EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0177

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini "L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!"

/* COM/2014/0177 final */

52014DC0177

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini "L-Ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem! L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!" /* COM/2014/0177 final */


1.            INTRODUZZJONI

L-Iniżjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, introdotta permezz tat-Trattat ta' Lisbona biex tħeġġeġ involviment demokratiku akbar taċ-ċittadini fl-affarijiet Ewropej[1], tippermetti lil miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea (UE), provenjenti minn mill-inqas seba' Stati Membri, biex jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni fuq kwistjonijiet ta' kompetenza tal-UE. Dan huwa l-ewwel strument demokratiku parteċipatorju fil-livell tal-UE. Minn mindu tnediet f’April 2012 aktar minn 5 miljun ċittadin iffirmaw sa aktar minn 20 inizjattiva differenti.

"Right2Water" hija l-ewwel inizjattiva Ewropea taċ-ċittadini li ssodisfat ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini. Ġiet uffiċjalment sottomessa lill-Kummissjoni mill-organizzaturi tagħha fl-20 ta' Diċembru 2013, wara li aktar minn 1,6 miljun ċittadin tawha l-appoġġ tagħhom.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni għandha tliet xhur biex tippreżenta r-rispons tagħha għal din l-inizjattiva f’Komunikazzjoni li tistipula "l-konklużjonijiet finali legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva, l-azzjoni li biħsiebha tieħu, jekk ikun hemm, u r-raġunijiet għalfejn se tieħu jew mhux se tieħu dik l-azzjoni"[2].

Il-Kummissjoni laqgħet lill-organizzaturi fis-17 ta' Frar 2014 u, fl-istess ġurnata, l-organizzaturi ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom f'seduta pubblika organizzata fil-Parlament Ewropew. L-Anness I jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-aspetti proċedurali ta’ din l-ewwel inizjattiva taċ-ċittadini.

L-inizjattiva Right2Water tistieden lill-Kummissjoni "sabiex tipproponi leġiżlazzjoni li timplimenta d-dritt tal-bniedem għall-ilma u s-sanità kif rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti u tippromwovi l-ilma u s-sanità bħala servizz pubbliku essenzjali għal kulħadd"[3].

L-inizjattiva "tħeġġeġ li:

– L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li l-abitanti kollha jgawdu d-dritt għall-ilma u s-sanità;

– Il-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ma għandhomx ikunu soġġetti għar-"regoli tas-suq intern" u li s-servizzi tal-ilma jiġu esklużi mil-liberalizzazzjoni;

– L-UE żżid l-isforzi tagħha biex tikseb aċċess universali għall-ilma u għas-sanità".

L-inizjattiva tqajjem kwistjonijiet transversali, li jkopru firxa wiesgħa ta’ politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Trid tiġi kkunsidrata skont ir-regoli tat-Trattat tal-UE, inklużi b’mod partikolari l-prinċipji ta’ konferiment, proporzjonalità u sussidjarjetà.

2.            Il-Qagħda Attwali.

L-aċċess għall-ilma tax-xorb sigur u s-sanità huwa marbut b’mod li ma jistax jinfired mid-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem u l-ħtieġa għal livell ta’ għajxien xieraq.

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-liġi internazzjonali rrikonoxxiet id-dritt għall-ilma tax-xorb sigur u s-sanità, b'mod l-aktar prominenti fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti (NU)[4]. Ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 64/292 tirrikonoxxi "d-dritt għal ilma tax-xorb sigur u nadif u s-sanità bħala dritt tal-bniedem li huwa essenzjali għat-tgawdija sħiħa tal-ħajja tad-drittijiet kollha tal-bniedem". Barra minn hekk, fid-dokument tal-eżitu finali tal-Konferenza tan-NU tal-2012 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio + 20), il-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern u rappreżentanti ta’ livell għoli affermaw mill-ġdid "l-impenji tagħhom rigward id-dritt tal-bniedem għall-ilma tax-xorb sigur u s-sanità, biex jitwettaq progressivament għall-popolazzjonijiet [tagħhom] b’rispett sħiħ tas-sovranità nazzjonali"[5].

Fil-livell Ewropew, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjarat "li l-aċċess għall-ilma jrid ikun rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem minħabba li huwa essenzjali għall-ħajja fuq id-dinja u huwa riżorsa li trid tinqasam bejn il-bnedmin"[6]. L-UE affermat mill-ġdid ukoll li "l-Istati kollha għandhom obbligi ta' drittijiet tal-bniedem rigward l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb,, li għandu jkun disponibbli, fiżikament u finanzjarjament aċċessibbli, u aċċettabbli"[7].

Dawn il-prinċipji ispiraw ukoll azzjoni tal-UE. Id-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-ilma tirrikonoxxi li "l-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor iżda, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali"[8]. Ċerti drittijiet u prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jistgħu jiġu interpretati bħala li jkunu wkoll ta’ rilevanza diretta għal aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għal sanità mtejba. Il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għad-dinjità (Artikolu 1) jew id-dritt għall-ħajja (Artikolu 2), hija affettwata b’mod ċar bin-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità. Barra minn hekk, l-impenn tal-UE favur livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali[9] (Artikolu 37) għandu jiġi kkunsidrat ukoll f’dan il-kuntest. Għalkemm il-Karta tapplika għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE, kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi tal-UE nnifisha għandha tkun kompatibbli mal-Karta. Għalhekk, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet kollha tal-UE jridu jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti fil-Karta u jiżguraw li kull miżura li tittieħed fuq il-bażi tat-Trattat tkun kompatibbli ma’ dawk id-drittijiet.

Dan huwa l-kuntest li fih il-Kummissjoni analizzat l-inizjattiva taċ-ċittadini bil-għan li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha, b’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini.

Il-kontribuzzjoni tal-UE għal ilma aħjar u aktar aċċessibbli

Sabiex jiġi żgurat u mtejjeb l-aċċess għall-ilma u s-sanità, tlett elementi huma kruċjali: il-kwalità, l-aċċessibbiltà fiżika u l-affordabbiltà.

