EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0683

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja

/* KUMM/2010/0683 finali */

52010DC0683




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.11.2010

KUMM(2010) 683 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Kif iċ-ċittadini tal-UE jesprimu s-solidarjetà tagħhom permezz tal-volontarjat: L-ewwel riflessjonijiet ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja

1. Introduzzjoni

Fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, fit-Trattat ta' Lisbona hemm minqux għall-ewwel darba l-għajnuna umanitarja bħala politika separata tal-UE (l-Artikolu 214, TFUE). Dan l-artikolu tat-Trattat jirreferi speċifikament għall-"Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja" (EVHAC), li l-għan tiegħu hu "sabiex jiġi stabbilit qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tal-Unjoni" (l-Artikolu 214.5, TFUE).

L-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni tipprovdi opportunità għall-Ewropej biex juru solidarjetà ma' persuni fil-bżonn. Dan hu bbażat fuq xejra ċara tal-UE: Il-volontarjat qed jiżdied. L-aħħar 20 sena wrew xejra notevoli ta' żieda fin-numru ta' volontiera attivi, li llum jammonta għal madwar 100 miljun adult involuti fil-volontarjat fl-UE. Dan jimplika li madwar 22% sa 23% tal-Ewropej li għandhom aktar minn 15-il sena huma involuti f'xogħol volontarju[1]. Fih innifsu, il-volontarjat hu valur importanti li għandu l-potenzjal li jġib lill-Ewropa aktar qrib iċ-ċittadini.

Matul l-aħħar snin ix-xena tal-volontarjat saret aktar diversa b'żieda qawwija fin-numru ta' organizzazzjonijiet li jimpjegaw il-volontiera. L-iskemi, l-atturi u l-approċċi differenti involuti fil-volontarjat f'kuntesti umanitarji jagħtu importanza fundamentali lill-koordinazzjoni u l-koerenza.

Il-Kummissjoni Ewropea, li ngħatat l-inkarigu li tippreżenta proposta leġiżlattiva għat-twaqqif ta' EVHAC, se tuża din l-opportunità biex tinkludi suġġerimenti li jwieġbu għall-isfidi l-ġodda u għall-ħtiġijiet li qed jinbtu marbuta ma' kwistjonijiet bħall-identifikazzjoni u r-reklutaġġ tal-volontiera, it-taħriġ u l-mobilizzazzjoni tagħhom. Dan jista' jsir biss fuq il-bażi ta' konsultazzjoni fil-fond tal-partijiet interessati u ta' analiżi koerenti tal-opportunitajiet u l-ispejjeż, li se jwittu t-triq għall-proposta leġiżlattiva futura.

Qabel ma wieħed jasal għal dak l-istadju, il-Kummissjoni fi ħsiebha tippreżenta s-sitwazzjoni preżenti tal-volontarjat fl-oqsma relavanti ta' attività, b'attenzjoni partikolari fuq il-prinċipji ta' gwida, il-lakuni li jeżistu, il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-EVHAC biex jagħti kontribut pożittiv għar-reazzjoni ġenerali għal diżastri umanitarji. Tenfasizza wkoll il-kwistjonijiet immedjati li għandhom jiġu kkunsidrati fit-twaqqif tal-EVHAC, u t-triq 'il quddiem.

2. is-sitwazzjoni preżenti tal-volontarjat fl-ue

Il-qasam tal-volontarjat b'mod ġenerali, u fl-għajnuna esterna b'mod partikolari, evolva bil-ħeffa matul l-aħħar għaxar snin. Numru kbir ta' organizzazzjonijiet u netwerks volontarji joffru skemi differenti ta' volontarjat, skont l-istruttura organizzazzjonali u l-filosofija tal-organizzazzjoni individwali. Eżempji tajbin tal-inizjattivi ffukati fuq dawk li għandhom bejn 18 u 30 sena kienu sponsorjati mis-Servizz Ewropew tal-Volontarjat (EVS) misjuq mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijet umanitarji jinvolvu lil volontiera fl-attivitajiet umanitarji tagħhom. Hemm ħafna x'wieħed jitgħallem minn dawn l-esperjenzi, b'mod partikolari fir-rigward tal-proċessi tar-reklutaġġ, it-taħriġ u l-mobilizzazzjoni.

