EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0315

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha

/* COM/2013/0315 final - 2013/0166 (COD) */

52013PC0315

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha /* COM/2013/0315 final - 2013/0166 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tindirizza l-parti li tikkonċerna l-infrastruttura tas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika (il-PSAPs) fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-eCall, ibbażata fuq approċċ regolatorju fuq tliet binarji li jinkludi s-sistema mmuntata fil-vettura, netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-PSAPs.

1.1.        Kuntest ġenerali

Is-sikurezza fit-toroq hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fil-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea. Fl-2011, inqatlu madwar 30 000 persuna u aktar minn 1,5 miljun sfaw midruba f'madwar 1,1 miljun aċċident tat-traffiku fit-toroq tal-UE. Minbarra t-traġedja ta’ telf ta’ ħajja u korriment, dan iġib miegħu wkoll piż ekonomiku ta’ madwar EUR 130 biljun fi spejjeż għas-soċjetà kull sena. L-UE hija impenjata bis-sħiħ li tnaqqas l-għadd ta' aċċidenti stradali (prevenzjoni tal-aċċidenti jew sikurezza attiva), li ttaffi l-konsegwenzi tal-aċċidenti meta dawn iseħħu (sikurezza passiva), u li ttejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta' emerġenza u l-effikaċja tal-kura medika ta' wara l-inċidenti (sikurezza terzjarja). F’dan il-kuntest, is-servizz tal-eCalls jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq u t-taffija tas-severità ta’ korrimenti minn aċċidenti tat-traffiku.

Kull minuta hija kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet u titnaqqas il-gravità tal-korrimenti meta jissejħu s-servizzi ta’ emerġenza għal aċċident tat-triq. It-tagħmir tal-eCall iwissi minnufih lis-servizzi ta’ emerġenza, anke jekk is-sewwieq jew il-passiġġier ikun mitluf minn sensih jew inkella ma jkunx jista’ jċempel, u jħaffef il-wasla tal-ekwipaġġ tal-emerġenza b’madwar 40 % fiz-zoni urbani u 50 % f’żoni rurali. Is-servizz tal-eCalls jista’ jkollu wkoll impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-konġestjoni kkawżata minn aċċidenti tat-traffiku u għalhekk tal-konġestjoni inġenerali fit-toroq Ewropej.

L-implimentazzjoni armonizzata ta’ servizz interoperabbli ta’ tal-eCalls offrut madwar l-UE kollha ilha fuq l-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea sa mill-2005, u issa saret azzjoni ta’ prijorità għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq u għall-użu tas-sistemi intelliġenti tat-trasport fl-Ewropa.

Bħala parti minn approċċ ta' mobilizzazzjoni volontarja, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2005 – intitolata "t-twassil ta' eCall liċ-Ċittadini"[1] – ħeġġet bil-qawwi lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali li jaġixxu u jinvestu fl-infrastruttura neċessarja ta’ emerġenza għas-servizz ta' eCall, bil-ħsieb li fl-2009 jitnieda s-servizz pan-Ewropew sħiħ. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (ETSI, CEN) li jfasslu l-istandards komuni Ewropej meħtieġa, u pprovdiet appoġġ għal dan il-għan.

Fil-21 ta' Awwissu 2009, il-Komunikazzjoni "eCall: Iż-Żmien tal-Varar"[2] irrapportat dwar il-progress fl-introduzzjoni tal-eCall, u kkonkludiet li l-approċċ volontarju ma kienx suffiċjenti. Il-Kummissjoni indikat li, sakemm ma jsirx progress sinifikanti sal-aħħar tal-2009, se tikkunsidra l-adozzjoni ta' miżuri regolatorji sabiex tiżgura li jiġi installat tagħmir standard tal-eCall fil-vetturi l-ġodda kollha tal-Ewropa, billi tibda minn kategoriji partikolari (karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief).

