EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0420

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom

/* COM/2013/0420 final */

52013DC0420

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom /* COM/2013/0420 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport jeżamina d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi regoli komuni għall-provvista ta’ informazzjoni bażika dwar il-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq u għall-kalkolu u d-disseminazzjoni tagħhom (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”), kif jeżiġi l-Artikolu 14 tiegħu.

Ir-rapport jiġbor fil-qosor l-istat ta’ implimentazzjoni tar-Regolament u l-iżviluppi varji li kien hemm mill-adozzjoni tiegħu ’l hawn. Jipproponi reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-Paritajiet tal-Kapaċità tal-Akkwist biex dan ikun jirrifletti dawk l-iżviluppi, kif ukoll biex jinġieb f’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona.

2.           Sfond

Il-Paritajiet tal-Kapaċità tal-Akkwist (il-PPPs) huma indikaturi tad-differenzi fil-livell tal-prezzijiet minn pajjiż għall-ieħor. Dawn jindikaw kemm-il unità tal-valuta tiswa kwantità partikulari ta’ prodotti u servizzi f’pajjiżi differenti. Il-PPPs jistgħu jintużaw bħala rati tal-kambju tal-munita biex l-ispejjeż mogħtija fil-muniti nazzjonali jinbidlu f'munita komuni artifiċjali (l-Istandard tal-Poter tal-Akkwist, il-PPS), u b'hekk jiġi eliminat l-effett tad-differenzi fil-livell tal-prezzijiet bejn pajjiż u ieħor.

L-użi ewlenin tagħhom huma:

· biex il-valuri aggregati tal-kontijiet nazzjonali jinqalbu f’valuri aggregati tal-volum komparabbli. Il-PPPs b’mod partikolari jistgħu jintużaw biex il-Prodott Domestiku Gross (il-PDG) ta’ pajjiżi differenti jiġi kkumparat mingħajr ma l-figuri jiġu affettwati mil-livelli differenti tal-prezzijiet f'dawk il-pajjiżi;

· biex jiġu analizzati l-livelli relattivi tal-prezzijiet bejn pajjiż u ieħor. Għal dan il-għan, il-PPPs jiġu diviżi bir-rata tal-iskambju nominali attwali biex jinkiseb indiċi tal-livell tal-prezzijiet (PLI) li jesprimi l-livell tal-prezzijiet ta’ pajjiż partikolari meta kkumparat ma' oħrajn.

Il-PPPs għandhom ukoll għanijiet amministrattivi importanti. Għandhom rwol fid-definizzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni. L-indikatur prinċipali li jiddetermina l-eliġibbiltà għall-Fondi Strutturali huwa l-PDG reġjonali per capita ddeflatat mill-PPPs, filwaqt li dak għall-Fond ta’ Koeżjoni huwa l-Introjtu Nazzjonali Gross (l-ING) iddeflatat mill-PPPs.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) juża l-PPPs meta jiġi biex jiddeċiedi l-kwoti tal-membri tiegħu. Is-somma sottoskrtta tal-kwota ta’ pajjiż tiddetermina r-riżorsi finanzjarji li huwa obbligat jipprovdi lill-FMI, fost affarijiet oħrajn. Il-piż tal-PDG ddeflatat mill-PPPs fil-formola għall-kalkolu tal-kwota huwa ta’ 20 fil-mija.

L-Eurostat jipproduċi l-PPPs annwali għal 37 pajjiż: is-27 Stat Membru tal-UE, tliet Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-EFTA), pajjiż wieħed aderenti, erba' pajjiżi kandidati u żewġ pajjiżi li huma kandidati potenzjali[1] Il-produzzjoni tal-PPPs hija eżerċizzju multilaterali li jinvolvi l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tal-pajjiżi parteċipanti, l-Eurostat u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD). L-eżerċiżżju huwa magħruf bħala l-“programm tal-PPP”.