L-UE kkontribwixxiet għall-iżgurar ta’ aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità għall-popolazzjoni tal-Istati Membri tagħha permezz ta’ żewġ tipi prinċipali ta’ azzjonijiet. L-ewwel nett, l-UE stabbilixxiet standards ambizzjużi rigward il-kwalità tal-ilma, li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni kemm għas-saħħa pubblika kif ukoll għall-ambjent. It-tieni nett, l-UE pprovdiet appoġġ finanzjarju għall-espansjoni u t-titjib tal-infrastrutturi tal-ilma fl-Istati Membri, biex b'hekk jiżdiedu kemm il-kwalità kif ukoll l-aċċess fiżiku għal servizzi relatati mal-ilma.

L-UE introduċiet rekwiżiti minimi ta’ kwalità tal-ilma fis-snin sebgħin u espandiet il-leġiżlazzjoni tal-ilma gradwalment matul dawn l-aħħar erba’ deċennji. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[10], id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb[11] u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi[12] huma partijiet ewlenin tal-liġi tal-UE f’dan il-qasam.

Leġiżlazzjoni bħal din issegwi approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-ilma u tiżgura li l-ilma jissodisfa rekwiżiti stretti u għalhekk ikun sigur, tajjeb għas-saħħa u nadif. L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli ambjentali tal-UE tejbet b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ilma tax-xorb tal-UE, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għal ħafna snin appoġġat bis-sħiħ l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp u t-titjib tal-infrastrutturi li jipprovdu aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u servizzi tal-ilma mormi. Pereżempju, mill-2007, aktar minn 2,6 miljun persuna f'disa' Stati Membri differenti ġew ipprovduti bi provvista mtejba ta' ilma tax-xorb permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-UE; 5,7 miljun persuna addizzjonali, li jgħixu f'14 Stati Membri differenti, ġew ikkollegati ma' trattament imtejjeb tal-ilma mormi. Matul dawn l-aħħar seba’ snin (2007-2013), l-appoġġ finanzjarju tal-UE għal investimenti fil-provvista tal-ilma tax-xorb u xogħlijiet relatati mal-ilma mormi u l-infrastruttura laħaq kważi EUR 22 biljun.

L-affordabbiltà hija wkoll element ewlieni minħabba li tirrelata ma’ aċċess effettiv għal-servizzi tal-ilma għal kulħadd. L-UE m’għandha l-ebda rwol fl-iffissar ta’ prezzijiet tal-ilma, li huma ddeterminati fuq livell nazzjonali. Madankollu, leġiżlazzjoni ambjentali relatata mal-ilma tal-UE tistabbilixxi xi prinċipji bażiċi għal politiki ta’ pprezzar tal-ilma fl-Istati Membri. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-prezz mitlub għall-ilma mill-konsumaturi jirrifletti l-ispejjeż veri tal-użu tal-ilma. Dan jinkoraġġixxi l-użu sostenibbli ta’ riżorsi limitati tal-ilma. Il-politika tal-ilma tal-UE hija bbażata fuq il-prinċipju li l-affordabbiltà tas-servizzi tal-ilma hija kruċjali. L-awtoritajiet nazzjonali huma kompetenti biex jieħdu miżuri ta' appoġġ konkreti li jħarsu l-persuni żvantaġġati u biex jiġu ttrattati kwistjonijiet relatati mal-faqar tal-ilma (eż. permezz ta’ appoġġ għal familji bi dħul baxx jew permezz tat-twaqqif ta’ obbligi tas-servizz pubbliku).

Il-provvista ta’ servizzi tal-ilma fis-suq intern

Fl-UE, id-deċiżjoni dwar l-aħjar mod kif jiġu operati s-servizzi tal-ilma huwa f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri. Il-provvista ta’ servizzi tal-ilma hija ġeneralment ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi lokali, li huma l-eqreb taċ-ċittadini u t-tħassib tagħhom.

L-awtoritajiet pubbliċi huma ħielsa għalkollox li jwettqu l-kompiti rilevanti direttament, bil-mezzi tagħhom stess, jew li jikkonferixxu dawn lil entitajiet "interni" legalment distinti, kompletament pubbliċi. Huma jistgħu wkoll jiddeċiedu li jesternalizzaw is-servizzi tal-ilma, parzjalment jew kompletament, għal ġestjoni privata jew imħallta. Meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet pubbliċi huma intitolati bis-sħiħ li jistabbilixxu obbligi ċari għal operaturi privati sabiex ikun żgurat li s-servizzi pprovduti fiż-żona ġeografika fil-kompetenza tagħhom jissodisfaw l-istandards preskritti.

L-UE, min-naħa tagħha, tieħu ħsieb li l-prinċipji ewlenin tat-Trattat − bħal trasparenza u trattament ugwali − jiġu osservati. Fl-istess ħin, ir-regoli tat-Trattat jeħtieġu li din tibqa’ newtrali fir-rigward ta' deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reġim ta' sjieda għal impriżi tal-ilma.[13]

Ir-regoli tal-UE tas-suq intern  jirrispettaw bis-sħiħ il-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw standards ta’ servizz ta’ kwalità meħtieġa, biex jiddeċiedu dwar it-tariffi applikabbli u biex jimponu kwalunkwe obbligi ta’ servizz pubbliku relevanti (eż. il-protezzjoni ta’ utenti żvantaġġati). Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jżidu t-trasparenza, li jiżguraw nondiskriminazzjoni u li jippermettu liċ-ċittadini jiksbu l-aħjar valur għall-flus li jħallsu permezz ta’ tariffi jew tassazzjoni. Pereżempju, ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE jiżguraw li, jekk l-awtoritajiet pubbliċi jiddeċiedu li jużaw kumpanija esterna għall-provvista ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-ilma, il-proċess tal-għażla jkun trasparenti u jiżgura l-offerta li l-aktar tibbenefika lill-utenti. Jekk, minflok, l-awtoritajiet pubbliċi jagħżlu li jipprovdu dawn is-servizzi permezz ta’ kooperazzjoni pubblika-pubblika, il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku hija wkoll hemm biex tipprovdi qafas legali sigur u flessibbli għall-kooperazzjoni.

Fir-rigward għat-tħassib espress mill-inizjattiva taċ-ċittadini li l-provvista tal-ilma u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma m’għandhomx ikunu suġġetti għal "regoli tas-suq intern" u li s-servizzi tal-ilma jkunu esklużi mil-liberalizzazzjoni, il-Kummissjoni tikkonferma li l-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku ma tapplikax meta l-awtoritajiet lokali jiddeċiedu li jipprovdu s-servizzi huma stess, permezz ta’ impriża konġunta jew permezz ta’ impriża affiljata[14].