F’Awwissu tal-2010, id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport [3] daħlet fis-seħħ b’ "il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha" bħala waħda mis-sitt azzjonijiet ta’ prijorità identifikati għall-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

Fir-riżoluzzjoni non-leġiżlattiva "Rapport dwar l-eCall: servizz ġdid tal-112 għaċ-ċittadini"[4] adottata fit-3 ta' Lulju 2012, il-Parlament Ewropew iddikjara dan li ġej:

– "Jikkunsidra li s-sistema eCall għandha tkun sistema pubblika ta' telefonati ta' emerġenza madwar l-UE, inkorporata fil-vettura u bbażata fuq il-112 u fuq standards komuni pan-Ewropej",

– "Ifakkar li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni turi li l-adozzjoni ta' miżuri regolatorji sabiex isseħħ l-introduzzjoni mandatorja tas-sistema eCall bħalissa hija l-unika possibbiltà biex jinkisbu l-effetti pożittivi kollha";

– "Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissottometti proposta fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2007/46/KE sabiex sal-2015 tiżgura l-użu mandatorju ta' sistema pubblika ta' eCall ibbażata fuq il-112 fil-karozzi l-ġodda approvati kollha u fl-Istati Membri kollha",

– "Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2011 u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Operaturi ta' Netwerks Mobbli (MNOs) sabiex jimplimentaw il-miżuri u l-aġġornamenti meħtieġa tagħha sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2014; jiddispjaċih, madankollu, li 18-il Stat Membru biss irrispondew fil-ħin; jistieden lill-bqija tal-Istati Membri biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli",

– "Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet għal PSAPs fi ħdan il-qafas tad-Direttiva dwar l-STI sal-aħħar tal-2012, u tipproponi direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-eCall".

Il-varar tal-eCall se jikkostitwixxi wkoll twassil tal-Pjan ta' Azzjoni CARS 2020, li hija inkluża fil-Komunikazzjoni tat-8 ta' Novembru 2012 "CARS 2020: Pjan ta’ azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa"[5].

Fis-26 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat Nru 305/2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[6] li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-aġġornament tal-infrastruttura taċ-Ċentru li jwieġeb għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika (PSAP) meħtieġa sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta’ eCall fl-UE kollha.

1.2.        Raġunijiet għall-proposta

Minħabba n-nuqqas ta' progress sinifikanti fil-mobilizzazzjoni volontarja tal-eCall sal-aħħar tal-2009, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq Valutazzjoni tal-Impatt sabiex tivvaluta l-aktar għażla politika xierqa biex timplimenta s-servizz ta' eCall madwar l-UE kollha.

Kif inhu spjegat fil-Valutazzjoni tal-Impatt[7], l-eCall teħtieġ tliet tipi ta' miżuri: l-immuntar ta' sistema speċifika fil-vetturi, l-abbiltà tal-operaturi tan-netwerk mobbli li jibagħtu messaġġi b'format partikolari, u fl-aħħar nett, il-kapaċità taċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet ta' emerġenza (magħrufin ukoll bħala PSAPs – Ċentri li jwieġbu għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika) li jittrattaw dawn il-messaġġi. Is-sistema tista' tkun operattiva biss jekk it-tliet partijiet jaħdmu flimkien.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-aħjar għażla biex l-eCall jiġi implimentat b’mod effettiv huwa approċċ "regolatorju". L-eCall imbagħad għandu jiġi bbażat fuq l-installazzjoni tal-apparat bl-approvazzjoni tat-tip għan-Numru Uniku ta' Emerġenza Ewropew, il-112, fil-vetturi kollha, fil-bidu f’ċerti kategoriji ta’ vetturi biss, u qafas għat-trattament tal-eCalls fin-netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-PSAPs. Permezz ta' dan l-approċċ l-eCall tkun disponibbli għaċ-ċittadini kollha fl-Ewropa bħala servizz mifrux mal-UE kollha, tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tagħha u jitħaddan il-potenzjal kollu tal-eCall biex issalva l-ħajjiet, u tittaffa s-severità tal-ġrieħi. Il-bini fuq dan it-tagħmir standardizzat 112 jew il-koeżistenza miegħu, emerġenza addizzjonali fil-vettura, u/jew servizzi ta’ valur miżjud jistgħu jiġu provduti lill-utent aħħari biex jagħtu iktar sikurezza u benefiċċji ekonomiċi.

