrajn fi stadju ulterjuri;

- jiggarantixxu l-privatezza u s-sigurtà tad-dejta;

- jippermettu servizzi ta’ reazzjoni u servizzi oħrajn tal-enerġija u li jevolvu għad-domanda; kif ukoll

- jappoġġaw is-swieq tal-konsumaturi li jagħtu benefiċċji sħaħ lill-konsumaturi u lis-sistema tal-enerġija.

Fi tmienja mill-Istati Membri li jipproċedu b’introduzzjoni fuq skala kbira ta’ miters intelliġenti għall-elettriku sal-2020, il-funzjonalitajiet huma rrappurtati li huma kompletament kif rakkomandat fir-Rakkomandazzjoni 2012/148/UE.

L-akbar sfida biex titwassal il-funzjonalità tirrigwarda l-frekwenza li biha d-dejta tal-konsum tista’ tiġi aġġornata u magħmula disponibbli għall-konsumaturi u għal partijiet terzi f’isimhom. Din il-funzjonalità għandha tappoġġja rispons dirett dwar il-kostijiet lill-konsumaturi, għandha tippermetti li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati dwar ix-xejriet tal-konsum tagħhom u għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi u prodotti ġodda għall-konsumaturi. Seba’ mill-Istati Membri li qed jipproċedu b’introduzzjoni fuq skala kbira tal-metraġġ intelliġenti sal-2020 u tlieta minn dawk li mhux beħsiebhom jagħmlu dan ma jikkonformawx ma’ din il-funzjonalità. Jekk is-sistema ta' metraġġ intelliġenti ma tkunx tista' twassal din il-funzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-funzjonalità tkun tista' tiddaħħal aktar tard, jew li din il-funzjonalità tiġi ssodisfata permezz ta' arranġamenti oħrajn.

Jidher li ma hemm l-ebda rabta diretta bejn l-firxa ta’ funzjonalitajiet minimi komuni kkunsidrati għal sistemi ta’ metraġġ intelliġenti li għandhom jintużaw u l-kost globali. Fi kliem ieħor, l-għażla ta’ inqas funzjonalitajiet mis-sett ta’ funzjonalitajiet minimi komuni mhux dejjem tfisser sistemi inqas għalja. Fil-fatt, id-dejta tal-varjazzjoni fil-“kost għal kull punt ta’ metraġġġ” miġbura mill-Istati Membri kollha tindika li l-investiment totali huwa influwenzat ħafna aktar minn parametri oħra, inklużi:

- kundizzjonijiet ta’ tluq;

- kostijiet tax-xogħol lokali;

- konfigurazzjonijiet ġeografiċi;

- karatteristiċi addizzjonali lil hinn mis-sett minimu ta’ funzjonalitajiet; kif ukoll

- xenarji globali, rati ta’ skont u perjodi ta’ valutazzjoni kkunsidrati fis-CBAs rispettivi.

Dan jagħmel każ sod biex wieħed jaderixxi mill-bidu nett mas-sett sħiħ ta’ funzjonalitajiet minimi komuni. Jekk is-CBA ta’ Stat Membru ma jappoġġjax dan l-approċċ, huwa rrakkomandat ħafna li s-sistemi li jintużaw tal-anqas ikunu kapaċi li jiġu aġġornati sabiex jappoġġjaw servizzi u prodotti “intelliġenti” fil-ġejjieni. Għażla ta’ sistema subottima, inflessibbli u mhux aġġornabbli fl-aħħar mill-aħħar twassal għal kostijiet ikbar jekk, pereżempju, tibdil sostanzjali, jew saħansitra sostituzzjoni sħiħa tiġi meħtieġa malajr wara l-installazzjoni b’reazzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq u tal-konsumatur.

Bħalissa, ftit Stati Membri biss stabbilixxew linji gwida dwar ir-rekwiżiti funzjonali ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti. L-oħrajn iħallu analiżi tal-alternattivi lill-partijiet responsabbli għall-introduzzjoni — fil-maġġoranza tal-każijiet, l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni — mingħajr ma jiffissaw inċentivi jew rekwiżiti ċari għall-karatteristiċi tal-funzjonalità li jibbenefikaw ukoll lill-konsumaturi.

