EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0181

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

/* COM/2013/0181 final */

52013DC0181

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju /* COM/2013/0181 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

1.           Introduzzjoni

Ir-reġjun tad-Danubju jinkludi 14-il pajjiż, tmienja minnhom Stati Membri tal-UE. Jilqa’ fih aktar minn 100 miljun ruħ, wieħed minn ħamsa tal-popolazzjoni tal-UE. Il-pajjiżi huma differenti f'termini ta' saħħa ekonomika, iżda r-Reġjun huwa interkonness sew, b’potenzjal għal aktar integrazzjoni u tkabbir.

Ir-Reġjun ittrasforma ruħu bl-aħħar żewġ tkabbiriet tal-UE: Il-Kroazja se tissieħeb dalwaqt. Hemm ħames pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw ir-rabtiet politiċi, soċjoekonomiċi u settorjali tagħhom mal-UE f'diversi modi. Ir-reġjun għandu pożizzjoni strateġika, li jiftaħ l-UE għall-ġirien tagħha, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, in-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-Asja Ċentrali. Jospita l-aktar xmara internazzjonali fid-dinja, li hija fus ewlieni ta' trasport, baċir idroloġiku interkonness u kuritur ekoloġiku magħruf mad-dinja kollha.

Ir-Reġjun huwa għalhekk konness permezz ta' opportunitajiet u sfidi. Il-politiki tal-pajjiżi huma interdipendenti. Huma jistgħu madankollu jibbenefikaw bil-kbir minn kooperazzjoni akbar u mtejba, pereżempju, fit-tlestija tal-ħolqiet nieqsa fit-trasport, it-tnaqqis tat-tniġġis u l-periklu mill-għargħar, tnaqqis mid-dipendenza fuq fornituri tal-enerġija minn barra r-reġjun, u fl-indirizzar tat-tibdil demografiku jew l-eżodu tal-imħuħ. Il-kompetittività tar-Reġjun tista' wkoll tgawdi sostanzjalment minn azzjoni konġunta fl-oqsma tal-SMEs, il-politiki tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u s-sigurtà. Hemm bżonn li tittejjeb il-kapaċità istituzzjonali fil-livelli kollha.

Fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tat-18 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tħejji Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR). Il-Kummissjoni wieġbet għat-talba tal-Kunsill fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' Diċembru 2010. F'April 2011, il-Kunsill approva l-Komunikazzjoni flimkien mal-Pjan ta' Azzjoni anness magħha, li jidentifika azzjonijiet u eżempji konkreti ta’ proġetti fi 11-il Qasam ta' Prijorità tematika. Isegwi l-approċċ użat għall-ewwel darba mill-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

L-Istrateġija tipprovdi qafas integrat u robust għall-pajjiżi u r-reġjuni biex jindirizzaw kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu maniġġati sodisfaċentement b’mod iżolat, iżda minflok jeħtieġu approċċi strateġiċi, proġetti u netwerking transnazzjonali. Tippermetti li jkun hemm kooperazzjoni aħjar sabiex tittejjeb l-effettività, l-ingranaġġ u l-impatt tal-politiki fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali, billi jintużaw il-politiki u l-programmi eżistenti u jinħolqu sinerġiji bejniethom.

L-Istrateġija taħdem fuq livell intermedju bejn ħidma nazzjonali u mal-UE kollha fuq suġġetti bħar-riċerka u l-innovazzjoni, il-migrazzjoni jew is-sigurtà. Issaħħaħ l-integrazzjoni tal-pajjiżi mal-UE, u tqarreb lejn l-Unjoni lill-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani, il-Moldova u r-reġjuni tal-Ukraina.

Wara 18-il xahar ta' implimentazzjoni, huma evidenti kisbiet sinifikanti. L-Istrateġija:

– tippromwovi proġetti transnazzjonali konkreti b'impatti fuq ir-Reġjun u tagħti impuls ġdid lill-azzjoni fir-Reġjun;

– tappoġġja l-koordinazzjoni ta’ politiki u fondi nazzjonali u tal-UE differenti, u twitti t-triq għal aktar koerenza u riżultati aħjar, b’impatt ikbar għall-2014-2020;

– tiżviluppa pjattaforma ta’ kooperazzjoni wiesgħa, tindirizza l-isfidi li ġew identifikati bħala li jeħtieġu attenzjoni konġunta. Hemm 24 Koordinatur ta’ Oqsma ta’ Prijorità u 14-il Punt ta' Kuntatt Nazzjonali li jmexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni;

– tenfasizza l-importanza politika tar-Reġjun, permezz ta' appoġġ strateġiku fil-livell ministerjali u avvanzi konkreti f’termini ta’ implimentazzjoni;

Il-kapitoli li ġejjin jirrapportaw dwar dawn il-kisbiet, jagħtu eżempji konkreti, filwaqt li jidentifikaw oqsma li jeħtieġu aktar attenzjoni. Il-Kapitolu 5 jiġbor fil-qosor it-tagħlimiet miksuba u l-Kapitolu 6 jissuġġerixxi rakkomandazzjonijiet għall-futur.