L-ispeċifiċità tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità u l-importanza tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni kienu dejjem rikonoxxuti b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern. Konċessjonijiet fis-settur tal-ilma huma ta’ spiss soġġetti għal arranġamenti speċifiċi u kumplessi, li jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba "l-importanza tal-ilma bħala ġid pubbliku ta’ valur fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni"[15]. Konċessjonijiet tal-ilma tax-xorb, kif ukoll ċerti konċessjonijiet għal trattament u rimi tal-ilma mormi huma għalhekk esklużi mill-ambitu ta’ regoli ġodda tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni. Barra minn hekk, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-ilma u servizzi tal-ilma mormi huma espressament esklużi mill-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali, kif stabbilit fid-Direttiva dwar is-Servizzi[16].

L-Impenn tal-UE fit-tul fuq livell globali

It-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir inklussiv u l-iżvilupp sostenibbli jiddependu ħafna fuq id-disponibbiltà u l-kwalità tal-provvista tal-ilma. Aktar minn 2,6 biljun persuna m’għandhom l-ebda aċċess għal sanità mtejba, u kważi biljun għadhom jixorbu ilma tax-xorb mhux ittrattat. Il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDG) għall-ilma tax-xorb jinsab fit-triq it-tajba, iżda d-dinja tinsab lura milli tilħaq il-mira tas-sanità, b’nuqqas ta’ aktar minn biljun persuna fuq il-bażi tat-tendenzi attwali.

L-impenn tal-UE lejn l-iżgurar ta’ aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità u l-promozzjoni ta’ ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma fil-pajjiżi msieħba huwa wieħed li ilu għaddej. Qafas politiku speċifiku ilu fis-seħħ mill-2002, bil-"Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tal-ilma fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw"[17]. Dan wassal għall-Inizjattiva tal-UE dwar l-Ilma[18], strument politiku li għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni u jagħti għajnuna għall-iżvilupp aktar effettiva permezz ta’ sħubija u fuq approċċ ibbażat fuq ħafna partijiet interessati.

L-objettivi ta’ politika tal-UE ġew tradotti f’bosta azzjonijiet konkreti b’appoġġ finanzjarju sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin, inkluż permezz tal-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ilma tal-AKP-UE[19] fl-2004. Bħala riżultat dirett ta’ assistenza tal-UE, aktar minn 70 miljun ruħ kisbu aċċess għal provvista ta’ ilma ahjar u 24 miljun għal faċilitajiet ta’ sanità bejn l-2004 u l-2013.

L-UE u l-Istati Membri tagħha attwalment jipprovdu kważi EUR 1,5 biljun kull sena għal programmi ta' Provvista tal-Ilma, Sanità u Iġjene (WASH) fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dan jagħmel lill-Unjoni l-ikbar donatur waħdieni fis-settur tal-ilma.

Mill-2007, l-UE allokat madwar EUR 2,5 biljun għal azzjonijiet ta' ilma u sanità f’aktar minn 60 pajjiżi sħab[20]. Ħafna mill-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-ilma u s-sanità tikkonsisti fl-iżvilupp ta’ infrastrutturi bħall-ilma u n-netwerks tad-dranaġġ, ilma tajjeb għax-xorb u impjanti għat-trattament tal-ilma mormi, provvista rurali tal-ilma u s-sanità rurali f’żoni mifruxa.

Barra minn hekk, l-UE hija l-akbar donatur għal azzjoni umanitarja fis-settur WASH, li qed talloka madwar EUR 200 miljun kull sena biex tiżgura aċċess f’waqtu u dinjituż għal servizzi ta’ ilma siguri u suffiċjenti għal popolazzjonijiet mhedda minn kriżijiet umanitarji attwali jew imminenti.

L-UE tappoġġa proġetti ta’ sħubija (Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar) li jiżviluppaw il-kapaċità fis-settur tal-ilma u s-sanità bit-trasferiment ta’ kompetenzi u għarfien minn utilitajiet tal-ilma u s-sanità, l-awtoritajiet lokali u atturi oħra fis-settur tal-ilma. Ħafna mir-riżorsi impenjati s’issa għenu kumpaniji tal-ilma li huma nieqsa mill-kapital biex jestendu l-kopertura tal-ilma fl-ifqar partijiet tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-Faċilitajiet ta’ Taħlit Reġjonali tal-UE ffinanzjaw, mill-2007, madwar 30 proġett tal-provvista tal-ilma u s-sanità, li wasslu għal aktar minn EUR 2 biljun ta’ self u investimenti.

3.           AZZJONI FIR-RIGWARD TAL-IĊE

Azzjonijiet passati u kurrenti tal-UE, kif ippreżentati hawn fuq, jirriflettu għarfien ċar tal-importanza tal-ilma bħala ġid pubbliku li huwa essenzjali għat-tgawdija sħiħa tal-ħajja u d-drittijiet kollha tal-bniedem. Fil-limiti tas-setgħet tagħha u fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà, l-UE konsistentement kellha rwol pożittiv biex jiġi żgurat li l-aċċess għal ilma tax-xorb sigur u nadif u sanità mtejba ssir realtà għal kulħadd, kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha.

Fid-dawl tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni ppruvat tidentifika xi nuqqasijiet u oqsma fejn huma meħtieġa aktar sforzi − fil-livell tal-UE jew nazzjonali – sabiex tindirizza t-tħassib li huwa r-raġuni għal sejħa għal azzjoni miċ-ċittadini.  

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u sanità, li jridu jkunu ta’ kwalità għolja disponibbli, fiżikament aċċessibbli u bi prezz raġonevoli, għandhom ikomplu jiggwidaw l-azzjoni futura tagħha.

Tiġi ggarantita kwalità aħjar u aktar aċċessibbli tal-ilma

L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-Ilma mill-Istati Membri hija essenzjali sabiex jiġi żgurat aċċess għal ilma nadif għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Minkejja l-progress sinifikanti li sar matul is-snin, l-aċċess għall-kwalità tal-ilma u s-sanità għadhom jistgħu jitjiebu, speċjalment għal ċittadini li jgħixu f’żoni mgħammra b’sistemi ta’ provvista tal-ilma fuq skala żgħira.

