EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0209

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet

/* COM/2013/0209 final */

52013DC0209

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet /* COM/2013/0209 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 4

2........... Il-MtQ........................................................................................................................... 5

2.1........ Approċċ kooperattiv ġdid............................................................................................... 5

2.2........ L-ambitu u l-arkitettura tal-MtQ...................................................................................... 5

2.3........ L-awtoregolamentazzjoni fuq il-bażi tal-MtQ................................................................... 7

3........... Il-Funzjonament u l-Impatt tal-MtQ................................................................................ 8

3.1........ Biex l-MtQ jirnexxi......................................................................................................... 8

3.2........ Proċeduri ta’ Avviż u ta’ Tneħħija — pedament tal-MtQ................................................. 8

3.3........ Miżuri Proattivi u Preventivi — Miżura kritika għall-ġlieda effettiva kontra l-falsifikazzjoni 10

3.4........ Trasgressuri Reċidivi..................................................................................................... 11

3.5........ Il-kooperazzjoni, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni................................................ 13

3.6........ Il-fiduċja, l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur................................................. 13

3.7........ Il-komunikazzjoni esterna u s-sensibilizzazzjoni.............................................................. 14

3.8........ Valutazzjoni komparattiva tal-effetti tal-MtQ................................................................. 15

4........... It-triq 'il quddiem.......................................................................................................... 17

Anness: Lista ta’ siti u ismijiet ta’ ditti koperti mill-MtQ………………………………….19

Ditti koperti mill-MtQ………………………………………………………………………19

Siti koperti mill-MtQ………………………………………………………………………..21

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport jevalwa l-operat tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati fuq l-internet (Mejju 2011), minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-MtQ"[1].

Il-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-Internet huwa ta’ ħsara għall-partijiet interessati leġittimi kollha, inklużi Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, l-aktar importanti, għall-konsumaturi. Il-falsifikazzjoni onlajn huwa fenomenu dinamiku, li dejjem qed jinbidel u li jadatta ruħu biex jinqasam f’mudelli ġodda tan-negozju. In-negozji illeċiti tal-falsifikazzjoni huma sofistikati; jirreaġixxu għal strateġiji ta’ protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni.

L-għan tal-MtQ huwa li jistabbilixxi kodiċi ta’ prattika fil-ġlieda kontra l-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati fuq l-internet u jtejjeb il-kollaborazzjoni fost il-Firmatarji tiegħu, sabiex dawn ikunu jistgħu jirrispondu b’mod effettiv għal din it-theddida kontinwa. Hemm rikonoxximent kollettiv li l-kooperazzjoni hija ħafna aħjar mil-litigazzjoni, li la ttejjeb l-effiċjenza tas-suq u lanqas trawwem il-fiduċja tal-konsumatur. L-għan ewlieni huwa li titrawwem il-fiduċja fis-suq onlajn. Il-MtQ jippromwovi l-fiduċja fis-suq onlajn billi jipprovdi miżuri dettaljati kontra offerti onlajn ta’ oġġetti ffalsifikati kif ukoll ħarsien imtejjeb għall-konsumaturi li jixtru oġġetti ffalsifikati mingħajr intenzjoni.

Il-MtQ ikopri pjattaformi tal-kummerċ elettroniku ewlenin kif ukoll ditti importanti fil-qasam mgħaġġel tal-prodotti għall-konsumatur, il-prodotti elettroniċi għall-konsumaturi, il-moda, il-prodotti ta’ lussu, oġġetti tal-isports, films, softwer, logħob u ġugarelli, li kollha kemm huma joperaw fil-livell globali u kif ukoll dak reġjonali[2].

Matul il-perjodu ta’ valutazzjoni[3], il-Firmatarji ltaqgħu regolarment. Ġew ippubblikati sommarji ta’ dawn il-laqgħat fuq il-websajt tad-DĠ Suq Intern u Servizzi[4].

Dan ir-rapport janalizza l-progress, l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-MtQ u jagħti rendikont tal-evalwazzjoni tal-Firmatarji dwar l-effikaċja tiegħu fit-tnaqqis tal-bejgħ onlajn ta’ oġġetti ffalsifikati fl-UE. Huwa strettament limitat għall-MtQ, u ma jkoprix kwistjonijiet assoċjati ta’ politika ġenerali.

Dan juri li l-approċċ adottat mill-MtQ jaħdem, iżda jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ Pjattaformi tal-Internet u li d-Detenturi tad-Drittijiet jibqgħu attenti u viġilanti. Ir-rapport jikkonkludi li l-MtQ għandu jkompli għal sentejn oħra u li s-sħubija tiegħu għandha tiġi estiża. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra aktar azzjoni biex tindirizza l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni b’mod aktar wiesa’ u hemm mnejn tipproponi inizjattiva aktar tard din is-sena.

2.           Il-MtQ

2.1.        Approċċ kooperattiv ġdid

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 dwar it-titjib tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern[5] u l-Komunikazzjoni tal-2011 dwar Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali[6], il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ approċċi volontarji u kollaborattivi min-naħa tad-Detenturi tad-Drittijiet ta’ propjetà intellettwali u partijiet interessati oħra bħall-Pjattaformi tal-Internet, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi kif ukoll assoċjazzjonijiet tal-kummerċ, fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.

Il-Komunikazzjoni tal-2009 qieset li l-kooperazzjoni u mhux il-litigazzjoni għandha ssir l-approċċ prevalenti fost il-partijiet interessati li jaħdmu f’ambjent kummerċjali u teknoloġiku li jevolvi malajr. Id-Djalogi mal-Partijiet Interessati kienu proposti bħala metodu ta’ ħidma lejn il-possibbiltà ta’ ftehimiet volontarji, jiġifieri djalogi kostruttivi li jiffokaw fuq problemi konkreti u funzjonabbli u soluzzjonijiet prattiċi li jridu jkunu realistiċi, bilanċjati, proporzjonati u ġusti għal dawk kollha kkonċernati. Approċċ konġunt, inklużiv u parteċipattiv bħal dan joqgħod sew mal-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni.

Fil-kuntest ta’ dan il-MtQ, il-Kummissjoni Ewropea bdiet taqdi funzjoni ġdida bħala faċilitatur ta’ dawn it-tipi ta’ djalogi billi pprovdiet appoġġ amministrattiv u loġistiku u billi ssalvagwardjat, fejn meħtieġ, bilanċ ġust bejn l-interessi differenti involuti, b’mod partikolari d-drittijiet leġittimi u l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE.

Ir-rwol tal-faċilitatur tal-Kummissjoni Ewropea jiżgura wkoll li tali Djalogi mal-Partijiet Interessati u ftehimiet sussegwenti possibbli jkunu trasparenti u konformi bis-sħiħ mal-qafas legali eżistenti u jirrispettaw skupolożament id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Kemm il-Parlament Ewropew[7] u kif ukoll il-Kunsill appoġġaw[8] lill-Kummissjoni f’dan l-approċċ.

Bħala l-ewwel eżempju ta’ approċċ kooperattiv, il-Kummissjoni nediet Djalogu mal-partijiet Interessati dwar il-bejgħ onlajn ta’ prodotti falsifikati, li rriżulta f’MtQ li jinvolvu 33 kumpanija u assoċjazzjoni tal-kummerċ, li jinvolvu 39 sit differenti tal-internet.

2.2.        L-ambitu u l-arkitettura tal-MtQ

Il-kummerċ onlajn joffri opportunitajiet bla preċedent lin-negozji u lill-konsumaturi biex jixtru u jbigħu oġġetti, nazzjonalment, bejn il-fruntieri interni tas-suq intern, u kemm internazzjonalment. Fis-suq intern, l-internet naqqas l-ostakoli għall-kummerċ transfruntiera.

Sfortunatament, l-internet sar ukoll wieħed mill-mezzi ewlenin tal-falsifikazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-kummerċ elettroniku li jsir permezz ta’ Pjattaformi tal-Internet huwa kompletament leġittimu. Madankollu, negozjanti kummerċjali illeċiti jew qarrieqa ta’ prodotti falsifikati qegħdin ukoll jisfruttaw il-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku li joffru prodotti falsifikati direttament lill-konsumaturi. Pereżempju, il-Firmatarji jitfgħu l-attenzjoni fuq ġenerazzjoni ġdida ta’ bejjiegħa (fuq skala żgħira) ta’ prodotti falsifikati li jiksbu dawn il-prodott bl-irħis minn siti onlajn jew permezz ta’ mezzi aktar tradizzjonali tad-distribuzzjoni fi kwantitajiet modesti u sussegwentement joffruhom għall-bejgħ, fuq siti onlajn. La l-bejjiegħ inizjali tal-oġġetti u lanqas l-oġġetti ffalsifikati ma jkunu jinsabu neċessarjament fit-territorju tal-UE. Il-proprjetarji ta’ Pjattaformi tal-Internet u tad-drittijiet leġittimi li joffru servizzi lill-bejjiegħa u x-xerrejja għalhekk jistgħu jisfaw vittmi ta’ negozjanti ta’ prodotti falsifikati, għad-dannu tal-konsumaturi, id-Detenturi tad-Drittijiet, l-fornituri tas-servizzi tal-kummerċ elettroniku, l-ekonomija u s-soċjetà.

Qabel l-MtQ, il-Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet kienu diġà qed jieħdu azzjoni kontra l-offerti onlajn ta’ prodotti falsifikati, iżda bħala riżultat tat-tnedija tad-Djalogu tal-Partijiet Interessati, ħareġ għarfien ġenerali li hemm aktar x’jista’ jsir.