B'żieda max-xejra ġenerali, hemm żieda fl-involviment ta' atturi mis-settur privat. B'mod partikolari hemm bosta mudelli ta' volontarjat li nħolqu minn kumpaniji privati li jistgħu jkunu ta' interess għat-twaqqif ta' EVHAC, bħall-permess lill-persunal biex jipprovdu ħin u kompetenza b'xejn permezz ta' skemi korporattivi ta' volontarjat jew billi jisponsorizzaw lil oħrajn biex jivvolontarjaw. In-NU waqqfet servizz iddedikat ibbażat fuq l-internet[2] biex tittratta l-offerti mis-settur privat li għandhom ħtiġijiet fl-operazzjonijiet ta' żvilupp jew ta' reazzjoni għad-diżastri. Il-Kummissjoni se tinvestiga ulterjorment il-potenzjal ta' approċċi bħal dawn filwaqt li tirrispetta r-rwoli speċifiċi u l-mandat tal-organizzazzjonijiet implimentattivi b'reazzjoni għad-diżastri umanitarji.

Bħala regola ġenerali, l-invovliment tal-voluntiera f'operazzjonijiet attwali ta' għajnuna f'emerġenza hu limitat għal voluntiera ta' esperjenza akbar, speċjalment meta s-sigurtà tkun problema. Filwaqt li xi mindaqqiet jiġi applikat approċċ aktar wiesa' għall-voluntiera tal-għajnuna għall-iżvilupp, xorta waħda jkun mistenni minnhom li jkollhom esperenza f'pajjiżhom qabel ma jintbagħtu barra, li hu aspett importanti ieħor li wieħed għandu jżomm f'moħħu.

L-akbar attur fil-qasam tal-voluntiera hu il-Programm VNU (Voluntiera tan-Nazzjonijiet Uniti), li jimpjega 150 persunal tal-Kwartieri Ġenerali u aktar minn 7 500 voluntier (2009), u 9 500 voluntier onlajn. Fl-2009 l-VNUs ġew minn 163 pajjiż differenti (75% tagħhom huma pajjiżi li qed jiżviluppaw), li ħadmu l-aktar fuq kriżijiet akuti u fuq ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD), aktar milli għajnuna f'emerġenza. Minkejja l-enfasi fuq voluntiera lokali, l-aħħar snin urew żieda fil-persentaġġ ta' voluntiera barranin għal missjonijiet diffiċli (prevenzjoni tal-kriżijiet, għajnuna umanitarja, żamma tal-paċi u bini tal-paċi). Bl-istess mod il-VNUs jaħdmu fil-bini ta' kapaċità, taħriġ lokali u bħala konsulenti għall-ħaddiema tal-għajnuna lokali u nazzjonali.

Selezzjoni ta' wħud mill-organizzazzjonijiet il-kbar li jibagħtu l-voluntiera li jaħdmu fl-għajnuna umanitarja fid-diżastri u l-iżvilupp qed ikunu deskritti fit-tabella t'hawn taħt.

Organizzazzjoni | Numru ta' Voluntiera kull sena | Qasam ta' għajnuna[3] | Profil Tipiku ta' Voluntier |

Servizz Volontarju Ewropew (DĠ EAC) | 6 300 fl-2009 fl-UE u l-pajjiżi ġirien (10% tal-missjonijiet f'pajjiżi terzi) | Servizzi volontarji għall-benefiċċju tal-komunità lokali (li tospita) (pereżempju fl-oqsma tal-arti, il-kultura, l-isport, il-kura soċjali, eċċ) | Dawk li għandhom bejn it-18 u t-30 sena, l-ebda rekwiżit speċifiku fir-rigward tal-edukazzjoni, esperjenza professjonali, eċċ. |

