EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0567

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa

/* KUMM/2011/0567 finali */

52011DC0567

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa /* KUMM/2011/0567 finali */


1. DAĦLA

L-istrateġija Ewropa 2020, l-Inizjattivi Ewlenin tagħha u l-Linji Gwida Integrati ġodda jpoġġu l-għarfien fil-qalba tal-isforzi tal-Unjoni biex tikseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 issostni din l-istrateġija b'żieda sinifikanti fil-baġit maħsuba għall-investiment fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Dan għaliex l-edukazzjoni, u b'mod partikolari l-edukazzjoni għolja u r-rabtiet tagħha mar-riċerka u l-innovazzjoni, għandha rwol kruċjali fl-avvanz tal-individwu u tas-soċjetà, kif ukoll fil-provvediment ta' kapital uman b'ħiliet speċjalizzati u ta' ċittadini artikolati li l-Ewropa teħtieġ biex toħloq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja[1] huma sħab kruċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex immexxu 'l quddiem u nżommu t-tkabbir.

Minkejja l-isfidi fil-qasam tal-impjiegi wara l-kriżi ekonomika, l-edukazzjoni għolja tirrappreżenta għażla għaqlija[2]. Madankollu, il-potenzjal tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ewropej li jissodisfaw ir-rwol tagħhom fis-soċjetà u jikkontribwixxu għall-prosperità tal-Ewropa, għadu mhuwiex sfruttat biżżejjed; L-Ewropa ma għadhiex fuq quddiem nett fit-tellieqa globali għall-għarfien u t-talent, filwaqt li l-ekonomiji li jixirfu qegħdin iżidu b'rata mgħaġġla l-investiment tagħhom fl-edukazzjoni għolja[3]. Filwaqt li 35 % tal-impjiegi kollha fl-UE se jirrikjedu kwalifiki għolja sal-2020[4], bħalissa 26 % biss tal-ħaddiema għandhom kwalifika ta' edukazzjoni għolja. L-UE għadha lura fir-rigward tas-sehem ta' riċerakturi fit-total tal-forza tax-xogħol: 6 fil-mija, meta mqabbla ma' 9 fl-Istati Uniti u 11 fil-Ġappun[5]. L-ekonomija tal-għarfien teħtieġ persuni b'taħlita tajba ta' ħiliet: il-kompetenzi trasversali, il-kompetenzi diġitali għall-era diġitali, il-kreattività u l-flessibbiltà kif ukoll fehim sod tal-qasam magħżul minnhom (bħal fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika). Iżda l-impjegaturi pubbliċi u privati, inklużi fis-setturi li huma intensivi fir-riċerka, qegħdin jirrapportaw dejjem aktar nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet kif ukoll diffikultajiet biex isibu l-aħjar persuni għall-ħtiġijiet tagħhom li dejjem jevolvu.

Fl-istess waqt, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja ta' spiss jippruvaw jikkompetu f'għadd kbir wisq ta' oqsma, filwaqt li huma pjuttost ftit dawk li għandhom il-kapaċità li jeċċellaw f'kull qasam. B'konsegwenza ta' dan, huma ftit wisq l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja Ewropej rikonoxxuti bħala ta' klassi dinjija, fil-klassifikazzjonijiet universitarji globali orjentati lejn ir-riċerka li hawn bħalissa.Pereżempju, huma biss madwar 200 minn 4000 istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa li ġew inklużi fost l-aqwa 500, u tlieta biss fost l-aqwa 20, skont l-aħħar Klassifikazzjoni Akkademika tal-Universitajiet tad-Dinja. U ma kien hemm l-ebda titjib reali matul l-aħħar snin. Ma jeżistix mudell wieħed ta' eċċellenza: L-Ewropa teħtieġ diversità wiesgħa ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, u kull waħda trid taħdem għall-eċċellenza skont il-missjoni u l-prijoritajiet strateġiċi tagħha. Permezz ta' informazzjoni trasparenti dwar il-profil speċifiku u l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet individwali, min ifassal il-politika se jkun f'pożizzjoni aħjar biex jiżviluppa strateġiji ta' edukazzjoni għolja effettivi u se tkun aktar faċli għall-istituzzjonijiet biex jivvalorizzaw is-saħħiet tagħhom.

Ir-responsabbiltà ewlenija għat-twettiq ta' riformi fl-edukazzjoni għolja hija tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet edukattivi nfushom. Madankollu, il-Proċess ta' Bolonja, l-Aġenda tal-UE għall-immodernizzar tal-universitajiet[6] u l-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka juru li l-isfidi u r-risposti politiċi jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Sabiex tiġi mmassimizzata l-kontribuzzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja tal-Ewropa għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, jinħtieġu riformi fl-oqsma ewlenin: jiżdied l-għadd ta' gradwati fl-edukazzjoni għolja fil-livelli kollha; jissaħħu l-kwalità u r-rilevanza tal-iżvilupp tal-kapital uman fl-edukazzjoni għolja; jinħolqu mekkaniżmi ta' tmexxija u finanzjament effettivi għas-sostenn tal-eċċellenza; u jissaħħaħ it-trijangolu tal-għarfien bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju. Barra minn hekk, il-mobbiltà internazzjonali tal-istudenti, ir-riċerkaturi u l-istaff, kif ukoll l-internazzjonalizzazzjoni dejjem tikber tal-edukazzjoni għolja, għandhom impatt qawwi fuq il-kwalità u jaffettwaw kull waħda minn dawn l-oqsma ewlenin.

It-Taqsima 2 ta' din il-Komunikazzjoni tidentifika kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jixtiequ jimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Ewropa. L-azzjonijiet speċifiċi li l-UE se tieħu, billi ġġib magħha l-valur miżjud sabiex issostni l-isforzi ta' mmodernizzar tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istituzzjonijiet, huma ppreżentati fit-Taqsima 3. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jiddiskuti l-evidenza analitika li fuqha jissejsu dawn il-kwistjonijiet u l-azzjonijiet politiċi.

2. KWISTJONIJIET EWLENIN GĦALL-ISTATI MEMBRI U GĦALL-ISTITUZZJONIJIET TA' EDUKAZZJONI GĦOLJA 2.1. Inżidu l-livelli ta' kisba biex nipprovdu l-gradwati u r-riċerkaturi li teħtieġ l-Ewropa

Il-mira ewlenija għall-edukazzjoni tal-Ewropa 2020 tistipula li, sal-2020, 40 % taż-żgħażagħ għandhom ikunu temmew b'suċċess edukazzjoni għolja jew studji ekwivalenti[7]. Matul dawn l-aħħar 10 snin, il-livelli ta' kisba żdiedu b'mod sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa, iżda xorta għadhom mhumiex biżżejjed biex jissodisfaw it-tkabbir previst fl-impjiegi intensivi fl-għarfien, isaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li tibbenefika mill-globalizzazzjoni u jsostnu l-mudell soċjali Ewropew. Iż-żieda fil-kisba tal-edukazzjoni għolja għandha wkoll tagħti spinta lit-tibdil sistemiku, issaħħaħ il-kwalità u tiżviluppa modi ġodda biex titwassal l-edukazzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li l-impatt tat-tixjiħ demografiku jvarja bejn Stat Membru u ieħor[8], il-grupp ta' dawk li jħallu l-iskola li minnhom l-edukazzjoni għolja normalment tirrekluta l-istudenti tagħha, qiegħed jonqos.

Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Ewropa tħajjar parti akbar mis-soċjetà biex tkompli l-edukazzjoni għolja, inklużi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, u tuża r-riżorsi biex twieġeb għal din l-isfida; f'diversi Stati Membri, jeħtieġ ukoll li jitnaqqas l-għadd ta' dawk li jitilqu mill-edukazzjoni għolja qabel iż-żmien. Din iż-żieda fl-aspirazzjonijiet u fil-kisba ma tistax tiġi indirizzata fil-livell terzjarju biss: is-suċċess jiddependi wkoll mill-politiki għat-titjib tal-eżiti edukattivi preċedenti u għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, skont il-mira tal-Ewropa 2020[9]u r-Rakkomandazzjoni riċenti tal-Kunsill dwar it-tluq bikri mill-iskola[10].

L-Ewropa teħtieġ ukoll aktar riċerkaturi, biex tħejji l-bażi għall-industriji ta' għada. Sabiex l-ekonomiji tagħna jsiru aktar intensivi fir-riċerka, billi jilħqu l-mira ta' investiment fir-riċerka ta' 3 % tal-PDG, l-Unjoni se teħtieġ madwar miljun impjieg ġdid fil-qasam tar-riċerka[11], partikolarment fis-settur privat. Minbarra t-titjib tal-kundizzjonijiet għall-industrija biex isir investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm aktar kandidati tad-dottorat u li l-forza tax-xogħol eżistenti tkun mgħammra bil-ħiliet ta' riċerka, kif ukoll għandha tingħata informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet biex il-linji tal-karriera barra l-università jsiru prospett reali ta' karriera għar-riċerkaturi novizzi. L-indirizzar tal-isterjotipi u t-tneħħija tal-ostakli li għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa biex jilħqu l-ogħla livelli fl-edukazzjoni postlawrja u fir-riċerka, speċjalment f'ċerti dixxiplini u f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, jistgħu joħorġu fil-beraħ talenti li għadhom ma ġewx sfruttati.

Kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja:

· L-iżvilupp ta' rotot ċari li jippermettu l-avvanz mill-edukazzjoni vokazzjonali u tipi oħra ta' edukazzjoni għall-edukazzjoni għolja. Dan jista' jinkiseb b'mod effettiv permezz ta' oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u msejsa fuq l-eżiti tat-tagħlim, u permezz ta' proċeduri ċari għar-rikonoxximent tat-tagħlim u l-esperjenza miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

· Jitħeġġeġ l-ilħiq ta' studenti tal-iskola minn gruppi b'rappreżentanza baxxa kif ukoll ta' studenti "mhux tradizzjonali", inklużi l-adulti; tingħata informazzjoni aktar trasparenti dwar l-opportunitajiet u l-eżiti edukattivi, u gwida mfassla apposta biex tagħti informazzjoni dwar l-għażliet ta' studju u tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola.

· Jiġi żgurat li s-sostenn finanzjarju jilħaq studenti potenzjali minn kuntesti soċjali bi dħul aktar baxx permezz ta' tqassim aħjar tar-riżorsi.

· It-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji nazzjonali biex jitħarrġu u jerġgħu jitħarrġu r-riċerkaturi skont il-miri tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Unjoni.

2.2. It-titjib fil-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja

L-edukazzjoni għolja ssaħħaħ il-potenzjal individwali u għandha tipprovdi lill-gradwati bl-għarfien u l-kompetenzi trasferibbli ewlenin li jeħtieġu biex jirnexxu f'impjiegi bi kwalifiki għolja. Madankollu, il-kurrikula ħafna drabi jirreaġixxu bil-mod għall-bżonnijiet dejjem jinbidlu fl-ekonomija inġenerali, u jonqsu milli jantiċipaw jew jgħinu biex jissawru l-karrieri ta' għada; il-gradwati jbatu biex isibu impjieg ta' kwalità li jkun konformi mal-istudji tagħhom[12]. L-involviment tal-impjegaturi u tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol fit-tfassil u t-twassil tal-programmi, is-sostenn tal-iskambji tal-istaff u l-inklużjoni ta' esperjenza prattika fil-korsijiet jistgħu jgħinu biex jadattaw il-kurrikula għall-ħtiġijiet attwali u emerġenti tas-suq tax-xogħol u jrawmu l-impjegabbiltà u l-intraprenditorija. L-istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jimmonitorjaw aħjar il-linji tal-karriera tal-eks studenti tagħhom u dan jista' jwassal biex jiċċara aktar it-tfassil tal-programm kif ukoll iżid ir-rilevanza.

Tinħass ħtieġa qawwija għal approċċi u metodi ta' twassil flessibbli u innovattivi fejn għandu x'jaqsam it-tagħlim: sabiex jitjiebu l-kwalità u r-rilevanza filwaqt li jiżdied l-għadd ta' studenti, titwessa' l-parteċipazzjoni għal gruppi varjati ta' studenti u biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola. Mod wieħed ewlieni biex dan jinkiseb, b'konformità mal-Aġenda Diġitali tal-UE[13], huwa li jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' trasformazzjoni tal-ICTs u ta' teknoloġiji ġodda oħra sabiex jissaħħaħ it-tagħlim, jitjiebu l-esperjenzi ta' tagħlim, jiġi sostnut it-tagħlim personalizzat, jiġi ffaċilitat l-aċċess permezz ta' tagħlim mill-bogħod u l-mobilità virtwali, tiġi ssemplifikata l-amministrazzjoni u jinħolqu opportunitajiet ġodda għar-riċerka[14].

Sabiex tintlaħaq id-domanda akbar għal ħaddiema b'għarfien, it-taħriġ tar-riċerkaturi fl-edukazzjoni għolja għandu jkun adattat aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol intensiv fl-għarfien u b'mod partikolari għar-rekwiżiti tal-SMEs. It-taħriġ għal dottorat ta' kwalità għolja fil-qasam tal-industrija, huwa strumentali biex tintlaħaq din id-domanda għal kapital uman espert. Permezz tar-rabta tal-finanzjament mal-implimentazzjoni tal-Prinċipji tal-UE dwar it-Taħriġ għad-Dottorat Innovattiv[15], l-Ewropa tista' tħarreġ aktar riċerkaturi aħjar u aktar malajr.

Ir-riforma u l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa jiddependu fuq il-kompetenza u l-motivazzjoni tal-għalliema u r-riċerkaturi. Madankollu, ir-reklutaġġ tal-għalliema u r-riċerkaturi ħafna drabi ma żammx il-pass mal-għadd akbar ta' studenti li jpoġġi pressjoni fuq il-kapaċitajiet li diġà jinsabu f'sitwazzjoni diffiċli. It-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inklużi l-proċeduri ta' reklutaġġ trasparenti u ġusti[16], it-titjib fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu, kif ukoll it-titjib fir-rikonoxximent u l-ivvalorizzar tal-eċċellenza fit-tagħlim u fir-riċerka huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-Ewropa tipproduċi, tattira u żżomm l-istaff akkademiku ta' livell għoli li teħtieġ.

Kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja:

· Jitħeġġeġ l-użu tal-previżjonijiet tal-ħiliet u tat-tkabbir u ta' dejta dwar l-impjieg tal-gradwati (inkluż is-segwitu tal-eżiti tal-impjieg tal-gradwati) fit-tfassil, fit-twassil u fl-evalwazzjoni tal-korsijiet, filwaqt li jiġu adattati l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-mekkaniżmi ta' finanzjament bl-għan li jiġi vvalorizzat is-suċċess fit-tħejjija tal-istudenti għas-suq tax-xogħol.

· Titħeġġeġ varjetà akbar ta' metodi ta' studju (eż. it-tagħlim part-time, mill-bogħod u modulari, l-edukazzjoni kontinwa għall-adulti li jerġgħu jibdew l-istudji tagħhom u oħrajn li diġà jinsabu fis-suq tax-xogħol), billi jiġu adattati l-mekkaniżmi ta' finanzjament fejn meħtieġ.

· Jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-ICTs sabiex ikun hemm esperjenzi ta' tagħlim, u metodi ta' tagħlim u ta' riċerka aktar effettivi u personalizzati, (eż. it-tagħlim elettroniku u t-tagħlim imħallat) u jiżdied l-użu ta' pjattaforma ta' tagħlim virtwali.

· Tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol (inklużi s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi) u dik tar-regolamenti għat-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-impjiegi, u jiġu żviluppati politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jiffavorixxu l-impjieg tal-gradwati u jsaħħu l-gwida tal-karrieri.

· Jiġu introdotti inċentivi għall-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja biex jinvestu fi żvilupp professjonali kontinwu għall-istaff tagħhom, jirreklutaw biżżejjed staff biex jiġu żviluppati dixxiplini ġodda li jixirfu u jivvalorizzaw l-eċċellenza fit-tagħlim.

· Tinħoloq rabta bejn il-finanzjament tal-programmi tad-dottorat u l-Prinċipji dwar it-Taħriġ għad-Dottorat Innovattiv.

2.3. It-tisħiħ tal-kwalità permezz tal-mobilità u l-kooperazzjoni transkonfinali

Il-mobilità fit-tagħlim tgħin lill-individwi biex ikabbru l-ħiliet professjonali, soċjali u interkulturali kif ukoll l-impjegabbiltà tagħhom. Il-ministri taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) qablu li sal-2020 jirdoppjaw għal 20 % il-proporzjon ta' studenti li jtemmu perjodu ta' studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom[17]. L-EHEA ġabet magħha tibdil estensiv: l-istruttura tal-baċċellerat, tal-masters u tad-dottorat u l-avvanzi fl-assigurazzjoni tal-kwalità ffaċilitaw il-mobilità tal-individwi u saħħew l-istituzzjonijiet u s-sistemi. B'mod parallel, l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) qed iżid il-komplementarjetà bejn is-sistemi nazzjonali sabiex tissaħħaħ il-kosteffettività tal-investiment fir-riċerka u jiġu intensifikati l-iskambji u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Madankollu, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi miksuba barra mill-pajjiż għadu diffiċli wisq; it-trasferibbiltà tal-għotjiet u tas-self hija ristretta; il-mobilità "vertikali"[18] għadha limitata; u l-ostakli jxekklu l-moviment liberu tar-riċerkaturi fl-UE. L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim[19], u l-użu ta' għodod Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità bħalma hu r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità, jistgħu jiffaċilitaw il-fiduċja reċiproka, ir-rikonoxximent akkademiku u l-mobilità.

L-attrazzjoni tal-aħjar studenti, akkademiċi u riċerkaturi minn barra l-UE u l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' kompetizzjoni transkonfinali huma l-ixpruni ewlenin tal-kwalità. Dawn jistgħu wkoll ikunu sorsi ta' dħul importanti għall-istituzzjonijiet. Għakemm xi Stati Membri huma destinazzjoni ta' studju attraenti ħafna[20], jeħtieġ li l-UE kollha kemm hi tattira l-aħjar studenti u riċerkaturi jekk trid tikkompeti mal-Istati Uniti[21]. L-attrazzjoni tal-Ewropa tista' tissaħħaħ jekk it-tħassib jiġi indirizzat b'mod urġenti: iż-żieda fl-ispiża u l-kwalità mhux uniformi; id-diffikultajiet bir-rikonoxximent akkademiku; ir-reklutaġġ mhux trasparenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux attraenti għar-riċerkaturi; u l-problemi fil-kisba tal-viżi għall-istudju u x-xogħol, inkluż għall-mobilità intra-UE.

Kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja:

· L-istituzzjonijiet jitħeġġu jiżviluppaw mobilità fit-tagħlim b'mod aktar sistematiku fil-kurrikula, u jeliminaw l-ostakli bla bżonn għall-bdil tal-istituzzjonijiet bejn il-livell tal-baċċellerat u dak tal-masters kif ukoll għall-kooperazzjoni u l-iskambji transkonfinali.

· Jiġi żgurat ir-rikonoxximent effiċjenti tal-krediti miksuba barra mill-pajjiż permezz ta' assigurazzjoni tal-kwalità effettiva, l-użi komparabbli u konsistenti tal-ECTS u s-Suppliment tad-Diploma u billi tinħoloq rabta bejn il-kwalifiki u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.

· It-titjib tal-aċċess, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta' avvanz għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-għalliema minn pajjiżi oħra, inkluż billi jiġu implimentati b'mod sħiħ id-Direttivi dwar l-istudenti u r-riċerkaturi[22] u l-Kodiċi tal-UE dwar il-Viża biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-viżi ta' Schengen għal studenti u riċerkaturi li jridu jagħmlu żjarat qosra[23].

2.4. Inħaddmu t-trijangolu tal-għarfien: Tinħoloq rabta bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju biex jitħeġġu l-eċċellenza u l-iżvilupp reġjonali

Il-kontribuzzjoni tal-edukazzjoni għolja għall-impjiegi u t-tkabbir, u l-attrazzjoni internazzjonali tagħha, jistgħu jissaħħu permezz ta' rabtiet effettivi u mill-qrib bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju – it-tliet naħat tat-"trijangolu tal-għarfien". Iċ-ċaqliq li sar riċentement lejn innovazzjoni miftuħa wassal għal żieda fil-flussi tal-għarfien u għal tipi ġodda ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u n-negozji. Iżda l-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jintegraw ir-riżultati tar-riċerka u l-prassi innovattiva fl-offerta edukattiva, u li jisfruttaw il-potenzjal għal prodotti u servizzi kummerċjabbli, għadha dgħajfa[24].

