EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0271

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

/* COM/2013/0271 final */

52013DC0271

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE /* COM/2013/0271 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

1.           Introduzzjoni

Fl-istrateġija tagħha għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), il-Kummissjoni ħabbret li hi se tirrapporta kull sena dwar il-passi konkreti meħuda għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta[1]. Permezz ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni tissodisfa l-aspettattivi li ilhom żmien u li huma leġittimi ta’ tqegħid tad-drittijiet fundamentali fil-qalba tal-politiki tal-UE, li ġew espressi b’mod partikolari mill-Parlament Ewropew[2]. Implimentazzjoni sistematika tal-Karta mhux biss titlob skrutinju legali rigorużi, iżda ukoll skrutinju politiku ekwivalenti biex taċċerta l-impatt tal-inzjattivi tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali.

Dan ir-rapport annwali huwa l-bażi neċessarja għad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Karta. Għalhekk tifforma parti mill-proċess ta’ djalogu politiku u skrutinju sabiex jiġi żgurat li l-Karta tibqa’ punt ta’ referenza biex id-drittijiet fundamentali jkunu integrati fl-atti legali kollha tal-UE u meta l-Istati Membri japplikaw il-liġi tal-UE. Tippreżenta wkoll kif qed tiġi żviluppata kultura favur id-drittijiet fundamentali fl-UE billi tistabbilixxi leġiżlazzjoni ġdida, fejn l-UE għandha kompetenza biex taġixxi, u permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”). Minħabba r-rwol ewlieni li għandhom jiżvolġu l-qrati tal-Istati Membri fl-iskrutinju tar-rispett għall-Karta meta l-Istati Membri japplikaw il-liġi tal-UE, dan ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali għall-ewwel darba tal-każistika tal-qrati nazzjonali dwar il-Karta.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal anness ma’ dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-applikazzjoni tal-Karta u juri problemi konkreti li jiffaċċaw l-individwi (ara l-Anness I). Il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015) huwa ppreżentat dokument ta’ ħidma tal-persunal ieħor separatament (ara l-Anness II).

2.           l-azzjonijiet tal-UE biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta

Il-Karta hija indirizzata, l-ewwel u qabel kollox, lill-istituzzjonijiet tal-UE. B’hekk hija r-responsabbiltà primarja tal-istituzzjonijiet tal-UE li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet fundamentali bħala rekwiżit legali bbażat fuq il-Karta vinkolanti.

L-istrateġija tal-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti effett prattiku lill-karta li hija legalment vinkolanti[3]. Passi konkreti biex timplimenta l-Karta rawmu rifless tad-drittijiet fundamentali meta l-Kummissjoni tħejji proposti leġiżlattivi u politiċi ġodda. Dan l-approċċ huwa essenzjali matul il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE, inkluż meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħmlu emendi għal proposti mħejjija mill-Kummissjoni. L-atti kollha tal-UE huma wkoll suġġetti għall-iskrutinju tal-Qorti. Dan hu l-aħjar garanzija għar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-ħidma leġiżlattiva u l-atti l-oħrajn kollha tal-UE.

Id-drittijiet fundamentali huma promossi permezz tal-politiki kollha tal-UE. Il-politika tal-Kummissjoni li tagħti sustanza lill-istatus taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkomplementa l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Il-biċċa l-kbira tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta ma japplikawx biss għaċ-ċittadini tal-UE, iżda huma ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tan-nies kollha li jgħixu fl-UE, kemm jekk huma ċittadini tal-Unjoni jew le.

2.1.        It-Tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE

Kultura li verament tinkludi d-drittijiet fundamentali ma tikkonsistix biss fl-iżgurar tal-konformità tal-leġiżlazzjoni mal-Karta. Fejn l-UE għandha l-kompetenza li tieħu azzjoni, il-Kummissjoni tista’ wkoll tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE li tagħti effett konkret għad-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta. Dan huwa pass kruċjali għaċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-Karta.

Sabiex jingħata effett sħiħ lill-Karta fl-era diġitali, il-Kummissjoni pproponiet riforma kbira tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali[4]. L-istorja tal-Ewropa wasslet għal ftehim komuni fl-Ewropa li l-privatezza hija parti integrali tad-dinjità tal-bniedem u l-libertà personali. Din hija r-raġuni għaliex il-Karta tirrikonoxxi kemm id-dritt għall-ħajja privata (l-Artikolu 7) u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8). It-Trattat (l-Artikolu 16, TFUE) jagħti lill-UE l-kompetenza leġiżlattiva komplementari biex tarmonizza l-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE.