2.           Proġetti, politiki u netwerks għar-Reġjun tad-Danubju

L-Istrateġija tiffoka partikolarment fuq proġetti u inizjattivi konkreti u strateġiċi b'impatt makroreġjonali. L-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha huma organizzati f'erba’ pilastri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin. Tiffaċilita proġetti ġodda, tagħti impetu ġdid lill-proġetti eżistenti u tappoġġja n-netwerks għar-Reġjun[1].

2.1.        Nikkollegaw ir-Reġjun tad-Danubju

Proġetti ġodda

– Proġetti ġodda ta' riċerka fuq bastimenti innovattivi, bħall-proġett NEWS, qed jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tiġġedded il-flotta tad-Danubju, b'approċċi li huma aktar kompetittivi u ekoloġiċi, eż. permezz ta' magni aktar effiċjenti u nodfa, u d-disinn aħjar tal-qafas tal-bastimenti. Dan jikkontribwixxi lejn l-għan kumplessiv li sal-2020 it-trasport sostenibbli tal-merkanzija fuq ix-xmara jiżdied b'20 %, meta mqabbel mal-2010;

– Qed jitneħħew il-fdalijiet ta' bastimenti mid-Danubju, is-Sava u t-Tisa u b'hekk jitjiebu l-kundizzjonijiet tan-navigazzjoni u ekoloġiċi. Il-proġett biex jitneħħew il-fdalijiet tal-bastimenti li jlaħħqu għal madwar 15 000 tunnellata, li mbeda mill-Kamra tal-Kummerċ tas-Serbja bħala parti mill-istrateġija, jinvolvi lis-settur privat ukoll;

– Ix-xogħol fuq l-interkonnettur tal-gass bejn il-Bulgarija u s-Serbja miexi sew, u se jgħaqqad iż-żona tal-Baħar Baltiku mal-Baħar Adrijatiku u l-Eġew u lil hinn sal-Baħar l-Iswed. Il-pajp tal-gass se jkun twil 150 km. Se jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass, jiżgura sigurtà fil-provvista tal-gass u jikkompleta ċ-"ċirku" reġjonali importanti tal-provvista tal-gass.

Momentum ġdid għall-proġetti eżistenti

– L-approċċ kooperattiv iffaċilita t-tlestija mill-Pont Calafat-Vidin, li jgħaqqad ir-Rumanija u l-Bulgarija. Il-pont huwa kofinanzjat minn Fondi Ewropej u huwa biss it-tieni pont tul is-630 km ta' xmara tul il-fruntiera, u għalhekk jipprovdi ħolqa importanti li kienet nieqsa fin-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T).

Inizjattivi ġodda ta’ koordinazzjoni politika

– Fuq stedina tal-Kummissjoni, il-ministri tat-trasport tar-Reġjun tad-Danubju, fis-7 ta' Ġunju 2012, adottaw dikjarazzjoni dwar il-manutenzjoni tal-passaġġ navigabbli tad-Danubju, u kkommettew ruħhom għal miżuri konkreti, inkluża s-sorveljanza tal-fond tal-ilma u s-sinjalazzjoni tar-rotot ta’ navigazzjoni f’partijiet baxxi. Dan wassal għal ftehim bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija biex jippjanaw ix-xogħlijiet flimkien b'mod konġunt u biex jikkondividu t-tagħmir;

– Il-Mudell tas-Suq tal-Gass tar-Reġjun tad-Danubju ġie żviluppat biex jikkwantifika l-impatt reġjonali tal-proġetti tal-infrastruttura tal-gass ippjanati għar-Reġjun u wassal biex il-pajjiżi tad-Danubju issa laħqu ftehim dwar sett ta' rakkomandazzjonijiet politiċi għal proġetti bħal dawn fil-ġejjieni.