Il-MtQ tiffoka fuq it-tfixkil u l-iskoraġġiment mil-lat tal-provvista tas-suq tal-prodotti falsifikati, jiġifieri tfittex li telimina l-offerta onlajn ta’ oġġetti ffalsifikati malajr kemm jista’ jkun. Dan jipprevedi azzjoni proporzjonata, dissważiva kontra dawk li ripetutament jippruvaw ibigħu prodotti falsifikati. Barra minn hekk, hija tfittex li tikseb protezzjoni aħjar għall-konsumaturi li jixtru prodotti falsifikati mingħajr l-ebda intenzjoni, jew għal bejjiegħa leġittimi ta’ oġġetti li jistgħu jħossuhom indebitament ristretti/mdewma fil-preżentazzjoni ta’ prodott għall-bejgħ onlajn.

Il-MtQ tippromwovi strateġija bbażata fuq tliet linji ta’ difiża. Dawn ifittxu li jiżguraw li l-offerti illeċiti ma jidhrux onlajn; u li jekk dan jiġri, li jitneħħew mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, malajr biżżejjed biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet. Il-miżuri kollha joperaw fl-istess ħin u f’ħin reali.

L-ewwel nett, huwa importanti ħafna li l-klijenti, jiġifieri l-bejjiegħa u x-xerrejja, jifhmu l-fenomenu tal-falsifikazzjoni, ir-riskji inerenti tiegħu għall-konsumaturi u l-effetti detrimentali fuq id-Detenturi tad-Drittijiet. Il-klijenti jistgħu jkunu partijiet attivi fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Għal dan l-għan, il-Pjattaformi tal-Internet huma impenjati li jagħmlu disponibbli informazzjoni xierqa għall-bejjiegħa u x-xerrejja potenzjali, b’mod faċilment aċċessibbli u, fejn xieraq, bil-koperazzjoni tad-Detenturi tad-Drittijiet. Huma għandhom jispjegaw li huwa illegali li wieħed joffri prodotti falsifikati, u jissuġġerixxu prekawzjonijiet li x-xerrejja għandhom jieħdu biex jevitaw li jixtruhom. Bejjiegħa infurmati tajjeb fuq il-Pjattaformi tal-Internet għandhom jimpenjaw ruħhom li ma joffrux oġġetti bħal dawn. Konsumaturi infurmati sew għandhom ikunu konxji tal-għodod u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti jekk ikunu xtraw prodotti falsifikati. Il-MtQ huwa konformi bis-sħiħ mal-Aġenda tal-Konsumatur reċenti tal-Kummissjoni, li tinkoraġġixxi lill-intermedjarji u lin-negozjanti jmorru lil hinn minn sempliċi konformità mal-leġiżlazzjoni u jiżviluppaw miżuri awtoregolatorji biex isaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur[9].

It-tieni linja ta’ difiża tinvolvi “Miżuri Proattivi u Preventivi” (PPMs) bħala rispons f’waqtu u xieraq għal min jipprova jbigħ prodotti falsifikati, jew qabel ma l-offerta ssir disponibbli għall-pubbliku jew ftit wara. Permezz ta’ miżuri bħal dawn, id-Detenturi tad-Drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet jippruvaw inaqqsu offerti onlajn ta’ prodotti falsifikati. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu tekniċi u/jew proċedurali, u ħafna drabi jirrikjedu intervent uman. Dawn ta’ spiss ikunu speċifiċi għal mudelli kummerċjali rispettivi u l-organizzazzjoni tad-Detenturi tad-Drittijiet u/jew il-Pjattaformi tal-Internet. Eżempju wieħed ta’ PPM huwa l-ivvettjar tal-bejjiegħa qabel ma dawn jiitħallew ibigħu fuq xi Pjattaforma tal-Internet u, f’ċerti każijiet, il-valutazzjoni kontinwa tal-prestazzjoni tagħhom. PPMs effettivi spiss ikunu sofistikati, u jkunu jeħtieġu riżorsi sostanzjali u kooperazzjoni effettiva bejn id-Detenturi tad-Drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet. Il-PPM ifittxu li jiżguraw li l-offerti ta’ oġġetti falsifikati ma jidhrux onlajn.

It-tielet nett, minkejja t-tagħrif tal-konsumatur u l-PPM, l-offerti ta’ prodotti falsifikati jistgħu xorta waħda jsiru disponibbli għall-pubbliku fuq Pjattaforma tal-Internet. F’każijiet bħal dawn, id-detenturi tad-drittijiet u l-konsumaturi jistgħu jinnotifikaw lill-Pjattaforma tal-Internet kkonċernata bl-eżistenza ta’ offerti bħal dawn. Dan jippermetti lill-Pjattaforma tieħu azzjoni xierqa, anki tneħħi l-offerta mis-sit ikkonċernat. Il-Proċeduri ta’ Avviż u ta’ Tneħħija (NTD) jfittxu li joffru proċedura sempliċi, ġusta u mħaffa biex jitneħħew l-offerti onlajn ta’ prodotti falsifikati.

Il-MtQ jikkumplimenta dawn il-miżuri billi jipprovdi protezzjoni aħjar għall-konsumatur, inkluża l-possibilità li dawn jirċievu prodott sostitut jew rifużjoni f'ċerti kundizzjonijiet. Il-MtQ tinkludi wkoll azzjonijiet dissważivi kontra trasgressuri reċidivi. Il-Firmatarji tal-MtQ impenjaw ruħhom biex jikkoperaw fl-individwazzjoni ta’ trasgressuri reċidivi. Il-Pjattaformi tal-Internet jintrabtu li jimplimentaw u jinfurzaw id-deterrenti skont il-linji gwida interni tagħhom. Il-politiki ta’ kontra t-trasgressuri reċidivi għandhom ikunu oġġettivi u proporzjonati u jqisu bis-sħiħ iċ-ċirkustanzi. L-iskambju ta’ informazzjoni għat-trasgressuri reċidivi skont il-MtQ jirrispetta bis-sħiħ il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Il-konsumaturi għandhom jużaw l-informazzjoni disponibbli kollha meta jixtru onlajn sabiex jevitaw li jixtru prodotti falsifikati, iżda huma jistgħu xorta waħda jġarrbu ħsara. Dawn setgħu ġew żgwidati u xtraw prodotti falsifikati involontarjament li wassal għal ħsara ekonomiku jew xi ħsara oħra. Il-MtQ tinkludi sett minimu ta’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur. Il-kumpens għal raġunijiet ekonomiċi jew ħsara oħra jiddependi fuq il-politiki tal-Firmatarji individwali kkonċernati. Il-konsumatur jista’ jkun ukoll offra li jbigħ prodott allegatament falz li jkun tneħħa, u seta’ sofra xi ħsara jekk ikun piet ppruvat li t-tali tneħħija ma kinitx ġustifikata.

Fl-aħħar nett, il-MtQ tiżgura li, matul il-perjodu ta’ valutazzjoni, il-Firmatarji li ma jagħtux bidu ġdid għal litigazzjoni kontra xulxin dwar kwistjonijiet koperti mill-MtQ. Dan il-moratorju fuq il-litigazzjoni huwa dispożizzjoni importanti li jenfasizza l-impenn reċiproku tal-Firmatarji biex jaħdmu flimkien in bona fede.

2.3.        L-awtoregolamentazzjoni fuq il-bażi tal-MtQ

Il-kooperazzjoni volontarja minn għadd kbir ta’ partijiet interessati b’interessi u mudelli tan-negozju differenti huwa ta’ spiss diffiċli biex tinkiseb. Wieħed irid iż-żmien biex jibni l-fiduċja meħtieġa biex din il-kooperazzjoni tirnexxi.

Il-proċess lejn l-iffirmar tal-MtQ kif ukoll l-iffirmar stess urew li dawn huma passi essenzjali lejn it-trawwim ta’ atmosfera ta’ fiduċja u kunfidenza reċiproka bejn il-Firmatarji. Id-djalogu strutturat ippermetta lill-partijiet interessati biex jifhmu aħjar it-tħassib rispettiv tagħhom kif ukoll il-limitazzjonijiet tekniċi, organizzattivi u kummerċjali. Il-fiduċja u l-kunfidenza reċiproka huma fattur li jgħaqqad. Mingħajrhom, il-kooperazzjoni volontarja hija destinata li tfalli.

Fatturi kritiċi oħrajn għas-suċċess kienu:

· Inċentiv ċar għal kull Firmatarju li jirriżulta mill-ftehim volontarju;

· Salvagwardji fil-ftehim biex jitħarsu l-interessi essenzjali ta’ kull firmatarju, biex jinqdew mudelli ta’ negozju u politiki kummerċjali differenti, u biex tkun garantita ċ-ċertezza legali biex tingħeleb ir-reżistenza fl-organizzazzjonijiet rispettivi;

· Ftehim volontarju ċar b’għan definit tajjeb, flimkien ma’ obbligi realistiċi, ifformulati b’mod ċar, proporzjonalment allokati lill-partijiet (infurzar intelliġenti);

· Livell għoli ta’ kunsens u impenn fil-kumpaniji li jiffirmaw il-Ftehim;

· Biżżejjed flessibbiltà intrinsika sabiex jippermettu adattamenti minħabba ċirkustanzi li nbidlu, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jinnegozjaw il-ftehim mill-ġdid.

Barra minn hekk, l-involviment tas-servizzi “faċilitanti” tal-Kummissjoni Ewropea qassam u mexxa d-djalogi u n-negozjati, kif ukoll ħeġġeġ lill-partijiet interessati biex jegħlbu l-ostakli. L-appoġġ politiku għall-awtoritajiet u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jkunu strumentali wkoll.

