EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0502

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart,

/* COM/2013/0502 final - 2013/0235 (NLE) */

52013PC0502

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, /* COM/2013/0502 final - 2013/0235 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, ċertu skart speċifikat ma għandux jibqa’ kkunsidrat skart meta jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skont il-kundizzjonijiet legali stipulati f’din id-dispożizzjoni. Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tali kriterji għal materjali speċifiċi u dawn il-kriterji għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva.

Għalhekk, il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ Regolament għall-vot fil-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva. Il-Kumitat ma tax opinjoni favorevoli dwar l-abbozz tar-Regolament fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2012. It-tħassib ewlieni li tqajjem minn ċerti Stati Membri kienet l-inklużjoni ta’ materjal b’diversi livelli skont l-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni minħabba li dan il-materjal li fih sa 25 % ta’ materjal li mhux karta jkun jirrappreżenta periklu għall-ambjent jekk jiġi ttrattat b’mod mhux xieraq. Il-Kummissjoni ħadet nota ta’ dan; madankollu żżomm u tirreferi l-istess proposta legali lill-Kunsill billi bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) u t-Taqsima 3 tal-Anness I il-frazzjoni li mhix karta hija suġġetta għal obbligu biex tiġi riċiklata u sistema ta’ traċċabilità, rispettivament.

Għalhekk, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, qed titressaq proposta lill-Kunsill għal Regolament tal-Kunsill, li qed tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew.

2013/0235 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar id-definizzjoni ta’ kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart,

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[1] u b’mod partikulari l-Artikolu 6(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Minn evalwazzjoni ta’ diversi flussi ta’ skart jirriżulta li s-swieq tar-riċiklaġġ għall-karta għandhom jibbenefikaw mill-iżvilupp ta’ kriterji speċifiċi li jiddeterminaw meta l-karta miksuba mill-iskart ma tibqax titqies bħala skart. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali. Għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-klassifika tal-karta riċiklata bħala skart minn pajjiżi terzi.

(2)       Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li hemm suq u domanda għal karta riċiklata biex tintuża bħala materja prima f’fabbriki tal-karta. Għalhekk il-karta riċiklata għandha tkun pura biżżejjed u għandha tissodisfa l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet mitluba mill-industrija tal-produzzjoni tal-karta.

(3)       Il-kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart għandhom jiżguraw li karta li ġejja minn operazzjoni ta’ rkupru tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-industrija tal-produzzjoni tal-karta, li dan ikun konformi mal-leġiżlazzjoni u mal-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti u li ma jwassalx għal impatti globali negattivi fuq l-ambjent jew fuq saħħet il-bniedem. Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li l-kriterji proposti dwar l-iskart li jintuża bħala materja prima fl-operazzjoni ta’ rkupru, dwar il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament, kif ukoll dwar il-karta li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jilħqu dawk l-għanijiet minħabba li għandhom iwasslu għall-produzzjoni ta’ karta bla karatteristiċi perikolużi u ħielsa biżżejjed minn komponenti mhux karta.

(4)       Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kriterji, huwa xieraq li jkun ipprovdut tagħrif dwar il-karta riċiklata li ma tibqax titqies bħala skart u li tiġi implimentata sistema ta’ mmaniġġjar.

(5)       Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw irwieħhom għall-kriterji li jiddeterminaw meta l-karta riċiklata ma tibqax titqies bħala skart, huwa xieraq li jingħata perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(6)       Għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi dwar meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala skart għal karta magħmula minn materjali multipli b’kontenut għoli ta' materjal li mhux karta sabiex jiġi żgurat li l-karta tiġi effettivament riċiklata u li l-materjali li mhumiex karta jiġu riċiklati.

(7)       Il-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE għadu ma pprovdiex opinjoni dwar il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u għalhekk il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill rigward dawk il-miżuri u bagħtitha lill-Parlament Ewropew,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta karta riċiklata maħsuba għall-użu ta’ fibri tal-karta għall-manifattura tal-karta ma tibqax titqies bħala skart.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.