B'riżultat ta' dan, fit-8 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni żvelat l-istrateġija tagħha dwar il-miżuri regolatorji tal-eCall, flimkien mal-adozzjoni tal-ewwel parti ta' din l-istrateġija li kienet tikkonsisti minn Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni[8] dwar appoġġ għal servizz ta' eCalls offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta' sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi ("eCalls").

Sabiex tiġi kompletata l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-eCall tagħha u tiġi żgurata l-implimentazzjoni parallela u f’waqtha tas-servizz tal-eCall ibbażat fuq in-numru 112 mit-tliet gruppi ta’ partijiet interessati involuti (l-operaturi tan-netwerks mobbli, is-servizzi pubbliċi ta’ emerġenza u l-industrija tal-karozzi) sal-2015, il-Kummissjoni qed tipproponi li ġej:

– Sistema fil-vettura: proposta skont il-qafas ipprovdut mid-Direttiva 2007/46/KE biex tordna l-eCall fit-tipi ġodda kollha ta’ vetturi M1 u N1 (karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief).

– Netwerks ta' komunikazzjoni mobbli: ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eCall imsemmija hawn fuq.

– Ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika: l-adozzjoni tar-Regolament Iddelegat imsemmi hawn fuq bħala att iddelegat skont id-Direttiva 2010/40/UE sabiex jiġu indirizzati l-ispeċifikazzjonijiet għall-PSAPs.

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2010/40/UE jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal xi azzjoni ta’ prijorità, fejn xieraq u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar it-tnedija ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità.

Dan huwa l-għan speċifiku ta’ din il-proposta, li bih tiġi kompluta l-parti tal-“PSAP” mill-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-eCall.

Dawn id-diversi testi huma kumplimentari u flimkien jippermettu li s-servizz eCall ibbażat fuq in-numru 112 ikun operattiv bis-sħiħ sa mill-1 ta’ Ottubru 2015.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

Din il-proposta hija r-riżultat ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati ewlenin:

Tqis il-konsultazzjonijiet kollha tul il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall. Dawn il-konsultazzjonijiet jinkludu, b'mod partikolari, kontribuzzjonijiet estensivi mill-partijiet interessati involuti f'diversi fora bħall-Pjattaforma għall-Implimentazzjoni tal-eCall (EeIP), il-Grupp ta' esperti tal-PSAPs għall-eCall u l-Grupp għat-Tmexxija tal-eCall fi ħdan il-Forum dwar l-eSafety / i-Mobility, u konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tal-eCall li kienet miftuħa mid-19 ta' Lulju sad-19 ta' Settembru 2010.

Il-proposta tqis ukoll id-diskussjonijiet fil-laqgħat li saru ma’ esperti mill-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE u l-Isvizzera fit-13 ta’ Ottubru 2011, fid-29 ta’ Mejju, fid-19 ta’ Ġunju u fit-3 ta’ Lulju 2012 biex jippreparaw l-ispeċifikazzjonijiet għall-PSAPs. Dawn il-laqgħat attendew għalihom ukoll rappreżentanti mill-Parlament Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data[9].

Fl-aħħar nett, din il-proposta tqis ukoll l-opinjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-STI 25, magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, is-sieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-awtoritajiet lokali u fora rilevanti oħra[10].

2.2.        Valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji

Twettqet analiżi estensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji bħala parti mill-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall għat-tliet għażliet proposti, li jinkludu l-għażla ppreferuta dwar il-miżuri regolatorji.