Il-proposti tal-Kummissjoni jaġġornaw u jimmodernizzaw il-prinċipji li jinsabu fid-Direttiva tal-1995 biex ikun garantit id-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali fil-ġejjieni[5]. Din ir-riforma tipprovdi għal responsabbiltà imsaħħa għal dawk li jipproċessaw id-dejta personali u ssaħħaħ awtoritajiet nazzjonali indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta. Hija tintroduċi d-“dritt li tintesa”, li se jgħin lin-nies jiġġestixxu aħjar ir-riskji tal-protezzjoni tad-dejta onlajn. Ir-riforma testendi prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta u regoli għall-pulizija nazzjonali u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali. Ir-regoli l-ġodda ġew abbozzati sabiex jiġi żgurat bilanċ preċiż mad-drittijiet fundamentali kollha li jistgħu jkunu affettwata, bħalma hi l-libertà tal-espressjoni. Eżempju sinifikattiv ta’ dan hija l-introduzzjoni ta' salvagwardji speċifiċi fil-proposta għal dejta li tkun ipproċessata biss għal skopijiet ġurnalistiċi.

Fl-2012, il-Kummissjoni ħadet approċċ proattiv biex tħaffef il-progress lejn bilanċ aħjar bejn il-ġeneri fil-bordijiet tad-diriġenti ta’ kumpaniji Ewropej elenkati fil-Borża[6]. Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni hija pass importanti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Tirrikonċilja, fuq naħa, il-ħtieġa ta’ trattament ugwali, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jieħdu azzjoni pożittiva - bil-promozzjoni tas-sess l-anqas rappreżentat - sabiex ikun hemm ugwaljanza de facto.

Il-proposta tistabbilixxi objettiv ta’ 40 % għas-sehem minimu tas-sess l-anqas irrappreżentat fost il-membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta’ kumpaniji bħal dawn sal-2020 (sal-2018 għall-kumpaniji elenkati li huma impriżi pubbliċi). Sabiex tilħaq l-objettiv ta’ 40 % hija tobbliga kumpaniji elenkati b’persentaġġ aktar baxx tas-sess l-anqas irrappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi sabiex jagħmlu ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta’ kull kandidat. Dan se jinkiseb bl-applikazzjoni kriterji prestabbiliti, ċari, fformulati b’mod newtrali u mhux ambigwi; u fil-każ ta’ kwalifiki ugwali billi tingħata preferenza lill-kandidat mis-sess l-anqas rappreżentat.

Is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tibqa’ prijorità għall-UE. Id-Direttiva dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali, adottata fit-22 ta’ Mejju 2012, teħtieġ li kull min jiġi arrestat ikun infurmat dwar id-drittijiet tiegħu f’lingwa li jifhem[7]. Barra minn hekk, id-Direttiva l-ġdida li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, adottata fil-25 ta’ Ottubru 2012, tiżgura li l-vittmi jingħataw drittijiet minimi u mhux diskriminatorji madwar l-UE, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom[8]. Hija tiggarantixxi li l-vittmi jiġu rikonoxxuti u ttrattati b’rispett meta jiġu f’kuntatt mal-pulizija, il-prosekuturi u l-ġudikatura. Tagħtihom ukoll id-drittijiet proċedurali li jkunu infurmata, appoġġjati u protetti u tiżgura li huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fi proċedimenti kriminali. Id-Direttiva tiffoka fuq l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi li huma vulnerabbli għal vittimizzazzjoni jew intimidazzjoni sekondarja jew ripetuta matul proċedimenti kriminali. Dawn il-gruppi vulnerabbli jinkludu t-tfal u l-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, vjolenza f'relazzjoni mill-qrib, vjolenza jew sfruttament sesswali, reati tal-mibegħda u l-vittmi b’diżabbiltajiet.

Il-politiki tal-UE u l-leġiżlazzjoni tal-UE jeħtieġ li jkunu bbażata fuq dejta oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-UE. L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) twaqqfet biex tipprovdi dik id-dejta. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, hija għandha tkun tista' twettaq il-ħidmiet tagħha fl-oqsma kollha tal-kompetenzi tal-UE meta d-drittijiet fundamentali jkunu f’riskju. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni pproponiet li l-Aġenzija tkun tista' taħdem f’oqsma ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijet kriminali[9]. Il-Kunsill ma endorsjax dan l-approċċ u ddeċieda li jeskludi dawn iż-żewġ oqsma ewlenin ta’ kompetenza tal-Unjoni mill-Qafas Multiannwali tal-Aġenzija, li jiddetermina l-oqsma tematiċi li fihom tista’ taħdem matul il-perjodu 2013-2017. Il-funzjonament tajjeb tal-Aġenzija kompla jitqiegħed f’riskju minħabba dewmien fl-adozzjoni tal-Qafas Multiannwali l-ġdid. Bħala konsegwenza, l-Aġenzija ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq il-kompiti tagħha fil-kondizzjonijiet normali u kellja tirrikorrigħal talba ad hoc, adottata mill-Kunsill fi tmiem l-2012, biex twettaq il-kompiti tagħha. Il-Kunsill ipproċeda bl-adozzjoni tal-Qafas Multiannwali l-ġdid fil-11 ta’ Marzu 2013, wara li r-Renju Unit neħħa riżerva parlamentari tagħha[10].