Il-ħidma bejn il-fruntieri tar-riċerka, in-negozju u l-edukazzjoni teħtieġ għarfien xjentifiku intensiv, ħiliet imprenditorjali, imġiba kreattiva u innovattiva u interazzjoni intensiva bejn il-partijiet interessati biex ixerrdu u jisfruttaw l-għarfien iġġenerat bl-aħjar mod possibbli. Il-politiki pubbliċi li jħeġġu s-sħubija bejn l-istituzzjonijiet professjonali, l-universitajiet tar-riċerka, in-negozji u ċ-ċentri ta' teknoloġija avvanzata, jistgħu jankraw l-edukazzjoni fit-tijangolu tal-għarfien, itejbu l-kontinwità bejn ir-riċerka bażika u applikata, u jittrasferixxu l-għarfien lejn is-suq b'mod aktar effettiv. It-titjib fl-immaniġġjar tal-proprjetà intellettwali se jiffaċilita dan il-proċess[25].

Bħala ċentri ta' għarfien, speċjalizzazzjoni u tagħlim, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jistgħu jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku fit-territorji fejn ikunu jinsabu; jistgħu jattiraw persuni ta' talent lejn ambjenti innovattivi u jisfruttaw is-saħħiet reġjonali fuq skala dinjija; jistgħu jrawmu skambju miftuħ ta' għarfien, staff u speċjalizzazzjoni. Dawn jistgħu jagħmluha wkoll ta' ċentru ta' netwerk jew grupp ta' għarfien li jservi lill-ekonomija lokali u lis-soċjetà, jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jikkonċentraw ir-riżorsi fuq prijoritajiet ewlenin u jimmassimizzaw l-impatt.

Kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja:

· Jiġi xprunat l-iżvilupp ta' ħiliet imprenditorjali, kreattivi u innovattivi fid-dixxiplini kollha u fit-tliet ċikli kollha, u titħeġġeġ l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja permezz ta' ambjenti ta' tagħlim aktar interattivi u infrastruttura msaħħa għat-trasferiment tal-għarfien.

· Tissaħħaħ l-infrastruttura għat-trasferiment tal-għarfien tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja u tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fi ftuħ ta' negozji u fi spin-offs.

· Titħeġġeġ is-sħubija u l-kooperazzjoni man-negozji bħala attività prinċipali tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, permezz ta' strutturi ta' kumpens, inċentivi għall-kooperazzjoni multidixxiplinari u bejn l-organizzazzjonijiet, u t-tnaqqis ta' ostakli regolatorji u amministrattivi għas-sħubiji bejn l-istituzzjonijiet u atturi pubbliċi u privati oħra

· Jitħeġġeġ l-involviment sistematiku tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-iżvilupp ta' pjanijiet ta' żvilupp lokali u reġjonali integrati, u jiġi mmirat is-sostenn reġjonali lejn il-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari għall-ħolqien ta' ċentri reġjonali ta' eċċellenza u speċjalizzazzjoni.

2.5. It-titjib fit-tmexxija u l-finanzjament

Is-sistemi ta' edukazzjoni għolja jirrikjedu finanzjament xieraq, u l-istrateġija Ewropa 2020 tisħaq fuq il-ħtieġa li jitħarsu l-oqsma li jsaħħu t-tkabbir bħalma huma l-edukazzjoni u r-riċerka, waqt il-prijoritizzazzjoni tan-nefqa pubblika. Madankollu, filwaqt li l-livelli ta' nfiq ivarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri[26], l-investiment totali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa għadu baxx wisq: 1,3 % tal-PDG bħala medja, meta mqabbel ma' 2,7 % fl-Istati Uniti u 1,5 % fil-Ġappun. Il-pressjoni attwali għall-konsolidament fiskali wasslet inevitabbilment biex l-Istati Membri jivvalutaw il-kosteffettività tal-investimenti pubbliċi tagħhom fl-edukazzjoni għolja u fir-riċerka: filwaqt li xi wħud naqqsu l-infiq, oħrajn żiedu l-baġits billi għarfu l-potenzjal tat-tkabbir marbut mal-infiq f'dawn l-oqsma.

L-investiment pubbliku għandu jibqa' l-bażi għall-edukazzjoni għolja sostenibbli. Iżda x'aktarx li l-iskala ta' finanzjament meħtieġa biex jiġu sostnuti u żviluppati s-sistemi ta' edukazzjoni għolja ta' kwalità għolja se tkun teħtieġ sorsi addizzjonali ta' finanzjament, sew jekk ikunu pubbliċi u sew jekk privati. L-Istati Membri qegħdin dejjem jistinkaw biex jimmassimizzaw il-valur tar-riżorsi investiti, inkluż permezz ta' ftehimiet ta' prestazzjoni mmirata mal-istituzzjonijiet, arranġamenti ta' finanzjament kompetittivi u t-trasferiment tal-finanzjament direttament lill-individwi. Dawn qegħdin ifittxu li jiddiversifikaw is-sorsi ta' finanzjament, billi jużaw l-investiment pubbliku biex jistimolaw il-finanzjament minn għejun oħra u jħeġġu prinċipalment il-finanzjament privat; il-miżati għat-tagħlim qegħdin jinfirxu dejjem aktar, b'mod partikolari fil-livell ta' Masters u ogħla. Se jkun importanti li jiġu mmonitorjati u vvalutati l-effettività u l-impatt ta' dawn l-iżviluppi ġodda, inkluż fuq l-istudenti li ġejjin minn ambjenti inqas sinjuri, u fuq l-ugwaljanza u l-mobilità.

L-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-edukazzjoni għolja jirrikjedu tmexxija u sistemi ta' finanzjament aktar flessibbli li jibbilanċjaw l-awtonomija akbar għall-istituzzjonijiet edukattivi mar-responsabbiltà lejn il-partijiet kollha interessati. L-istituzzjonijiet awtonomi jistgħu jispeċjalizzaw b'mod aktar faċli, filwaqt li jippromwovu l-prestazzjoni fl-edukazzjoni[27] u fir-riċerka u jrawmu d-diversifikazzjoni fis-sistemi ta' edukazzjoni għolja. Iżda r-restrizzjonijiet legali, finanzjarji u amministrattivi għadhom jillimitaw il-libertà tal-istituzzjonijiet li jiddefinixxu l-istrateġiji u l-istrutturi u li jiddistingwu lilhom infushom mill-kompetituri tagħhom. L-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kif ukoll l-effettività tal-investiment pubbliku jistgħu jissaħħu billi jitnaqqsu r-restrizzjonijiet: fuq iż-żieda tad-dħul privat, fuq l-investiment kapitali, fuq is-sjieda tal-infrastruttura, fuq il-libertà ta' reklutaġġ tal-istaff, fuq l-akkreditament. L-investiment fil-maniġment professjonali jista' jipprovdi viżjoni strateġika u tmexxija filwaqt li jagħti lill-għalliema u lir-riċerkaturi l-libertà akkademika meħtieġa biex jikkonċentraw fuq il-kompiti ewlenin tagħhom.

Kwistjonijiet politiċi ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja:

· - Titħeġġeġ identifikazzjoni aħjar tal-infiq reali tal-edukazzjoni għolja u tar-riċerka kif ukoll tqassim bir-reqqa tal-infiq, inkluż permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament marbuta mal-prestazzjoni li jintroduċu element ta' kompetizzjoni.