Sa fejn hija kkonċernata l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-għażla li ġiet magħżula (għażla 3), kull waħda mit-tliet miżuri regolatorji tal-eCall ppjanati (sistema mmuntata fil-vettura, telekomunikazzjoni u PSAP) ma tistax tiġi sseparata mit-tnejn l-oħra. Filwaqt li l-ispejjeż għall-PSAPs jistgħu jiġu stmati separatament mill-partijiet tas-sistema mmuntata fil-vettura u mit-telekomunikazzjoni tal-eCall, il-benefiċċji jistgħu jiġu stmati biss għall-inizjattiva sħiħa tal-eCall.

2.2.1.     Analiżi tal-ispejjeż ewlenin għall-PSAPs

L-ispejjeż marġinali ta’ mmaniġġar tal-eCalls tal-112 għal kull PSAP mgħammra biex jittrattaw is-sejħiet fuq in-numru 112 u b’kapaċitajiet ta’ lokalizzazzjoni — is-sejħiet E112 (obbligu skont id-Direttiva Servizz Universali[11]) — ikopru dan li ġej:

– Server tal-modem tal-istess frekwenza (minn EUR 3 000 sa EUR 20 000, skont l-għadd tal-eCalls)

– Softwer li jiddekowdja l-MSD (sett minimu ta’ dejta) u l-integrazzjoni mas-softwer tal-PSAP

– Taħriġ

L-ispejjeż operattivi annwali jridu jiżdiedu ma' dawn l-ispejjeż. Meta l-eCalls jiġu riċevuti f’PSAP li tirċievi wkoll sejħiet oħra ta’ emerġenza, il-maġġoranza ta’ dawn l-ispejjeż jiġu inklużi fl-ispejjeż operattivi normali. Inkella l-ispejjeż se jiddependu mill-għadd ta' operaturi meħtieġa biex jittrattaw l-għadd stmat ta' eCalls[12].

L-ispejjeż stmati tal-aġġornar tal-medja tal-PSAPs madwar EUR 1,1 miljun għal kull Stat Membru[13]. Din l-istima ġejja minn ġabra ta' analiżijiet differenti, ibbażati fuq id-densità tal-popolazzjoni tal-pajjiż, it-tipoloġiji tal-aċċidenti, l-infrastrutturi tat-toroq u ta' rispons għall-emerġenzi u statistiki ġenerali oħra. L-ispiża f'kull pajjiż tvarja b'mod konsiderevoli skont l-għadd ta' PSAPs, iżda wkoll skont is-soluzzjoni teknika magħżula għall-aġġornament tal-PSAPs.

Ġiet pprovduta wkoll informazzjoni addizzjonali mill-proġett pilota ta' qabel il-mobilizzazzjoni HeERO[14] (Jannar 2011 – Jannar 2013) li involva l-awtoritajiet ta' disa' Stati Membri u oħrajn assoċjati u erbgħin sieħeb. L-objettiv tal-proġett huwa li jipprepara għall-mobilizzazzjoni tal-infrastruttura neċessarja, li tinkludi t-twaqqif ta' sistema ta' sejħiet ta' emerġenza mmuntata fil-vettura interoperabbli u armonizzata bbażata fuq in-numru 112. Il-proġett se jkun segwit mill-proġett pilota HeERO2 imniedi fil-bidu tal-2013 u li se jibqa’ għaddej 24 xahar, li jinvolvi disa’ Stati Membri addizzjonali u pajjiżi assoċjati.

Il-proġett pilota HeERO għen biex juri li s-soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż meta mqabbla mal-approċċ pjuttost konservattiv segwit fil-valutazzjoni tal-impatt tal-eCall, speċjalment għal dawk l-Istati Membri fejn hemm għadd kbir ta' PSAPs. Dan ikkonferma wkoll li l-ispejjeż stmati u l-ispejjeż reali għall-implimentazzjoni kienu fil-limiti mistennija.