2.2.        L-aspett tad-Drittijiet Fundamentali tal-azzjonijiet esterni tal-UE

Il-Karta tapplika għall-azzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

Filwaqt li jibni fuq Komunikazzjoni konġunta bejn il-Kummissjoni u s-SEAE, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u Pjan ta’ Azzjoni maħsuba biex itejbu l-effikaċja u l-konsistenza tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem kollha kemm hi fis-snin li ġejjin[11]. Bħala waħda mill-ewwel azzjonijiet taħt il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta’ Azzjoni ġodda tal-UE, il-Kunsill ħatar lis-Sur Stavros Lambrinidis bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-drittijiet tal-bniedem[12].

F’każ li kien jikkonċerna l-iffriżar tal-assi ta’ kumpanija u tal-azzjonist maġġoritarju tagħha, deċiż mill-Kunsill fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-Qorti annullat il-miżuri meħuda fuq il-bażi li l-Kunsill ma produċa l-ebda informazzjoni jew evidenza. B’hekk, il-Qorti kkonfermat li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 47 tal-Karta), ifisser li l-bażi għal miżura restrittiva trid tiġi kkomunikata lill-entità u l-persuna kkonċernata[13]. Dan huwa meħtieġ kemm biex id-destinatarji jikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u wkoll biex iqiegħdu l-Qorti f’pożizzjoni li tirrevedi l-legalità tal-miżura inkwistjoni. Din ir-rieżamina ġudizzjarja testendi għall-valutazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkostanzi invokati bħala li jiġġustifikaw dan, u għall-evidenza u l-informazzjoni li fuqha hija bbażata dik il-valutazzjoni.

Fl-4 ta’ Lulju 2012, il-Parlament Ewropew irrifjuta abbozz ta’ Ftehim Kummerċjali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA) li kellu l-għan li jtejjeb l-istandards globali għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex jiġi miġġieled b’mod aktar aktar effettiv il-kummerċ ta’ oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati. B’hekk il-Parlament Ewropew uża l-Karta meta eżerċita l-prerogattivi l-ġodda tiegħu dwar il-ftehomiet ta' kummerċ internazzjonali[14].Il-PE irrefera b’mod partikolari għall-ħtieġa ta’ bilanċ xieraq fl-abbozz ta’ ftehim kummerċjali bejn il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni u d-dritt għall-proprjetà. Il-Kummissjoni kienet ukoll attenta għal dan it-tħassib u kienet diġà talbet lill-Qorti tivvaluta jekk il-ftehim tal-ACTA kienxt kompatibbli mal-Karta. Il-Kummissjoni rtirat it-talba tagħha għal opinjoni tal-Qorti, wara li l-Parlament Ewropew għamilha ċara li ma setax jaċċetta l-abbozz tal-ftehim.

2.3.        Il-kontroll tal-Qorti ta’ atti tal-UE għal konformità mal-Karta

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti fl-2012 li jikkonċernaw il-konformità tal-atti tal-UE mal-Karta, taw gwida dwar kif jiġu kkunsidrati d-drittijiet fundamentali fil-ħidma leġiżlattiva u l-atti l-oħrajn kollha tal-UE, li jkollhom effetti legali.

Il-Qorti għamlitha ċara li l-Karta għandha titqies meta l-leġiżlatur jiddeċiedi li jiddelega setgħat lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni. Hija annullat deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar tal-UE fuq il-bażi li l-adozzjoni ta’ regoli li jikkonferixxu setgħat ta’ infurzar fuq il-gwardjani tal-fruntieri tinvolvi għażliet politiċi li jaqgħu fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tal-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropeau li dawn ir-regoli kienu x'aktarx jaffettwaw il-libertà personali u d-drittijiet fundamentali sa tali punt li l-involviment tal-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea hija meħtieġa. [15].