Is-7  Programm ta' Azzjoni Ambjentali[21] (EAP), li jiggwida l-azzjoni tal-UE fil-qasam ambjentali, jenfasizza li implimentazzjoni mtejjba tar-regoli tal-UE se tkun meħtieġa sabiex iċ-ċittadini kollha tal-UE jgawdu mill-ogħla standards ta' ilma tax-xorb u ilma għall-għawm sal-2020. Għad fadal aktar xi jsir:

· tiġi żgurata kwalità għola tal-ilma tax-xorb (jiġifieri provvisti żgħar li jservu inqas minn 5 000 persuna), li jipprovdu ilma għal madwar 65 miljun ruħ fl-UE;

· tinżamm u tiġġedded l-infrastruttura eżistenti, b’attenzjoni partikolari lejn l-innovazzjoni għal żieda fl-effiċjenza;

· tinbena l-infrastruttura bħalissa nieqsa tal-ilma mormi (sistemi ta’ ġbir tal-ilma mormi u trattament), b’mod partikolari fl-Istati Membri Ewropej tal-Lvant.

Dan kollu jirrekjedi disponibbiltà suffiċjenti ta’ finanzjament, prijoritizzazzjoni xierqa u tmexxija tajba, inkluż il-kapaċità amministrattiva nazzjonali għall-ippjanar u l-koordinazzjoni tal-investimenti.  Deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar il-prijoritajiet tal-infiq tagħhom għall-finanzjament tal-UE[22] fil-ġejjieni se jkunu importanti b’mod partikolari biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet sinifikanti għal appoġġ finanzjarju mill-UE fis-settur tal-ilma previst għall-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni finanzjarja (2014-2020), b’mod partikolari permezz ta’ prijorità ta' investiment iċċentrati speċifikament fuq il-ġestjoni tal-ilma.

Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi lejn implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma mill-Istati Membri, taħdem mill-qrib magħhom u l-partijiet interessati biex jimplimentaw il-proposti ppreżentati fil-Water Blueprint 2012[23], fejn l-isfidi ewlenin għall-politika tal-UE dwar l-ilma kienu diġà ġew identifikati.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll teżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma. Regoli dwar sustanzi ta’ prijorità fl-ilma[24] ġew imsaħħa fl-2013 u d-Direttiva tal-Ilma ta' Taħt l-Art[25] hija fil-proċess li tiġi aġġornata. Bl-istess mod il-Kummissjoni ilha taħdem, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, fuq l-adattament ta' dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ u analiżi taħt id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għall-progress xjentifiku u tekniku. Barra minn hekk, u billi tinnota b’mod partikolari t-tħassib li tqajjem fir-rigward ta’ provvisti żgħar ta' ilma tax-xorb, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika madwar l-UE sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal titjib u kif dawn jistgħu jintlaħqu. Il-Kummissjoni se tipprepara wkoll rieżami tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tipproponi kwalunkwe emendi neċessarji għaliha[26].

Fir-rigward tad-dimensjoni prinċipali tal-affordabbiltà tal-ilma, l-azzjoni fil-livell nazzjonali tibqa’ essenzjali. Azzjoni bħal din hija parti integrali tal-politiki tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li huma wkoll appoġġjati u kumplimentati fil-livell tal-UE[27]. Miżuri li jissalvagwardjaw persuni żvantaġġati huma aktar u aktar importanti fid-dawl taż-żieda fi kwistjonijiet ta' faqar tal-ilma matul il-kriżi ekonomika u l-inabbiltà ta’ xi nies li jħallsu l-kontijiet tal-ilma tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, billi jaġixxu fl-kompetenzi tagħhom, biex jiżguraw l-aċċess għal provvista minima tal-ilma għaċ-ċittadini kollha, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa[28], u biex jimplimentaw korrettament id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Tiżgura newtralità fir-rigward tal-provvista tas-servizzi tal-ilma

Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura r-rispett sħiħ tar-regoli tat-Trattat li jeħtieġu li l-UE tibqa’ newtrali fir-rigward tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-reġim tas-sjieda għall-impriżi tal-ilma[29], filwaqt li tingħata attenzjoni li l-prinċipji ewlenin tat-Trattat − bħal trasparenza u trattament ugwali − jiġu osservati. B'referenza għat-tħassib espress mill-inizjattiva taċ-ċittadini li l-provvista u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma m’għandhomx ikunu suġġetti għal "regoli tas-suq intern" u li s-servizzi tal-ilma jkunu esklużi mil-liberalizzazzjoni, il-Kummissjoni tikkonferma li l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku mhijiex se tapplika meta l-awtoritajiet lokali jiddeċiedu li jipprovdu s-servizzi huma stess, permezz ta’ impriża konġunta jew permezz ta’ impriża affiljata[30].

F’negozjati kummerċjali internazzjonali, il-Kummissjoni se tkompli wkoll tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-imsieħba kummerċjali biex ikun żgurat li l-għażliet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kif jitmexxew is-servizzi tal-ilma jiġu rispettati u mħarsa kif xieraq.

Kif imsemmi hawn fuq, l-ispeċifiċità tas-servizzi tal-ilma u tas-sanità u l-importanza tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni kienu dejjem rikonoxxuti b'mod konsistenti fil-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-UE. Regoli ġodda tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fis-26 ta’ Frar 2014, huma biss l-eżempju l-aktar reċenti ta’ dan. Wara t-tħassib tal-pubbliku espress matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu esklużi espliċitament konċessjonijiet tal-ilma tax-xorb, kif ukoll ċerti konċessjonijiet għat-trattament tal-ilma mormi mill-ambitu ta’ dawn ir-regoli. Din kienet tweġiba wkoll għat-tħassib li tqajjeb permezz tal-iniżjattiva Right2Water.

Żieda fit-Trasparenza

It-trasparenza tista' taqdi rwol ewlieni fit-titjib tal-aċċess għas-servizzi tal-ilma u s-sanitazzjoni, b’impatt fuq tliet dimensjonijiet ewlenin tagħha (jiġifieri aċċessibbiltà, affordibbiltà u kwalità). Il-ħtieġa għat-trasparenza ispirat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-Artikolu 14 jeħtieġ li ċ-ċittadini Ewropej ikunu infurmati u kkonsultati matul il-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, u li l-awtoritajiet jispjegaw kif l-opinjonijiet tagħhom ġew ikkunsidrati. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE tiggarantixxi d-dritt għall-aċċess ta' tagħrif dwar l-ambjent miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom u tistabbilixxi termini, kundizzjonijiet u arranġamenti prattiċi bażiċi, u b’hekk tikkontribwixxi għal politiki aktar trasparenti[31].