L-istandards u s-salvagwardji tal-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta — ħaġa essenzjali sabiex jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tal-miters intelliġenti fl-UE

Is-suq intern tal-enerġija jeħtieġ li jiżgura l-protezzjoni tal-privatezza tal-konsumatur fit-twassil tal-aċċess għad-dejta għat-tmexxija tal-proċessi kummerċjali. Għalhekk jeħtieġ li jiżgura d-dritt tal-konsumaturi għall-protezzjoni tad-dejta personali kif iggarantit bl-Artikolu 8 tal-Karta. Il-ħidma fuq dan s’issa identifikat l-kwistjonijiet ta’ privatezza li ġejjin:

- Ir-riskju ta’ formulazzjoni ta’ profili tal-utenti permezz ta’ qari ta’ frekwenza għolja, jiġifieri l-ġbir ta’ informazzjoni sensittiva dwar l-impronta enerġetika tal-utent finali; kif ukoll

- Il-protezzjoni ta’ data maħżuna u l-aċċess għaliha fid-dawl tal-politiki tal-privatezza u l-kunfidenzjalità.

Dan ir-rapport u d-Dokumenti tal-Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh jiddiskutu l-kwistjonijiet relatati mas-soluzzjonijiet żviluppati mis-suq u mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti, kif ukoll fil-livell Ewropew[12] dwar dan l-aspett, u jenfasizzaw ir-rwol ewlieni tal-istandardizzazzjoi[13] sabiex jiġi rrealizzat il-potenzjal sħiħ tal-metraġġ intelliġenti bħala kontribut għal grilji intelliġenti[14].

Tagħlimiet minn esperjenza operattiva u programmi pilota[15]

Abbażi tal-esperjenzi miksuba s’issa mill-programmi pilota kkompletati u dawk li għadhom għaddejjin, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fl-ippjanar tal-introduzzjoni tal-metraġġ intelliġenti:

- Jittieħed vantaġġ sħiħ mill-infrastruttura tal-miter intelliġenti li qed tiġi introdotta billi:

o jintużaw l-istandards disponibbli u s-sett adatt ta’ funzjonalitajiet biex jiġu żgurati l-interoperabilità teknika u kummerċjali, il-garanzija tal-privatezza u s-sigurtà ta’ dejta, u l-għoti ta’ benefiċċji sħaħ lill-konsumaturi u s-sistema tal-enerġija; kif ukoll

o tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ qafas speċifiku ta’ privatezza u sigurtà tad-dejta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE, qabel l-introduzzjoni;

- Jiġu involvuti l-konsumaturi sa mill-bidu tal-proċess billi:

o tittwaqqaf strateġija ta’ komunikazzjoni u kampanja ta’ informazzjoni;

o tinkiseb tal-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumaturi, li biex isseħħ huwa kruċjali li l-konsumaturi jifhmu x’dejta hija trażmessa, u qed jingħataw aċċess għaliha;

o tintuża d-dejta tal-metraġġ biex tingħata informazzjoni lura lill-konsumatur u b’mod li tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda u ta’ servizzi orjentati lejn il-konsumaturi; kif ukoll

o jitħeġġiġ tal-involviment tal-konsumaturi billi jingħatawlhom għodod u mekkaniżmi faċli biex iwettqu għażliethom, u inċentivi attraenti li jippremjaw il-parteċipazzjoni tagħhom;

- Jitfasslu miżuri li jinċentivizzaw lill-partijiet interessati kollha sabiex iħaffui l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ prodotti u servizzi ta’ metraġġ intelliġenti;

- Jiġu żviluppati u implimentati regolamenti f’waqthom jew jittieħdu miżuri li jagħtu l-fiduċja lill-operaturi tal-utilitajiet u n-netwerk ħalli jinvestu fit-teknoloġija ta’ metraġġ intelliġenti u jiżviluppaw servizzi relatati; u

- Jiġi żgurat li t-tagħimiet miksuba u l-aqwa prassi tal-introduzzjonijiet attwali fuq skala żgħira jew esperimentali jiġu meqjusa fl-introduzzjonijiet fuq skala kbira, partikolarment fir-rigward tal-kwistjonijiet teknoekonomiċi, tal-involviment tal-konsumaturi u t-tiswir tas-suq tas-servizzi tal-metraġġ intelliġenti.