Il-Qorti eżaminat ukoll jekk l-istituzzjonijiet tal-UE attwalment jirrispettawx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-politika ta’ reklutaġġ tagħhom. Il-Qorti annullat l-avviżi ta’ diversi kompetizzjonijiet miftuħa għal ħaddiema taċ-ċivil mal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew ippubblikati b’mod sħiħ biss fi tliet lingwi uffiċjali[16]. Il-Qorti sabet li kandidat potenzjali li l-lingwa materna tiegħu ma kinitx waħda mil-lingwi tal-pubblikazzjoni sħiħa tal-avviżi tal-kompetizzjoni ikkontestat kien fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ kandidat li l-lingwa materna tiegħu kienet waħda minn dawk it-tliet lingwi. Dak l-iżvantaġġ kien il-konsegwenza ta’ differenza sproporzjonata fit-trattament abbażi ta’ lingwa, ipprojbit mill-Artikolu 21 tal-Karta.

Il-Qorti ċċekkjat ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet tal-UE (l-Artikolu 41 tal-Karta). Hija annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta offerta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għal akkwist ta’ servizz pubbliku, minħabba li l-Kummissjoni ma pprovditx biżżejjed ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni tiagħha[17]. Il-Qorti stabbilixxiet rabta bejn l-Artikolu 41 (amministrazzjoni tajba) u l-Artikolu 47 (l-aċċess għall-ġustizzja) tal-Karta, safejn ir-raġunijiet mogħtija mill-amministrazzjoni huma meħtieġa biex il-persuna kkonċernata tiddeċiedi jekk tikkontestax id-deċiżjoni quddiem il-qrati relevanti.

Diversi deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti fis-snin li għaddew ikkawżaw adattamenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni inkorporaw il-każistika tal-Qorti waqt in-negozjati dwar ‘ir-Regolament ta’ Dublin” il-ġdid dwar il-kundizzjonijiet għat-trasferimenti tal-persuni li jfittxu l-ażil fl-UE[18]. B'riżultat ta' dan, skont ir-regoli l-ġodda maqbula, dawk li jfittxu l-ażil ma jistgħux jintbagħtu lura lil Stat Membru fejn hemm riskju serju ta’ vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Minflok, ir-responsabbiltà li jingħata aċċess malajr għal proċedura ta’ ażil għandha tkun eżerċitata minn Stat Membru ieħor.

Il-Kummissjoni inkorporat ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ħejjiet il-proposta modifikata tagħha dwar il-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji ta’ fondi agrikoli Ewropej[19]. Ir-regoli ġodda proposti jissejsu fuq ġustifikazzjoni ddettaljata riveduta, iffukata fuq il-ħtieġa ta’ kontroll pubbliku tal-użu tal-fondi agrikoli Ewropej, bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huma jirrikjedu li jingħata tagħrif iktar iddettaljat dwar in-natura u d-deskrizzjoni tal-miżuri li għalihom ġew żborżati l-fondi; Madankollu, taħt limitu minimu l-isem tal-benefiċjarju ma jiġix ippubblikat. Din id-dispożizzjoni issegwim kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità, jiġifieri bejn l-objettiv tal-kontroll pubbliku tal-użu tal-fondi pubbliċi, min-naħa l-waħda, u d-dritt tal-benefiċjarji li l-ħajja privata tagħhom tiġi rispettata b’mod ġenerali, u li titħares id-dejta personali tagħhom min-naħa l-oħra.

3.           L-implimentazzjoni tal-Karta fl-Istati Membri

Fl-UE, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija żgurata permezz ta’ sistema b'żewġ saffi: is-sistema nazzjonali bbażati fuq il-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-obbligi legali internazzjonali, bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR); u s-sistema tal-UEbbażata fuq il-Karta, li topera biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ azzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-UE, jew meta l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi tal-UE. Il-Karta tikkomplimenta sistemi eżistenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hija ma tissostitwihomx.

Il-limiti tal-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Karta ġew sottolinjati mill-Qorti. Hija ddikjarat inammissibbli referenza preliminari minn Qorti Amministrattiva Bulgara dwar id-dritt għal rimedju ġudizzjarju fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kriminali għal ċerti ksur tar-regolamenti tat-traffiku fit-toroq, waqt li għamlet referenza għal każistika stabbilita, li hija li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jorbtu lill-Istati Membri kull meta jimplimentaw il-liġi tal-UE[20].

Id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE u la l-Karta u lanqas it-Trattat ma joħolqu xi kompetenza ġdida għall-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkostitwix miżura li timplimenta l-liġi tal-UE jew ma tkunx konnessa b’xi mod ieħor mal-liġi tal-UE, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ma tkunx stabbilita[21].