It-trasparenza esterna żżid il-kredibbiltà u tiżgura r-responsabbiltà għall-partijiet interessati, l-awtoritajiet nazzjonali u l-parlamenti kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi. It-trasparenza tista’ wkoll tinkoraġġixxi lil partijiet interessati ġodda biex jiffirmaw ftehim volontarju u l-aħjar prattika li dan jippromwovi.

3.           Il-Funzjonament u l-Impatt tal-MtQ

3.1.        Biex l-MtQ jirnexxi

Il-MtQ huwa limitat għall-Firmatarji li jipprovdu servizzi u merkanzija fl-UE/ŻEE. Li jiġi ċċarat l-ambitu tal-MtQ, il-Firmatarji identifikaw is-siti web u d-ditti koperti minnu (ara l-Anness).

Tfasslet lista ta’ punti ta’ kuntatt biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-Firmatarji dwar kwistjonijiet politiċi marbuta mal-MtQ u kif ukoll biex tippermetti kuntatti operattivi diretti bejn il-persunal tal-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fi Stati Membri differenti u s-siti operati minn Pjattaformi tal-Internet.

Id-disponibilità ta’ din l-informazzjoni bażika f’forma faċilment disponibbli u aġġornata regolarment għenet lill-Firmatarji japplikaw l-MtQ f'ċirkostanzi operattivi. Hija ssensibilizzat ukoll lill-organizzazzjonijiet lokali tal-Firmatarji dwar il-MtQ u l-potenzjal u l-kapaċitajiet tiegħu.

Il-Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet ħadu sehem f’laqgħat bilaterali biex jistabbilixxu kuntatt, iwettqu skambju ta’ informazzjoni u jiddiskutu kwistjonijiet operattivi. Dawn il-laqgħat, flimkien ma’ użu konsistenti tal-programmi rispettivi tal-Pjattaformi tal-Internet ta’ protezzjoni tad-drittijiet, ippermettew lill-Firmatarji jlaqqgħu l-għarfien tagħhom, jidentifikaw ix-xejriet u, bħala riżultat, iħaffu t-tneħħija ta’ offerti suspettużi, biex b’hekk tissaħħaħ il-prevenzjoni.

B’mod ġenerali, il-partijiet fil-MtQ indikaw li dan tejjeb b’mod sinifikanti l-komunikazzjoni fost il-Firmatarji, li ffaċilita kollaborazzjoni. F’każijiet speċifiċi, kien hemm azzjonijiet miftiehma, bħal reazzjonijiet rapidi fil-konfront ta’ żidiet f’daqqa ta’ prodotti falsifikati speċifiċi.

3.2.        Proċeduri ta’ Avviż u ta’ Tneħħija — pedament tal-MtQ

Il-Firmatarji kollha jemmnu li l-proċeduri ta’ avviż u tneħħija (NTD) huma miżuri indispensabbli fil-ġlieda kontra l-bejgħ fuq l-Internet ta’ oġġetti ffalsifikati. Fil-kuntest ta’ dan il-MtQ, ir-regoli tal-NTD jipprevedu:

(i) mekkaniżmu biex jitneħħew l-offerti individwali ta’ prodotti allegatament falsifikati mis-siti tal-Internet Pjattaformi

(ii) mekkaniżmu biex il-Pjattaformi tal-Internet jiġu nnotifikati dwar bejjiegħa ta’ prodotti falsifikati (avviżi bbażati fuq il-bejjiegħa).

Din hija l-għodda ewlenija li għandha tiġi applikata meta offerti allegatament illegali jkunu saru disponibbli onlajn. Barra minn hekk, il-Firmatarji nnutaw li l-MtQ wriet li hija utli; Ir-regoli tal-NTD ma għandhomx ikunu preskrittivi żżejjed u jridu jinkludu ċerti mekkaniżmi li jittrattaw l-abbużi mis-sistema. Il-kumpaniji żviluppaw metodi tagħhom stess li huma mfassla apposta biex jindirizzaw il-ksur fuq is-siti onlajn tagħhom.

Il-Firmatarji rrappurtaw li l-Pjattaformi tal-Internet jirċievu eluf ta’ talbiet ta’ NTD fis-sena, ibbażati fuq kull tip ta’ raġunijiet. Fil-kuntest tal-MtQ, f’konformità mal-acquis tal-UE[10], l-għan tal-proċeduri NTD huwa li jneħħu l-offerti ta’ prodotti allegatament falsifikati minn fuq siti ta’ Pjattaformi tal-Internet fil-ħin u b’mod effiċjenti u effettiv.

Il-Pjattaformi tal-Internet kollha diġà kellhom xi mekkaniżmu NTD qabel il-MtQ, li jippermetti/jħalli lid-Detenturi tad-Drittijiet u persuni u organizzazzjonijiet oħrajn milquta jinnotifikaw il-prodotti allegatament falsifikati. Filwaqt li xi wħud kienu faċli biex jinstabu fuq il-paġni tal-web, ħafna sistemi NTD oħra kienu meqjusa bħala li mhumiex qed jiffunzjonaw b’mod sodisfaċenti. Barra minn hekk, mhux id-Detenturi tad-Drittijiet kienu saħansitra qed jużaw l-NTD disponibbli. In-notifiki ma kinux kompluti, ma kinux speċifiċi biżżejjed, kienu diffiċli biex tipproċessahom u xi kultant immirati lejn prodotti individiwali, iżda wkoll katalgi sħaħ ta’ prodotti. Is-segwitu tal-avviżi kien ivarja minn Pjattaforma tal-Internet għall-oħra u mhux dejjem kien meqjus sodisfaċenti mid-Detenturi tad-Drittijiet. L-offerti lanqas biss tneħħew, damu wisq biex tneħħew jew feġġew mill-ġdid ftit wara li kienu tneħħew.

Mid-dħul fis-seħħ tal-MtQ, xi Pjattaformi tal-Internet irrappurtaw li jdumu sa 24 siegħa biex ineħħu offerta onlajn (magħrufa wkoll bħala listing), iżda xi drabi jdumu sa 48 siegħa; oħrajn idumu bejn sagħtejn u ħames sigħat. Oħrajn jgħidu li offerti kkontestati jitneħħew fl-istess jum jew kmieni l-għada. Madankollu, id-Detenturi tad-Drittijiet irrappurtaw differenzi fil-veloċità tal-ipproċessar fuq l-istess Pjattaforma tal-Internet bejn Stat Membru u ieħor.

Barra minn hekk, il-Pjattaformi tal-Internet indikaw li huma rreġistraw varjazzjoni wiesgħa fil-medja ta’ kull xahar ta’ notifiki ta’ offerti dwar prodotti falsifikati (li jvarjaw bejn waħda u bosta mijiet) mid-Detenturi tad-Drittijiet. Mindu l-MtQ daħal fis-seħħ, dawn rarament jirrifjutaw talbiet ta’ tneħħija u rarament ikollhom bżonn jitolbu informazzjoni addizzjonali biex jipproċessaw notifika: talbiet għal informazzjoni addizzjonali ġeneralment ikunu jirrigwardaw notifiki mid-Detenturi tad-Drittijiet li għadhom qed jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċess tal-NTD. Xi Detenturi tad-Drittijiet ħassew li f’ċerti każijiet l-informazzjoni li kienet qed tintalab kienet inutli. Ladarba offerta allegatament illegali tkun tneħħiet, il-Pjattaforma tal-Internet tinforma fost l-oħrajn lill-bejjiegħ ikkonċernat u anki tagħtih ir-raġunijiet għalfejn din tkun tneħħiet.

Notifiki dwar bejjiegħa ta’ prodotti falsifikati — għall-kuntrarju ta’ notifiki dwar offerti speċifiċi — kienu relattivament rari. Ġeneralment, notifiki bbażati fuq il-bejjiegħa jitqiesu bħala ineffiċjenti, peress li kważi dejjem ikunu jeħtieġu aktar investigazzjoni offerta b’offerta qabel ma tkun tista’ tittieħed deċiżjoni. Peress li t-trasgressuri reċidivi (identifikati bħala bejjiegħa in mala fede) jiġu penalizzati f’kull każ (wara notifiki bbażati fuq l-offerti), in-notifiki bbażati fuq il-bejjiegħa mhumiex meqjusa bħala li joffru benefiċċji sinifikanti. B’kuntrast, wieħed mid-Detentur tad-Drittijiet irrapporta li filwaqt li l-kooperazzjoni fi proċessi NTD qed taħdem b’mod effiċjenti għal NTD ibbażati fuq il-prodott, il-limitu safejn il-Pjattaformi tal-Internet qed jieħdu miżuri b’reazzjoni għan-notifiki dwar bejjiegħa involuti fil-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati, mhuwiex ċar.

It-Termini u l-Kundizzjonijiet użati mid-diversi Pjattaformi tal-Internet jipprojbixxu b’mod ċar il-bejgħ ta’ oġġetti li jiksru d-drittijiet ta’ partijiet terzi. Jagħmluha wkoll ċara li l-oġġetti li jiksru l-liġi jkunu soġġetti għat-tneħħija. Xi Pjattaformi tal-Internet jipprovdu lid-Detenturi tad-Drittijiet b’forom li jintużaw għan-notifiki, għalkemm dawn huma bażiċi u primarjament iddisinjati għad-Detenturi tad-Drittijiet li mhumiex membri fl-MtQ. Minkejja li attwalment l-ipproċessar ta’ avviżi huwa proċess intern, Pjattaformi tal-Internet akbar joffru spjegazzjonijiet onlajn dwar il-proċedura tal-NTD. Dawn iservu bħala punt ta’ referenza, speċjalment għad-Detenturi tad-Drittijiet li mhumiex fil-MtQ. Dawn l-ispjegazzjonijiet jistgħu wkoll ikunu parti mill-programm ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-Pjattaforma tal-Internet speċifiċi jew it-taqsima “għajnuna” fuq is-sit.