Limitazzjonijiet tal-valutazzjoni komparattiva

Il-biċċa l-kbira tal-parametri ewlenin tal-introduzzjoni disponibbli f’dan l-istadju huma msejsa fuq proġettazzjonijiet u tbassiriet, peress li huma ftit ħafna l-pajjiżi tal-UE li lestew l-introduzzjonijiet tagħhom, jew li waslu fi stadju avvanzat. Għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni dwar kif jiġu interpretati r-riżultati tal-analiżi komparattiva ppreżentati hawnhekk. Kif juru t-Table 1 u Tabella 2, il-preżunzjonijiet ewlenin u l-valuri jvarjaw. Dan jaf jirrifletti r-realtajiet lokali u l-kundizzjonijiet tal-bidu differenti, kif ukoll l-inklużjoni ta’ fatturi addizzjonali fis-sistemi tal-metraġġ intelliġenti li ġew meqjusa (elementi miżjuda, funzjonalitajiet ’il hinn mill-minimu rrakkomandat, eċċ.), iżda wkoll id-differenzi metodoloġiċi (ir-rata ta’ skont applikata, il-perjodu tal-valutazzjoni, eċċ.).

Il-benefiċċji għall-konsumaturi, minbarra l-informazzjoni aktar preċiża dwar il-kontijiet, mhumiex faċli li wieħed jevalwahom, peress li jiddependu fuq l-involviment attwali tal-konsumaturi (eż. fir-reazzjoni għad-domanda) u fuq l-inċentivi bħal sistemi differenzjati tal-ipprezzar.

F’xi każijiet, dejta komprensiva li tippermetti konlużjonijiet ċari hija nieqsa. Pereżempju, fil-ħin tal-analiżi u l-kitba preżenti, erba’ Stati Membri għadhom ma kkomunikawx id-dejta tas-CBA tagħhom. Hija nieqsa wkoll dejta sostanzjali dwar il-funzjonalitajiet tas-sistema.

Il-passi li jmiss u t-triq ’il quddiem

Is-sejbiet ewlenin ta’ dan ir-rapport, b’mod partikolari fir-rigward tas-suq, ir-relazzjonijiet ewlenin tal-partijiet interessati u l-implikazzjonijiet tat-trattament tad-dejta tal-miters intelliġenti se jkunu alimentati fl-Inizjattiva tas-Suq tal-Enerġija fil-Livell tal-Konsumatur li qed tissawwar bħalissa.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri, li qed jikkunsidraw il-passi li jmiss fl-użu tal-miters intelliġenti, huma mistiedna biex jirriflettu fuq għadd ta’ kwistjonijiet, kif ippreżentati hawn taħt. Dawn huma fil-biċċa l-kbira msejsa fuq it-tagħlimiet meħuda u l-esperjenza akkwistata s’issa minn operazzjonijiet kompluti jew li għadhom għaddejjin.

Il-fiduċja tal-konsumaturi

Hemm bżonn ta’ sforz ta’ komunikazzjoni intensiva biex tgħin lill-konsumaturi jifhmu d-drittijiet tagħhom u l-benefiċċji tal-installazzjoni tal-miters intelliġenti u li tħeġġiġhom jipparteċipaw f’programmi ta’ reazzjoni għad-domanda. Il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar il-funzjonalitajiet, dwar liema dejta se tinġabar u għaliex.

Suq tas-servizzi tal-enerġija innovattiv

Ir-regolamentazzjoni għandha tiffaċilta l-ħolqine ta' valur għall-konsumaturi u s-sistema tal-enerġija kollha kemm hi permezz tal-metraġġ intelliġenti, u għandha tħeġġeġ suq tas-servizzi tal-enerġija innovattiv. Għandhom jitfasslu miżuri li jipprovdu inċentivi għall-partijiet interessati involuti kollha biex jiġi żgurat l-iżvilupp malajr ta' prodotti u s-servizzi tal-metraġġ intelliġenti sabiex l-adozzjoni tagħhom titħaffef. Il-Komunikazzjoni dwar is-Suq Intern tal-Enerġija (IEM)[16] talbet lill-Istati Membri sabiex jipproduċu pjanijiet ta' azzjoni li jirriflettu kif se tiġi mmodernizzata l-grilja, inklużi regoli u obbligi għad-DSOs, sinerġiji mas-settur tal-ICT u t-tħeġġiġ tar-rispons għad-domanda u l-prezzijiet dinamiċi.

Il-protezzjoni tad-dejta

Huwa rakkomandat, qabel l-introduzzjoni, li tiġi vvaluta l-ħtieġa ta’ qafas speċifiku tal-privatezza u s-sigurtà tad-dejta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE. Barra minn hekk, livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali għandu jibqa’ ta’ tħassib ċentrali fl-iżvilupp ta’ standards intelliġenti.