2.2.        Protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun tad-Danubju

Proġetti ġodda

– Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda sejħa għal proġetti ta' riċerka, biex titfassal riċerka ambjentali u titjieb l-adozzjoni tar-riżultati fir-Reġjun. Dan mobilizza atturi u riżorsi sinifikanti mis-settur pubbliku (nazzjonali u tal-UE) u sorsi privati għall-immaniġġjar kumplessiv u effikaċi tad-delta tax-xmara u l-kosta tal-baħar;

– It-Task Force "Danube Sturgeon" inħolqot biex jiġu żgurati popolazzjonijiet vijabbli ta' din il-ħuta importanti fix-xmara, u tiffaċilita proġetti, miżuri u inizjattivi biex jirritorna l-isturjun. Tippromwovi approċċ trasversali, li jgħaqqad il-bijodiversità ma' oqsma ta' politika bħall-kwalità tal-ilma, il-permeabilità ta' ħabitats, l-iżvilupp ekonomiku, l-edukazzjoni ambjentali, u anki l-prevenzjoni tal-kriminalità (b'rabta mal-kummerċ illegali tal-kavjar).

Momentum ġdid għall-proġetti eżistenti

– Il-proġett DANUBE FLOODRISK jesplora metodi u bażijiet tad-dejta li l-pajjiżi jistgħu jaħdmu fuqhom flimkien b’mod konġunt. B'kollox, 19-il istituzzjoni fi 8 pajjiżi tad-Danubju qed jipparteċipaw, u qed jaċċelleraw il-progress lejn bażijiet tad-dejta kondiviżi u l-immappjar tal-għargħar. Is-Sistema Ewropea ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Għargħar (European Flood Awareness System - EFAS) qiegħda wkoll twettaq ħidma komplimentari.

2.3.        Ħolqien tal-prosperità fir-Reġjun tad-Danubju

Proġetti ġodda

– Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Netwerks tal-Komunikazzjoni, il-Kontenut u t-Teknoloġija nieda proġett ġdid ta' infrastruttura-e skont is-Seba' Programm Kwadru biex itejjeb l-aċċess għal servizzi tal-kompjuter avvanzati għar-riċerkaturi u l-forniment tagħhom. L-infrastruttura-e l-ġdida se sservi ta' pont għall-faċilitajiet tas-superkompjuter tal-inizjattiva Ewropea PRACE għall-pajjiżi fir-reġjun tad-Danubju, u tabilħaqq anki għal xi pajjiżi tal-Kawkażu. Il-proġett SEERA-EI jikkapitalizza fuq dan u b'hekk ipoġġiha, flimkien ma’ xogħol ieħor, fuq l-aġenda reġjonali tad-Danubju;

– Il-Forum Kummerċjali tar-Reġjun tad-Danubju, ikkoordinat mill-Kamra tal-Kummerċ Awstrijaka, jipprovdi pjattaforma ta' netwerking importanti għal iktar minn 300 SME. Iħeġġeġ laqgħat bejn in-negozji, u jappoġġja rabtiet ma' fornituri tal-għarfien bħal istituti ta’ riċerka u universitajiet.

– Fir-Reġjun tad-Danubju qed jiġu stabbiliti ċentri ta' trasferiment teknoloġiku, b'ħames proġetti pilota marbuta ma' universitajiet importanti fir-reġjun tad-Danubju, biex itejbu r-rabtiet bejn il-qasam akkademiku u s-settur privat;

– Fi proġett pilota ieħor, skejjel u studenti mid-Danubju qegħdin jiżviluppaw b'mod konġunt korsijiet ta' taħriġ innovattivi u programmi edukattivi kreattivi biex jippromwovu kuntatti transnazzjonali bejn il-kulturi, b’enfasi fuq iċ-ċittadinanza attiva u l-impenn lejn l-iżvilupp sostenibbli. Qed tiġi żviluppata gwida innovattiva għall-għalliema bl-għan li tiġi applikata fir-Reġjun tad-Danubju kollu.

Inizjattivi ġodda ta’ koordinazzjoni politika

– Inbdiet ħidma biex jinħoloq Fond għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għad-Danubju li jippulja fondi nazzjonali u reġjonali u li juża l-esperjenzi tal-programm BONUS fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Fid-9 ta’ Lulju 2012, f'Ulm, ġiet iffirmata Dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri tar-Reġjun tad-Danubju għar-Riċerka, li twitti t-triq għall-ħidma preparatorja. Id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana jappoġġjaw din il-ħidma, speċjalment permezz ta' Danube INCO.net u għajnuna oħra.