Minn mindu daħal fis-seħħ il-MtQ, il-Firmatarji kollha rrappurtaw titjib f’dawn it-tliet oqsma NTD. Diversi Pjattaformi tal-Internet irrevedew u sikwit issimplifikaw l-għodod u l-proċeduri NTD tagħhom. Pjattaforma tal-Internet waħda reġgħet fasslet mill-ġdid il-proċess NTD tagħha u implimentat proċedura komuni dwar is-siti Ewropej kollha tagħha[11].

Id-Detenturi tad-Drittijiet irrappurtaw li l-NTD issa qed jaħdmu tajjeb ħafna fuq is-siti tal-Pjattaformi tal-Internet koperti mill-MtQ[12]. Madankollu, għad-Detenturi tad-Drittijiet, iż-żamma ta’ programm ta’ monitoraġġ hija spiss għalja.

3.3.        Miżuri Proattivi u Preventivi — Miżura kritika għall-ġlieda effettiva kontra l-falsifikazzjoni

Il-Miżuri Proattivi u Preventivi (PPMs) huma miżuri u proċeduri li jippermettu lill-Pjattaformi tal-Internet u lid-Detenturi tad-Drittijiet jevitaw l-offerti illeċiti milli jsiru disponibbli onlajn jew jillimitaw dik id-disponibbiltà għal perjodu qasir biss. Dawn il-miżuri u proċeduri kienu differenti mhux biss fost il-Firmatarji, iżda xi kultant anki bejn is-siti differenti ta’ Pjattaforma tal-Internet partikolari.

Skont il-Firmatarji, jidher li NTD reattiva waħda tidher li mhix biżżejjed biex tindirizza l-kwistjoni ta’ bejgħ ta’ prodotti falsifikati fuq l-internet. Salvagwardji proattivi adegwati li jipprevjenu prodotti falsifikati milli jitpoġġew għall-bejgħ fuq swieq onlajn huma ugwalment importanti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni onlajn.

Il-PPMs huma marbuta sew ma’ mudelli u prattiki tan-negozju individwali tal-Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet ikkonċernati. Huma wieħed mill-modi kif il-Pjattaformi tal-Internet jistgħu jiddistingwu lilhom infushom mill-kompetituri tagħhom fis-suq. Huma jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti s-sodisfazzjon tal-konsumatur u l-fiduċja tal-konsumaturi fl-offerti disponibbli fuq sit partikolari. Diversi Pjattaformi tal-Internet huma relattivament trasparenti dwar il-PPMs tagħhom. Il-Pjattaformi tal-Internet indikaw ukoll li, biex jibqgħu effettivi, il-PPMs ħafna drabi jridu jkunu sofistikati u kapaċi jadattaw malajr għal ċirkostanzi li qed jinbidlu. Għalhekk, il-PPMs huma ħafna drabi jiswew ħafna flus biex jiġu implimentati. Għad-Detenturi tad-Drittijiet, il-PPMs huma parti mill-miżuri ta’ protezzjoni tad-ditta tagħhom u huma marbuta mill-qrib mal-istrateġiji u l-ħidmiet tagħhom ta’ protezzjoni tad-ditti.

Il-Firmatarji kollha enfasizzaw repetutament li l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn id-Detenturi tad-Drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet hija kruċjali għall-effettività tal-PPMs. Diversi Firmatarji nnutaw li l-effiċjenza tal-PPMs kienet donna tvarja minn-żmien għal żmien u fuq siti differenti tal-Pjattaformi tal-Internet, li mhuwiex fatt sorprendenti meta wieħed iqis in-natura aġili u adattabbli ta’ dawk li jippruvaw ibigħu prodotti falsifikati. Dan juri li l-Firmatarji għandhom joqogħdu attenti l-ħin kollu u jenfasizza l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni kontinwa.

Firmatarji wieħed irrapporta li minħabba l-iffirmar tal-MtQ, l-investiment fil-PPMs mhux biss żdied iżda wassal ukoll għal riżultati tanġibbli. Pjattaforma tal-Internet waħda ġibdet l-attenzjoni fuq il-fatt li hi issa qiegħda tneħħi volontarjament u b’mod proattiv l-offerti potenzjalment problematiċi minn dawk li jitneħħew b’mod reattiv[13].

Il-PPMs ivarjaw minn miżuri tekniċi, bħalma hi l-kapaċità għal Pjattaforma tal-Internet li tidentifika l-użu ta’ ċerti termini ewlenin jew offerti ta’ kontenut ta’ rilaxx minn qabel, għall-kondiviżjoni tal-informazzjonu fuq il-Pjattaformi tal-Internet dwar indikaturi tal-prodotti falsifikati u l-modus operandi tal-bejjiegħa ta’ prodotti falsifikati. Xi Pjattaformi tal-Internet rrapportaw li huma jużaw ċerti teknoloġiji ta’ skoperta u tneħħija preventiva.

Billi jieħdu xi miżuri proattivi biex jipprevjenu l-bejgħ ta’ prodotti falsifikati, xi Firmatarji kienu mħassba li huma jkunu jistgħu jiġu akkużati li jħaddnu għarfien attwali dwar l-attivitajiet illegali u b’hekk ma jkunux koperti mis-sistema ta’ protezzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.

3.4.        Trasgressuri Reċidivi

Skont il-paragrafu 35 tal-MTQ, il-Pjattaformi tal-Internet għandhom jikkunsidraw in-notifiki dwar trasgressuri reċidivi u jimplimentaw u jinfurzaw politiki deterrenti għat-trasgressuri reċidivi.

Il-politiki tat-trasgressuri reċidivi tad-diversi Pjattaformi tal-Internet ġeneralment jipprevedu azzjoni dissważiva (pereżempju, is-sospensjoni temporanja ta’ kont) immirati kontra l-bejjiegħ (u mhux sempliċiment l-offerta rilevanti) wara t-tieni ksur. Azzjoni dissważiva iktar ħarxa tista’ tiġi applikati jekk bejjiegħ jerġa’ jinqabad joffri oġġetti ffalsifikati. Il-Pjattaformi tal-Internet kollha jkollhom miżuri fis-seħħ biex jipprevjenu r-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ bejjiegħa projbiti.

Filwaqt li azzjoni dissważiva hija importanti u anki indispensabbli, il-Pjattaformi tal-Internet isostnu li jeżistu mezzi biex jirrimedjaw ksur ripetut ieħor apparti s-sospensjoni ta’ kont tal-utent, bħal, pereżempju, l-edukazzjoni, il-miżuri tas-sikurezza, diżinċentivi, jew restrizzjonijiet.

Il-politika ta’ azzjoni dissważiva hija deskritta fil-qosor fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-Pjattaforma tal-Internet fuq l-websajt ikkonċernata. Apparti hekk xi Pjattaformi tal-Internet jagħtu fil-qosor l-iskema f’taqsimiet oħra tal-websajts tagħhom, bħal fil-programm tal-protezzjoni tad-drittijiet jew fit-taqsima “għajnuna”.

Il-Pjattaformi tal-Internet ma jeżerċitawx il-politika ta’ azzjoni dissważiva tagħhom b’mod awtomatiku. Il-korrezzjonijiet individwali huma xi kultant meħtieġa u jitwettqu kif jidher li jkun xieraq. Bejjiegħ li jkun ovvjament qed jaġixxi in mala fede jista’ jkun ipprojbit mill-ewwel, filwaqt li trasgressur reċidiv li jkun ġie akkużat bi ksur minimali żmien ilu jista’ jiġi mwissi għal darb’oħra qabel ma l-kont tiegħu jiġi sospiż. Xi Pjattaformi tal-Internet jimmaniġġaw sanzjonijiet purament fuq bażi ta’ każ b’każ, għalkemm b’riżultati u effiċjenza simili. Meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi x’azzjoni dissważiva jrid japplika, jiġu kkunsidrati bosta aspetti, bħas-severità tal-ksur ta’ politika, in-numru ta’ ksur allegat, ksur ripetut, perjodu ta’ żmien mill-ksur preċedenti, ir-rispons tal-bejjiegħ, il-lingwa li tindika l-intenzjoni ċara, l-iskala ta’ negozju leġittimu kif ukoll mġiba aktar suspettuża oħra, bħalma huma sforzi sabiex jevitaw li jinqabdu. B’riżultat ta’ dan, ma kienx possibbli li tiġi adottata definizzjoni uniformi waħda ta’ azzjoni dissważiva.

Il-komunikazzjoni bejn id-Detenturi tad-drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet hija għal darb’oħra kruċjali fl-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi kontra trasgressuri reċidivi. Il-Pjattaformi tal-Internet jeħtieġu informazzjoni mid-Detenturi tad-Drittijiet ikkonċernati; inkella, il-politiki ta’ kontra t-trasgressuri reċidivi jkunu inqas effettivi. Diversi Pjattaformi tal-Internet żviluppaw għodod tar-rappurtaġġ speċjalizzati u għamluhom disponibbli għad-Detenturi tad-Drittijiet biex jiffaċilitaw l-iskambju reċiproku tal-informazzjoni, inkluż ir-rispons għad-Detenturi tad-Drittijiet li tinnotifika, filwaqt li jirrispettaw l-interess leġittimu tal-persuni involuti.