Skema Weltwärts Scheme, Kooperazzjoni Ġermaniża għall-Iżvilupp (BMZ) | 3 500 fl-2009 / Lista tal-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw tal-OECD | Kooperazzjoni għall-Iżvilupp permezz ta' organizzazzjonijiet lokali li jospitaw fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw | Dawk li għandhom bejn it-18 u t-28 sena, lestew it-taħriġ vokazzjonali / iggradwaw mill-iskola sekondarja |

UNDP Programm tal-Uffiċjal Professjonali Subaltern (JPO) | Madwar 360 fis-sena / diversi pajjiżi bl-operazzjonijiet tan-NU / proġetti (iffinanzjati mill-25 pajjiż donatur) | Oqsma differenti li jinkludu l-għajnuna tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u dik Umanitarja (l-aktar fl-uffiċji tal-pajjiżi) | Dawn li għandhom anqas minn 32 sena, Grad Master u minn sena (1) sa tnejn (2) esperjenza professjonali |

VSO/UK u membri | Madwar 1 500 voluntiera attivi matul is-sena (postazzjonijiet fuq medda twila u medda qasira ta' żmien) / madwar id-dinja | Iffukati fuq il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (sitt għanijiet għall-iżvilupp) | Dawk li għandhom bejn it-18 u l-75 sena, minimu ta' sentejn (2) ta' esperjenza professjonali |

Malteser International (Programm tal-bidu tal-karriera ta' professjonist subaltern) | 80 000 voluntiera mħarrġa u persunal ta' 20 000 (u 13 000 membru) / madwar id-dinja fi proġetti operati minn Malteser | Protezzjoni Ċivili, Għajnuna Umanitarja, Riabilitazzjoni u Kooperazzjoni għall-Iżvilupp | Grad universitarju, xi esperjenza ta' ħidma f'pajjiżi barranin, liċenzja tas-sewqan (u sħubija fi knisja Kattolika) |

Johanniter International (JOIN Brussels) | Fil-Ġermanja biss: Madwar 29 000 voluntier, persunal ta' 13 000 | Protezzjoni Ċivili, Għajnuna Umanitarja u Kooperazzjoni għall-Iżvilupp | Diversi profili professjonali inklużi s-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa; u l-attivitajiet ta' għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili f'pajjiżi terzi |

IFRC | Il-moviment tas-Salib l-Aħmar għandu madwar 97M membru madwar id-dinja li minnhom 20M huma voluntiera attivi (fil-livell nazzjonali) Juża l-voluntieri tas-soċjetajiet nazzjonali, il-professjonisti biss huma impjegati f'missjonijiet barra l-pajjiż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw | Protezzjoni Ċivili / Tħejjija u Prevenzjoni u Prevenzjoni tad-Diżastri / Għajnuna Umanitarja / Għajnuna għall-Iżvilupp | Diversi profili (inklużi sezzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali) Volontarjat internazzjonali għaż-żgħażagħ (18-30 sena) permezz ta' kooperazzjoni mal-EVS (fl-UE u l-pajjiżi ġirien - u l-pajjiżi terzi) |

3. Prinċipji ta' gwida

L-aspetti li ġejjin għandhom jiggwidaw ir-riflessjoni fuq it-twaqqif tal-EVHAC:

- Is-Solidarjetà. L-azzjoni umanitarja hi espressjoni fundamentali tal-valur Ewropew tas-solidarjetà ma' persuni milquta minn diżastri. It-twaqqif tal-EVHAC għandu jkun espressjoni konkreta ta' dan il-valur ta' solidarjetà. Jista' bl-istess mod jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea aktar magħquda billi joħloq opportunitajiet ġodda għall-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej, speċjalment għal dawk li għadhom żgħar.