2.4.        Tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju

Proġetti ġodda

– Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka nieda inizjattiva biex jipprovdi appoġġ xjentifiku għall-Istrateġija, b’kooperazzjoni ma’ sħab xjentifiċi ewlenin mir-Reġjun. Bdiet ħidma fuq il-ħolqien ta' infrastruttura tas-servizzi u d-dejta ta' referenza għad-Danubju kollu dwar sfidi komuni bħall-protezzjoni tal-ambjent, in-navigabbiltà, l-irrigazzjoni u l-iżvilupp agrikolu u l-produzzjoni tal-enerġija. Qegħdin jitnedew erba' ragruppamenti tematiċi xjentifiċi biex titrawwem il-kooperazzjoni xjentifika u biex jiġu rrazzjonalizzati l-attivitajiet ta' riċerka. Enfasi speċjali fuq l-Istrateġiji Intelliġenti ta' Speċjalizzazzjoni tappoġġja lil pajjiżi u reġjuni f’li joħolqu strateġiji reġjonali għall-innovazzjoni;

– Bl-għan li jitjieb l-aċċess għall-finanzi fir-Reġjun, id-Djalogu ta' Finanzjament tad-Danubju jqabbel l-ideat tal-proġetti mal-fondi, billi jlaqqa' flimkien promoturi ta' proġetti, bħal SMEs, ma’ banek, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u programmi ta' finanzjament.

Inizjattivi ġodda ta’ koordinazzjoni politika

– Laqgħa tal-kapijiet tal-pulizija f'Jannar 2012 nediet inizjattiva biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija fir-Reġjun tad-Danubju billi jitjiebu l-miżuri kontra r-reati marbuta max-xmara (inkluża l-kriminalità organizzata), u l-istabbiliment ta' pjattaforma transnazzjonali għall-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, il-EUROPOL żviluppat proġett speċifiku għall-analiżi tat-theddid għar-Reġjun tad-Danubju.

3.           Sfruttament sħiħ minn dak li hemm: Allinjament tas-sorsi ta' finanzjament u ħolqien ta' sinerġiji

Il-ħidma saret billi tjieb il-mod kif jiġu użati r-riżorsi u l-għarfien, li spiss diġà huma disponibbli għar-Reġjun, permezz ta' koordinazzjoni aħjar. Filwaqt li tibni fuq dan l-approċċ, l-Istrateġija timmira li tikseb riżultati aħjar u impatt akbar billi tallinja l-fondi u l-politiki eżistenti fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Eżempji jinkludu:

– proġetti infrastrutturali, bħall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi f'Budapest, li jiżgura kwalità ta' ilma aħjar għar-Reġjun kollu, iffinanzjat mill-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej;

– programmi transfruntiera, bħal bejn ir-Rumanija u s-Serbia, u l-Ungerija u s-Serbja, qegħdin dejjem aktar jiġu allenjati mal-Istrateġija, bl-użu ta' sejħiet speċifiċi jew billi jingħataw punti żejda fil-proċedura tal-għażla. Is-Serbja waħidha allokat EUR 19-il miljun għal proġetti speċifiċi tal-Istrateġija fil-komponent tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-IPA tal-2011;

– programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali, bħax-Xlokk tal-Ewropa u l-Ewropa Ċentrali, iffinanzjaw proġetti ġodda tal-Istrateġija tad-Danubju;

– is-Seba' Programm Kwadru tar-Riċerka nieda tlett sejħiet li jindirizzaw b'mod speċifiku l-isfidi tar-Reġjun tad-Danubju fir-rigward ta' flotta innovattiva, soluzzjonijiet ambjentali, u koordinazzjoni tal-politiki tax-xjenza u t-teknoloġija;

– proġetti kofinanzjati mid-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-industrija tat-turiżmu sostenibbli appoġġjaw transnazzjonali fir-reġjun tad-Danubju;

– fl-abbozz rivedut tal-linji gwida għan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew issa qiegħed jitqies it-tul kollu tax-Xmara tad-Danubju;

– fil-kuntest tal-Qafas tal-Investiment għall-Punent tal-Balkani ffinanzjat mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, qiegħda tingħata prijorità lil proġetti li jikkonformaw mal-Istrateġija;

– il-Parlament Ewropew jappoġġja proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għar-Reġjun tad-Danubju billi jipprovdi lill-Koordinaturi tal-Oqsma ta’ Prijorità b’assistenza teknika, u jinkoraġġixxi approċċi innovattivi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