L-azzjoni dissważiva għandha impatt immedjat fuq il-bejjiegħa, kemm jekk ikunu ġustifikati u kemm jekk le: opportunità ta’ bejgħ mitlufa għal dak il-prodott partikolari, investiment ta’ ħin f’taħriġ mandatorju jew miżuri ta’ sigurtà addizzjonali; telf ta’ fiduċja speċjali, li jwassal għal tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumatur u, għalhekk, għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ medji; ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ li jillimitaw in-negozju jistgħu jwasslu għal ħażniet żejda, investimenti mitlufa, telf ekonomiku; is-sospensjonijiet permanenti jistgħu jipperikolaw il-kummerċ kollu (u għalhekk l-impjegati tagħhom u s-sħab kummerċjali). Konsegwentement, il-Pjattaformi tal-Internet joqogħdu daqsxejn lura milli japplikaw azzjoni dissważiva jew jagħmlu dan b’attenzjoni partikolari.

Il-politiki ta’ kontra t-trasgressuri reċidivi huma importanti ħafna għad-Detenturi tad-Drittijiet għaliex huma dawk it-trasgressuri reċidivi li jagħmlulhom l-aktar ħsara, partikolarment jekk dawn ikollhom il-kapaċità li, permezz ta’ prattiki qarrieqa, jkomplu l-kummerċ ta' oġġetti falsifikati. Id-Detenturi tad-Drittijiet ikomplu jsostnu li hemm trasgressuri reċidivi li ilhom għal xi żmien ibigħu oġġetti falsifikati fuq diversi Pjattaformi tal-Internet taħt varjetà ta’ ismijiet. Id-Detenturi tad-Drittijiet jinfurmaw lill-Pjattaformi tal-Internet bi trasgressuri reċidivi abbażi tal-investigazzjonijiet tagħhom stess, anki meta jerġgħu jfeġġu offerti li jkunu tneħħew preċedentement. Madankollu, mhux dejjem ikun possibbli għad-Detenturi tad-Drittijiet li jikxfu, u sussegwentement jidentifikaw, trasgressuri reċidivi, pereżempju, għaliex is-sit ikkonċernat ma jipprovdix faċilitajiet ta’ tiftix fuq id-dejta tal-bejjiegħa.

Huwa meqjus li l-Pjattaformi tal-Internet qed jieħdu azzjoni aktar b’saħħitha minn qabel kontra t-trasgressuri reċidivi, jew bl-inizjattiva tagħhom stess jew bl-instigazzjoni tad-Detentur(i) tad-Drittijiet ikkonċernat(i), iżda dawn japplikaw il-ġudizzju tagħhom stess u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ[14]. Għalhekk, mhux in-notifiki kollha ta’ trasgressuri reċidivi qed jiġu segwiti minn sospensjoni jew terminazzjoni tal-kont. Sa mid-dħul fis-seħħ tal-MtQ, il-Pjattaformi tal-Internet saru aktar trasparenti fil-konfront tad-Detenturi tad-Drittijiet dwar il-politika ta’ azzjonijiet dissważivi tagħhom u l-applikazzjoni tagħha. Fuq bażi bilaterali, xi Pjattaformi tal-Internet u xi Detenturi tad-Drittijiet jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet individwali, iżda dan ma jidhirx li jsir b’mod ġenerali.

Il-Pjattaformi tal-Internet kollha introduċew miżuri tekniċi u proċedurali biex jaqbdu trasgressuri reċidivi u jipprevjenu trasgressuri reċidivi projbiti milli jirreġistraw mill-ġdid fis-siti tagħhom. Dawn l-isforzi jistgħu jkunu ta’ suċċess biss sa ċertu punt minħabba tattiċi sigrieta ta’ bejjiegħa in mala fede. Aktar skambju reċiproku ta’ informazzjoni u kooperazzjoni diretta bejn Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet biss jista’ jtejjeb s-sitwazzjoni.

Il-Firmatarji qed jinvestu f’għodod u prattiki biex jikkumbattu t-trasgressuri reċidivi. Matul l-aħħar sena, dawn l-isforzi konġunti wrew progressivament riżultati aħjar. F’xi każijiet, inkisbu għadd ta’ suċċessi eċċezzjonali[15]. Madankollu, aktar sforz biex tiġi ċċarata l-implimentazzjoni prattika tista’ tkun utli biex tittejjeb il-prestazzjoni operattiva tal-miżuri kontra trasgressuri reċidivi.

3.5.        Il-kooperazzjoni, inkluża l-kondiviżjoni tal-informazzjoni

Il-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni hija kruċjali għall-effikaċja tal-PPMs. Il-Pjattaformi tal-Internet kollha adottaw u ppubblikaw il-politika tad-DPI tagħhom fuq is-siti rispettivi tagħhom. Kollha kemm huma indikaw b’mod ċar id-dettalji tal-politiki tagħhom. Dawn il-politiki huma wkoll riflessi b’mod ċar fit-Termini u l-Kundizzjonijiet għall-użu tas-siti konċernati, kif ukoll fil-kuntratti mal-bejjiegħa. Il-Pjattaformi tal-Internet kollha jinfurzaw il-politika tad-DPI tagħhom.

Diversi Pjattaformi tal-Internet żviluppaw programmi speċjali ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet, li sikwit ikunu l-bażi ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-Pjattaforma tal-Internet kkonċernata u s-sidien tad-ditta b’mod ġenerali. Il-parteċipazzjoni tad-Detenturi tad-Drittijiet f’dawn il-programmi tvarja skont is-sit. Sa mid-dħul fis-seħħ tal-MtQ, diversi Detenturi tad-Drittijiet issieħbu f’dawn il-programmi, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom[16].

Il-MtQ ma jwaqqafx lill-Firmatarji milli jiskambjaw informazzjoni oħra jew aktar dettaljata, pereżempju, fuq bażi bilaterali u soġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali. Xi Pjattaformi tal-Internet żvelaw analiżijiet statistiċi ta’ offerti mneħħija (kemm proattivament kif ukoll malli rċevew talba NTD) u din l-informazzjoni uriet li hija utli. Il-Pjattaformi tal-Internet qablu li jiżvelaw, fuq talba, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ detenturi allegati, kif permess skont bil-liġijiet applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. F’każ wieħed biss ġew irrappurtati kwistjonijiet minn Firmatarji rigward dan l-aspett tal-MTQ[17].

3.6.        Il-fiduċja, l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur

Il-fiduċja tal-konsumatur hija fattur kritiku għas-suċċess tal-Firmatarji kollha. Konsegwentement, il-Firmatarji kollha jfittxu li jipproteġu l-konsumaturi b’mod adegwat kontra l-falsifikazzjoni u li jsibu modi kif jikkumpensaw konsumaturi in bona fede li inkonsapevolment ikunu xtraw oġġetti falsifikati.

Il-Pjattaformi tal-Internet kollha jinfurmaw lill-konsumaturi dwar l-aħjar prattika fl-użu tas-servizzi tagħhom mingħajr periklu u sabiex ikunu konxji dwar offerti suspettużi.

Il-Pjattaformi tal-Internet ewlenin kollha għandhom skemi ta’ kumpens għad-danni. Madankollu, dawn l-Iskemi ta’ Protezzjoni tax-Xerrejja huma kollha differenti ħafna f’termini ta’ ambitu u proċeduri. Pereżempju, Pjattaforma tal-Internet waħda toffri Garanzija kontra l-Falsifikazzjoni u żżomm il-flus f’kustodja sakemm it-transazzjoni tkun tlestiet għas-sodisfazzjon sħiħ tax-xerrej. Minbarra r-rimborż permezz tal-iskema tal-ħlas onlajn, il-Pjattaformi tal-Internet jikkumpensaw lill-konsumaturi permezz tal-programm ta’ protezzjoni tax-xerrejja tagħhom stess jew politika tar-ritorn komprensiv. Diversi Pjattaformi tal-Internet jgħinu lill-konsumaturi jiksbu l-flus lura mingħand il-bejjiegħ kkonċernat. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-leġiżlazzjoni tal-UE tinkludi ammont minimu ta’ regoli għall-ħarsien tal-konsumaturi li jixtru oġġetti falsifikati minn bejjiegħa professjonali. F’każijiet fejn Pjattaforma tal-Internet taġixxi bħala bejjiegħ professjonali, id-Direttiva 1999/44/KE dwar il-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom tagħti lill-konsumatur id-dritt li l-prodotti jiġu sostitwiti b’oġġetti ġenwini jew, jekk dan ma jkunx possibbli, li jieħu l-flus lura.

Id-Detenturi tad-Drittijiet li ma jkunux involuti f’xi bejgħ partikolari ta’ spiss jiġu kkuntattjati minn konsumaturi diżappuntati għaliex ikunu xtraw prodotti falsifikati[18]. Huwa ċar li d-Detenturi tad-Drittijiet ma għandhomx obbligu ġenerali li joffru kumpens jew li jgħinu lill-konsumatur jirrimedja. Madankollu, bosta Detenturi tad-Drittijiet jagħmlu sforzi speċjali.

Diversi Pjattaformi tal-Internet jħeġġu lill-konsumaturi jirrappurtaw sistematikament prodotti falsifikati mal-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi. Xi awtoritajiet nazzjonali, bħas-sorveljanza tal-kompetizzjoni u l-aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur, għandhom ukoll it-tendenza li jirrappurtaw vjolazzjonijiet allegati tal-protezzjoni tal-konsumatur, inkluż reklamar qarrieqi, prattiki kummerċjali inġusti u ksur tar-regoli tat-tikkettar.