L-implikazzjonijiet importanti tal-Karta għandhom jitqiesu fin-numru dejjem jikber ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali rċevuti mill-Qorti. Pereżempju, fil-qasam tal-ażil il-Qorti stipulat li meta applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata fuq il-fruntiera jew fit-territorju ta’ Stat Membru, dak l-Istat Membru huwa obbligat li jagħti lil dawk li jfittxu ażil il-kondizzjonijiet minimi ta' akkoljenza stabbiliti fil-liġi tal-UE irrispettivament minn jekk Stat Membru jkunx responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil skont il-liġi tal-UE[22]. B’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji fundamentali tad-dinjità tal-bniedem (l-Artikolu 1) u d-dritt għall-ażil (l-Artikolu 18) tfisser li, l-obbligu, skont il-liġi tal-UE[23] li jipprovdu lil persuna tfittex l-ażil b’abitazzjoni, ikel, ħwejjeġ u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum, u r-responsabbiltà finanzjarja sussegwenti, għandhom ikunu mġarrba mill-Istat Membru li jagħmel it-talba sakemm il-persuna li tfittex l-ażil tkun trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħha.

3.1.        L-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni biex tiżgura r-rispett għall-Karta mill-Istati Membri

Il-Kummissjoni tiżgura wkoll li l-Karta tkun irrispettata fir-rwol tagħha ta' Gwardjan tat-Trattati u hija ddeterminata li tintervjeni għal dan il-għan fejn ikun neċessarju meta jkollha s-setgħa tagħmel dan. Għall-ewwel darba fl-2012, il-Kummissjoni ssejħet biex ittella' kawżi ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kienu jikkonċernaw in-nonkonformità minn Stat Membru mad-dipożizzjonijiet ewlenin tal-Karta.

Matul l-aħħar snin, l-Ungerija adottat diversi liġijiet — xi wħud minnhom imsejħa liġijiet kardinali adottati direttament fil-kostituzzjoni l-ġdida tagħha — li qajmu tħassib importanti dwar id-drittijiet fundamentali u waqgħu wkoll taħt l-iskrutinju tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni wettqet l-analiżi legali tagħha dwar dawk il-punti fejn kien hemm rabta mal-liġi tal-UE, skont l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-Karta (l-Artikolu 51) u r-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati. Wara l-ewwel ittri ta' twissija fl-aħħar tal-2011, fis-7 ta' Ġunju 2012 il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti. Il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkontestat interferenzi rigward l-indipendenza tal-awtorità Ungeriża għall-protezzjoni tad-dejta, fuq il-bażi li “indipendenza sħiħa” tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta hija rekwiżit skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta tal-1995 u huwa rikonoxxut b’mod espliċitu fl-Artikolu 16 tat-TFUE kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-Karta. Fit-tieni proċediment ta’ ksur, il-Kummissjoni kkontestat l-irtirar kmieni ta’ madwar 274 imħallfin u prosekuturi pubbliċi fl-Ungerija ikkawżat minn tnaqqis għall-għarrieda tal-età mandatorja ta’ rtirar għal din il-professjoni minn 70 sa 62. Il-bażi għall-azzjoni tal-Kummissjoni kienet id-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol abbażi tal-età. Din tkopri wkoll it-tkeċċija għal raġunijiet marbuta mal-età mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva. Dan il-każ b’hekk jgħin biex tkun implimentata l-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni, inkluż fuq raġunijiet ta’ età, kif garantit mill-Artikolu 21 tal-Karta. Id-deċiżjoni tal-Qorti tas-6 ta’ Novembru 2012 ikkonfermat il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont liema l-età obbligatorja tal-pensjoni għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għan-nutara f'perjodu tranżitorju qasir ħafna hija inkompatibbli mal-liġi tal-UE dwar it-trattament ugwali. L-Ungerija se jkollha tbiddel dawn ir-regoli sabiex tkun konformi mal-liġi tal-UE[24].