- Prinċipji Umanitarji. L-UE għandha impenn sod lejn il-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif stabbiliti fil-Kunsens Ewropew tal-2007 dwar l-Għajnuna Umanitarja[4]. Il-perċezzjoni u l-kredibbiltà tal-atturi umanitarji hi direttament marbuta mal-mod li bih dawn il-prinċipji huma segwiti fil-kuntest ta' reazzjoni umanitarja. L-atturi kollha tal-UE involuti fi kriżi, inklużi l-voluntiera, għandhom jaħdmu b'rispett għal dawn il-prinċipji.

- Professjonaliżmu u Sigurtà. Waħda mill-akbar xejriet tal-għajnuna umanitarja għandha l-għan li żżid il-professjonaliżmu tal-atturi tal-għajnuna, biex ikunu mwieġba aħjar l-isfidi mill-post. Il-kundizzjonijiet tas-sigurtà u s-sikurezza kull ma jmur isiru ta' tħassib serju għall-organizzazzjonijiet umanitarji u l-ħaddiema tagħhom, speċjalment f'żoni ta' kunflitt, u hemm il-ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati kif imiss. In-natura li tinbidel tal-voluntiera (profili, motivazzjonijet, aspirazzjonijiet), u b'mod partikolari n-natura dejjem aktar professjonali tal-persunal impjegat fil-qasam tal-volontarjat iġġib magħha sfidi ġodda f'termini ta ġestjoni ta' riżorsi umani fi ħdan organizzazzjonijiet li jqabbdu l-voluntiera. Il-voluntiera jħabbtu wiċċhom ukoll ma' ħidmiet dejjem aktar diffiċli li jirrikjedu kompetenzi speċifiċi u ħiliet, li potenzjalment joħolqu tensjonijiet bejn, fuq naħa, it-talbiet li jsiru lill-voluntiera, u fuq in-naħa l-oħra, il-ħila tal-voluntiera li jonoraw dawn it-talbiet u jsiru operazzjonali malajr.

- Valur miżjud. Se tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet volontarji eżistenti. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġi żgurat użu kost-effiċjenti tar-riżorsi disponibbli, l-EVHAC għandu kemm jista' jkun jibni fuq strutturi eżistenti.

4. ħtiġijiet u kundizzjonijiet

Ħtiġijiet

Minkejja n-numru kbir ta' skemi eżistenti, xorta waħda jeżistu numru ta' sfidi komuni għall-organizzazzjonijiet li jibagħtu lill-voluntiera u xi lakuni ċari fi ħdan is-sistemi eżistenti li jixirqilhom analiżi ulterjuri.

1. Hemm bżonn ta' kriterji ċari u ttestjati biex jidentifikaw il-voluntiera li jkunu jistgħu jiksbu bil-ħeffa l-ħila li jikkontribwixxu għall-isforzi umanitarji tal-UE. Filwaqt li bosta Ewropej huma interessati bil-kbir fl-għajnuna umanitarja u jridu jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet tal-Unjoni, mhux kollha huma konxji mill-kundizzjonijiet u mill-ħiliet li hemm bżonn.

2. Hemm bżonn ukoll ta' taħriġ aktar strutturat, standards komuni u prattiki tajba. It-taħriġ minimu għall-voluntiera għandu jinkludi aspetti bażiċi differenti tas-sistemi u l-prinċipji umanitarji, sigurtà u kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu innifsu, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-pajjiż li fih il-voluntiera jkunu se jmorru bħal-lingwa, il-kwistjonijiet kulturali relevanti ewlenin eċċ. Serje ta' korsijiet ta' taħriġ, isituti u pjattaformi tal-edukazzjoni relevanti jeżistu diġà, kemm fil-qasam umanitarju kif ukoll f'dak privat[5]. Fl-istess waqt bosta organizzazzjonijiet ikkonsultati mill-Kummissjoni Ewropea jħossu li xi livelli minimi u moduli ta' taħriġ li dwarhom hemm qbil komuni jkunu ta' għajnuna biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn organizzazzjonijiet li jibagħtu l-voluntiera li għandhom anqas esperjenza jimmobilizzaw persunal mingħajr il-ħiliet minimi. F'kull każ, kwalunkwe attività ta' taħriġ li potenzjalment tkun żviluppata taħt l-EVHAC għandha tiżgura l-komplimentarjetà u l-koerenza mal-korsijiet eżistenti ta' taħriġ.