Il-Kummissjoni taqbel li għandu jsir aktar biex jittejbu l-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini f’relazzjoni mal-kwalità tal-ilma u s-servizzi. Informazzjoni aħjar tista’ tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, billi tippermettilhom isegwu u jieħdu sehem b’mod aktar attiv f'deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-ilma li huma − fil-parti l-kbira − meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex titjieb it-trasparenza għaċ-ċittadini. Skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, b’mod partikolari ma’ sett ta’ pajjiżi pilota, biex jistabbilixxu sistemi ta’ informazzjoni ġodda li jagħmlu informazzjoni ta' konformità ewlenija faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini onlajn (Oqfsa ta' Implimentazzjoni u Informazzjoni Strutturata).

Il-Kummissjoni se tiżviluppa approċċ simili biex iżżid it-trasparenza għall-konsumaturi fir-rigward tal-kwalità ta’ ilma tax-xorb. Simili għar-rwol tagħha fil-qasam tal-ilma urban mormi, il-Kummissjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri biex jidentifikaw it-tipi ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tinħoloq informazzjoni komparabbli madwar l-UE. Is-sistema eżistenti ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa[32] tista’ tipprovdi aċċess uniku għal informazzjoni bħal din.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lesta li tesplora l-idea ta’ valutazzjoni komparattiva tal-kwalità tal-ilma bħala mod ta’ għoti ta' setgħa liċ-ċittadini. Il-Kummissjoni hija wkoll ippreparata li tippromwovi djalogu aktar strutturat bejn il-partijiet interessati – li jġib flimkien operaturi ta’ servizz pubbliċi u privati — u tikkoopera ma’ inizjattivi eżistenti[33] biex tipprovdi sett usa’ ta’ indikaturi u parametri referenzjarji għas-servizzi tal-ilma. Dawn se jkunu l-ewwel pass lejn titjib b’mod sinifikanti fit-trasparenza u r-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi tal-ilma billi tagħti aċċess liċ-ċittadini għal dejta komparabbli dwar l-indikaturi ewlenin ta' prestazzjoni ekonomika, teknika u tal-kwalità ta' operaturi ekonomiċi.

Approċċ aktar integrat għall-għajnuna għall-iżvilupp

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li d-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u sanità jibqgħu fil-qalba tal-politika tal-iżvilupp tagħha. L-UE għandha l-intenzjoni li tkompli bl-isforzi tagħha lbiex jinkiseb aċċess universali għall-ilma u għas-sanità bħala parti ewlenija tal-politika tal-iżvilupp tagħha. Minkejja l-progress li sar, aktar minn 4 000 tifel u tifla taħt il-ħames snin imutu kuljum minn mard assoċjat man-nuqqas ta’ aċċess għall-ilma tax-xorb nadif madwar id-dinja.

Fil-perjodu ta’ programmar 2014-2020, l-għajnuna finanzjarja tal-UE se tiffoka fuq numru ta’ setturi mmirati f’kull pajjiż sieħeb, billi tagħti prijorità lill-oqsma bl-akbar ħtieġa biex jiġi żgurat li l-għajnuna tintefaq b’mod effettiv u tagħti l-aħjar riżultati possibbli[34]. Is-settur Appoġġ għall-Provvista tal-Ilma, Sanità u Iġjene (WASH) se jkun immirat aħjar lejn dawk il-pajjiżi msieħba li jkunu identifikaw is-settur tal-ilma u s-sanità bħala wieħed ta' prijorità  fit-tħejjija tal-Programmi Indikattivi Nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-pajjiżi msieħba, l-Istati Membri u msieħba oħra ta’ żvilupp sabiex tiżgura li jkun hemm kopertura adegwata tas-setturi WASH fil-pajjiżi msieħba kollha.

Fl-istess ħin, azzjoni tal-UE se timxi lejn approċċ aktar integrat u l-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-ilma, l-enerġija u s-sigurtà alimentari ser ikun prinċipju ta’ gwida għal azzjoni futura, b’mod partikolari fuq livell reġjonali. Billi s-sigurtà tal-ikel huwa settur ta’ prijorità għal aktar minn 50 pajjiż, interventi WASH se jiġu integrati fil-programmi ta’ sigurtà tal-ikel, sabiex ikollom impatt fuq il-problema tan-nutrizzjoni insuffiċjenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Taħt il-qafas finanzjarju l-ġdid (2014-2020), aktar minn 3 biljun EUR se jiġu allokati biex jitwettqu interventi relatati man-nutrizzjoni li minnhom WASH huwa wieħed mill-aktar rilevanti.  

Se jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet tal-ilma taħt strumenti tematiċi, permezz tar-rabtiet mal-agrikoltura, l-enerġija u s-sigurtà. Il-Programm tematiku tal-Beni Pubbliċi u Sfidi Globali se jfittex li jsaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet esterni u r-rabta tagħhom ma’ inizjattivi ta’ politika oħra tal-UE, bħall-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, il-bijodiversità, l-ambjent, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma u d-diplomazija tal-ilma, fost oħrajn.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-impenn qawwi tagħha lejn azzjoni umanitarja fis-settur WASH għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u l-prevenzjoni tagħhom. Dan huwa b'rikonoxximent tar-riskju li qed jiżdied ta’ kunflitt minħabba pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma kif ukoll ta’ ħtiġijiet umanitarji relatati mal-ilma li qed jiżdiedu f’kuntest urban. Il-Kummissjoni se ssegwi l-ħidma kontinwa tagħha biex iżżid anke aktar l-prontezza, l-effiċjenza u l-effettività tal-għajnuna umanitarja permezz ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni msaħħaħ bejn l-imsieħba fil-qasam tal-għajnuna umanitarja.