Il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu ffurmaw ukoll il-bażi tad-diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi dwar leġiżlazzjoni ġdida dwar il-midja fir-rigward tal-obbligu ta' kopertura bilanċjata u r-regoli dwar kontenut offensiv. Kienu miftiehma wkoll xi modifiki, bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi, dwar dispożizzjonijiet oħra li setgħu inkella jikkostitwixxu ksur tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżivi u/jew ir-regoli dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi u l-istabbilment.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija b’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib tagħha f’numru ta’ ittri fl-2012, b’mod partikolari s-setgħat tal-President Ungeriż tal-Uffiċċju Ġudizzjarji Nazzjonali biex jalloka mill-ġdid kawżi minn qorti għal oħra u biex jittrasferixxu imħallef kontra l-volontà tiegħu jew tagħha. Il-Kummissjoni indikat li dawn il-miżuri jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni fl-Ungerija u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u n-negozji għal rimedju effettiv minn qorti indipendenti f’dawk il-każijiet li huma bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni, kif garantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. Saru wkoll diskussjonijiet bejn il-Kunsill tal-Ewropa (b’mod partikolari l-Kummissjoni ta’ Venezja) u l-awtoritajiet Ungeriżi. Il-Kummissjoni żżomm din il-kwistjoni taħt analiżi mill-qrib, b’mod partikolari biex tivverifika l-konformità mad-dritt għal rimedju effettiv.

Bl-istess mod, hekk kif, f’Awwissu 2012, kienet mgħarrfa, dwar żviluppi fi Franza dwar iż-żarmar ta' insedjamenti tar-Rom u dwar ir-ritorn tar-Rom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Franċiżi, u saru diskussjonijiet li ppermettew li jkunu ċċarati l-fatti u l-qafas legali. Is-sitwazzjoni nbidlet b’mod konsiderevoli dawn l-aħħar ftit snin. Wara l-azzjoni tal-Kummissjoni fl-2010 biex tiggarantixxi l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-moviment ħieles mill-Istati Membri kollha, u biex tistabbilixxi Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, Franza mmodifikat il-liġi tagħha biex tiġi garantita konformità sħiħa mad-Direttiva dwar il-moviment ħieles, notevolment fir-rigward tas-salvagwardji proċedurali relatati ma’ tkeċċijiet taċ-ċittadini tal-UE, u adottat l-Istrateġija nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom. Fuq il-bażi ta’ din l-istrateġija l-ġdida, kooperazzjoni mill-qrib u sforzi msaħħa dwar l-inklużjoni tar-Rom qed isiru bil-parteċipazzjoni attiva ta’ Franza.

Fl-2012, il-Kummissjoni nediet ukoll proċedimenti ta’ ksur kontra Malta minħabba n-nuqqas tagħha li timplimentaw b’mod korrett ir-regoli tal-UE dwar il-moviment ħieles u aktar partikolarment id-dritt ta’ persuni tal-istess sess li huma miżżewġin jew sħab irreġistrati biex jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE f’Malta u jirrisjedi hemm magħhom. Bħala riżultat tal-azzjoni tal-Kummissjoni, il-leġislazzjoni Maltija ġiet immodifikata u issa hija kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles u n-nondiskriminazzjoni.

3.2.        L-iżvilupp tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Karta mill-Istati Membri

Il-liġi tal-Komunità, li fuqha hija mibnija l-Unjoni, tiddependi fuq il-qrati nazzjonali. Huwa biss jekk l-imħallfin nazzjonali jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod sħiħ, li d-drittijiet li l-liġi tal-Unjoni tagħti liċ-ċittadini jistgħu ikunu garantiti b’mod effettiv. Il-Qrati nazzjonali kostituzzjonali u supremi nazzjonali għandhom responsabbiltà speċjali għall-kooperazzjoni mal-Qorti li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Karta.

Dejta miġbura mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istati u tal-Qrati Amministrattivi Supremi (ACA) turi li sa issa sar referenza għall-Karta f’bosta sentenzi tal-qrati amministrattivi fl-Istati Membri tal-UE[25]. Id-dispożizzjonijiet tal-Karta li l-aktar jissemmew ta’ spiss fir-rapporti huma r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 11), id-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17), id-dritt għall-ażil (l-Artikolu 18), il-projbizzjoni ta’ tkeċċija kollettiva u n-non-refoulement (l-Artikolu 19), id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24), id-dritt għal amministrazzjoni tajba (l-Artikolu 41) u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (l-Artikolu 47).

Il-fergħa tal-liġi li fiha l-Karta ġiet msemmija l-aktar sa llum hija l-immigrazzjoni u l-ażil[26]. L-analiżi pprovduta mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali fuq informazzjoni pprovduta minn xi Stati Membri dwar il-każistika dwar il-Karta turi wkoll li l-implikazzjonijiet tal-Karta jmorru lil hinn sew minn dan il-qasam, u jikkonċernaw oqsma differenti ħafna, bħal regolamenti dwar is-swieq finanzjarji, il-liġi tax-xogħol, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-liġi dwar l-ambjent u l-kustodja tat-tfal[27].