3. Hemm il-ħtieġa ta' rosters imtejba ta' min ikun għal-lest ta' voluntiera bl-esperjenza għal mobilizzazzjoni bil-ħeffa f'kuntesti ta' kriżi (kapaċità ta' intervent massiv f'salt, inkluż f'oqsma ċentrali bħas-saħħa), li huma essenzjali biex ikollok il-persuni li hemm bżonn fil-post fejn tridhom u fil-ħin. Fl-2010 din il-lakuna ħarġet fid-dieher b'mod pjuttost impressjonanti permezz ta' espejenzi fil-Ħaiti u l-Pakistan (ara l-kaxxa t'hawn taħt fil-każ tal-Ħaiti), fejn minkejja n-numru sostanzjali ta' persunal internazzjonali immbolizzat għall-emerġenza għad hemm impressjoni ta' nuqqas ta' persunal bl-esperjenza u bi kwalitajiet ta' maniġment u tmexxija.

4. Hemm il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ tal-funzjonijiet tal-uffiċċju fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjonijiet, inkluż waqt il-fażi ta' intervent massiv f'salt, sabiex jiżdiedu temporanjament il-kapaċitajiet organizzattivi u jiġi rilaxxat il-persunal bl-esperjenza biex jersaq eqreb lejn iż-żona. Attivitajiet ta' appoġġ fil-livell Ewropew, inklużi l-promozzjoni, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni kienu wkoll identifikati bħala oqsma possibbli għal involviment miżjud ta' voluntiera.

Lezzjonijiet li ttieħdu minn Ħaiti

L-esperjenza tal-voluntiera involuti fit-terremot ta' Ħaiti kkonfermaw, fuq naħa, il-ħtieġa ta' voluntiera mħarrġa u li jistgħu jiġu mmobilizzati malajr għal reazzjoni immedjata f'emerġenza u, fuq in-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jintużaw voluntiera b'anqas espejnza għal funzjonijiet awżiljarji.

Il-maġġoranza tal-voluntiera użati mill-aġenziji f'Ħaiti kienu mħallsa, jew mill-kumpaniji jew mill-gvernijiet tagħhom. Il-voluntiera mhux imħarrġa li waslu f'salt matul il-jiem tal-bidu b'intenzjoni tajba kienu anqas effettivi u f'xi każi kienu anke ta' xkiel, li kkonfermat il-fehma li tkun xi tkun id-definizzjoni tat-terminu "voluntier", din għandha tinkludi ammont minimu ta' taħriġ u tħejjija qabel il-mobilizzazzjoni.

Fil-Ħaiti d-dgħufijiet li kienu jeżistu minn qabel tal-istrutturi lokali u l-kedda terribbli li dawn l-istrutturi ħadu minħabba t-terremot saħħew il-ħtieġa għal persunal imħarreġ u bl-esperjenza, imma bl-istess mod uriet opportunitajiet ta' mentoring u ħidma flimkien mal-persunal lokali, ħaġa li tirrappreżenta aspett ieħor potenzjalment interessanti tat-twaqqif tal-EVHAC.

Ġew identifikati wkoll ħidmiet possibbli li kellhom isiru minn voluntiera b'anqas esperjenza, bħal xogħol ta' sostenn fuq il-post (it-tisħiħ tal-persunal tal-aġenziji f'ħidmiet intensivi li ma kinux jirrkejdu ħiliet tekniċi), servizzi lill-NGOs u appoġġ tal-akkomodazzjoni/uffiċċji tal-ħaddiema li kienu qed jagħtu l-għajnuna, appoġġ lil NGOs lokali, u l-irrappurtar.