Barra minn hekk id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

1.           "karta riċiklata" tfisser karta u kartun iġġenerati mill-irkupru tal-iskart;

2.           "karta riċikata magħmula minn materjali multipli" tfisser karta riċiklata, bħal kartun tax-xorb użat u imballaġġ miksi u bis-saffi, li jinkludi aktar minn 5 % ta’ piż niexef ta’ arja ta’ materjali li mhumiex karta li ma jistgħux jiġu separati b’tekniki li jagħżlu l-materja niexfa.

3.           "detentur" tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha fil-pussess tagħha l-karta riċiklata;

4.           "produttur" tfisser id-detentur li jittrasferixxi l-karta riċiklata lil detentur ieħor għall-ewwel darba bħala karta riċiklata li ma baqgħetx titqies bħala skart;

5.           "importatur" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi karta riċiklata li ma baqgħetx titqies bħala skart fit-territorju doganali tal-Unjoni;

6.           "persunal kwalifikat" tfisser persunal li huwa kwalifikat bl-esperjenza jew bit-taħriġ biex jimmonitorja u jivvaluta l-karatteristiċi tal-karta riċiklata;

7.           "spezzjoni viżwali" tfisser spezzjoni tal-karta riċiklata li tkopri l-partijiet kollha ta’ kunsinna u li ssir permezz tas-sensi tal-bniedem jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir mhux speċjalizzat;

8.           "kunsinna" tfisser lott ta’ karta riċiklata li huwa maħsub sabiex jiġi kkunsinjat minn produttur lil detentur ieħor u li jista’ jinżamm f’unità tat-trasport waħda jew iktar, bħall-kontejners;

Artikolu 3

Kriterji għall-karta riċiklata

Il-karta riċiklata ma għandhiex tibqa’ titqies bħala skart meta, mat-trasferiment mill-produttur lil detentur ieħor, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

1.           il-karta li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru tkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I;

2.           l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

3.           l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun ġie ttrattat skont il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

4.           il-produttur jew l-importatur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5;

5.           il-karta riċiklata hija ddestinata għall-użu ta’ fibri tal-karta fil-manifattura tal-karta. Barra minn hekk, il-materjali li mhumiex karta f’kunsinni ta’ karta magħmula minn materjali multipli huma maħsuba għall-irkupru.

Artikolu 4

Dikjarazzjoni tal-konformità

1.           Il-produttur jew l-importatur, għal kull kunsinna ta’ karta riċiklata, għandu joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità li tkun konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness II.

2.           Il-produttur jew l-importatur għandu jagħti d-dikjarazzjoni ta’ konformità lid-detentur li jmiss tal-kunsinna tal-karta riċiklata. Il-produttur jew l-importatur għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal mill-inqas sena wara d-data tal-ħruġ tagħha u għandu jqiegħdha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jintalab jagħmel dan.

3.           Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tista’ tkun elettronika.

Artikolu 5

Sistema ta’ mmaniġġjar

1.           Il-produttur għandu jimplimenta sistema ta’ mmanniġjar adattata biex turi l-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 3.

2.           Is-sistema ta’ mmanniġjar għandu jkun fiha sett ta’ proċeduri dokumentati dwar kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

(a) il-monitoraġġ tal-kwalità tal-karta riċiklata li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness I (inklużi t-teħid tal-kampjuni u l-analiżi);

(b) l-aċċettazzjoni tal-kontroll tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(c) monitoraġġ tal-proċessi u t-tekniki ta' trattament fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

(d) monitoraġġ tal-operazzjoni ta' rkupru tal-komponenti li mhumiex karta ta' karta magħmula minn materjali multipli kif stabbilit fit-Taqsima 3 tal-Anness I, fejn xieraq;

(e) ir-reazzjoni tal-konsumaturi dwar il-konformità mal-kwalità tal-karta riċiklata;

(f) żamma ta' rekords tar-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq taħt il-punti (a) sa (d);

(g) reviżjoni u titjib tas-sistema tal-immaniġġjar;

(h) taħriġ tal-persunal.