2.2.2.     Analiżi tal-benefiċċji ewlenin

Il-benefiċċji identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-impatt u ta' diversi studji, inklużi dawk nazzjonali, jinkludu:

– Tnaqqis tal-fatalitajiet (bil-vetturi kollha mgħammra bl-eCall, bejn 1 % u 10 % skont id-densità tal-popolazzjoni tal-pajjiż, l-infrastruttura tat-triq u r-rispons għall-emerġenza)[15].

– Tnaqqis fis-serjetà tal-ġrieħi (bejn 2 % u 15 %)[16]

– Tnaqqis fl-ispejjeż ta' konġestjoni kkawżati mill-aċċidenti tat-traffiku. Dan jirriżulta mit-titjib fil-ġestjoni tal-aċċidenti, peress li l-aċċident jiġi nnotifikat mill-ewwel lill-PSAPs u għalhekk jista' jiġi ttrasferit għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku x-xieraq, li jista' jinforma mal-ewwel lill-utenti tat-triq u b'hekk jgħin biex inaqqas l-aċċidenti sekondarji.

– Faċilitazzjoni akbar tass-servizzi ta' salvataġġ u żieda fis-sigurtà tat-tim ta' salvataġġ (eż. il-ħaddiema tat-tifi tan-nar) meta ssir l-estrazzjoni tal-okkupanti li jkunu maqbuda fil-vettura, peress li fost l-oħrajn, l-MSD se jipprovdi informazzjoni dwar it-tip ta' fjuwil.

– Tnaqqis fl-infrastruttura ta' għajnuna SOS ta' maġenb it-triq, peress li kull utent ikun kapaċi jagħti bidu għal sejħa ta' emerġenza mill-vettura tiegħu.

2.2.3.     Proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji

Il-benefiċċji ġew ukoll stmati fi flus[17] u ġiet imfassla analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-għażliet differenti u għat-tipi ta' kategoriji differenti affettwati. L-istimi huma kkalkulati sas-sena 2033 peress li din hija s-sena mistennija għall-penetrazzjoni sħiħa tas-servizz tal-eCall fil-każ tal-għażla ta' politika ppreferuta.

|| Għażla ta' Politika 1 L-ebda azzjoni min-naħa tal-UE || Għażla ta’ Politika 2 Approċċ volontarju || Għażla ta’ Politika 3 Miżuri regolatorji

Proporzjon bejn il-Benefiċċji u l-Ispejjeż || 0.29 || 0.68 || 1.74

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2010/40/UE jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal xi azzjoni ta’ prijorità, fejn xieraq u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, f’konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE dwar il-varar ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

3.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-Trattat tal-UE), azzjoni fuq il-livell tal-UE għandha tittieħed biss fejn l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u li għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE.

Is-sikurezza stradali hija kwistjoni ta' tħassib kbir fl-Unjoni Ewropea kollha u għaċ-ċittadini kollha tagħha: 500 miljun ċittadin fis-27 Stat Membru jużaw aktar minn 230 miljun vettura fuq madwar 5 miljun km ta' toroq. L-għan tal-inizjattiva ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha huwa li tintroduċi fil-vetturi kollha tal-Ewropa l-funzjonalitajiet minimi meħtieġa biex jiżguraw it-trattar adegwat tas-sejħiet ta' emerġenza mis-servizz ta' rispons għall-emerġenzi. Bħalissa, hemm aktar minn 100 miljun vjaġġ bit-triq kull sena madwar id-diversi Stati Membri, u l-għadd qed jiżdied minħabba l-konsolidazzjoni ulterjuri tal-Unjoni Ewropea (permezz tal-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni u servizzi). Hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġu ggarantiti l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-Ewropa, li ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom. Barra minn hekk, meta tittieħed azzjoni fuq livell tal-UE bl-użu tal-istandards komuni Ewropej tal-eCall approvati mill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni (CEN u ETSI), se jiġi żgurat il-forniment effiċjenti tas-servizz ta' rispons għall-emerġenzi madwar l-Ewropa, pereżempju fil-każ ta' vetturi li qed jivvjaġġaw barra l-pajjiż, u se jgħin biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq (li tista' sseħħ b'riżultat tal-proliferazzjoni ta' soluzzjonijiet privati nazzjonali u/jew ta' proprjetà li huma implimentati b'modi differenti).