· Il-mekkaniżmi ta' finanzjament jiġu mmirati lejn il-ħtiġijiet tal-profili istituzzjonali differenti, biex l-istituzzjonijiet jitħeġġu jikkonċentraw l-isforzi fuq is-saħħiet individwali tagħhom u jiżviluppaw inċentivi biex isostnu diversità ta' għażliet strateġiċi u biex jiżviluppaw ċentri ta' eċċellenza.

· Jiġi ffaċilitat l-aċċess għal sorsi ta' finanzjament alternattivi, inkluż billi jintużaw il-fondi pubbliċi għall-ingranaġġ tal-investiment privat u investiment pubbliku ieħor (pereżempju, permezz ta' kofinanzjament).

· Jiġi sostnut l-iżvilupp ta' mexxejja strateġiċi u professjonali tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jkollhom l-awtonomija li jiddefinixxu direzzjoni strateġika, jimmanġġjaw il-flussi tad-dħul, jivvalorizzaw il-prestazzjoni biex jattiraw l-aqwa staff fil-qasam tat-tagħlim u tar-riċerka, jistabbilixxu politiki ta' ammissjoni u jintroduċu kurrikula ġodda.

· L-istituzzjonijiet jitħeġġu jimmodernizzaw l-immaniġġjar tar-riżorsi umani tagħhom u jiksbu l-Eċċellenza tal-HR fil-qasam tar-riċerka u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħelsinki dwar in-Nisa fix-Xjenza[28].

3. IL-KONTRIBUZZJONI TAL-UE: INĊENTIVI GĦAT-TRASPARENZA, ID-DIVERSIFIKAZZJONI, IL-MOBILITÀ U L-KOOPERAZZJONI

Il-kwistjonijiet politiċi ewlenin imfissra fit-Taqsima 2 għandhom jiġu indirizzati l-ewwel nett mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-istituzzjonijiet. Iżda l-UE tista' ssostni b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jirriformaw is-sistemi ta' edukazzjoni għolja permezz tal-istrumenti politiki u baġitarji differenti tal-UE.

Fir-rigward tal-politika, il-mekkaniżmi tat-tmexxija u r-rappurtar tal-Ewropa 2020 jipprovdu l-istrument ewlieni biex jiġu mmonitorjati l-iżviluppi u jkunu sostnuti l-isforzi ta' riforma tal-Istati Membri, inkluż permezz ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi marbuta mal-Linji Gwida Integrati.

Fl-istess waqt, l-UE għandha tuża aħjar l-għodod ta' politika disponibbli fil-kamp tal-edukazzjoni għolja, b'mod partikolari l-qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ "ET 2020". Il-Kummissjoni tista' ssostni t-trasparenza u l-eċċellenza permezz ta' analiżi ta' politika bbażata fuq l-evidenza. Tista' ssostni l-mobilità tal-istudenti, l-għalliema u r-riċerkaturi. Tista' ssostni l-kooperazzjoni strateġika bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, kif ukoll, f'kuntest taż-żieda fil-kompetizzjoni globali għat-talenti, tista' tipprovdi qafas komuni għas-sostenn tal-interazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea mal-bqija tad-dinja.

Fir-rigward tal-finanzjament, il-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2014-2020 se joffri opportunità biex jiżgura li l-istrumenti u l-politiki tal-UE – b'mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-impjieg, l-intraprenditorija, il-migrazzjoni u l-Koeżjoni – jaħdmu flimien b'mod effettiv biex isostnu l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni, billi kkonċentrat mill-qrib l-infiq tal-UE fuq il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u fuq l-ixpruni ewlenin tat-tkabbir u l-impjiegi, ipproponiet żieda sostanzjali fil-baġits għall-programmi ta' edukazzjoni u għar-riċerka.

3.1. Is-sostenn tar-riforma permezz tal-evidenza, l-analiżi u t-trasparenza tal-politika

Il-Kummissjoni se tiffoka fuq it-titjib tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil tal-politika f'oqsma ewlenin. L-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja se tiffoka prinċipalment fuq l-universitajiet intensivi fir-riċerka, u b'hekk tkopri biss proporzjon żgħir ħafna tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa[29]: hu essenzjali li tiġi żviluppata firxa usa' ta' analiżi u informazzjoni, li tkopri l-aspetti kollha tal-prestazzjoni – biex tgħin lill-istudenti jagħmlu għażliet ta' studju informati, biex tippermetti lill-istituzzjonijiet jidentifikaw u jiżviluppaw is-saħħiet tagħhom, u biex issostni lil dawk li jfasslu l-politika fl-għażliet strateġiċi tagħhom dwar ir-riforma tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja. L-evidenza turi li l-iżvilupp ta' għodda multidimensjonali ta' klassifikazzjoni u informazzjoni huwa fattibbli u din tkun sostnuta b'mod wiesa' mill-partijiet interessati fl-edukazzjoni. [30].

Barra minn hekk, it-titjib fl-intelliġenza tas-suq tax-xogħol fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ħiliet attwali u futuri jista' jgħin biex jidentifika oqsma ta' tkabbir tal-impjiegi u jippermetti tlaqqigħ aħjar bejn l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Kif ġie ddikjarat fl-inizjattiva ewlenija għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi, il-Kummissjoni se twaqqaf "Panorama ta' Ħiliet tal-UE" biex ittejjeb l-intelliġenza dwar il-ħtiġijiet ta' ħiliet attwali u futuri. It-titjib fil-kundizzjonijiet għall-gradwati sabiex jiksbu esperjenza prattika, pereżempju permezz ta' apprendistati ta' kwalità għolja, jista' jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni Ewropea:

· Se tniedi l-għodda U-Multirank: għodda ġdida ta' klassifikazzjoni u informazzjoni msejsa fuq il-prestazzjoni biex tikklassifika l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, bl-għan li ttejjeb radikalment it-trasparenza tas-settur tal-edukazzjoni għolja, bl-ewwel riżultati previsti fl-2013. Billi tmur lil hinn mill-prijorità mogħtija lir-riċerka mill-klassifikazzjonijiet attwali u l-indikaturi ta' prestazzjoni u billi tħalli lill-utenti joħolqu klassifikazzjonijiet multidimensjonali individwalizzati, din l-għodda mmexxija b'mod indipendenti se tiċċara l-għażliet u t-teħid ta' deċiżjonijiet mill-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

· B'kooperazzjoni mal-Eurostat, se ttejjeb id-dejta dwar il-mobilità fit-tagħlim u l-eżiti tal-impjiegi marbuta mal-edukazzjoni għolja, u se taħdem favur il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew tal-Edukazzjoni Terzjarja.

· Se tipprovdi gwida speċifika u rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ ta' ħiliet bażiċi u trasversali u l-ġlieda kontra l-inadegwatezza tal-ħiliet.

· B'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, se tanalizza l-impatt tal-approċċi ta' finanzjament differenti fuq id-diversifikazzjoni, l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja, kif ukoll fuq il-mobilità tal-istudenti.