Il-promozzjoni ta’ Sħubiji pubbliċi-pubbliċi

Hemm għarfien dejjem akbar tal-potenzjal ta’ sħubiji mhux għall-profitt fis-settur tal-ilma. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Faċilità tal-Ilma tal-AKP-UE wettqet rwol importanti f’dan ir-rigward, permezz ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp tal-kapaċità għall-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi AKP. Evalwazzjoni tal-Faċilità tal-Ilma u l-impatti tagħha ġiet ikkummissjonata fl-2013 u bħalissa tinsab għaddejja. Ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni se jkunu kkunsidrati kif xieraq u integrati fil-programmazzjoni futura ta' approċċ u deċiżjonijiet.

Appoġġ għal sħubijiet pubbliċi-pubbliċi se jkun ipprovdut ukoll fil-kuntest ta’ programmi li jappoġġjaw is-settur WASH fil-pajjiżi msieħba li għażlu l-ilma bħala settur ewlieni. Fuq il-bażi tat-tagħlimiet miksuba minn proġetti tal-imgħoddi u attwali, il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika opportunitajiet ġodda ta’ sħubija (Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar) biex tiġi żviluppata l-kapaċità fis-settur tal-ilma u s-sanità permezz tat-trasferiment ta’ kompetenzi u għarfien bejn l-utilitajiet tal-ilma u s-sanità, l-awtoritajiet lokali u atturi oħra fis-settur tal-ilma.

Segwitu għal Rio + 20

L-UE se tkompli l-isforzi tagħha biex jinkiseb aċċess universali għall-ilma u għas-sanità wkoll fil-kuntest tas-segwitu għall-Konferenza tal-NU RIO + 20 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, fejn kien rikonoxxut li l-ilma huwa fil-qalba tal-iżvilupp sostenibbli.

Fid-Dikjarazzjoni Ministerjali "Il-Futur Li Rridu"[35], il-mexxejja dinjin affermaw l-impenn tagħhom għad-dritt tal-bniedem għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità, għat-twettiq progressiv ta’ aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità bi prezz aċċessibbli għal kulħadd (jiġifieri lil hinn minn Johannesburg u l-MDGs) u sabiex titjieb b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni ta’ ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma. 

Fil-Komunikazzjoni reċenti "Ħajja deċenti għal kulħadd - neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja ġejjieni sostenibbli"[36], il-Kummissjoni tenfasizza l-ilma bħala wieħed mis-setturi li jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod integrat biex jinkiseb l-iżvilupp bażiku tal-bniedem u tkabbir inklussiv u sostenibbli fl-aġenda tal-iżvilupp wara l-2015 li għandha titħejja fil-livell tan-NU. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2013[37] jiddikjaraw li l-qafas għal wara l-2015 għandu jintegra l-pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli b’mod bilanċjat biex jippromwovi standards bażiċi ta’ għixien (inklużi l-ilma u s-sanità), il-muturi ta’ "ekonomija ekoloġika" u l-użu sostenibbli, il-ġestjoni u l-ħarsien tar-riżorsi naturali.

Ir-rapport[38] tal-Bord ta’ livell għoli tan-NU dwar tal-aġenda tal-iżvilupp wara l-2015 ippropona mira dwar l-ilma u s-sanità, li b’hekk jidher bħala qasam ta’ prijorità emerġenti għall-qafas ta’ wara l-2015.

Il-Kummissjoni qed tħejji Komunikazzjoni ta’ segwitu dwar il-qafas ta’ żvilupp ta’ wara l-2015[39], billi tagħti prijorità għall-għanijiet u l-miri, li fihom se jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-ilma u s-sanità. Fil-livell internazzjonali, il-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OWG) dwar l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli[40] ukoll qed jaħdem fuq għanijiet u miri. Se jippreżenta l-proposta tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Settembru 2014, u dan ir-riżultat imbagħad jiġi integrat f’negozjati intergovernattivi li jwasslu għal Summit ta’ konklużjoni li għandu jsir f’Settembru 2015, fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jkollhom rwol ewlieni.

4.           Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tilqa’ l-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej għal appoġġ għall-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità, fl-Ewropa kif ukoll fil-livell globali. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta’ aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità u se tkompli tiżgura li dawn il-prinċipji jibqgħu fil-qalba tal-politiki tagħha. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tibni fuq xogħol tal-imgħoddi u tkompli żżid u ttejjeb l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità għall-popolazzjoni kollha permezz ta’ politiki ambjentali u finanzjament infrastrutturali.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura n-newtralità tal-UE fir-rigward tal-għażliet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-provvista tas-servizzi tal-ilma, filwaqt li tingħata attenzjoni li l-prinċipji ewlenin tat-Trattat bħal trasparenza u trattament ugwali jiġu osservati. Il-Kummissjoni se tibqa’ wkoll tagħti attenzjoni għat-tħassib tal-pubbliku dwar l-ispeċifiċità tas-servizzi tal-ilma, kif għamlet fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv dwar regoli ta’ konċessjoni tal-UE.

Żieda fit-trasparenza għaċ-ċittadini tal-UE se tkun ukoll fil-qalba ta’ sforzi futuri tal-UE f’dan il-qasam. L-għan se jkun li tagħti s-setgħa lin-nies billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ informazzjoni li jipprevjenuhom milli jinvolvu ruħhom b’mod aktar attiv f’deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-ilma fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

Globalment, l-Unjoni tibqa’ impenjata lejn il-proċess internazzjonali biex tfassal l-aġenda għall-iżvilupp wara l-2015 u l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli ta’ applikazzjoni universali u se tkompli tippromwovi b’mod attiv l-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għas-sanità permezz tal-politika tagħha għall-iżvilupp, b’mod partikolari permezz ta’ impenn finanzjarju ta’ aktar minn EUR 3 biljun biex jitwettqu interventi relatati man-nutrizzjoni inklużi għall-ilma u s-sanità (2014-2020).