Kundizzjonijiet

Flimkien mal-ħtiġijiet, diġà ġew identifikati xi kundizzjonijiet ċari għall-EVHAC.

- L-użu tal-voluntiera fil-qafas tal-EVHAC għandu jkun misjuq mid-domanda u bbażat fuq il-ħtiġijiet, sabiex jiġi evitat forniment żejjed ta' voluntiera mingħajr il-ħiliet addattati. Il-proporzjon bejn il-kost u l-benefiċċju tal-identifikazzjoni, ir-reklutaġġ, it-taħriġ, l-integrazzjoni u s-superviżjoni tal-voluntiera hu tħassib komuni tal-organizzazzjonijiet volontarji, speċifikament minħabba l-persunal numeruż li jiġi biss biex iservi f'missjonijiet fuq medda qasira ta' żmien. Għalhekk, il-benefiċċju li wieħed iħarreġ u jimmobilizza voluntier b'rabta mal-ispejjeż għandu jkun ibbilanċjat. L-organizzazzjonijiet li jibagħtu aktar ikunu lesti li jinvestu f'voluntiera żgħażagħ jekk dan l-investiment jista' jidher bħala dħul f'karriera u jkun hemm xi garanzija li l-persunal se jibqa' jkun disponibbli għall-organizzazzjoni.

- Kwalunkwe finanzjament għall-EVHAC m'għandux jiddevja fondi mill-qofol tal-baġit operazzjonali għar-reazzjoni għall-ħtiġijiet tan-nies f'każ ta' diżastru immma pjuttost jidher bħala investiment addizzjonali fil-kapaċità tal-atturi umanitarji, kemm fl-Ewropa kif ukoll lokalment. Bħala konsegwenza, il-kosti u l-benefiċċji tal-iskema proposta iridu jiġu analizzati bir-reqqa, u l-ambizzjonijiet ikunu addatati skont il-ħtieġa.

- L-aspetti tas-sigurtà huma ta' importanza fundamentali. Il-kuntesti kumplessi politiċi u ta' sigurtà li fihom ikunu ta' spiss involuti l-ħaddiema umanitarji juru kemm hu essenzjali li tingħata attenzjoni kbira lill-kwistjonijiet ta' sigurtà. Tmenin fil-mija (80%) tal-għajnuna umanitarja tmur lejn inħawi milquta minn kunflitti, u l-attakki kontra l-persunal umanitarju żdiedu b'mod konsiderevoli matul l-aħħar snin[6]. Għalhekk, hemm kunsens ċar fost l-organizzazzjonijiet li jibagħtu l-voluntiera li jevitaw li jkollhom voluntiera żgħażagħ u mingħajr esperjenza biżżejjed f'xenarji diffiċli, u f'kull każ li jiżguraw tħejjija massima qabel il-mobilizzazzjoni. B'mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet umanitarji jimpjegaw voluntiera l-aktar f'xenarji ta' qabel id-diżastru jew ta' wara l-kriżi, fejn ta' spiss ikun hemm nuqqas ta' persunal imħarreġ li jkun diġà mexa lejn id-diżastru kbir li jkun imiss.

- L-appoġġ għall-kapaċitajiet lokali hu ta' importanza vitali fit-tħejjija għad-diżastri, ir-reazzjoni għad-diżastri umanitarji, u għax-xenarji ta' wara d-diżastri. Bosta impjiegi u attivitajiet ta' appoġġ jistgħu isiru minn ħaddiema lokali, li jgħinu għall-ħolqien ta' programmi ta' ħlas għax-xogħol li jippermettu li l-ekonomija terġa' tqum fuq saqajha. Dawn it-tipi ta' attivitajiet m'għandhomx jgħaddu kompletament f'idejn l-iskemi ta' volontarji barranin. Min-naħa l-oħra, l-EVHAC jista' jkollu rwol biex jissaħħaħ il-volonarjat lokali u fil-bini ta' kapaċitajiet permezz ta' approċċi ta' mentoring u ġemellaġġi fejn il-voluntiera barranin u dawk lokali jaħdmu fi gruppi, eċċ.