L-Eurostat ilu jipproduċi l-PPPs sa mis-sebgħinijiet, iżda kien biss fl-2007 li l-programm tal-PPP ingħata bażi legali soda permezz ta’ Regolament. Dan prinċipalment ikkodifika l-prattiki ta’ dak iż-żmien, u żgura l-ġbir sostenibbli tad-dejta bażika u l-kalkolu u d-disseminazzjoni tal-PPPs. Il-karatteristika l-ġdida ewlenija tiegħu kienet it-twaqqif ta' sistema formalizzata tal-kontroll tal-kwalità.

Sa mill-2007 ’l hawn, il-programm tal-PPP kompla jiżviluppa. Ġiet introdotta metodoloġija ġdida jew se tiġi introdotta b’mod imminenti f’għadd ta’ oqsma importanti bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-enerġija u l-bini (ara t-Taqsima 4.2).

Il-programm tal-PPP huwa relatat mill-qrib mal-programm tal-kontijiet nazzjonali tal-Eurostat minħabba li huwa bbażat fuq is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (l-ESA). L-adozzjoni tal-verżjoni tal-2010 tal-ESA u l-implimentazzjoni tagħha fl-2014 se tkun riflessa wkoll fil-programm tal-PPP.

L-Artikolu 14 tar-Regolament jeżiġi li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu eżaminati ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. L-Artikolu jgħid ukoll: “Għandu jkun rivedut, jekk ikun xieraq, fuq il-bażi ta’ rapport u proposta tal-Kummissjoni, imressqa quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.” Dan ir-rapport jipproponi li r-Regolament jiġi rivedut u joffri għadd ta’ suġġerimenti għal dan il-għan.

3.           Implimentazzjoni tar-Regolament

3.1.        Trażmissjoni tad-dejta bażika

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA kollha jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti rigward it-trażmissjoni tad-dejta stipulati fir-Regolament. Dan jinkludi l-kompletezza, il-frekwenza, il-puntwalità u l-osservanza tal-istandards minimi tal-kwalità ddefiniti fl-Anness I tar-Regolament.

Il-pajjiżi aderenti u l-pajjiżi kandidati kollha (ħlief għall-Montenegro) wkoll huma diġà konformi għal kollox. Il-Montenegro u ż-żewġ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li huma pajjiżi kandidati potenzjali jikkonformaw, minn ftit sa ħafna, mar-rekwiżiti. Id-dgħjufijiet ewlenin identifikati għal dawn il-pajjiżi għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ dejta ddettaljata dwar il-kontijiet nazzjonali.

3.2.        Kalkolu u disseminazzjoni tal-PPPs

L-Eurostat jikkalkula u jxerred il-PPPs fuq bażi annwali, hekk li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tar-Regolament. L-ewwel stimi tal-PPPs għas-sena t jiġu ppubblikati f’Ġunju tas-sena t+1, u jkun hemm reviżjonijiet sussegwenti f’Diċembru tas-sena t+1, f’Diċembru tas-sena t+2 u f’Diċembru tas-sena t+3 (stimi finali). Dawn il-PPPs finali ma jerġgħux jiġu riveduti, skont ir-Regolament.

L-Eurostat jippubblika l-PPPs, l-indiċi tal-livell tal-prezzijiet, l-indiċi tal-volum per capita u għadd ta’ indikaturi oħrajn għal 60 kategorija.

3.3.        Manwal dwar il-metodoloġija

Ir-Regolament jitlob lill-Eurostat jipproduċi manwal dwar il-metodoloġija u jżommu aġġornat. L-ewwel verżjoni tal-Manwal tal-Eurostat u tal-OECD dwar il-metodoloġija b’rabta mal-Paritajiet tal-Kapaċità tal-Akkwist, bl-Ingliż imsejjaħ “Eurostat-OECD Methodological Manual on Purchasing Power Parities”, ġiet ippubblikata lejn l-aħħar tal-2006. Fl-2012, il-Manwal ġie rrivedut kompletament u aġġornat biex ikun jirrifletti l-aktar metodoloġija riċenti. Il-Manwal huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Eurostat[2].