Bi tweġiba għas-sejħa għall-azzjoni taċ-ċittadini, il-Kummissjoni hija impenjata li tieħu passi konkreti u taħdem fuq għadd ta’ azzjonijiet ġodda f’oqsma li huma ta’ rilevanza diretta mal-inizjattiva u l-għanijiet tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni:

· se ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kwalità tal-ilma, billi tibni fuq l-impenji ppreżentati fis-7 EAP (Programm ta' Azzjoni Ambjentali) u l-Water Blueprint;

· ser tniedi konsultazzjoni madwar l-UE dwar id-Direttiva dwar l-ilma tax-xorb, b’mod partikolari minħabba aċċess aħjar għal ilma ta’ kwalità fl-UE;

· ser ttejjeb it-trasparenza għall-ġestjoni tad-dejta tal-ilma urban mormi u l-ilma tax-xorb u tesplora l-idea ta’ parametri referenzjarji tal-kwalità tal-ilma;

· ser twassal għal djalogu aktar strutturat bejn il-partijiet interessati dwar it-trasparenza fis-settur tal-ilma;

· se tikkoopera ma’ inizjattivi eżistenti biex jipprovdu sett usa’ ta’ punti ta’ riferiment tas-servizzi tal-ilma;

· se tistimola approċċi innovattivi għall-għajnuna fl-iżvilupp (eż appoġġ għal sħubiji bejn operaturi tal-ilma u sħubiji pubbliċi-pubbliċi); tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri (eż dwar strumenti ta' solidarjetà) u tidentifika opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni.

· se tappoġġa l-aċċess universali għall-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità bħala qasam ta’ prijorità għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-ġejjieni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, billi jaġixxu fil-kompetenzi tagħhom, biex iqisu t-tħassib imqajjem miċ-ċittadini permezz ta’ din l-inizjattiva u tħeġġiġhom biex iżidu l-isforzi tagħhom stess biex jiggarantixxu l-proviżjoni ta’ ilma sigur, nadif u finanzjarjament aċċessibbli għal kulħadd.

Skont l-Artikolu 10 (2) tar-Regolament dwar l-IĊE, din il-Komunikazzjoni se tiġi nnotifikata lill-organizzaturi tal-inizjattiva kif ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u se ssir pubblika.

[1]               Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini; ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1

[2]               Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 (1) tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini

[3]               http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/finalised/details/2012/000003

[4]               i.a. Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU Nru 64/292 tat-3.8.2010 u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

Ir-riżoluzzjonijiet 7/22 tat-28.3.2008 u 15/9 tas-6.10.10

[5]               http://www.un.org/en/sustainablefuture/

[6]               Ir-Riżoluzzjoni Nru 1693/2009 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

[7]               Dikjarazzjoni mir-Rappreżentanta Għolja, Catherine Ashton, f’isem l-UE biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Ilma, it-22 ta’ Marzu 2010:  http://register.consilium.europa.eu/ : doc 7810/10

[8]               L-ewwel premessa tad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-ilma, 2000/60/KE

[9]               L-Artikolu 191 (2) TFUE jiżgura wkoll li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent timmira għal livell għoli ta' protezzjoni li tqis id-diversità tas-sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji tal-Unjoni.

[10]             Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, Ġurnal Uffiċjali L 327, 22.12.2000, p. 0001 - 0073

[11]             Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32–54

[12]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40–52

[13]             L-Artikolu 345 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistabbilixxi b’mod ċar "il-prinċipju tan-newtralità" fejn jidħlu r-regoli li jirregolaw is-sistema ta’ sjieda ta' proprjetà fl-Istati Membri. L-UE ma tistax, għalhekk, tadotta atti legali li jaffettwaw ir-regoli li jirregolaw is-sistema tas-sjieda tal-proprjetà, inklużi dawk li jaffettwaw is-sjieda ta’ impriżi li jipprovdu servizz pubbliku, bħalma huma l-provvista ta’ ilma.

[14]             Soġġett għal ċerti kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u tas-servizzi postali (ĠU L 134, 30.4.2004)

[15]             Il-Premessa 40 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ġiet adottata reċentement dwar

l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (PE-CONS 73/13, Pubblikazzjoni fil-ĠU imminenti)

[16]             Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern

[17]             COM(2002)132 finali

[18]             www.euwi.net

[19]             AKP: Grupp ta' Stati tal-Afrika, Karibew u l-Paċifiku

[20]             Dan ma jinkludix għajnuna mogħtija minn Stati Membri individwali

[21]             Deċiżjonijiet Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm ta' Azzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Ambjent sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"

[22]             Għal Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, il-prijoritajiet ta’ nfiq għal kull pajjiż individwali tal-UE bħalissa qed jiġu finalizzati fil-Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operazzjonali, imħejjija mill-Istati Membri u bi qbil mal-Kummissjoni.

[23]             COM(2012) 673 finali.

[24]             Sustanzi li jippreżentaw riskju sinifikanti għal jew permezz tal-ambjent akwatiku; Direttiva 2013/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma.

[25]             Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1979 dwar il-ħarsien ta’ ilma ta’ taħt l-art kontra tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi; ĠU L 20, 26.1.1980, p. 43–48

[26]             F'konformità mal-ħtiġijiet tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva

[27]             Ara b’mod partikolari l-pakkett ta’ investiment soċjali ppubblikat mill-Kummissjoni f’Frar 2013 (http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1044&langId=en).

[28]             Skont il-WHO, bejn 50 u 100 litru ilma għal kull persuna għal kull ġurnata huma meħtieġa biex ikun żgurat li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet l-aktar bażiċi u jinħolqu ftit problemi tas-saħħa. Aċċess għal 20-25 litru għal kull persuna kuljum jirrappreżenta minimu, iżda dan l-ammont iqajjem problemi tas-saħħa minħabba li mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa r-rekwiżiti bażiċi tal-iġjene u l-konsum.

Ara: http://www.ohchr.org/Documents/Publications/FactSheet35en.pdf.

[29]             L-Artikolu 345 tat-TFUE jistabbilixxi b’mod ċar "il-prinċipju tan-newtralità" fejn jidħlu r-regoli li jirregolaw is-sistema ta’ sjieda ta' proprjetà fl-Istati Membri. L-UE ma tistax, għalhekk, tadotta atti legali li jaffettwaw ir-regoli li jirregolaw is-sistema tas-sjieda tal-proprjetà, inklużi dawk li jaffettwaw is-sjieda ta’ impriżi li jipprovdu servizz pubbliku, bħalma huma l-forniment tal-ilma. Bl-istess mod, ma hemm ebda bażi legali fit-Trattati li tippermetti l-adozzjoni ta’ att legali tal-UE li jimponi obbligi fuq il-kumpaniji dwar l-investiment mill-ġdid tal-profitti tagħhom jew li jirregola l-istruttura tal-azzjonisti tagħhom.