3.2. Il-promozzjoni tal-mobilità

Permezz tat-tnedija taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, il-Proċess ta' Bolonja, se ssaħħaħ il-mobilità u l-kooperazzjoni. Madankollu, ċerti flussi tal-mobilità jistgħu joħolqu sfida għal dawk is-sistemi tal-edukazzjoni li jirċievu flussi sostanzjali ta' studenti jew jheddu "eżodu ta' mħuħ" f'pajjiżi fejn bosta persuni ta' talent jagħżlu li jistudjaw u mbagħad jibqgħu jgħixu barra minn pajjiżhom. Fl-istess waqt, il-kwalità tal-edukazzjoni transkonfinali, inkluż fil-każ tal-edukazzjoni hekk imsejħa "franchised", tqajjem xi tħassib.

Il-programmi ta' mobilità tal-UE bħalma huma l-Erasmus u l-Erasmus Mundus kisbu effetti pożittivi estensivi għall-individwi u l-istituzzjonijiet. Sal-2013 tliet miljun student se jkunu bbenefikaw mill-programm attwali tal-Erasmus, u l-opportunitajiet ta' mobilità għall-għalliema u l-istaff fil-qasam tal-edukazzjoni għolja qegħdin jiżdiedu wkoll. B'mod parallel, il-Kummissjoni qed tiżviluppa "tabella ta' valutazzjoni tal-mobilità" biex tivvaluta l-progress fit-tneħħija tal-ostakli għall-mobilità fit-tagħlim[31] fl-UE. L-Att dwar is-Suq Uniku[32], pjan ta' azzjoni ffokat biex jillibera l-potenzjal tas-suq intern għat-tkabbir, l-impjieg u l-fiduċja taċ-ċittadini, jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali biex jitnaqqsu l-ostakli għall-mobilità fil-professjonijiet regolati. Il-mobilità għar-riċerkaturi se tiġi ffaċilitata permezz tal-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka, għodda ġdida ta' trasparenza li se tiġi applikata fil-Portal tal-Impjiegi EURAXESS.

Permezz tal-Masters l-istudenti jistgħu jiksbu t-tip ta' ħiliet avvanzati li huma partikolarment ta' valur għall-impjiegi intensivi fl-għarfien u għar-riċerka. Il-kooperazzjoni u l-mobilità fil-livell ta' Masters jistgħu jkunu essenzjali għat-tisħiħ taċ-ċentri ta' eċċellenza mal-Ewropa kollha, filwaqt li jagħtu lill-UE potenzjal ċar ta' valur miżjud f'dan il-qasam. Madankollu, l-istrumenti ta' finanzjament attwali tal-UE bħalissa ma jsostnux mobilità ta' lawrja sħiħa fil-livell ta' Masters, li ġeneralment teħtieġ sostenn finanzjarju għal 12-il xahar jew aktar[33]. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq il-portabbiltà tas-self nazzjonali jillimitaw l-applikazzjoni tagħhom għat-tħejjija ta' lawrja sħiħa barra mill-pajjiż, filwaqt li s-self kummerċjali normalment mhuwiex aċċessibbli għal studenti li ġejjin minn ambjenti b'introjtu aktar baxx. Il-Kummissjoni Ewropea identifikat ħtieġa għal aktar sostenn finanzjarju għal dan il-grupp ta' studenti.

Il-Kummissjoni Ewropea:

· Se ttejjeb ir-rikonoxximent tal-istudji barra mill-pajjiż, billi ssaħħaħ is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), tipproponi inċentivi fil-programmi tal-UE biex ittejjeb l-implimentazzjoni, u taħdem permezz tal-Proċess ta' Bolonja.

· Se tipproponi Skema ta' Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta' Masters (permezz ta' faċilità ta' garanzija ta' self għall-istudenti fil-livell Ewropew), li tibda titħaddem mill-2014, biex tippromwovi l-mobilità, l-eċċellenza u l-aċċess għal finanzjament aċċessibbli għall-istudenti li qed jistudjaw għall-Masters fi Stat Membru ieħor, irrispettivament mill-ambjent soċjali tagħhom.

· Fil-kuntest tal-EHEA, se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-UE u l-proċessi intergovernattivi.

· Se ssostni l-analiżi tal-potenzjal ta' fluss ta' mobilità tal-istudenti, inkluż fil-proċess ta' Bolonja, sabiex jitqiesu s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea[34], kif ukoll tal-istandards ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità biex tkun sostnuta l-kwalità tal-edukazzjoni franchised.

· Se tippromwovi l-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka biex trawwem il-mobilità transkonfinali tar-riċerkaturi, filwaqt li tgħin lir-riċerkaturi jidentifikaw l-offerti ta' impjiegi u tgħin lil min iħaddem isib il-kandidati adattati, u tikklassifika l-postijiet ta' riċerka skont erba' livelli ta' kompetenza[35].

3.3. Inpoġġu l-Edukazzjoni għolja fiċ-ċentru tal-Innovazzjoni, tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-impjegabbiltà

Il-kapaċità futura tal-Ewropa għall-innovazzjoni se tiddependi fuq istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja li jwettqu b'mod sħiħ ir-rwol tagħhom fit-trijangolu tal-għarfien, flimkien man-negozji u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka mhux universitarji.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jipprovdi mudell ġenwin ta' integrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fit-trijangolu tal-għarfien. Permezz ta' programmi edukattivi b'reputazzjoni akkademika għolja, l-EIT u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni tiegħu (KICs) jippromwovu intraprenditorija intensiva fl-għarfien li tibni fuq ir-riċerka innovattiva u multidixxiplinari. L-EIT se jikkonċentra dejjem aktar fuq it-tixrid tal-lezzjonijiet miksuba, u b'hekk jipprovdi eżempji ta' sħubiji integrati, mudelli ġodda ta' tmexxija u finanzjament biex jiżdied il-potenzjal ta' innovazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja b'kooperazzjoni man-negozji. Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi aktar miżuri biex tiżviluppa t-trijangolu tal-għarfien fil-proposta tagħha dwar l-Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni, prevista għal tmiem is-sena.

Huwa possibbli li tiġi sostnuta l-interazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja u l-ekonomija inġenerali fil-livell tal-UE, sabiex ikun sostnut il-fluss tal-għarfien. Il-proġetti pilota Ewropej riċenti maħsuba biex jiffavorixxu l-iżvilupp ta' sħubiji strutturati - "alleanzi ta' għarfien" - filwaqt li jgħaqqdu lin-negozji mal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja għat-tfassil u t-twassil ta' korsijiet ġodda, diġà taw riżultati promettenti u għandhom jiġu żviluppati aktar.

L-Azzjonijiet Marie Curie huma wkoll għodda effettiva li tiffavorixxi t-trasferiment tal-għarfien, filwaqt li l-qafas ġdid għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka li għandu jiġi ppreżentat fl-2012, se jsostni l-miżuri għat-tneħħija tal-ostakli għall-mobilità u l-kooperazzjoni transkonfinali fost ir-riċerkaturi[36]. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll Dottorati Industrijali Ewropej u Skejjel tad-Dottorati biex jitrawmu l-innovazzjoni fit-taħriġ għar-riċerkaturi ta' għada.

