EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0407

Prposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

/* KUMM/2010/0407 finali - NLE 2010/0218 */

52010PC0407

Prposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni /* KUMM/2010/0407 finali - NLE 2010/0218 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 28.7.2010

KUMM(2010)407 finali

2010/0218 (NLE)

Prposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni tal-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Dan l-aspett ta’ politika huwa deskritt fil-qosor fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “dwar l-approċċ ġenerali biex il-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji”[1].

Il-Kunsill aċċetta dan l-approċċ fil-5 ta’ Marzu 2007[2].

Abbażi din il-Komunikazzjoni u dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet ta’ Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji[3].

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u aċċetta Rapport dwar il-Progress mill-Presidenza[5] li kien ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE) fit-18/19 ta’ Ġunju kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6]. Dan ir-rapport fakkar id-Direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali rilevanti, u biex l-Iżrael, il-Marokk u l-Ukraina jiġu identifikati bħala li x’aktarx ikunu l-ewwel pajjiżi sħab li se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri. In-negozjati mal-Iżrael li ġew konklużi f’Settembru 2007 wasslu għall-iffirmar ta’ Protokoll f’April 2008[7] filwaqt li dawk mal-Marokk ġew konklużi.

F’Ġunju 2007, ġie deċiż li jingħata bidu għan-negozjati mal-Ukraina. Minn dak iż-żmien tlestew in-negozjati mal-Ukraina għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni. It-test tal-protokoll negozjat mal-Ukraina jinsab mehmuż.

B’dan, il-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim ta’ Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni. Fih stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli. It-test innegozjat jipprevedi wkoll li l-Partijiet għandhom japplikaw b’mod proviżorju d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll mid-data meta jiġi ffirmat.

Skont l-Artikolu 218(6) (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jiġi mitlub biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-Protokoll

B'mod parallel, il-Kummissjoni tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-imsemmi Protokoll.

Il-Kunsill huwa mistieden biex jadotta d-Deċiżjoni proposta li ġejja.

2010/0218 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 19, 114, 168, 169, 172, 173 (3), 188, 192 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

1. Il-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina fir-rigward tal-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn ‘il quddiem "il-Protokoll") ġie iffirmat f’isem l-Unjoni fil…

2. Rigward xi ftit mill-programmi koperti mill-Ftehim, it-Trattat ma jipprovdi għal ebda setgħat oħra barra dawk taħt l-Artikolu 352,

3. Il-Protokoll għandu jiġi konkluż.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina fir-rigward tal-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn ‘il quddiem "il-Partijiet") b’dan ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista għaliha fl-Artikolu 10 tal-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidhol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

PROTOKOLL

dwar il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Ftehim ta’ Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

min-naħa,

kif ukoll

l-Ukraina,

min-naħa l-oħra,

’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”

Billi:

4. L-Ukraina daħlet fi Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, fl-1 ta’ Marzu 1998 (Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 49 tad-19 ta’ Frar 1998).

5. Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17/18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u aċċetta l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004.

6. Il-Kunsill, f’bosta okkażjonijiet oħrajn, ikkonkluda ripetutament favur din il-politika.

7. Il-Kunsill, fil-5 ta’ Marzu 2007, esprima sostenn għall-approċċ ġenerali u globali deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006, COM (2006) 724 finali, sabiex l-isħab tal-PEV ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenzi Komunitarji u l-programmi Komunitarji fuq il-merti tagħhom u fejn hekk jippermettu l-bażijiet legali.

8. L-Ukraina esprimiet ix-xewqa li tipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

9. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inklużi l-kontribuzzjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ rappurtar u ta' evalwazzjoni, dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukraina f’kull programm b’mod partikolari għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-Ukraina,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Ukraina għandha titħalla tipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni attwali u futuri kollha miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Ukraina skont id-dispożizzjonijiet li jadottaw dawn il-programmi.

Artikolu 2

L-Ukraina għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondi għall-programmi speċifiċi li fihom tipparteċipa l-Ukraina.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Ukraina għandhom jitħallew jieħdu sehem, bħala osservaturi u għall-punti li jikkonċernaw lill-Ukraina, fil-kumitati tal-ġestjoni responsabbli li jimmonitorjaw il-programmi li l-Ukraina tikkontribwixxi finanzjarjament għalihom.

Artikolu 4

Proġetti u inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Ukraina għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-programmi kkonċernati kif huma applikati lill-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni tal-Ukraina f’kull wieħed mill-programmi, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni, ser ikunu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f’isem l-Unjoni, u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukraina (Memorandum ta’ Fehim).

Jekk l-Ukraina tapplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex tipparteċipa fi programm partikolari tal-Unjoni abbażi l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Ukraina għandha tiġi adottata fil-ġejjieni, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Ukraina tal-assistenza Komunitarja għandhom jiġu ddeterminati minn ftehim dwar l-iffinanzjar, b’mod partikolari jiġi rispettat l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

Artikolu 6

Kull Memorandum ta’ Spjegazzjoni li ġie konkluż skont l-Artikolu 5, se jistipula, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għal baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, li l-kontroll finanzjarju jew il-verifiki jew verifikazzjonijiet oħra, inklużi investigazzjonijiet amministrattivi se jitwettqu minn, jew skont l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar kontroll u verifika finanzjarja, miżuri amministrattivi, penali u rkupru li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri li jiġu mogħtija setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom rigward il-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Il-Protokoll attwali li jirrigwarda Ftehim Qafas għandu japplika għall-perjodu li matulu l-Ftehim ta’ Sħubija u ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, ikun fis-seħħ.

Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

Kull Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jintemm sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

It-tmiem tal-Protokoll li jiġi wara d-denunzja minn kwalunkwe waħda mill-partijiet m'għandu jkollu l-ebda influwenza dwar l-ispezzjonijiet u kontrolli li għandhom jitwettqu taħt id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 fejn xieraq.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet Kontraenti jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Ukraina fi programm tal-Unjoni uniku jew aktar.

Artikolu 9

Dan il-Ftehim għandu jgħodd, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom it-Trattat li jistabilixxi il-Komunitajiet Ewropej huwa applikat u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat, u minn naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ukraina.

Artikolu 10

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa biex jidħol fis-seħħ.

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li, irrispettivament mit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom, għandhom japplikaw b’mod proviżorju d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll mid-data meta jiġi ffirmat, sakemm jiġi konkluż f’data aktar tard.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll għandu jkun parti integrali mill-Ftehim.

Artikolu 12

Dan il-Protokoll għandu jiġi maħruġ doppju f’kull lingwa uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti, kull test minn dawn ikun awtentiku l-istess.

Magħmul fi Brussel, f’din il-…ġurnata …tas-sena…

Għall-Gvern tal-Ukraina

Għall-Unjoni Ewropea

[1] COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006;

[2] Il-Konklużjonijiet ta’ GAERC tal-5 ta’ Marzu 2007;

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-Protokolli […], Dok 10412/07;

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 21/22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07;

[5] Ir-Rapport ta' Progress mill-Presidenza dwar it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07.

[6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07.

[7] ĠUUE L129/40-43 tas-17.5.2008.

Top