3.           Is-sistema ta' mmaniġġjar se tippreskrivi wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ stabbiliti fl-Anness I għall kull kriterja. Speċifikament fir-rigward tal-karta magħmula minn materjali multipli, il-produttur għandu jżomm ir-rekords għal mhux anqas minn tliet snin, għall-identifikazzjoni tad-detenturi li jmiss sal-irkupru tal-materjal kollu fil-karta magħmula minn materjali multipli u l-ammonti ttrasferiti, u għandu jagħmel dawk ir-rekords disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

4.           Korp għall-valutazzjoni tal-konformità, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008[2] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li kiseb l-akkreditament f'konformità mar-Regolament, jew verifikatur ambjentali, kif definit fl-Artikolu 2(20)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009[3] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huwa akkreditat jew liċenzjat f'konformità ma' dak ir-Regolament, għandu jivverifika li s-sistema ta' mmaniġġjar tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu. Il-verifika għandha titwettaq kull tliet snin. Verifikaturi biss b'dawn il-kampijiet ta' akkreditament jew liċenzja bbażata fuq il-Kodiċi tan-NACE kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006[4] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma meqjusa li għandhom esperjenza speċifika suffiċjenti biex iwettqu l-verifika msemmija f'dan ir-Regolament:

* Il-Kodiċi NACE 38 (Attivitajiet ta' ġbir, trattament u rimi ta' skart; rkupru ta' materjal); jew

*Il-Kodiċi NACE 17 (Il-manifattura tal-karta u prodotti tal-karta).

5.           L-importatur għandu jitlob lill-fornituri tiegħu biex jimplimentaw sistema ta' mmaniġġjar li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u li ġiet ivverifikata minn verifikatur estern indipendenti.

Is-sistema ta' mmaniġġjar tal-fornitur għandha tiġi ċċertifikata minn korp għall-valutazzjoni tal-konformità li huwa akkreditat minn korp ta' akkreditament evalwat bejn il-pari b'suċċess għal din l-attività mill-korp rikonoxxut fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008; jew minn verifikatur ambjentali li huwa akkreditat jew liċenzjat minn korp ta' akkreditament jew liċenzjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 li huwa wkoll suġġett għal evalwazzjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 31 ta' dak ir-Regolament, rispettivament.

Verifikaturi li jridu joperaw f'pajjiżi terzi jridu jiksbu akkreditament jew liċenzja speċifika, f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/832/UE[5].

6.           Il-produttur, mat-talba għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti l-aċċess għas-sistema ta' mmaniġġjar.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

Kriterji għal karta riċiklata

Kriterji || Rekwiżiti ta’ awtomonitoraġġ

Taqsima 1. Il-kwalità tal-karta li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru

1.1         Il-karta li tirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru għandha tiġi kklassifikata skont l-istandard Ewropew EN 643. || Kull kunsinna għandha tiġi kklassifikata minn persunal ikkwalifikat.