3.4.        Kontroll tal-kwalità

Ir-Regolament (fl-Artikolu 7 tiegħu) introduċa proċess formali ta’ kontroll tal-kwalità fil-programm tal-PPP. Il-pajjiżi kollha pprovdew sett strutturat ta’ dokumenti dwar is-sorsi u l-metodi tagħhom għall-ġbir u l-provvediment tad-dejta bażika. Is-sett jikkonsisti minn rapport ta’ stħarriġ għal kull stħarriġ tal-prezzijiet tal-prodotti għall-konsumaturi (ara t-Taqsima 5 tal-Anness I tar-Regolament), kif ukoll minn “Inventarju” tas-sorsi u tal-metodi, li jagħti deskrizzjoni sħiħa tal-mod kif ġie implimentat ir-Regolament (ara l-paragrafu 5.3.1 tal-Anness I tar-Regolament). Għaż-żewġ tipi ta’ informazzjoni, l-istruttura hija stipulata fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 193/2011 tat-28 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1445/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-sistema tal-kontroll tal-kwalità użata għall-Paritajiet tas-Setgħa tal-Infiq. Dan ir-Regolament tal-Kummissjoni kien meħtieġ mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament.

Fl-2011 l-Eurostat ta bidu għall-valutazzjonijiet formali tal-prattiki tal-Istati Membri (ara l-paragrafu 5.3.2 tal-Anness I tar-Regolament), wara perjodu li fih il-pajjiżi ħolqu abbozzi tal-Inventarji tagħhom. Sal-aħħar tal-2012, 10 pajjiżi kienu sarulhom żjarat u valutazzjonijiet mill-Eurostat. Ir-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Eurostat. Dawn il-valutazzjonijiet jinkludu analiżi fil-fond tas-sorsi u tal-metodi użati minn kull pajjiż u verifika tal-konformità tal-pajjiż partikulari mar-Regolament u mal-manwal dwar il-metodoloġija.

3.5.        Finanzjament

Il-PPPs huma essenzjalment statistiki internazzjonali u għandhom għanijiet nazzjonali limitati. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 13 tar-Regolament jistipula li l-Istati Membri għandhom jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni. Din il-kontribuzzjoni tammonta għal massimu ta’ 70 % tal-ispejjeż eliġibbli skont ir-regoli rigward l-għotjiet tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżomm dan l-appoġġ finanzjarju, li huwa meħtieġ biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-programm tal-PPP.

4.           Żviluppi li kien hemm mill-adozzjoni tar-Regolament ’l hawn

4.1.        Analiżi kontinwa

Fl-2010 twettqet analiżi kontinwa tal-programm tal-PPP fil-kuntest tal-Qafas tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Eurostat. L-analiżi kontinwa kienet tikkonsisti minn stħarriġ fost l-utenti, stħarriġ fost is-sħab (prinċipalment l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika) u awtovalutazzjoni mill-Eurostat. Is-sommarju eżekuttiv tar-rapport finali huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Eurostat[3].

L-analiżi kkonkludiet li l-utenti u s-sħab kienu kuntenti ħafna bil-kwalità tal-PPPs ippubblikati. Fiha nsibu hekk:

“Il-produzzjoni tal-PPPs Ewropej hija bbażata fuq ir-Regolament tal-PPPs u dan jiżgura livell għoli ta’ armonizzazzjoni tad-dejta dwar il-PPPs. Barra minn hekk, il-ġbir tad-dejta jissejjes fuq bażi metodoloġika qawwija u fuq definizzjonijiet u nomenklaturi Ewropej u internazzjonali stabbiliti sew. Il-ħidma fil-programm tal-PPP hija organizzata, ikkoordinata u ggwidata b'mod effiċjenti mill-Eurostat u mill-OECD. Il-piż tar-rispons huwa baxx ħafna għall-individwi jew l-intrapriżi tan-negozju. L-użu ta’ għodod komuni tas-softwer għall-ġestjoni tal-lista tal-oġġetti u għad-dħul u l-validazzjoni tad-dejta u ta' standards tat-trażmissjoni tad-dejta jiffaċilita ferm il-ħidma tal-Eurostat u tas-sħab tiegħu."