L-eCall fl-UE kollha, f'konformità man-numru 112 u mal-mobilizzazzjoni tal-E112, ġiet imfassla b'tali mod li jitnaqqas l-impatt fuq il-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur (l-industrija tal-karozzi, l-operaturi tan-netwerk mobbili, l-Istati Membri il-PSAPs), u li jitqassam dan l-impatt b'mod ġust.

Il-proposta attwali tistieden lill-Istati Membri jvaraw l-infrastruttura tal-PSAP tal-eCall meħtieġa għar-riċeviment u t-trattament xieraq tal-eCalls kollha fit-territorju tagħhom, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti minn Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 tas-26 ta’ Novembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' forniment armonizzat ta’ eCalls interoperabbli fl-UE kollha, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u l-kontinwità tais-servizz tal-eCalls offrut madwar l-UE kollha. Il-pjan huwa li l-ispejjeż finanzjarji u amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali jinżammu kemm jista' jkun baxxi, proporzjonati mal-objettivi li jridu jinkisbu. Parti sostanzjali tal-implimentazzjoni (l-organizzazzjoni tal-PSAPs) tibqa' f'idejn il-korpi nazzjonali li jieħdu d-deċiżjonijiet L-infrastruttura tal-PSAPs se tkun aġġornata mill-Istati Membri bl-aktar mod adattat għall-arkitettura nazzjonali/lokali tagħhom, u b'hekk tirrispetta l-kwistjonijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi li japplikaw f'kull Stat Membru. Kull Stat Membru se jkun kapaċi jorganizza s-servizzi ta’ emerġenza tiegħu bil-mod li l-aktar kosteffikaċi u xieraq għall-bżonnijiet tiegħu, inkluża l-possibbiltà li jiffiltraw sejħiet li mhumiex ta’ emerġenza u ma jistgħux ikunu indirizzati mill-PSAPs tal-eCall, b’mod partikolari fil-każ ta’ eCalls attivati manwalment.

3.3.        Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta

L-Artikolu 1 jitlob lill-Istati Membri biex ivaraw l-infrastruttura tal-eCall tal-PSAP meħtieġa biex l-eCalls kollha jiġu riċevuti u ttrattati fit-territorju tagħhom mhux aktar tard mill-1 ta'Ottubru 2015.

L-Artikolu 2 jeħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 3 jipprevedi li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

· Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2013/0166 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li bagħtu l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[18]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[19]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport [20] id-dispożizzjoni armonizzata għal servizz interoperabbli eCall tul l-UE kollha tikkostitwixxi azzjoni ta' prijorità għall-iżvilupp u l-użu ta' speċifikazzjonijiet u standards.

(2)       L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi lill-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tal-varar u l-użu operattiv ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) għall-azzjonijiet ta’ prijorità.

(3)       Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 tas-26 ta' Novembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha[21] li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-aġġornament tal-infrastruttura taċ-Ċentru li jwieġeb għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika (PSAP) meħtieġa sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost, sabiex jiġu żgurati l-kompatibilità, l-interoperabilità u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta’ eCall fl-UE kollha.

(4)       L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-Regolament Iddelegat imsemmi hawn fuq, fejn jixraq u wara li tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt li tinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

(5)       Huwa mistenni li bit-tnaqqis fil-ħin ta’ rispons tas-servizzi ta' emerġenza, l-eCall interoperabbli fl-UE kollha se tnaqqas l-għadd ta' fatalitajiet fl-Unjoni kif ukoll is-severità tal-ġrieħi kkawżati b'aċċidenti stradali. Is-servizz tal-eCall interoperabbli fl-UE kollha huwa mistenni wkoll li jipprovdi ffrankar ta' flus għas-soċjetà billi jtejjeb il-ġestjoni tal-inċidenti u billi jnaqqas il-konġestjoni tat-toroq u l-aċċidenti sekondarji.