1.2         Il-kontenut tal-komponent mhux karta għandu jkun inqas minn jew ugwali għal 1.5 % tal-piż niexef tal-arja. Il-komponent li mhux karta huwa materjal differenti mill-karta, li huwa preżenti f’karta riċiklata, u jista’ jiġi sseparat bl-użu ta’ tekniki li jagħżlu materja niexfa. Eżempji ta’ komponenti li mhumiex karta huma l-metall, il-plastik, il-ħġieġ, it-tessuti, il-ħamrija, ir-ramel, l-irmied, it-trab, ix-xemgħa, il-bitumen, iċ-ċeramika, il-gomma, id-drapp, l-injam, u s-sustanzi organiċi sintetiċi. Il-materjali minerali għall-mili li jeżistu fil-fibri tal-karta, bħat-tafal, il-karbonat tal-kalċju, u l-lamtu huma meqjusa bħala parti mill-karta u ma jingħaddux bħala komponenti li mhumiex karta. Karta magħmula minn materjali multipli b’kontenut ta' materjali li mhumiex karta ta’ aktar minn 30 % ta’ piż niexef ta’ arja għandu jitqies fit-totalità tiegħu, bħala komponent li mhux karta. || Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull kunsinna. F’intervalli xierqa u soġġetti għal reviżjoni jekk isiru tibdiliet sinifikanti fil-proċess tal-operat, kampjuni rappreżentattivi ta’ kull grad ta’ karta riċiklata għandhom jiġu analizzati gravimetrikament biex jitkejjel il-kontenut ta’ komponenti li mhumiex karta. Il-kontenut ta’ komponenti li mhumiex karta għandu jiġi analizzat billi jintiżen wara s-separazzjoni mekkanika jew manwali (skont kif xieraq) ta' materjali taħt spezzjoni viżwali bir-reqqa. Il-frekwenzi xierqa tal-monitoraġġ permezz tat-teħid tal-kampjuni għandhom ikunu stabbiliti billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin: It-tendenza mistennija tal-varjabbiltà (pereżempju kif murija mir-riżultati storiċi); ir-riskju inerenti ta’ varjabbiltà fil-kwalità tal-iskart użat bħala materja prima fl-operazzjoni tal-irkupu u fi kwalunkwe pproċessar sussegwenti, pereżempju l-kontenut medju ogħla ta’ plastik jew ħġieġ fil-karta magħżul mis-sistemi ta’ ġbir ta’ karta magħmula minn materjali multipli; il-preċiżjoni inerenti tal-metodu ta’ monitoraġġ; u il-prossimità tar-riżultati tal-kontenut ta’ komponenti li mhumiex karta għal-limitu massimu ta’ 1.5 % ta’ piż niexef ta’ arja. Il-proċess tad-determinazzjoni tal-frekwenzi tal-monitoraġġ għandu jkun iddokumentat bħala parti mis-sistema ta’ mmanniġjar u għandu jkun disponibbli għall-verifika.

1.3         Il-karta riċiklata, inklużi l-konstitwenti tagħha u partikolarment l-inka u l-kuluri, ma għandhiex turi l-ebda waħda mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Il-karta riċiklata għandha tkun konformi mal-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE[6], u ma taqbiżx il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament (KE) 850/2004[7] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. || Għandha titwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull kunsinna minn persunal ikkwalifikat. Fejn l-ispezzjoni viżwali tqajjem xi suspett ta’ possibbiltà ta’ karatteristiċi perikolużi, għandhom jittieħdu iktar miżuri xierqa ta’ monitoraġġ, bħat-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar, fejn ikun xieraq. Il-persunal għandu jitħarreġ dwar il-karatteristiċi perikolużi potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mal-karta riċiklata u dwar il-komponenti jew il-karatteristiċi tal-materjali li jippermettu li dak li jkun jagħraf il-karatteristiċi perikolużi. Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-materjali perikolużi għandha tkun iddokumentata fis-sistema tal-immaniġġjar.

1.4         Il-karta riċiklata ma għandux ikun fiha żejt, solventi, żebgħa, oġġetti tal-ikel milwiema u/jew xaħmijin assorbiti li jistgħu jiġu identifikati permezz ta' spezzjoni viżwali. || Għandha titwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull kunsinna minn persunal ikkwalifikat. Meta l-ispezzjoni viżwali tikxef sinjali ta' assorbiment ta' fluwidi għajr l-ilma li jista' jirriżulta f’pereżempju tinwir jew irwejjaħ, u dawn is-sinjali mhumiex negliġibbli, il-kunsinna tibqa' titqies bħala skart. Il-persunal għandu jitħarreġ dwar it-tipi ta’ kontaminazzjoni potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mal-karta riċiklata u dwar il-komponenti jew il-karatteristiċi tal-materjali li jippermettu lil dak li jkun jagħraf il-kontaminanti. Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-kontaminazzjoni għandha tkun iddokumentata fis-sistema tal-immanniġjar.

Taqsima 2. L-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru

2.1         Skart perikoluż, bijoskart, skart muniċipali mħallat, skart tal-kura tas-saħħa, u prodotti użati ta’ iġjene personali ma għandhomx jintużaw bħal materja prima. || Il-kontroll ta' aċċettazzjoni tal-iskart kollu li fih il-karta li jasal (permezz ta’ spezzjoni viżwali) u tad-dokumentazzjoni li takkumpanjah għandu jitwettaq minn persunal kwalifikat li jkun ingħata taħriġ dwar kif jagħraf l-iskart li fih il-karta li ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti f’din it-Taqsima.