– reġjuni, bħal Baden Württemberg, warrbu huma stess fondi biex jappoġġjaw lill-Istrateġija, inkluż għall-fażi inizjali ta' proġetti b'impatt makroreġjonali espliċitu;

– il-Bank Ewropew tal-Investiment, flimkien mal-Ungerija, waqqaf il-Punt ta' Kuntatt għad-Danubju f'Budapest biex jiffaċilita l-iżvilupp ta' proġetti b'investiment transnazzjonali;

– għaddej xogħol simili fuq Faċilità ta' Għajnuna Teknika għar-Reġjun tad-Danubju kumplessiva, li tiffaċilita l-fażi ta' tħejjija ta' proġett.

Fir-rigward tal-programmar importanti li jmiss għall-perjodu 2014-2020, huwa kruċjali li jkunu jistgħu jintużaw aktar il-programmi u l-politiki għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija:

– l-istrateġiji makroreġjonali qed jiġu enfasizzati fil-Qafas Strateġiku Komuni li jkopri l-koordinazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (European Structural and Investment Funds - ESIF). Dan jipprovdi lill-proċess tal-programmar b'direzzjoni strateġika u jiffaċilita l-irbit settorjali u territorjali għall-fondi b'immaniġġjar kondiviż, jiġifieri l-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

– l-approċċ makroreġjonali qed jissemma fil-Ftehimiet ta' Sħubija, għal pajjiżi individwali, biex jiġi żgurat li l-programmi kollha nazzjonali/reġjonali u ta' kooperazzjoni jqisu dan l-approċċ. Dan jipprovdi finanzjament futur għall-Istrateġija permezz tal-ESIF, u b’hekk jiżgura s-sostenibbiltà għas-snin li ġejjin;

– qed jinħoloq programm ta’ kooperazzjoni transnazzjonali ridefinit u speċifiku għar-Reġjun tad-Danubju, biex jiffinanzja proġetti ta' networking, u biex jipprovdi għajnuna istituzzjonali għall-implimentazzjoni u l-governanza.

4.           Pjattaforma tal-kooperazzjoni

Għalhekk, għall-ewwel darba fir-Reġjun u wara kunflitti u diviżjonijiet, u msejsa fuq it-tkabbir, l-Istrateġija tistabbilixxi struttura ta' kooperazzjoni operazzjonali biex jiġu indirizzati b’mod kooperattiv l-isfidi li r-Reġjun tad-Danubju jikkondividi. Apparti milli tikkonsisti minn proġetti u programmar, din hija wkoll pjattaforma importanti ġdida, li tinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi pajjiżi tar-Reġjun tad-Danubju li huma politikament impenjati fuq il-livell kumplessiv.

Mingħajr ma toħloq istituzzjonijiet ġodda, din il-pjattaforma tippermetti lill-partijiet interessati ewlenin u lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali jmexxu 'l quddiem l-implimentazzjoni ta' kuljum:

– l-Istrateġija hija organizzata fi 11-il Qasam ta' Prijorità funzjonali li jġibu flimkien l-għarfien espert u r-responsabbiltà: (1) Passaġġi fuq l-ilma intern u ferroviji, toroq u trasport bl-ajru; (2) Enerġija; (3) Kultura u turiżmu; (4) Kwalità tal-ilma; (5) Riskji ambjentali; (6) Bijodiversità; (7) Soċjetà tal-għarfien u teknoloġiji tal-informazzjoni; (8) Kompetittività u żvilupp ta' ragruppamenti; (9) Investimenti fin-nies u l-ħiliet; (10) Kapaċità istituzzjonali; (11) Sigurtà.

– Dawn qed jitmexxew minn Koordinaturi tal-Oqsma ta’ Prijorità (Priority Area Coordinators - PACs), uffiċjali ta' livell għoli mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, esperti fl-oqsma tematiċi tagħhom. Huma sostnuti mill-kontropartijiet tagħhom mir-Reġjun tad-Danubju, u huma organizzati fi 11-il Grupp ta' Tmexxija, wieħed għal kull Qasam ta' Prijorità. Dawn huma pjattaformi ġodda importanti ta' kooperazzjoni fihom infishom;