(6)       Sabiex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-UE kollha u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-Unjoni kollha kemm hi, huwa meħtieġ li l-Istati Membri kollha jużaw l-azzjoni prijoritarja eCall skont l-Ispeċifikazzjonijiet Komuni stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 305/2013. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jvara aktar mezzi tekniċi biex jittrattaw sejħiet oħra ta’ emerġenza.

(7)       Kif ġara bis-sistemi ta' sejħiet oħra ta’ emerġenza, l-eCalls ġestiti manwalment jistgħu jinkludu sehem sinifikanti ta’ sejħiet għall-assistenza. Jekk meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw il-mezzi tekniċi u organizzattivi xierqa kollha sabiex jiffilterjaw dawn is-sejħiet biex jiġi żgurat li s-sejħiet tal-assistenza ta’ emerġenza reali biss jiġu ġestiti mill-PSAPs tal-eCall.

(8)       Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiżgura l-varar kkoordinat u koerenti tas-servizz interoperabbli ta' servizz eCall madwar l-Ewropa kollha u tiżgura l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizz madwar l-Ewropa ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u/jew mis-settur privat u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom ivaraw mhux iktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2015 l-infrastruttura tal-eCall tal-PSAP meħtieġa riċevuti u ttrattati kif suppost ta’ eCalls kollha, jekk meħtieġ mnaddfa mis-sejħiet li mhumiex ta’ emerġenza, fit-territorju tagħhom, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti b’Regolament ta' Delega (UE) Nru 305/2013, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u l-kontinwità ta’ servizz ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru se jkun kapaċi jorganizza s-servizzi ta’ emerġenza tiegħu bil-mod li huwa l-aktar kosteffikaċi u xieraq għall-bżonnijiet tiegħu, inkluża l-possibbiltà li jiffiltraw sejħiet li mhumiex ta’ emerġenza u ma jistgħux ikunu indirizzati mill-PSAPs tal-eCall, b’mod partikolari fil-każ ta’ eCalls attivati manwalment.

Artikolu 2

Sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi minn tal-inqas il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-operazzjonijiet tal-PSAPs ta’ eCall, bil-lista tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament tad-Delega (UE) Nru 305/2013, il-lista u l-kopertura ġeografika tal-PSAPs tal-eCall, id-deskrizzjoni tat-testijiet ta’ konformità u d-deskrizzjoni tal-protokolli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2005) 431 finali.

[2]               COM(2009) 434.

[3]               ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

[4]               P7_TA(2012)0274.

[5]               COM(2012) 636 finali.

[6]               ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1.

[7]               SEC(2011) 1019 finali.

[8]               2011/750/EU.

[9]               Ara l-aġenda u r-rapport fil-qosor

http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=1941

[10]             http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=2736

[11]             Id-Direttiva 2002/22/KE, Artikolu 26

[12]             SEC(2011) 1019 finali, Anness III

[13]             SEC(2011) 1019 finali, Anness XIV

[14]             http://ec.europa.eu/information_society/apps/projects/factsheet/index.cfm?project_ref=270906

[15]             L-istudji SEiSS, E-MERGE, eIMPACT u AINO. Għal analiżi aktar iddettaljata dwar il-kalkoli, jekk jogħġbok ara l-Anness IV tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall.

[16]             L-istudji SEiSS, E-MERGE, eIMPACT u AINO. Għal analiżi aktar iddettaljata dwar il-kalkoli, jekk jogħġbok ara l-Anness IV tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-eCall.

[17]             SEC(2011) 1019 finali, Annessi IV u XIV.

[18]             ĠU C , , p. .

[19]             ĠU C , , p. .

[20]             ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

[21]             ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1.

Top