It-trattament tad-dejta

Għandha ssir enfasi partikolari fuq:

- l-implikazzjonijiet tar-rwoli, l-inċentivi u l-obbligi rregolati tad-DSOs;

- it-trawwim ta’ kompetizzjoni aktar dinamika fil-livell tal-konsumaturi permezz tar-regoli tas-suq li tippermetti pprezzar dinamiku; kif ukoll

- l-istħarriġ tal-possibilitajiet fil-ġestjoni tad-dejta u s-sinerġiji mas-settur tal-ICT.

Il-funzjonalitajiet tal-metraġġ intelliġenti

Huwa rrakkomandat b’mod qawwi li tal-anqas sett minimu ta’ funzjonalitajiet proposti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE, li huma konformi mal-ħidma ta’ standardizzazzjoni f’dan il-qasam, jiġu segwiti fil-livell tal-UE. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità teknika u kummerċjali tal-metraġġ intelliġenti, jiġu ggarantiti l-privatezza u s-sigurtà ta’ dejta, u jiġu ffaċilitati l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ reazzjoni għad-domanda u servizzi tal-enerġija oħrajn. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw mezzi komuni biex jinkisbu l-kosteffiċjenzi fil-pjanijiet tal-introduzzjoni tagħhom, l-akkwisti neċessarji jiġu ffaċiliti, u tiġi żgurata l-introduzzjoni adattata tas-sistemi ta’ metraġġ intelliġenti li jistħoqilhom l-investiment.

Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jingħataw il-parir li jispeċifikaw dawn il-funzjonalitajiet meħtieġa fi żmien xieraq sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-koerenza fil-proċess, b’mod partikolari ta’ dawk inkarigati mill-introduzzjoni.

Valutazzjoni ekonomika fuq perjodu ta’ żmien fit-tul tal-kostijiet u l-benefiċċji

L-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari ta’ dawk l-Istati Membri li għażlu li ma jnedux introduzzjoni fuq skala kbira[17] tal-metraġġ intelliġenti, huma rrakkomandati li jikkunsidraw li jistħarrġu mill-ġdid il-parametri kritiċi użati u l-preżunzjonijiet li saru fix-xenarji attwali tas-CBA tagħhom fuq il-bażi tal-informazzjoni rilevanti mill-programmi pilota u mill-esperjenza vera biex jirfinaw l-għażliet u l-preżunzjonijiet teknoloġiċi fir-rigward tal-kostijiet u l-benefiċċji assoċjati. L-Istati Membri li għad iridu jlestu s-CBAs tagħhom jew iħabbru l-pjanijiet li għandhom għall-introduzzjoni[18] huma rakkomandati li jipproċedi malajr bl-analiżi u bit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom.

[1]        L-Anness I.2 għad-Direttiva dwar l-Elettriku (2009/72/KE) u d-Direttiva dwar il-Gass (2009/73/KE).

[2]        “Sistema ta’ metraġġ intelliġenti” jew “sistema ta’ arloġġi intelliġenti” tfisser sistema elettronika li tista’ tkejjel il-konsum tal-enerġija, billi tipprovdi aktar informazzjoni minn miter konvenzjonali, u tkun tista’ tittrażmetti u tirċievi d-dejta billi tuża forma ta’ komunikazzjoni elettronika — Definizzjoni mill-Artikolu 2, punt 28 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (2012/27/UE), ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

[3]        UE-27: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja,  l-Irlanda, l-Isvezja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija. Il-Kroazja ma kinitx koperta fl-analiżi, billi l-ġbir tad-dejta ewlieni kien sar qabel l-adeżjoni tagħha.

[4]        Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija (2012/27/UE).

[5]        “Reazzjoni għad-domanda” għandha tinftiehem bħala bidliet volontarji mill-konsumaturi finali fix-xejriet tal-użu tal-elettriku tas-soltu tagħhom - b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq (bħal prezzijiet tal-elettriku li jvarjaw maż-żmien jew ħlasijiet ta’ inċentiv) jew wara l-aċċettazzjoni ta’ offerti tal-konsumaturi (waħedhom jew permezz ta’ aggregazzjoni) li jbigħu fis-swieq tal-enerġija elettrika organizzati tagħhom ir-rieda tagħhom li jbiddlu d-domanda tagħhom tal-elettriku f’xi mument partikolari. Għalhekk, ir-reazzjoni għad-domanda la trid tkun involontarja u lanqas bla ħlas. (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 05.11.2013).

[6]        Nota Interpretattiva dwar id-Direttiva 2009/72/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, 22.01.2010.