– fil-livell nazzjonali u reġjonali, l-implimentazzjoni hija żgurata mill-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP), b'hekk l-Istrateġija tiġi integrata fl-ambitu nazzjonali u reġjonali u ġġiegħel li dawk li jfasslu l-politika "jaħsbu fuq livell makroreġonali". L-impenn politiku jinkiseb b'laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin kif ukoll ta' ministri settorjali, u permezz ta' inizjattivi minn bliet u reġjuni;

– il-livell Ewropew jiffaċilita l-implimentazzjoni, kif ukoll jintegra l-Istrateġija fil-politiki tal-UE, permezz ta' kuntatt mal-partijiet interessati fil-pajjiżi tad-Danubju, li jistabbilixxi rabtiet ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE, pereżempju, permezz ta’ fora regolari għall-Membri tal-Parlament Ewropew, billi uffiċjali mill-Kummissjoni regolarment jieħdu sehem f'laqgħat għad-Danubju kollu, u permezz ta' appoġġ istituzzjonali provdut mill-baġit tal-UE;

– il-programm tal-UE INTERACT jipprovdi bini tal-kapaċità u appoġġ organizzazzjonali, kif ukoll għodod ta’ komunikazzjoni (eż. identità viżwali, websajt, bulettin) li jirriklamaw ir-riżultati tal-Istrateġija fil-midja u lill-pubbliku ġenerali;

– waqt li tibni fuq dak li diġà ġie stabbilit, l-Istrateġija tagħti wkoll prominenza u appoġġ operazzjonali lill-istituzzjonijiet eżistenti fir-Reġjun, bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju (International Commission for the Protection of the Danube River - ICPDR), u tindirizza kwistjonijiet ambjentali u tal-kwalità tal-ilma, u l-Kummissjoni tad-Danubju, li taħdem fuq in-navigabbiltà. F'din il-ħidma huma inklużi atturi mis-soċjetà ċivili, fosthom fis-seminars għall-partijiet interessati, il-Gruppi ta' Tmexxija u l-Forum Annwali, u partikolarment fil-Qasam ta' Prijorità nru 10, “Kapaċità Istituzzjonali”.

5.           Tagħlimiet mill-passat

Wara l-perjodu inizjali ta' implimentazzjoni, jistgħu jiġu identifikati t-tagħlimiet li ġejjin:

Struttura ta' implimentazzjoni

· Il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali, il-Koordinaturi tal-Oqsma ta’ Prijorità u l-Gruppi ta’ Tmexxija tagħhom jiffurmaw il-qalba tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Il-ħidma tagħhom teħtieġ tiġi integrata aktar fl-istrutturi politiċi u amministrattivi. L-irwol ċentrali viżibbli tagħhom jeħtieġ stabbilità istituzzjonali, rikonoxximent politiku u allokazzjoni ta’ riżorsi umani biżżejjed. Persunal adegwat u appoġġ minn ministeri huma kruċjali biex jippermettulhom jaqdu r-rwol tagħhom;

· L-esperjenza turi li l-koordinazzjoni nazzjonali taħdem aħjar fil-pajjiżi li waqqfu gruppi ta’ ħidma interministerjali għall-koordinazzjoni tax-xogħol tad-Danubju fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari fejn ġew stabbiliti pjattaformi politiċi jew fuq livell ta' servizz ċivil għoli, u li huma appoġġjati b'segretarjat tekniku fil-ħidma tagħhom. Din hija prassi tajba, li għandha tiġi inkoraġġuta fir-Reġjun kollu;

· Il-baġit tal-UE jista' jipprovdi finanzjament dirett limitat għall-implimentazzjoni tal-istruttura sal-2014. Madankollu, peress li l-finanzjament mhuwiex żgurat wara dik id-data, jeħtieġ li jinstabu mezzi oħra ta' appoġġ, bħal sorsi nazzjonali, il-programm futur ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tad-Danubju u l-programm futur INTERACT.

Appoġġ politiku

· L-appoġġ politiku ta' livell għoli nieda l-Istrateġija u jibqa’ kruċjali għall-implimentazzjoni tagħha. Laqgħat ministerjali (dwar it-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija) avvanzaw b'mod sinifikanti l-manutenzjoni tax-Xmara Danubju, il-koordinazzjoni tar-riċerka nazzjonali u reġjonali u l-politiki tal-innovazzjoni u l-appoġġ għal pajjiżi mhux Stati Membri tal-UE li qed jimplimentaw it-Tielet Pakkett tal-Enerġija skont il-Komunità tal-Enerġija;

· Il-laqgħat tal-Ministri Barranin enfasizzaw l-appoġġ politiku globali għall-Istrateġija. Ir-rwol attiv tal-Ungerija matul il-Presidenza tagħha aċċellera l-ħidma. Dan huwa partikolarment utli meta l-livell politiku huwa marbut maċ-ċiklu tal-avvenimenti tal-Istrateġija.