Il-Firmatarji kollha qablu li wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-MtQ huwa li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur. L-ebda rispons negattiv mingħand il-konsumaturi ma ġie rrapportat mill-Firmatarji[19]. Pjattaforma tal-Internet waħda rrapportat ukoll li l-għadd ta’ rapporti ta’ rispons negattiv fuq il-bejjiegħa u pretensjonijiet minn xerrejja mhux sodisfatti waqgħu bi 30 % mill-bidu tal-2011 sa issa.

3.7.        Il-komunikazzjoni esterna u s-sensibilizzazzjoni

L-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jaqdu rwol importanti fil-kisba tal-objettivi tal-MtQ. Diversi assoċjazzjonijiet tal-kummerċ kienu strumentali fil-bini ta’ relazzjonijiet kostruttivi bejn id-Detenturi tad-Drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet. Filwaqt li xi assoċjazzjonijiet tan-negozju verament jinfurzaw id-drittijiet f’isem il-membri tagħhom u kollha kemm huma jirrappreżentaw ukoll l-interessi tal-membri tagħhom u jikkoordinaw il-pożizzjonijiet konġunti li għandhom jittieħdu f’isem il-membri tagħhom f’relazzjoni mal-MtQ, assoċjazzjonijiet tal-kummerċ jaqdu rwol ewlieni fit-tixrid tal-kunċetti bażiċi tal-MtQ u fl-inkuraġġiment tal-membri tagħhom biex jirrispettaw il-prinċipji tiegħu. Il-parti l-kbira tal-assoċjazzjonijiet ta’ kummerċ kienu qed jirriklamaw il-progress tal-MtQ u jippromwovu l-benefiċċji tiegħu f’aġġornamenti mill-paġna web tagħhom, e-ċirkulari lill-membri u sessjonijiet informattivi waqt il-konferenzi tagħhom.

Il-Firmatarji għarfu l-importanza li jżommu lill-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-aġenziji tad-DPI onlajn, kif ukoll il-Membri tal-Parlament Ewropew, infurmata bis-sħiħ dwar l-MtQ u l-iżviluppi assoċjati magħhom. Dawn kollha enfasizzaw il-benefiċċju tal-intensifikazzjoni tat-tali sensibilizzazzjoni wara l-adozzjoni tar-rapport attwali.

Fil-livell tal-UE, il-MtQ ġie referenzjat f’komunikazzjonijiet ta’ politika rilevanti[20]. Fil-livell tal-Istati Membri wkoll, feġġew inizjattivi simili[21]. Fil-livell internazzjonali, il-MtQ huwa promoss f’fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO)[22] u d-WTO, kif ukoll f’diskussjonijiet mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE.

3.8.        Valutazzjoni komparattiva tal-effetti tal-MtQ

Il-Firmatarji pprovdew lill-Kummissjoni b’ammont sostanzjali ta’ dejta li turi l-funzjonament tal-MtQ u l-impatt tagħha fuq in-negozju tagħhom għal dan ir-rapport. Il-biċċa l-kbira tad-dejta hija meqjusa bħala kunfidenzjali minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma jistgħux jiġu kkwotati direttament.

Minkejja l-isforzi kollha, il-Pjattaformi tal-Internet kollha għad għandhom offerti ta’ prodotti falsifikati fis-siti tagħhom. Il-bejjiegħa ta’ oġġetti falsifikati saru iktar kapaċi jippreżentaw l-offerti tagħhom b’tali mod li ma jkunx dejjem possibbli tinduna mill-offerta fuq l-internet jekk il-prodott ikunx falz jew ġenwin. Minħabba dan, PPMs ibbażati fuq kliem muftieħ jew stampi kif ukoll il-prezzijiet wrew il-limitazzjonijiet tagħhom.

Ħafna Firmatarji investew fl-iżvilupp ta’ indikaturi xierqa (hekk imsejħa indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni) f’attentat biex jkejlu l-progress, l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-MtQ b’mod affidabbli u trasparenti. Filwaqt li tali indikaturi għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari ta’ mudelli tan-negozju differenti, kif ukoll l-oġġetti u s-setturi involuti, ma kienx possibbli li jintuża sett uniku ta’ indikaturi għall-kejl mid-diversi Firmatarji. Konsegwentement, ma kienx possibbli li jiġu ġġenerati ċ-ċifri ewlenin bħala vettur kwantitattivi għall-evalwazzjoni u l-komunikazzjoni tal-effetti tal-MTQ.

Biex jissorveljaw it-tendenzi f’offerti ta’ prodotti falsifikati fuq is-siti tal-Pjattaformi tal-Internet rispettivi, bosta Detenturi tad-Drittijiet wettqu programmi sistematiċi ta’ testijiet tax-xiri, li ġew ripetuti diversi drabi f'ċirkostanzi simili. Dawn kienu importanti biex jiġu identifikati x-xejriet.

Pjattaforma tal-Internet waħda qalet li min-nofs l-2011, kienet qed tosserva tnaqqis notevoli (20 %) fin-numru ta’ rapporti NTD ippreżentati mid-Detenturi tad-Drittijiet, li probabbilment tikkorrispondi għal tnaqqis fin-numru ta’ offerti suspettużi viżibbli fuq il-Pjattaforma. Matul l-istess perjodu, ġie nnutat li t-tneħħijiet proattivi ta’ prodotti suspettużi mill-PPMs tagħha kienu kważi rdoppjaw. Detentur tad-drittijiet wieħed rrapporta li s-sena li għaddiet, id-ditti kummerċjali tiegħu bagħtu kważi 120 000 notifiki ta’ kontenut li jikser ir-regoli lill-intermedjarji tal-internet, li 0.005 % minnhom biss ma kinux ġustifikati.

Pjattaforma tal-Internet ewlenija oħra rrapportat li fit-tielet kwart tal-2012, ’il fuq minn 8 600 bejjiegħ kellhom il-kont blukkat jew severament ristrett wara li dawn instabu li kienu qed joffru oġġetti suspettużi li jħaddnu d-ditta tal-Firmatarji tal-MTQ. Għalkemm l-istatistika speċifika tal-MTQ marbuta mal-firmatarji għall-istess perjodi fis-snin preċedenti mhumiex disponibbli, estrapolazzjoni konservattiva ta’ dawn iċ-ċifri tissuġġerixxi żieda meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Detentur tad-Drittijiet wieħed rrapportaw li mill-bidu tal-MTQ, fuq bażi ta’ kull tliet xhur, in-numru ta’ trasgressuri reċidivi naqas bin-nofs. Detentur tad-Drittijiet ieħor semma wkoll tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ trasgressuri reċidivi li jkunu għadhom attivi fuq l-istess Pjattaformi tal-Internet. F’Mejju 2012, 15,7 % tat-trasgressuri reċidivi kienu attivi, u sa Awwissu 2012, 5 % biss ta’ in-numru ta’ trasgressuri reċidivi kienu rreġistrati.

Skont ir-rapporti tal-Firmatarji, l-effett tal-MtQ fuq il-preżenza attwali ta’ offerti ta' oġġetti falsifikati fuq is-siti tal-Pjattaformi tal-Internet kien varjabbli. Detentur tad-Drittijiet wieħed irrapporta tnaqqis minn 40 % ta’ prodotti falsifikati għal kategorija speċifika ta’ prodotti għal 0 % konsistenti fuq Pjattaforma tal-Internet ewlenija. L-istess Detentur tad-Drittijiet irrapporta tnaqqis ġenerali fl-ammont ta’ prodotti falsifikati fuq is-siti ta’ Pjattaforma tal-Internet ewlenija oħra. Detentur tad-Drittijiet ieħor irrapporta tnaqqis ta’ 50 % fin-numru ta’ bejjiegħa qarrieqa u tnaqqis ta’ 30 % f’offerti illegali fuq l-istess Pjattaforma tal-Internet. Detentur ieħor identifika madwar 12 000 bejjiegħ uniku ta’ oġġetti li jħaddnu l-isem tad-ditta tiegħu attivi fuq Pjattaforma tal-Internet partikolari matul ġimgħa waħda fil-ħarifa tal-2012, li minnhom 9 % globali kienu qed jinnegozjaw fi prodotti falsifikati f’ħames swieq ewlenin tal-UE. Dawn ir-riżultati juru li l-bejgħ ta’ prodotti falsifikati għandu t-tendenza li jmur fuq Pjattaformi tal-Internet b’politika tal-infurzar inqas stretta (l-aktar dawk mhux koperti bil-MtQ), li jissuġġerixxi li l-MtQ tippromwovi prattika tajba u li sabiex tibqa’ effettiva bħala miżura volontarja jeħtieġ li tiġi estiża għal Firmatarji ġodda.

Pjattaforma tal-Internet waħda biss ikkomunikat iċ-ċifri dwar rapporti ta’ esperjenza kerha tax-xerrejja (tnaqqis ta’ 30 % mill-bidu tal-2011 ’l hawn).