Is-suċċess tal-apprendistati tal-Erasmus, introdotti fil-programm Erasmus sa mill-2007, juri d-domanda għal opportunitajiet biex tinkiseb esperjenza prattika u rilevanti għax-xogħol bħala parti mill-programmi ta' studju ta' edukazzjoni għolja. Lapprendistati huma mekkaniżmu importanti għat-tlaqqigħ tal-ħiliet tal-gradwati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll għall-iżvilupp personali tal-istudenti. Madankollu, l-internships u l-apprendistati llum mhux dejjem jipprovdu l-kundizzjonijiet adegwati għall-istudenti biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jirċievu rikonoxximent xieraq għall-esperjenza miksuba. Jeħtieġ li jsir aktar sabiex jitjiebu l-kwalità u r-rilevanza tal-apprendistati.

Il-Kummissjoni Ewropea:

· Se taddotta sa tmiem l-2011 Aġenda Strateġika għall-Innovazzjoni li tfassal il-ġejjieni u l-prijoritajiet tal-EIT u se tippreżenta proposta għal KICs ġodda li jridu jitniedu.

· Se tibni fuq il-proġett pilota mniedi riċentement sabiex issaħħaħ l-interazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji permezz tal-alleanzi tal-għarfien

· Se ssaħħaħ, fi ħdan l-azzjonijiet Marie Curie, Skema ta' Dottorati Industrijali Ewropej sabiex tissaħħaħ ir-riċerka applikata

· Se tipproponi qafas ta' kwalità għall-apprendistati biex tgħin lill-istudenti u lill-gradwati jakkwistaw l-għarfien prattiku meħtieġ għall-post tax-xogħol u jiksbu aktar opportunitajiet li jkunu ta' kwalità aħjar. Se toħloq ukoll pjattaforma unika u ċentralizzata għall-offerti ta' apprendistati fl-Ewropa

3.4. Is-sostenn tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea

Il-kooperazzjoni futura fl-edukazzjoni għolja fl-UE għandha tkun parti minn strateġija usa' bl-għan li tinħoloq rabta mal-pajjiżi sħab madwar id-dinja, jitħeġġu l-valuri u l-ispeċjalizzazzjoni tal-UE, u tkun sostnuta l-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala parti integrali mill-politika ta' żvilupp tal-UE u mill-approċċ komprensiv għall-iżvilupp fis-settur tal-edukazzjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali favur ir-riċerka permezz tal-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika.

L-internazzjonalizzazzjoni u l-ftuħ tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja jirrikjedu approċċ konġunt minn firxa wiesgħa ta' oqsma politiċi u partijiet interessati, sabiex jattiraw l-aħjar studenti, staff u riċerkaturi minn madwar id-dinja, iżidu l-ilħiq internazzjonali u l-viżibilità u jrawmu n-netwerks internazzjonali għall-eċċellenza. Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li titfassal strateġija speċifika għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja[37]:

Il-Kummissjoni Ewropea:

· Se tippromwovi l-UE bħala destinazzjoni ta' studju u riċerka għall-aqwa talenti minn madwar id-dinja, billi ssostni t-twaqqif u l-iżvilupp ta' strateġiji ta' internazzjonalizzazzjoni mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

· Se tiżviluppa relazzjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni għolja ma' msieħba lil hinn mill-Unjoni, bl-għan li ssaħħaħ is-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali, id-djalogu politiku, il-mobilità u r-rikonoxximent akkademiku, inkluż permezz tal-istrateġija tat-Tkabbir, tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u tal-Forum Politiku ta' Bolonja.

· Se tagħmel użu mis-Sħubiji għall-Mobilità eżistenti biex issaħħaħ u tiffaċilita l-iskambji tal-istudenti u r-riċerkaturi.

· Se tqis il-proposta ta' emendi għad-Direttivi tal-istudenti u r-riċerkaturi[38] biex tagħmel l-UE aktar attraenti għat-talenti minn pajjiżi barra mill-UE, u se teżamina jekk il-proċessi u d-drittijiet li jakkumpanjawhom għandhomx jiġu ffaċilitati u/jew imsaħħa. .

· Se ssaħħaħ is-segwitu ta' studenti tad-dottorat li ġejjin minn barra l-UE, bħala perċentwal tal-istudenti kollha tad-dottorat, kif indikat fl-Iskeda ta' Valutazzjoni tal-Prestazzjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni biex jitkejjel il-livell ta' attrazzjoni tar-riċerka u tat-taħriġ għal dottorat fl-UE għall-bqija tad-dinja.

3.5. It-tisħiħ tal-impatt fit-tul u l-komplementarjetà tal-finanzjament mill-UE

Hu propost li l-investiment tal-UE fl-edukazzjoni jgħaddi minn tliet mekkaniżmi ta' finanzjament ewlenin tal-2014-2020 MFF:

1. Edukazzjoni Ewropa: l-uniku programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ

Sabiex tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Ewropa 2020, il-Kummissjoni se tipproponi programm uniku għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, u tissemplifika l-punti ta' dħul u l-immaniġġjar tiegħu. Il-programm se jikkonċentra l-infiq fuq prijoritajiet bħalma huma l-kwalità u l-innovazzjoni fit-tagħlim, ir-relazzjonijiet imsaħħa mad-dinja tax-xogħol u r-rikonoxximent aħjar tal-ħiliet miksuba permezz tal-mobilità. Dan se jikkontribwixxi għall-mira ta' mobilità ta' 20 % tal-proċess ta' Bolonja, billi jikkonċentra r-riżorsi fuq: l-opportunitajiet ta' mobilità msejsa fuq il-kwalità u l-eċċellenza (inkluż permezz tal-Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta' Masters); kooperazzjoni intensiva u sħubiji ta' bini ta' kapaċità bejn l-Istati Membri u mal-imsieħba globali; inizjattivi speċifiċi biex tkun rikonoxxuta u vvalorizzata l-eċċellenza fit-tagħlim u biex jitħeġġu l-imprendituri studenti u l-kooperazzjoni innovattiva bejn l-universitajiet u n-negozji.

2. Horizon 2020: il-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

Il-programm ġdid Horizon 2020 se jkopri l-finanzjament kollu rilevanti għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li bħalissa hu pprovdut permezz tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u inizjattivi oħra tal-UE favur l-innovazzjoni, bħalma hu l-EIT. Horizon 2020 jimmira li jagħmel il-finanzjament tal-UE aktar attraenti u aktar faċli biex wieħed ikollu aċċess għalih. Dan se jiżgura livell għoli ta' koordinazzjoni politika u jimmassimizza s-sinerġiji bejn l-inizjattivi, u jippermetti li ċ-ċiklu sħiħ ta' innovazzjoni jkun kopert minn strumenti ta' finanzjament aktar effiċjenti u ssemplifikati.