Ir-rapport tal-analiżi kien fih sett ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Eurostat qed isegwi.

4.2.        Metodoloġija ġdida f’oqsma speċjali

Il-metodoloġija biex jiġu kkumparati l-prezzijiet u l-volumi ta’ prodotti u servizzi differenti minn pajjiż għall-ieħor qed tevolvi kontinwament.

· Fil-qasam tal-edukazzjoni, l-Eurostat introduċa metodoloġija ġdida fl-2008. Din tkejjel il-volum tal-produzzjoni direttament, minflok ma tibbaża l-PPPs fuq il-prezzijiet tal-inputs (bħas-salarji tal-għalliema). Dan il-metodu jintuża għall-PPPs tas-snin ta’ referenza mill-2005 ’l quddiem.

· Għas-saħħa, fl-2013 għandha tiġi introdotta metodoloġija ġdida, żviluppata flimkien mal-OECD, għas-snin ta’ referenza mill-2010 ’l quddiem. Dan il-metodu l-ġdid huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-kważi-prezzijiet għal sett ta' trattamenti mediċi standard.

· Għall-kostruzzjoni, l-implimentazzjoni tal-istħarriġ inbidlet fl-2010 billi l-ġbir tad-dejta nqasam fuq perjodu ta’ sentejn u simultanjament tnaqqas l-għadd ta’ proġetti tal-kostruzzjoni li l-prezzijiet tagħhom għandhom jiġu ffissati.

· Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-enerġija (b'mod aktar speċifiku għall-konsum tal-gass u tal-elettriku), l-Eurostat qed jisfrutta s-sinerġiji li hemm mal-Istatistiki dwar il-Prezz tal-Enerġija[4].

It-titjib fil-metodoloġija huwa kontinwu u se jibqa’ għaddej. Madanakollu, kull meta jiġi introdott metodu ġdid, tieqaf il-kontinwità fis-serje kronoloġika tal-PPPs, minħabba li d-dejta ta' qabel l-innovazzjoni ma tibqax strettament komparabbli mad-dejta li tinġabar wara l-istess innovazzjoni[5]. Ir-Regolament, fl-Artikolu 9(4) tiegħu, jgħid li l-PPPs finali ppubblikati ġeneralment ma jiġux riveduti. Dan l-Artikolu effettivament ma jħallix lill-Eurostat jipprovdi servizz aħjar lill-utenti, li jkun possibbli li kieku l-metodu l-ġdid kellu jiġi applikat b’mod retroattiv għall-iktar dejta antika possibbli fis-serje. Din hija r-raġuni għaliex dan ir-rapport jipproponi li jiġi investigat jekk il-politika tar-Regolament dwar ir-reviżjoni tistax issir inqas severa.

L-adozzjoni tal-metodoloġija l-ġdida f’kull qasam teħtieġ li tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-intestaturi bażiċi fl-Anness II tar-Regolament.

4.3.        Klassifikazzjoni tal-konsum individwali skont l-iskop tiegħu (COICOP)

Għall-għanijiet tal-kalkoli tal-PPPs, in-nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi tinqasam f'kategoriji li jittieħdu mill-Klassifikazzjoni tal-konsum individwali skont l-iskop tiegħu (COICOP).

Il-verżjoni tal-COICOP li ntlaħaq qbil dwarha fil-livell internazzjonali tasal sal-livell tal-kategorija, li jkun fih erba' figuri. Din mhix iddettaljata biżżejjed għal ċerti applikazzjonijiet tal-istatistika, u minħabba f’hekk hemm verżjonijiet differenti tal-COICOP fil-livell tas-sottokategoriji, li jkun fih ħames figuri.