Ir-rapporti tal-Firmatarji juru li l-kumpaniji jagħtu prijorità differenti lill-ġlieda attiva kontra l-prodotti falsifikati. Ir-riżorsi finanzjarji u umani allokati jirrifletti dawn il-prijoritajiet. Il-ħarsien tad-ditti huwa għali ħafna. Wieħed mid-Detentur tad-Drittijiet irrapporta li jonfoq aktar minn EUR 3 miljun fis-sena fuq miżuri ta’ protezzjoni tad-ditta, inkluż il-monitoraġġ ta’ servizzi onlajn u n-notifika ta’ offerti li jiksru d-drittijiet. Waħda mill-Pjattaformi tal-Internet irrappurtat l-istess ammont ta’ spejjeż totali fir-riżorsi umani tagħha kontra l-falsifikazzjoni . Detentur tad-Drittijiet ewlenieni ieħor semma spiża annwali ta’ EUR 1 miljun. Fit-tarf l-ieħor tal-ispettru, Detentur tad-Drittijiet ieħor qal li nefaq biss ftit eluf ta’ euro fis-sena fuq miżuri ta’ protezzjoni tad-ditta. Il-Pjattaformi tal-Internet jidhru li qed jinvesti ammont sostanzjali ta’ riżorsi f’miżuri kontra l-falsifikazzjoni. Aktar minn Pjattaforma tal-Internet waħda rrappurtat li madwar 40 membru tal-persunal huma involuti b’xi mod jew ieħor f’miżuri kontra l-falsifikazzjoni. Waħda mill-Pjattaformi waqqfet tim tal-Operazzjonijiet iddedikat għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, li jipprovdi appoġġ operattiv lit-tim ta’ relazzjonijiet tad-Detentur tad-Drittijiet. Il-Pjattaformi tal-Internet kollha baqgħu jinvestu f’iktar funzjonalitajiet tal-kompjuter f’oqsma bħalma huma r-rappurtaġġ NTD, il-PPMs, il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ dwar trasgressuri reċidivi, u l-appoġġ għall-klijent. Ovvjament, l-ammonti li ntnefqu huma proporzjonati għad-daqs u l-kopertura ġeografika tal-pjattaforma. Dan japplika mutatis mutandis għad-Detentur tad-Drittijiet individwali.

Diversi Pjattaformi jsemmu investiment pjuttost sostanzjali f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, bħall-kampanji kontra l-falsifikazzjoni f’kooperazzjoni mad-disinjaturi, sessjonijiet ta’ ħidma edukattiva għall-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll konferenza annwali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. L-Assoċjazzjonijiet tan-Negozju qegħdin jissensibilizzaw lill-membri tagħhom. Xi Detenturi tad-Drittijiet individwali tkellmu dwar l-MtQ f’konferenzi pubbliċi.

4.           It-triq 'il quddiem

Il-falsifikazzjoni onlajn mhix mira fissa. It-teknoloġija u l-mudelli tan-negozju użati mill-falsifikaturi jinbidlu l-ħin kollu. Konsegwentement, il-Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet ikollhom ikunu attenti u viġilanti sabiex ikunu lesti biex jieħdu azzjoni immedjata u xierqa, meta jkun meħtieġ.

Il-MtQ għadda l-perjodu ta’ prova tagħha. Dan qiegħed jopera b’mod sodisfaċenti bis-saħħa tal-impenn tal-Firmatarji. Sal-lum, jidher li ma hemm l-ebda bżonn ta’ emenda tat-test tal-MtQ. Id-dispożizzjonijiet attwali tfasslu b’tali mod li jakkomodaw azzjonijiet rapidi kontra fenomeni ġodda. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fir-rigward tal-implimentazzjoni operattiva jekk din trid tkun rikonoxxuta bħala l-istandard tal-“aqwa prassi”.

Jidher li l-progress kontra l-bejgħ ta’ oġġetti ffalsifikati jista’ jinkiseb l-aħjar bil-konsolidazzjoni ta’ dak li nkiseb sa issa u billi l-MtQ tiġi mħaddma terġa’ aħjar. Konsegwentement, il-Firmatarji jipprevedu flussi ta’ ħidma:

L-estensjoni tal-MtQ u r-reviżjoni tiegħu wara sentejn oħra

Abbażi tal-verżjoni attwali tal-MtQ, il-Firmatarji huma impenjati jkomplu japplikawh għal sentejn oħra[23]. Matul dan il-perjodu, il-Firmatarji jesprimu x-xewqa li jiltaqgħu darbtejn fis-sena taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ewropea. Fir-rebbiegħa, laqgħa plenarja se tirrevedi kwistjonijiet ta’ politika ġenerali. Fil-laqgħa tal-ħarifa, l-enfasi se tkun fuq aktar kwistjonijiet operattivi[24].

Il-Firmatarji tal-MtQ u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li għandhom jirrivedu perjodikament jekk il-MtQ tkunx għadha tajba għall-ġlieda kontra l-offerti onlajn ta’ prodotti falsifikati. Il-Kummissjoni għalhekk se tippjana t-tieni reviżjoni tal-pjan fuq il-linji ta’ dan lejn tmiem l-2014. Sa dak iż-żmien, għandu jiġi stabbilit qafas komuni dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, li għandu jkejjel l-impenn tal-Firmatarji.

Il-valutazzjoni attwali wriet li għad hemm lok għal titjib fl-implimentazzjoni tal-MtQ. Il-laqgħat bilaterali bejn il-Firmatarji għandhom jibqgħu jsiru sabiex dawn ikunu jistgħu jinfurmaw lil xulxin dwar kwistjonijiet speċifiċi u jfittxu flimkien soluzzjonijiet prattiċi. Barra minn hekk, u jekk ikun hemm bżonn, jista’ jkun aktar effettiv li jiġi estiż ir-rwol tal-Kummissjoni bħala faċilitatur u jitħalla jevolvi f’funzjoni ta’ medjazzjoni u ta’ rimedju fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi. Dan jista’ jkun utli għal kwistjonijiet sensittivi rilevanti għal grupp limitat ta’ Firmatarji.

Il-Firmatarji u l-Kummissjoni Ewropea se jiżviluppaw b’mod konġunt strateġija ta’ komunikazzjoni mtejba li għandha tgħin biex naħsdu l-benefiċċji kollha tal-MtQ bħala sforz lejn l-aqwa prassi għad-Detenturi tad-Drittijiet u l-Pjattaformi tal-Internet biex titrażżan il-falsifikazzjoni onlajn.

L-estensjoni tas-sħubija tal-MtQ

Fuq il-bażi tal-esperjenzi tagħhom sa issa, il-Firmatarji qablu li jkun utli li testendi s-sħubija tal-MtQ biex tkun tinkludi Pjattaformi tal-Internet ġodda, id-distributuri, id-Detenturi tad-Drittijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ. It-twessigħ tal-MtQ bl-aċċettazzjoni ta’ Firmatarji ġodda, partikolarment minn setturi addizzjonali jew territorji lesti u kapaċi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tiegħu hija meqjusa bħala wieħed mill-passi essenzjali li jmiss biex l-MtQ isir aktar effettiv. L-enfasi għandha tkun fuq il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ li huma potenzjalment strumentali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-MtQ u li jżid il-valur tiegħu;

Biex ixerrdu l-aħjar prattika u jiffaċilitaw il-konformità mal-MtQ, il-Firmatarji u l-Kummissjoni Ewropea se jagħmlu ħilithom biex jgħinu lill-Pjattaformi tal-Internet mhux Firmatarji u lid-Detenturi tad-Drittijiet biex jadattaw il-proċessi tan-negozju tagħhom u l-għodod ta’ appoġġ, fejn xieraq. L-osservatorju tal-UE dwar il-ksur tad-DPI għandu wkoll jaqdi rwol importanti f’dan il-kuntest.

Biex tkompli ttejjeb id-dimensjoni tal-ħarsien tal-konsumatur tal-MtQ u biex tiżgura li l-użu tiegħu jipproteġi b’mod rigoruż id-drittijiet fundamentali, il-Kummissjoni se tkompli tfittex l-involviment, u preferibbilment il-parteċipazzjoni sħiħa, ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi u gruppi tad-drittijiet ċivili. Il-Pjattaformi tal-Internet u d-Detenturi tad-Drittijiet għandhom ifittxu wkoll modi ġodda biex itejbu l-protezzjoni tal-konsumaturi lil hinn minn dak li diġà ġie miftiehem fil-MtQ.

Anness: Lista ta’ siti u ismijiet ta’ ditti koperti mill-MtQ

Ditti koperti mill-MtQ

il-grupp Adidas

1.           Adidas 2.           Y-3 3.           Reebok 4.           Rockport 5.           Taylor Made 6.           CCM

il-grupp Allianz Amer Sports

1.           ARC’TERYX 2.           MAVIC 3.           SALOMON 4.           SUUNTO 5.           PRECOR 6.           ATOMIC 7.           WILSON 8.           BONFIRE

Burberry

1.           Burberry

Gant

1.           GANT 2.           GANT RUGGER

Lacoste

1.           Lacoste

il-grupp Lego

1.           Lego

il-grupp LVMH

1.           Louis Vuitton 2.           Dior Couture

Mattel, Inc.