Taqsima 3. Il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament

3.1       Il-karta għar-rimi għandha tiġi segregata fis-sors jew waqt il-ġbir, jew l-iskart li jintuża bħala materja prima għandu jiġi trattat biex issir separazzjoni tal-karta mill-komponenti li mhumiex karta. Il-karta li tiġi prodotta minn dawn l-operazzjonijiet għandha tinżamm separata minn kwalunkwe skart ieħor. 3.2       It-trattamenti kollha meħtieġa għal preparazzjoni tal-karta bħala materja prima diretta għall-manifattura ta’ prodotti tal-karta, bħal selezzjoni, separazzjoni, tindif, jew klassifikazzjoni, u għajr l-imballaġġ tal-karta għar-rimi, iridu jkunu saru kompletament. 3.3       Il-materjali li mhumiex karta miżmuma f’kunsinni li fihom iktar minn 1.5 % ta’ piż niexef ta’ arja ta’ karta magħmula minn materjali multipli għandhom jgħaddu minn proċess ta’ trattament dedikat. Il-materjali differenti f’karta magħmula minn materjali multipli għandhom jiġu effettivament separati minn xulxin. Il-fibri ta’ karta separati mill-karta magħmula minn materjali multipli għandhom jintużaw għall-manifattura tal-karta. Il-materjali li mhumiex karta separati mill-karta magħmula minn materjali multipli għandhom jiġu rkuprati. || Rigward kunsinni ta’ karta magħmula minn materjali multipli, il-produttur/l-importatur għandu jidentifika d-detenturi li jmiss tal-kunsinni kif ukoll l-ammonti trasferiti sakemm jiġu rkuprati l-materjali kollha fil-karta magħmula minn materjali multipli. Tali identifikazzjoni tista’ titwettaq permezz ta’ sistema ta’ traċċabbiltà.

Anness II

Dikjarazzjoni ta’ Konformità mal-kriterji li jiddeterminaw meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali, imsemmija fl-Artikolu 4(1)

1 || Produttur/importatur tal-karta riċiklata: Isem: Indirizz: Persuna ta’ kuntatt: Telefon: Faks: E-mail:

2 || a) Grad ta' karta għar-rimi skont l-istandard EN-643: b) Kontenut ta’ komponenti li mhumiex karta, f’punti perċentwali ta’ piż niexef ta’ arja: c) Oriġini tal-materjal (immarka skont kif xieraq). c.1) oriġini ta’ materjali multipli, bħal fil-każ ta’ ġbir imħallat. c.2) oriġini ta’ monomaterjal, bħal fil-każ ta’ ġbir minn sorsi separati.

3 || Il-kunsinna hija konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard EN-643.

4 || Il-kwantità tal-kunsinna f’kg.

5 || Din il-kunsinna hija konformi mal-kriterji msemmija fil-paragrafi (1) sa (3) tal-Artikolu 3 tar-(Regolament).

6 || Il-produttur tal-karta riċiklata japplika sistema ta’ mmanniġjar li hija konformi mar-rekwiżit tar-Regolament Nru. ... [ser jiddaħħal hekk kif ir-Regolament jiġi adottat], u li ġiet verifikata minn korp akkredidat ta’ valutazzjoni tal-konformità jew minn verifikatur ambjentali jew, meta karta li ma baqgħetx tissejjaħ skart tiġi importata fit-territorju doganali tal-Unjoni, minn verifikatur indipendenti estern.

7 || Il-materjal f’din il-kunsinna huwa maħsub esklussivament għall-użu ta’ fibri tal-karta għall-manifattura tal-karta, u fejn applikabbli, ukoll għall-irkupru ta' materjali li mhumiex karta li jinsabu fil-karta magħmula minn materjali multipli.

8 || Dikjarazzjoni tal-produttur/tal-importatur tal-karta riċiklata: Jiena niċċertifika li, safejn naf jien, it-tagħrif mogħti hawn fuq huwa komplut u korrett: Isem: Data: Firma:

[1]               ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

[2]               ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

[3]               ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

[4]               ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

[5]               ĠU L 330, 14.12.2011, p. 25.

[6]               ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

[7]               ĠU L 229, 30.4.2004, p. 1.

Top