Fl-Unjoni Ewropea, ġew żviluppati tliet verżjonijiet tal-COICOP li jinkludu livell b’ħames figuri: waħda għall-Istħarriġ dwar il-Baġit tal-Unitajiet Domestiċi (l-HBS), waħda għall-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsum (l-HICP) u waħda għall-PPPs. It-tliet verżjonijiet mhumiex l-istess u dan jikkomprometti l-komparabbiltà bejn it-tliet setturi statistiċi. L-armonizzazzjoni tal-COICOP għall-PPPs u tal-COICOP għall-HICP hija ta’ importanza partikolari għall-Programm tal-PPP: minħabba li se ttejjeb il-kwalità tal-estrapolazzjonijiet tal-PPPs mis-snin tal-istħarriġ għas-snin fejn ma kienx hemm stħarriġ li twettqu bl-użu tal-HICP.

Fl-2010, l-Eurostat beda proċess ta’ żvilupp ta’ verżjoni tal-COICOP li tinkludi livell b’ħames figuri biex tintuża għall-istatistika kollha tal-Eurostat. Il-proċess kien limitat għal-livell ta’ ħames figuri. It-tibdiliet fil-livell ta’ erba’ figuri jkollu jiġi diskuss fil-kuntest ta' reviżjoni aktar wiesgħa li tinvolvi t-Taqsima tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti, li tieħu ħsieb il-COICOP. L-għan fil-livell ta’ ħames figuri huwa li titfassal klassifikazzjoni ewlenija b’sottokategoriji ddefiniti biex jilħqu l-ħtiġijiet tal-Programm tal-PPP, tal-Programm tal-HICP u tal-HBS. Il-proċess tlesta fl-2012. Il-klassifikazzjoni għandha tiġi introdotta fl-HICP, fil-PPPs u fl-HBS sal-2014/l-2015.

L-armonizzazzjoni tal-COICOP għall-PPPs u tal-COICOP għall-HICP għandha twassal għal iktar konsistenza bejn il-PPPs tal-intestaturi bażiċi u l-estrapolaturi tal-HICP tagħhom. Għandha twassal ukoll għal iktar koerenza fil-preżentazzjoni tar-riżultati tal-PPPs u tal-HICP, u possibbilment, fir-riżultati nfushom. Fl-aħħar nett, mhux se jkun hemm aktar bżonn li wieħed jiġbor l-informazzjoni dwar l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumatur fil-COICOP għall-PPPs b’mod separat, kif inhu l-każ dal-ħin, u b’hekk se jitnaqqas il-piż tal-istħarriġ fuq il-pajjiżi.

L-introduzzjoni tal-COICOP armonizzata li tinkludi livell b’ħames figuri fl-eżerċizzju tal-PPPs teħtieġ li tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-intestaturi bażiċi fl-Anness II tar-Regolament.

4.4.        Il-verżjoni tal-2010 tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet

Ir-Regolament, fl-Artikolu 2(2) tiegħu, jiżgura li d-definizzjonijiet użati fil-programm tal-PPP huma kompletament konformi ma' dawk użati fil-verżjoni tal-1995 tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 95)[6]. L-ESA 95 bħalissa qed tiġi aġġornata u Regolament ġdid tal-ESA (imsejjaħ “ESA 2010”) se jiġi applikat mill-Istati Membri minn Settembru 2014 ’il quddiem.

L-ESA 2010 iżomm il-qafas teoretiku tas-sistema li se jissostitwixxi. Ma hemm l-ebda differenza radikali minn mas-sistema ta’ qablu. Barra minn hekk, it-tibdiliet se jseħħu skont il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss minħabba t-tibdiliet li ġew introdotti fil-klassifikazzjoni tal-assi fissi.