1.           Barbie 2.           Hot Wheels 3.           Fisher-Price 4.           Matchbox 5.           Corolle 6.           UNO 7.           Scrabble 8.           Monster High

Microsoft

1.           Microsoft 2.           XBOX 3.           Microsoft Windows 4.           Microsoft Office 5.           Microsoft Windows Server

Nike 1.           NIKE 2.           CONVERSE 3.           UMBRO

Nokia 1.           NOKIA 2.           CONNECTING PEOPLE 3.           VERTU 4.           V

Procter & Gamble 1.           Gillette 2.           OralB 3.           Olay

Richemont 1.           Alfred Dunhill 2.           Azzedine Alaia 3.           Baume Mercier 4.           Cartier 5.           Chloe 6.           IWC 7.           Jaeger LeCoultre 8.           Lancel 9.           Lange & Sohne 10.         Montblanc 11.         Panerai 12.         Piaget 13.         Purdey 14.         Roger Dubuis 15.         Shanghai Tang 16.         Vacheron Constantin 17.         Van Cleef & Arpels

Unilever 1.           Dove 2.           Axe/Lynx 3.           Sure/Rexona 4.           Vaseline 5.           Pond’s 6.           Radox 7.           Duschdas 8.           St Ives 9.           Persul (ir-Renju Unit, l-Irlanda, Franza boss; proprjetà ta’ Henkel fil-bqija tal-pajjiżi 10.         Surf 11.         Omo 12.         Comfort 13.         Cif 14.         Sunsilk 15.         VO5 16.         TRESemmé 17.         Nexxus 18.         Brylcreem 19.         Knorr 20.         Lipton 21.         PG Tips 22.         Slimfast 23.         Signal 24.         Close Up 25.         Prodent 26.         Mentadent 27.         Pepsodent 28.         Zwitsal 29.         Fissan

Siti koperti mill-MtQ

il-grupp MIH

1.           allegro.pl 2.           aukro.bg 3.           aukro.cz 4.           aukro.sk 5.           osta.ee 6.           qxl.dk 7.           qxl.no 8.           ricardo.ch 9.           ricardo.gr 10.         teszvesz.hu 11.         tuktuk.lt 12.         vatera.hu

eBay 1.           ebay.at 2.           ebay.be 3.           ebay.ch 4.           ebay.cz 5.           ebay.de 6.           eim.ebay.dk 7.           eim.ebay.fi 8.           ebay.fr (ħlief Petites Annonces) 9.           eim.ebay.gr 10.         eim.ebay.hu 11.         ebay.ie 12.         ebay.it/classico (ħlief riklami klassifikati) 13.         ebay.nl 14.         eim.ebay.no 15.         ebay.pl 16.         eim.ebay.pt 17.         ebay.es/classico (ħlief riklami klassifikati) 18.         eim.eBay.se 19.         ebay.co.uk

Price Minister/ Rakuten

1.           http://www.priceminister.com 2.           http://www.priceminister.fr 3.           http://www.priceminister.es Amazon

1.           amazon.co.uk 2.           amazon.fr 3.           amazon.de 4.           amazon.it 5.           Amazon.es.

[1]               Kif previst taħt l-Artikolu 41 tal-MtQ, http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/docs/memorandum_04052011_en.pdf.

[2]               Il-Firmatarji għall-MtQ huma: il-Grupp Adidas, AIM (European Brands Association), Allianz Deutscher Produzenten — Film & Fernsehen e.V, il-Grupp Amer Sports, il-Grupp ta’ Kontra l-Falsifikazzjoni (ACG), Amazon, l-International Bureau of Societies Managing Recording and Mechanical Reproduction Rights (BIEM), Burberry, Business Action to Stop Counterfeiting and Piracy (BASCAP), eBay, il-European Textile and Clothing Confederation (EURATEX), il-Federation of Sports and Play Associations (FSPA), Federazione Moda Italia, il-Federation of the European Sporting Goods Industry (FESI), Gant AB, il-Bundesverband der Schuhindustrie e.V., l-Interactive Software Federation (ISFE), l-International Video Federation (IVF), l-Italian Association of Foreign Trade (AICE), Lacoste, il-Grupp Lego, il-Grupp LVMH, Mattel Inc, Microsoft, il-Grupp MIH, il-Motion Picture Association (MPA) EMEA, Nike, Nokia, Price-Minister — il-Grupp Rakuten, Procter & Gamble, Richemont, il-Grupp Svediż ta’ Kontra l-Falsifikazzjoni (SACG) u Unilever.

[3]               L-Artikolu 40 tal-MtQ jipprevedi li l-iffirmar tal-MtQ (4 ta’ Mejju 2011) se jkun segwit minn perjodu ta’ valutazzjoni ta’ 12-il xahar. Filwaqt li l-perjodu għall-valutazzjoni inizjali kien iffissat għal 12-il xahar, il-Firmatarji unanimament qablu li jtawlu dan il-perjodu b’sitt xhur oħra sabiex jippermettu l-ittestjar komprensiv tal-miżuri kollha previsti fl-MtQ.

[4]               http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/stakeholders/index_en.htm.

[5]               COM(2009) 467 finali tal-11.9.2009. li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern

[6]               COM(2011) 287 final tal-24.5.2011: suq uniku għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa

[7]               Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern; http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&language=MT&reference=P7-TA-2010-0340.

[8]               Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, ĠU C 56, 6.3.2010, p. 1.

[9]               Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Aġenda Ewropea għall-Konsumatur. Insaħħu l-kunfidenza u t-tkabbir” COM(2012) 225 finali.

[10]             Id-Direttiva 2000/31/KE, Kapitolu II, Taqsima 4; ĠU L178 ta’ 17.7.2000, p. 1.

[11]             Din il-proċedura komuni ppermettiet lil din il-Pjattaforma tal-Internet biex idaħħal aktar siti taħt il-kopertura tal-MtQ.

[12]             Din il-konklużjoni hija esklussivament valida għall-NTD fil-kuntest ta’ dan il-MtQ u hija mingħajr preġudizzju għall-funzjonament tal-proċeduri NTD għal oqsma oħra ta’ kontenut illegali jew għal dawk li ma ffirmawx il-MtQ. B’mod partikolari, hi mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattiva dwar proċeduri ta’ notifika u azzjoni (http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/notice-and-action/index_en.htm).

[13]             Q3 2011: 65/35, jiġifieri 65 % tal-offerti suspettużi relatati mad-ditti tal-Firmatarji tal-MtQ mneħħija b’mod proattiv kontra 35 % mneħħija b’mod reattiv. Q3 2012: 80/20, jiġifieri 80 % tal-offerti suspettużi relatati mad-ditti tal-Firmatarji tal-MtQ mneħħija b’mod proattiv kontra 20 % mneħħija b’mod reattiv.

[14]             Pjattaforma tal-Internet waħda indikat fir-Rapport Annwali tagħha dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni li fl-2011 hija għalqet 1715-il kont, li f’termini ta’ numri hija żieda ta’ 14 % meta mqabbla mal-2010. Pjattaforma tal-Internet oħra għalqet jew illimitat severament diversi eluf ta’ bejjiegħa ta’ oġġetti ta’ tal-Firmatarji tal-MtQ matul it-tielet kwart tal-2012, li wkoll jissuġġerixxi żieda meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

[15]             Diversi Detenturi tad-Drittijiet sabu tnaqqis ta’ trasgressuri reċidivi fuq għadd ta’ Pjattaformi tal-Internet. Detentur tad-Drittijiet wieħed saħansitra indika li fuq Pjattaforma tal-Internet Ewlenija l-għadd ta’ trasgressuri reċidivi tad-ditti tiegħu tnaqqas b’50 %.

[16]             Għal Pjattaforma tal-Internet waħda, id-Detenturi tad-Drittijiet kollha issa ssieħbu fil-programm ta’ protezzjoni tad-drittijiet. Għal Pjattaforma tal-Internet oħra, diversi Detenturi tad-Drittijiet milquta serjament mill-falsifikazzjoni ssieħbu minn mindu daħal fis-seħħ il-MtQ; oħrajn qed jużaw il-proċeduri NTD mingħajr ma formalment jaderixxu mal-programm tal-protezzjoni tad-drittijiet innifsu; hemm minoranza li la qed taderixxi mal-programm u lanqas mhix tuża l-proċedura NTD.

[17]             Għal aktar sfond, ara wkoll il-kummenti EDPS tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar il-konsultazzjoni pubblika tad-DĠ MARKT dwar il-proċeduri għan-notifika u l-azzjoni fir-rigward ta’ kontenut illegali ospitat fl-intermedjarji onlajn; http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2012/12-09-13_Comments_DG_MARKT_EN.pdf.

[18]             Eżempji tipiċi huma tagħmir elettroniku li ma jaħdimx jew flokkijiet sportivi mhux meħjuta sew dwar liema x-xerrej jilmenta mal-allegat manifattur. Wara spezzjoni, din turi li l-prodott ikkonċernat ma jkunx ġie prodott mill-manifattur, iżda jkun falz.

[19]             L-ebda organizzazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur ma ffirmat il-MtQ.

[20]             COM(2012) 537 finali ta’ 26.9.2012: Il-promozzjoni tas-setturi kreattivi u kulturali għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE SWD(2012) 286 finali tas-26.9.2012: Il-kompetittività tal-Industrija Ewropea b’Valur Miżjud (High End); COM(2012) 582 final ta’ 10.10.2012: Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali — Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku; COM(2012) 784 finali ta’ 18.12.2012: L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa — Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b’mod diġitali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali. P7-TA (2012) 0468, punt 56.

[21]             Pereżempju, il-Karta Franċiża dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni fuq l-internet (2009), ikkumplimentata b’Karti speċjali li jkopru s-siti b’riklami żgħar u operaturi postali (2012).

[22]             http://www.wipo.int/meetings/en/2012/sct_info_net_ge_12/index.html.

[23]             Skont l-Artikolu 44 tal-MtQ, kull Firmatarju jista’ f’kull ħin itemm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-MtQ b’avviż lill-Firmatarji l-oħra u l-Kummissjoni Ewropea.

[24]             L-Artikolu 42 tal-MtQ jistipula l-estensjoni tal-MtQ, wara l-perjodu ta’ valutazzjoni, għal perjodu indefinit, flimkien ma’ laqgħat biannwali u rapport perjodu tal-Kummissjoni.

Top