Finanzjament ta' azzjonijiet konkreti

· Huwa kruċjali li jsir l-aħjar użu mill-politiki u l-programmi eżistenti, bħal Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESIF), l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, il-programm TEN-T, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp jew fondi privati. Fir-rigward tal-2014-2020, huwa essenzjali li l-Istrateġija tiġi integrata sistematikament fil-programmi. Hemm bżonn li jsir sforz konġunt mill-pajjiżi u r-reġjuni tad-Danubju u mill-Kummissjoni Ewropea;

· Tnedew inizjattivi importanti għall-appoġġ ta' proġetti fil-fażi preparatorja tagħhom u biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi, bħall-Faċilità ta’ Assistenza Teknika għar-Reġjun tad-Danubju, il-fondi mill-Istat ta' Baden-Württemberg, il-Punt ta' Kuntatt tad-Danubju ta' Budapest jew id-Djalogu Finanzjarju tad-Danubju. Ir-rabtiet bejn l-inizjattivi għandhom jiġu msaħħa.

Tisħiħ tal-inizjattivi eżistenti

· Ġew stabbiliti sinerġiji ma' korpi u inizjattivi eżistenti, bħalma huma l-ICPDR, il-Komunità tal-Enerġija jew l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, u dawn jeħtiġielhom jissaħħu. L-involviment ta' istituzzjonijiet, korpi u netwerks eżistenti jkompli jibni fuq esperjenzi pożittivi oħrajn, notevolment fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Dan qiegħed dejjem iktar jiġi ffaċilitat mill-Grupp ta’ Livell Għoli, stabbilit biex jiggwida l-inizjattiva makroreġjonali, li jagħti pariri dwar din il-ħidma, isaħħaħ l-għarfien espert disponibbli, jevita strutturi paralleli u jagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli.

Orjentazzjoni tar-riżultati u l-miri

· Miri, stadji importanti u pjani majjistri jipprijoritizzaw il-ħidma, jikkontribwixxu għal implimentazzjoni f’waqtha u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni tal-potenzjal tal-Istrateġija. Għandhom jiġu analizzati u mmonitorjati kontinwament.

Integrazzjoni tal-politiki u l-fondi

· Hemm valur speċifiku fl-approċċi integrattivi, pereżempju billi jiġu kkombinati n-navigazzjoni u l-interessi ambjentali fl-iżvilupp tax-xmara, bħal fil-medda tal-Lvant ta' Vjenna. Il-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni transsettorjali, pereżempju fil-qasam xjentifiku permezz tal-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li jinvolvi servizzi rilevanti u diversi sorsi ta’ finanzjament. B’mod ġenerali, l-oqfsa fil-livell tal-UE għandhom jintużaw aktar, b'enfasizzi li r-Reġjun tad-Danubju jinkludi ħafna iktar minn sempliċement ix-xmara.

Integrazzjoni ta' pajjiżi mhux fl-UE

· L-Istrateġija tinvolvi sitt pajjiżi mhux fl-UE fuq livell ugwali, b'sostenn għall-proċessi ta’ integrazzjoni u ż-żieda fil-kooperazzjoni fir-Reġjun. Iridu jinstabu u jiġu msaħħa soluzzjonijiet innovattivi biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi u biex tiġi ffinanzjata l-implimentazzjoni tal-proġett. Dan diġà jinkludi l-parteċipazzjoni sħiħa fil-koordinazzjoni tal-Qasam ta' Prijorità u fil-Gruppi ta' Tmexxija, fejn qed tingħata attenzjoni speċjali għal appoġġ b'rabta mal-parteċipazzjoni. Ġew identifikati fondi mill-allokazzjonijiet tal-UE għall-attivitajiet tal-Istrateġija tad-Danubju minn mill-inqas pajjiż wieħed li mhuwiex fl-UE u din hija prassi tajba li l-oħrajn jistgħu jsegwu.

Komunikazzjoni

· Identità viżwali komuni, websajt komprensiva li tkopri l-Oqsma ta’ Prijorità kollha, bulettin, u materjal promozzjonali żviluppati bl-appoġġ qawwi tal-programm INTERACT, żiedu l-viżibbiltà u ffaċilitaw il-komunikazzjoni. Ikun utli li l-informazzjoni dwar il-laqgħat u l-konferenzi dwar id-Danubju jiġu ċentralizzati sabiex tkun tista' ssir komunikazzjoni dwarhom aktar armonizzata.