3. Strumenti tal-Politika ta' Koeżjoni

Matul il-perjodu ta' finanzjament 2007-2013, madwar EUR 72,5 biljun tal-finanzjament ta' koeżjoni tal-UE se jintefqu fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, u EUR 60 biljun fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-użu strateġiku tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE jista' jsaħħaħ b'mod sinifikanti l-kontribuzzjoni soċjali, ekonomika u territorjali tal-edukazzjoni għolja. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jista' jinvesti fil-bini u fir-rinnovazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, billi jipprovdi tagħmir u jippromwovi d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll isostni l-inkubaturi, l-ispin-offs u forom oħra ta' sħubiji bejn l-universitajiet u n-negozji. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jista' jiffinanzja l-proċessi ta' mmodernizzar, iżid il-parteċipazzjoni u l-livell ta' kwalifiki partikolarment għall-istudenti li ġejjin minn ambjenti li mhumiex rappreżentati biżżejjed, isaħħaħ il-kontenut edukattiv u t-tlaqqigħ bejn il-programmi u d-domanda tas-suq tax-xogħol. Il-proposta tal-MFF għall-2014-2020 talloka minimu ta' EUR 84 biljun għall-FSE, li minnhom aktar minn EUR 40 biljun jistgħu jkunu mistennija, abbażi tal-esperjenza tal-imgħoddi, li jintużaw għall-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.6. Il-passi li jmiss lejn Edukazzjoni Għolja Ewropea intelliġenti, sostenibbli u inklużiva

Fit-tfassil ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa': mal-kapijiet, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-istudenti fl-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, man-negozji u l-imsieħba soċjali, mal-gvernijiet u mal-entitajiet internazzjonali. Hi se tissokta taħdem ma' dawn il-partijiet interessati flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Eurostat, biex tmexxi 'l quddiem din l-aġenda għall-azzjoni[39].

Il-Kummissjoni se tagħmel użu wkoll minn speċjalizzazzjoni esterna biex tiżviluppa politiki progressivi u tidentifika prattiki innovattivi. Bħala l-ewwel pass, fl-2012, se tistabbilixxi grupp ta' livell għoli bil-kompitu li janalizza t-temi ewlenin għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, u jibda billi jippromwovi l-eċċellenza fit-tagħlim u r-rapportar fl-2013.

Is-sistemi ta' edukazzjoni għolja moderni u effettivi huma l-bażi ta' soċjetà miftuħa, kunfidenti u sostenibbli; ta' ekonomija innovattiva u imprenditorjali, imsejsa fuq l-għarfien. L-isforzi konġunti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, tal-partijiet interessati u tal-Unjoni Ewropea se jkunu kruċjali biex jinkisbu l-miri stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni u biex jiġi żgurat is-suċċess usa' tal-Ewropa.

[1]               Dan it-terminu jintuża biex ikopri l-istituzzjonijiet kollha ta' edukazzjoni terzjarja, inklużi l-universitajiet, l-universitajiet tax-xjenza applikata, l-istituti tat-teknoloġija, l-iskejjel terzjarji, l-iskejjel tan-negozju, l-iskejjel tal-inġinerija, l-IUT, il-kulleġġi tal-edukazzjoni għolja, l-iskejjel professjonali, il-polytechnics, l-akkademji, eċċ. Dan isir biex jitqiesu d-diversità lingwistika u t-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali.

[2]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 2

[3]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 7.2

[4]               Ara COM(2010) 682 finali.

[5]               L-istudju MORE dwar ix-xejriet tal-mobilità u l-linji tal-karriera tar-riċerkaturi tal-UE (KE, 2010)

[6]               COM (2006) 208 finali

[7]               Sal-2020, 40 % ta' dawk li jkollhom bejn 30 u 34 sena fl-UE għandhom ikunu temmew edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti.

[8]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 3.4

[9]               Sabiex jitnaqqas il-proporzjon ta' dawk li għandhom bejn 18 u 24 sena u li ma għandhomx edukazzjoni sekondarja ogħla u li mhumiex qed jirċievu edukazzjoni u taħriġ ulterjuri, għal massimu ta' 10 %.

[10]             Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola (adottata fis-7 ta' Ġunju 2011)

[11]             COM (2010) 546 finali, p. 9

[12]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 4.1

[13]             COM (2010) 245 finali

[14]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 4.3

[15]             Dawn il-prinċipji, imħejjija bis-sostenn tal-Grupp ta' Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobilità, jappellaw biex ikun hemm eċċellenza fir-riċerka u kreattività, ambjent istituzzjonali attraenti b'massa kritika u rispett għall-Karta u l-Kodiċi għal kundizzjonijiet ta' xogħol attraenti għar-riċerkaturi, għażliet ta' riċerka interdixxiplinari, esponiment għall-industrija u setturi tax-xogħol rilevanti oħra, netwerking u mobilità internazzjonali, taħriġ fil-ħiliet trasferibbli u assigurazzjoni tal-kwalità.

[16]             Inkluż b'konformità mal-"Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u l-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tagħhom"

[17]             Ara SEC(2011) 670 finali.

[18]             Ċaqliq minn pajjiż għal ieħor fil-livelli tal-baċċellerat, tal-masters u tad-dottorat.

[19]             Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ, 28 ta' Ġunju 2011

[20]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 7.1

[21]             ibid

[22]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE

[23]             Żjarat ta' mhux aktar minn tliet xhur f'perjodu ta' sitt xhur.

[24]             Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-trijangolu tal-għarfien, 20 ta' Ottubru 2009

[25]             Ara r-Rakkomandazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-proprjetà intellettwali C(2008) 1329 finali, 10 ta' April 2008

[26]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 6.1

[27]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 6.2

[28]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 6.3

[29]             Il-kwistjoni tal-eċċellenza tal-istituzzjonijiet b'rabta mal-miri ta' riċerka tal-UE se tkun is-suġġett ta' analiżi ulterjuri

[30]             Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff, Taqsima 1.1. Permezz ta' għodda "U-Multirank" l-utenti jistgħu jikklassifikaw l-istituzzjonijiet skont id-dejta dwar il-kwalità tat-tagħlim (eż. l-eżiti tal-impjegabbiltà), il-prestazzjoni tar-riċerka, il-kapaċità għat-trasferiment tal-għarfien u għas-sostenn tal-iżvilupp reġjonali u l-grad ta' internazzjonalizzazzjoni.

[31]             Miftiehma fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ, it-28 ta' Ġunju 2011

[32]             Ara COM(2010)206, 13.04.2011

[33]             L-Erasmus isostni l-mobilità tal-kreditu, minflok il-mobilità fil-livell ta' lawrja sħiħa, filwaqt li l-Erasmus Mundus isostni l-mobilità ta' studenti li jattendu biss ċerti programmi tal-Erasmus Mundus Masters.

[34]             Kawża C-73/08 Nicolas Bressol u Céline Chaverot u Oħrajn v. Gouvernement de la Communauté française

[35]             Profili komuni (riċerkatur novizz/rikonoxxut/stabbilit/ewlieni) għas-setturi u l-pajjiżi parteċipanti kollha, kif mitlub fl-Unjoni ta' Innovazzjoni (2010). Rapport adottat mill-Grupp ta' Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobilità, Mejju 2011.

[36]             B'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi u mal-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi

[37]             Kif mitlub fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, 11 ta' Mejju 2010.

[38]             Kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni 2005/761/KE biex tiffaċilita l-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal permanenza qasira li jkunu uniformi għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fl-Unjoni għal finijiet ta' riċerka xjentifika.

[39]             Pereżempju, se taħdem mal-BEI dwar Garanzija ta' Self għall-Istudenti Ewropej, mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rwol tal-edukazzjoni għolja fl-iżvilupp reġjonali, u mal-Istati Membri permezz tal-Grupp ta' Ħidma Tematiku dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja.

Top