[7]        Id-dejta dwar ir-Renju Unit-Gran Brittanja (UK-GB) hija diskussa fir-rapport kollu bħala rappreżentattiva tar-Renju Unit. Ir-reġjun tal-Irlanda ta’ Fuq (NI), f’termini ta’ punti ta’ metraġġ ġenerali, jirrappreżenta proporzjon żgħir ħafna taċ-ċifra globali tar-Renju Unit – madwar 1,5% tat-totali tar-Renju Unit u għalhekk ma tirriflettix il-pożizzjoni tal-Istat Membru kollu kemm hu. Barra minn hekk, huwa aktar diffiċli biex tiġġenera dejta li hija rappreżentattiva tal-ammont kollu tar-Renju Unit minħabba l-metodoloġiji differenti kif ukoll minħabba d-differenzi fis-swieq tal-enerġija bejn NI u GB. Il-pożizzjoni speċifika ta’ NI hija wkoll maqbuda billi hija inkorporata fil-Folja tal-Pajjiż fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

[8]        L-Ungerija nnotifikat lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-kostbenefiċċji tagħha f’Diċembru 2013. Dan ir-rapport u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh jirreferu għad-dejta tas-CBA disponibbli sal-aħħar ta’ Lulju 2013.

[9]        Ir-“rata ta’ skont” hija applikata għall-kostijiet u l-benefiċċji tal-investimenti fil-miters intelliġenti fix-xenarji rispettivi kkunsidrati. Din tikkunsidra l-mument u l-ħin li għalihom jirreferu l-valuri monetarji u r-riskju jew l-inċertezza antiċipati ta’ flussi ta’ flus futuri. Ir-rata ta’ skont għandha impatt sinifikanti fuq il-valutazzjoni ta’ investimenti potenzjali ta’ miters intelliġenti peress li l-kostijiet isiru fil-biċċa l-kbira fil-bidu tax-xenarji li huma kkunsidrati filwaqt li l-intervent intelliġenti ta’ spiss jipproduċi benefiċċji fuq medda twila ta’ żmien.

L-istatistika tal-"kost għal kull punt ta’ metraġġ” u l-“benefiċċju għal kull punt ta’ metraġġ" hija bbażata fuq iċ-ċifri kkalkulati bl-użu ta’ valur preżenti nett tal-kostijiet (OPEX u CAPEX) u l-benefiċċji rispettivi.

[10]       Dan il-perċentwal jikkorrispondi mal-għadd ta’ kejl (bħala parti tad-dejta kkonsultata) li jaqa’ fi ħdan il-firxa tal-valur medju kkwotat ± id-devjazzjoni standard mogħtija. Is-sett tad-dejta meqjus għall-elettriku jirrelata mal-analiżi vvalutata b’mod pożittiv tal-kostbenefiċċju minn 16-il pajjiż li diġà kkompletew l-introduzzjoni fuq skala kbira jew se jipproċedu b’dan.

[11]       Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni  2012/148/UE, ĠU L 73, 13.3.2012, p.9;    

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX:32012H0148.

[12]       Ir-Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropea:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/data-protection/news/120125_en.htm.

[13]       M/490 Standardizzazzjoni tal-Grilji Intelliġenti; CEN/CENELEC/ETSI ħidma relatata dwar il-grilji intelliġenti; 

http://www.cencenelec.eu/standards/Sectors/SustainableEnergy/Management/SmartGrids/Pages/default.aspx

[14]       It-Task Force Ewropea għall-Grilji Intelliġenti tiddefinixxi l-Grilji Intelliġenti bħala netwerks tal-elettriku li jistgħu jintegraw, b’mod effiċjenti, l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha mqabbdin magħhom — jiġifieri l-ġeneraturi, l-konsumaturi u dawk li huma kemm ġeneraturi kif ukoll konsumaturi — sabiex jiżguraw sistema tal-enerġija li tkun sostenibbli u ekonomikament effiċjenti bi ftit telf u b’livelli għoljin ta’ kwalità u ta’ sigurtà u sikurezza tal-provvista;

http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/doc/expert_group1.pdf.

[15]       "Smart Grid projects in Europe: Lessons learned and current developments" — aġġornament tal-2012 mill-Kummissjoni Ewropea, 2013; http://ses.jrc.ec.europa.eu/jrc-scientific-and-policy-report2013;

"European Smart Metering Landscape Report, Smart Regions Deliverable 2.1", L-Aġenzija tal-Enerġija Awstrijaka (AEA), 2012;  http://www.smartregions.net/default.asp?sivuID=26927.

[16]       COM(2012)663.

[17]       jiġifieri, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, u s-Slovakkja.

[18]       jiġifieri il-Bulgarija, Ċipru u s-Slovenja.

Top