· L-ewwel Forum Annwali, li sar f'Regensburg f'Novembru 2012, ikkonferma l-appoġġ politiku għall-Istrateġija u pprovda opportunità biex tintwera u tiġi diskussa l-implimentazzjoni tagħha. Hemm valur miżjud jekk konferenza bħal din tibda ssir fuq bażi regolari u bħala l-avveniment ewlieni tal-Istrateġija, flimkien ma’ laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin.

6.           Rakkomandazzjonijiet

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju wriet potenzjal ċar fl-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tagħha. Tefgħet l-enfasi fuq Reġjun b’potenzjal konsiderevoli għal żvilupp u integrazzjoni ulterjuri, billi tindirizza b'mod konġunt sfidi bħal l-użu sostenibbli tar-riżorsi jew it-tibdil fil-klima b'mod kooperattiv. Sabiex tiġi żgurata li kontinwazzjoni tal-ħidma fuq il-kwistjonijiet ewlenin li jħabbat wiċċu magħhom ir-Reġjun, u abbażi tal-esperjenza rapportata hawnhekk, kif ukoll fid-diskussjonijiet fl-ewwel Forum Annwali, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti:

· issaħħu l-istrutturi interni tagħhom tal-implimentazzjoni, jipprovdu sostenn finanzjarju u appoġġ politiku adegwati, u aktar stabbiltà istituzzjonali;

· jiżguraw il-kontinwità u mandati xierqa għar-rappreżentanti li jintbagħtu fil-Gruppi ta' Tmexxija, jużaw il-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-2014-2020 biex jappoġġjaw l-istrutturi tal-implimentazzjoni;

· jistabbilixxu tmexxija sostenibbli u ppjanar strateġiku għall-Istrateġija, megħjuna mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex il-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-sħiħ. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha ssir iktar awtosostenibbli fejn l-istrutturi tagħha jiżguraw il-kontinwità anki jekk jinbidlu l-persuni involuti;

· jimmonitorjaw b'mod kontinwu l-implimentazzjoni tal-Oqsma ta’ Prijorità kollha, inkluż l-impenn fuq livell politiku u f’termini ta’ kisbiet konkreti, bil-ħsieb li l-attenzjoni tiġi kkonċentrata fuq sfidi speċifiċi, u tinżamm il-konċentrazzjoni kif ukoll tingħata bażi għall-prijoritizzazzjoni u struttura iżgħar u orjentata aktar lejn ir-riżultati;

· jiżguraw li jkun hemm aktar enfasi fuq ir-riżultati billi jagħtu aktar attenzjoni lil miri u indikaturi xierqa, stadji importanti u pjanijiet majjistri;

· jiżguraw l-integrazzjoni sistematika tal-Istrateġija fil-programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali għall-perjodu 2014-2020, speċjalment il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Horizon 2020, il-COSME u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, bl-użu tal-għarfien espert tan-netwerks tad-Danubju u tal-partijiet interessati ewlenin fil-programmar u l-implimentazzjoni;

· isaħħu l-kontribut tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 permezz ta' azzjonijiet konkreti għar-Reġjun tad-Danubju marbuta mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

· isaħħu l-koerenza tal-azzjonijiet tad-Danubju mal-politiki tal-UE billi jiżguraw li l-ħidma tal-Istrateġija tiġi diskussa mill-istituzzjonijiet eżistenti, f'Kunsilli settorjali rilevanti, u fejn meħtieġ f'laqgħat ministerjali speċifiċi;

· iżidu l-attivitajiet tal-komunikazzjoni biex jilħqu udjenza usa’;

· jistabbilixxu l-Konferenza Annwali bħala l-avveniment ewlieni tas-sena, li jagħti direzzjoni strateġika, joħloq rabtiet u approċċi komuni u jippubbliċizza r-riżultati;

· isaħħu, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-koordinazzjoni u l-koerenza mal-inizjattivi eżistenti u futuri possibbli tal-UE ta' dan it-tip jew ta' tip makroreġjonali u tal-baċiri tal-baħar simili.

[1]               Rapport sħiħ skont kull Qasam ta' Prijorità jista' jitniżżel mill-websajt tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (www.danube-region.eu/pages/reports)

Top