L-aktar tibdiliet importanti f’dan ir-rigward huma l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u fuq is-sistemi tal-armi militari bħala nfiq fuq l-assi fissi li għandu jiġi inkluż taħt il-formazzjoni tal-kapital. Qabel, dan l-infiq kien jiġi ttrattat bħala konsum intermedju. L-estensjoni tal-limitu tal-assi biex jiġi inkluż l-infiq fuq ir-R&Ż se jgħolli kemm il-livell tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u kemm dak tal-PDG. L-inklużjoni tal-infiq fuq is-sistemi tal-armi militari se żżid il-livell tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss u, sa ċertu punt, il-livell tal-PDG, iżda se tnaqqas ukoll il-livell tas-servizzi kollettivi minħabba li dawn huma stmati bħala t-total tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom, u l-konsum intermedju jifforma parti minn dawn l-ispejjeż tal-produzzjoni.

L-inklużjoni tar-R&Ż u tas-sistemi tal-armi militari fil-formazzjoni grossa tal-kapital fiss teħtieġ li tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-intestaturi bażiċi fl-Anness II tar-Regolament.

4.5.        Klassifikazzjoni tal-Prodotti skont l-Attività (CPA)

Is-CPA tal-2008 hija l-aktar verżjoni riċenti tal-Klassifikazzjoni tal-Prodotti skont l-Attività. Hija reviżjoni tas-CPA tal-2002, li kienet hija stess reviżjoni tas-CPA tal-1996. Is-CPA tal-1996 hija l-verżjoni li ntużat fl-Anness II tar-Regolament biex jiġu ddefiniti l-kategoriji tal-infiq fil-kuntest tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss. Is-CPA tal-2008 ġiet introdotta fil-kontijiet nazzjonali tal-Istati Membri fl-2011. Reviżjoni tal-Anness II tar-Regolament għalhekk hija meħtieġa biex il-klassifikazzjoni tal-PPPs tinġieb f’konformità mas-CPA l-ġdida tal-2008.

4.6.        It-Trattat ta’ Lisbona

Ir-Regolament jeħtieġ li jiġi adattat ukoll biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009. B’mod partikolari, l-Artikoli li jittrattaw il-“komitoloġija” (l-Artikoli 11 u 12) jeħtieġ li jiġu rriveduti biex jinġiebu f’konformità mal-proċeduri l-ġodda.

5.           Konklużjoni

Ir-Regolament tal-PPPs żgura l-affidabbiltà u l-kwalità tal-PPPs kif ippubblikati mill-Eurostat. Madanakollu, is-sommarju mogħti hawn fuq tal-iżviluppi li seħħew sa mill-adozzjoni tar-Regolament fl-2007 ’l hawn juri l-ħtieġa għal aġġornament ġenerali tiegħu sabiex jiġu riflessi l-prattiki u r-rekwiżiti legali attwali.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tippjana li fl-2013 tipproponi reviżjoni tal-qafas regolatorju għall-PPPs, inkluża reviżjoni tal-klassifikazzjoni mogħtija fl-Anness II, sabiex dan il-qafas jinġieb f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona u jkun jirrifletti l-iżviluppi li seħħew matul dawn l-aħħar ħames snin.

[1]               Ovvjament ir-Regolament japplika biss għall-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA. Il-bqija tal-pajjiżi jipparteċipaw fil-kuntest tal-adeżjoni tagħhom jew tal-preparazzjonijiet tal-adeżjoni potenzjali tagħhom.

[2]               Ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-RA-12-023/EN/KS-RA-12-023-EN.PDF.

[3]               Ara s-sit tal-internet li ġej: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/quality/documents/PPP%20Final%20Report_Executive%20Summary_0.pdf.

[4]               Il-metodoloġiji l-ġodda huma spjegati fid-dettall fil-manwal rivedut dwar il-PPPs.

[5]               Għal din ir-raġuni, mad-dejta tal-2005 żdied indikatur “b’” għall-“waqfa fis-serje” (bl-Ingliż imsejħa “break in series”) fil-bażi tad-dejta ta’ disseminazzjoni tal-Eurostat għall-fatturi varjabbli kollha li huma affettwati mill-introduzzjoni tal-metodu l-ġdid għall-edukazzjoni.

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità.

Top