[30]             Soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28, 29 u 30 tad-Direttiva 2014/XX/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali (adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fis-26 ta’ Frar 2014, pubblikazzjoni pendenti).

[31]             Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunill 90/313/KEE

[32]             http://water.europa.eu/

[33]             Pereżempju: http://www.waterbenchmark.org

[34]             Kif stipulat fil-Komunikazzjoni "Aġenda għall-Bidla" - COM(2011) 637 

[35]             http://www.un.org/en/sustainablefuture/

[36]             COM (2013) 92

[37]             http://www.eu-un.europa.eu/articles/en/article_13692_en.htm

[38]             http://www.un.org/sg/management/pdf/HLP_P2015_Report.pdf

[39]             Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014, COM (2013) 739

[40]             Grupp ta' Ħidma Miftuħ kompost minn 30 Membru tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ngħata l-mandat mid-Dokument tal-eżitu ta’ Rio + 20 biex iħejji proposta dwar l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għal konsiderazzjoni mill-Assemblea fit-68 sessjoni tagħha.

ANNESS

Aspetti proċedurali tal-inizjattiva taċ-ċittadini "Right2water"(id-dritt għall-ilma)

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, din l-inizjattiva ġiet irreġistrata fl-10/05/2012 u ppubblikata fir-reġistru onlajn tal-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/ongoing/details/2012/000003

Il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini rreġistrat mal-Kummissjoni huma residenti tal-Istati Membri li ġejjin: Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Isvezja, il-Bulgarija, l-Italja u r-Renju Unit.

L-inizjattiva ġiet irreġistrata bl-Ingliż. Imbagħad l-organizzaturi pprovdew traduzzjonijiet tat-titlu, is-suġġett u l-għanijiet tal-inizjattiva fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Skont ir-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, il-formoli użati miċ-ċittadini biex jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva kien fihom it-titlu, is-suġġett u l-għanijiet tal-inizjattiva. Il-link għar-reġistru onlajn tal-Kummissjoni (ara hawn fuq) kienet disponibbli wkoll fuq il-formoli, li jippermetti liċ-ċittadini li xtaqu dan biex isibu informazzjoni aktar dettaljata fuq l-inizjattiva, kif ipprovduta mill-organizzaturi f’Anness bħala parti mit-talba ta’ reġistrazzjoni tagħhom. Dan l-Anness kien disponibbli bl-Ingliż biss (l-organizzaturi ma pprovdewx traduzzjonijiet ta’ dan l-Anness). Dan l-Anness ma kienx neċessarjament ikkonsultat miċ-ċittadini kolha li appoġġjaw l-inizjattiva.

Il-perjodu formali ta' ġbir ta' 12-il xahar għall-inizjattiva ntemm fl-10 ta’ Mejju 2013. Madankollu, il-Kummissjoni aċċettat dikjarazzjonijiet b'appoġġ għall-inizjattiva sal-1 ta' Novembru 2013, minħabba d-diffikultajiet li l-parti l-kbira tal-organizzaturi ffaċċjaw biex iwaqqfu s-sistemi ta' ġbir onlajn tagħhom matul il-fażi inizjali tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej[1]. Wara l-verifika ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri, l-organizzaturi ppreżentaw l-inizjattiva tagħhom lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2013, flimkien ma’ ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet ta' 25 Stati Membri u informazzjoni dwar sorsi ta’ finanzjament u appoġġ, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament.

L-għadd ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ validi indikat fiċ-ċertifikati u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma riflessi fit-tabella ta’ hawn taħt.  Dawn iċ-ċifri jqisu l-perjodu ta’ ġbir addizzjonali sal-1 ta’ Novembru 2013.

Stat Membru || Numru ta’ firmatarji || Limitu li jingħadd fost in-numru minimu ta’ seba’ Stati Membri

L-Awstrija || 57 643 || 14 250

Il-Belġju || 40 549 || 16 500

Il-Bulgarija || 1 406 || 13 500

Ċipru || 2 924 || 4 500

Ir-Repubblika Ċeka || 7 575 || 16 500

L-Estonja || 516 || 4 500

Il-Finlandja || 14 589 || 9 750

Il-Ġermanja || 1 236 455 || 74 250

Il-Greċja || 33 220 || 16 500

L-Ungerija || 18 245 || 16 500

L-Irlanda || 2 513 || 9 000

L-Italja || 65 223 || 54 750

Il-Latvja || 393 || 6 750

Il-Litwanja || 13 252 || 9 000

Il-Lussemburgu || 5 566 || 4 500

Malta || 1 635 || 4 500

Il-Pajjiżi l-Baxxi || 21 469 || 19 500

Il-Polonja || 3 962 || 38 250

Il-Portugall || 13 964 || 16 500

Ir-Rumanija || 3 176 || 24 750

Is-Slovakkja || 20 988 || 9 750

Is-Slovenja || 17 546 || 6 000

Spanja || 58 051 || 40 500

L-Isvezja || 11 579 || 15 000

Ir-Renju Unit || 7 104 || 54 750

Totali || 1 659 543 || Il-limitu ntlaħaq fi 13-il Stat Membru

Fil-ġimgħat ta’ wara l-preżentazzjoni tal-inizjattiva, l-organizzaturi bagħtu lill-Kummissjoni ċertifikati minn żewġ awtoritajiet tal-Istati Membri addizzjonali:

•           Franza: 17 247 dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ validi

•           Id-Danimarka: 3 495 dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ validi

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Kummissjoni:

- ippubblikat fl-20 ta’ Diċembru 2013 l-informazzjoni rilevanti fir-reġistru fuq:

http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/finalised/details/2012/000003;

- laqgħet lill-organizzaturi fis-17 ta’ Frar 2014 (filgħodu).

Fl-istess ġurnata matul wara nofsinhar, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, l-organizzaturi ngħataw l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom fi smigħ pubbliku organizzat fil-Parlament Ewropew. Matul il-laqgħa fil-Kummissjoni u waqt is-seduta pubblika, il-Kummissjoni kienet irrappreżentata mill-President Šefčovič, kif ukoll uffiċjali minn bosta servizzi kkonċernati.

[1]               Ara l-istqarrija għall-istampa tat-18 ta' Lulju 2012: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/headlines/press-releases/2012/07/2012_07_18_eci_en.htm

Top