L-analiżi ta’ sentenzi tal-Qorti b’referenzi għall-Karta tissuġġerixxi wkoll li l-imħallfin nazzjonali jużaw il-Karta biex isostnu r-raġunament tagħhom, inkluż meta mhux bilfors ikun hemm rabta mal-liġi tal-UE. Hemm ukoll xi evidenza ta’ inkorporazzjoni tal-Karta fis-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka ħarġet deċiżjoni storika dwar l-applikazzjoni tal-Karta fil-qafas ta’ rieżaminazzjoni ġudizzjarja domestika dwar il-kostituzzjonalità[28]. Hija rrikonoxxiet ir-rwol speċjali ħafna tal-karta fi ħdan is-sistema legali tal-UE, u n-natura differenti tagħha meta mqabbla mal-korp ta’ drittijiet u ta’ prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ilha tiżviluppa matul is-snin. Hija kienet tal-fehma li l-Karta hija eżegwibbli fil-proċedimenti miġjubin quddiemha għal rieżaminazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u għalhekk l-individwi jistgħu jiddependu fuq id-drittijiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta meta jikkontestaw il-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka identifikat, similaritajiet qawwija bejn ir-rwol ta-Karta fis-sistema legali tal-UE u dak tal-ECHR, fil-liġi Awstrijaka, li skontha l-ECHR għandha s-saħħa tal-liġi kostituzzjonali.

4.           L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem

It-Trattat ta’ Lisbona impona l-obbligu ċar fuq l-UE biex taċċedi għall-ECHR. L-Istati Membri kollha qablu ma' dan meta rratifikaw it-Trattat ta’ Lisbona.

In-negozjati dwar il-ftehim ta’ adeżjoni waqfu fl-ewwel nofs tas-sena, peress li ċerti Stati Membri esprimew dubji u qajmu mistoqsijiet dwar l-abbozz tal-ftehim, imfassla fuq livell tekniku f’Ġunju 2011. Eventwalment intlaħaq ftehim fil-Kunsill f’April 2012, biex b'hekk in-negozjati setgħu jerġgħu jibdew f’Ġunju 2012 f’format 47 + 1 (is-47 Membru tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni f’isem l-UE).

B’mod parallel, sar xogħol dwar l-elementi ewlenin tar-regoli interni maħsuba biex jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-UE u l-Istati Membri fi proċedimenti quddiem il-Qorti ta’ Strażburgu f’sitwazzjonijiet fejn il-liġi tal-Unjoni tiġi ddubitata.

F'dan l-isfond, l-unanimità meħtieġa għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ adeżjoni fl-ECHR u l-miżuri ta’ akkumpanjament tiegħu, ma għandhiex tintuża bħala skuża għal dewmien fil-proċess, li huwa għan ċar u obbligatorju mnaqqxa fit-Trattat.

5.           Konklużjoni

Tliet snin biss wara d-dħul fis-seħħ tiegħu bħal liġi primarja, l-użu tal-Karta mill-qrati nazzjonali meta tkun involuta l-liġi tal-UE jista' jkun kkunsidrat bħala sinjal pożittiv. Ir-referenza dejjem tikber għall-Karta tagħti l-ewwel indikazzjoni ta' applikazzjoni effettiva u diċentralizzata tal-Karta fl-ordnijiet kostituzzjonali nazzjonali. Dan huwa pass importanti fit-triq lejn sistema aktar koerenti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li tiggarantixxi livelli ugwali ta’ drittijiet u protezzjoni fl-Istati Membri kollha kull fejn il-liġi tal-UE qed tiġi implimentata.

Id-diskors dwar il-Qagħda tal-Unjoni tal-2012 tal-President Barroso enfasizza li s-sisien li fuqhom hija mibnija l-Unjoni tagħna— ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija — għandhom kontinwament jiġu protetti u msaħħa[29]. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni hija impenjata li tmexxi billi tagħti eżempju billi tiżgura li l-atti kollha tal-UE jikkonformaw mal-Karta. Il-Kummissjoni tibqa' determinata li tieħu passi deċiżivi biex tagħti effett konkret lill-Karta meta hij jkollha l-kompetenza li tagħmel dan. Similarment, il-Kummissjoni hija impenjata li tintervjeni fejn neċessarju meta l-Istati Membri jimplimentaw il-liġi tal-UE sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta, bħal fl-azzjoni li ressqet quddiem il-Qorti fejn ikkontestat l-irtirar bikri tal-imħalfin u l-prosekuturi pubbliċ fl-Ungerija.

Il-Kummissjoni se żżomm l-iżvilupp tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, inkluż il-każistika li qed tevolvi dwar l-applikazzjoni tal-Karta kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali[30], taħt analiżi mill-qrib u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri biex jiddiskutu dan ir-rapport fid-dettall.

[1]               Il-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-19.10.2010 – Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea – COM (2010) 573 finali.

[2]               Ir-rapport Voggenhuber tal-Parlament Ewropew — Referena tad-Dokument A6-0034/2007.

[3]               Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

[4]               a) il-Komunikazzjoni "Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa - Qafas għall-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21” COM(2012) 09 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52012DC0009:mt:NOT; Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta COM (2012) 11 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0011:FIN:MT:DOC c) Proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ tali dejta, COM(2012) 10 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0010:FIN:MT:DOC

[5]               Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31-50.

[6]               Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża finanzjarja u miżuri relatati, (COM (2012) 614 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2012:0614:FIN:en:PDF.

[7]               Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, (ĠU L 142, 1.6.2012, p.1-10).

[8]               Id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57-74.

[9]               Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017, COM (2011) 880 finali. Disponibbli fuq: http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0880:FIN:MT:HTML.

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas multiannwali għall-2013-2017 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, adottata fil-11 ta’ Marzu. Disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/12/st10/st10449.mt12.pdf

[11]             Komunikazzjoni Konġunta - Id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-ċentru tal-azzjoni esterna tal-UE – Lejn approċċ aktar effettiv, COM(2011) 886 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0886:FIN:MT:PDF. Qafas Strateġiku u Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija Dokument tal-Kunsill Nru11417/12 EXT 1 tat-28.6.2012. Disponibbli fuq: http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/12/st11/st11417-ex01.mt12.pdf

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25/7/2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, ĠU L 200, p. 21-23

[13]             QĠUE, il-Kawżi T-439/10 u T-440/10, Fulmen and F. Mahloudian vs il-Kunsill, 21.3.2012.

[14]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, Referenza tad-dokument: A7-0204/2012 ta’ 22.6.2012.

[15]             QĠUE, il-Kawża C-355/10, il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-UE, 5.9.2012.

[16]             QĠUE, Awla Manja, Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni, 27.11.2012.

[17]             QĠUE, Kawża T-183/10, Sviluppo Globale GEIE vs il-Kummissjoni, 10.10.2012.

[18]             QĠUE, Kawżi konġunti C-411/10 u C-493/10, N.S. vs Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Interni u M.E. e.a. vs il-Kummissarju għall-Applikazzjonijiet tar-Refuġjati, 21.12.2011 Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz jew persuna appolidi, COM (2008) 820 finali. Disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2008:0820:FIN:MT:PDF

[19]             QĠUE, Kawżi konġunti C-92/09 u C-93/09, Volker und Markus Schecke GbR & Hartmut Eifert vs Land Hessen& Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung, 10.11.2010. Emenda għall-proposta tal-Kummissjoni COM (2011) 628 għal Regolament dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (COM (2012) 551) finali/2. Disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/funding/regulation/amendment-com-2012-551_en.pdf.

[20]             QĠUE, Kawża C-27/11 Vinkov, 7.6.2012,

[21]             Ara wkoll QĠUE, Kawża C 370/12, Pringle vs l-Irlanda, 27.11.2012

[22]             QĠUE, Kawża C-179/11 Cimade u Groupe d’information et de sostenn des immigrés (gisti) vs Ministre de l’Intérieur, de l’outre-mer, des collectivités territoriales et de l’Immigration, 27.09.2012

[23]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil, ĠU L 31, 6.2.2003, p. 18 – 25.

[24]             QĠUE, Kawża C 286/12, il-Kummissjoni Ewropea vs l-Ungerija, 6.11.2012

[25]             Għad-dettalji, ara r-rapporti lil ACA Europa. Disponibbli fuq: http://www.aca-europe.eu/en/colloquiums/colloq_en_23.html

[26]             Minbarra Spanja, l-Ungerija u l-Awstrija, il-karta ġiet imsemmija f’din il-fergħa tal-liġi f’kull pajjiż.

[27]             Ara b’mod partikulari: The Protection of Fundamental Rights Post Lisbon: the Interaction between the Charter of Fundamental Rights of the European Union, the European Convention on Human Rights and National Constitutions Vol I, ed. Laffranque, Julia, Rapporti tal-Kungress FIDE Tallinn 2012, l-Università ta' Tartu

[28]             Il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka, Kawżi U 466/11 u U 1836/11, 14.3.2012

[29]             Disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-12-596_mt.htm

[30]             Id-Diskors tal-Viċi President Viviane Reding fil-XXV Kungress tal-FIDE (Fédération Internationale pour le Droit Européen) Tallinn, il-31 ta’ Mejju 2012. Disponibbli fuq: http://europa.eu/rapid/press-release_SPEECH-12-403_en.htm?locale=en

Top