- Il-firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet volontarji eżistenti jappellaw għal approċċi ta' kooperazzjoni mill-Kummissjoni fit-twaqqif tal-EVHAC, inkluża l-attenzjoni speċjali għall-komplimentarjetajiet sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u t-tħarbit ta' skemi volontarji li jkunu diġà qed jaħdmu tajjeb bħall-programmi ġenerali ta' volontarjat fil-livell tal-UE (is-Servizz Volontarju Ewropew, l-inizjattiva Żgħażagħ fl-Azzjoni, il-portal tal-mobbiltà tal-impjiegi EURES, eċċ). Se tiġi stabbilita wkoll kooperazzjoni mal-atturi umanitarji kollha li jaħdmu mal-voluntiera inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, il-familja tas-Salib/in-Nofs Qamar l-Aħmar, u l-NGOs, kif ukoll l-iskemi relevanti immexxija mill-Istati Membri tal-UE.

5. konsiderazzjonijiet ġenerali u l-ewwel alternattivi

Id-definizzjoni eżatta ta' "voluntier" hi suġġett għal diversi dibattiti fost il-prattikanti, minħabba li tinkludi - skont l-interlokutur - kunċetti ta' persuni li għadhom "żgħar", "mhux imħarrġa" u "mhux imħallsa" jew "mhux imħallsa kif jixraq", f'diversi kombinazzjonijet. Għall-finijiet tat-twaqqif tal-EVHAC. tip wieħed jew bosta tipi ta' voluntiera se jiġu ddefiniti, sabiex ikun possibbli li jiġu ddefiniti l-kriterji għall-eliġġibiltà u l-attivitajiet, kif ukoll biex isir eżerċizzju tal-ispejjeż involuti. Minħabba l-limitazzjonijiet baġitarji preżenti, il-Kummissjoni se tipprova tilħaq bilanċ bejn il-ħtieġa li jsir użu massimu mill-istrutturi eżistenti billi wieħed jibni fuqhom, u l-ħtieġa li ssir proposta li tipprovdi soluzzjonijiet għal uħud mill-isfidi li l-persuni interessati jiffaċċjaw meta jaħdmu mal-voluntiera.

Tkun xi tkun id-definizzjoni ta' ħiliet ta' voluntier fil-kuntest tal-EVHAC, il-klima ekonomika preżenti fl-UE u l-isfidi demografiċi tad-deċennji li ġejjin jagħmluha essenzjali li dawn il-ħiliet ikunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod wiesa' possibbli, li jippermettu żvilupp professjonali ulterjuri ta' persuni involuti fl-EVHAC.

Il-profil eżatt ta' voluntiera taħt il-EVHAC propost se jkun jeħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri. Filwaqt li t-Trattat jistipula li l-"qafas għandu jippermetti li ż-żgħażagħ li jagħtu kontribut ..." teżisti kemm il-ħtieġa ta' persunal aktar esperjenzat u bħala konsegwenza numru iżgħar ta' persunal żgħażugħ u tendenza ċara ta' ċittadini aktar anzjani, f'xi każi anke irtirati bil-ħiliet neċessarji li jkunu jridu jagħtu kontribut. Fl-istess waqt, l-EVHAC għandu jkun inklużiv biżżejjed biex jippermetti persuni minn kuntesti soċjali diffenrti biex jivvolontarjaw, peress li xi skemi eżistenti m'humiex vijabbli mingħajr kontribuzzjoni finanzjarja konsiderevoli mill-voluntier innifsu/innifisha. B'mod ġenerali il-Kummissjoni se tagħmel sforz biex ikollha approċċ kemm jista' jkun inklużiv, filwaqt li tiżgura li l-iskema tibqa' biċ-ċar misjuqa mid-domanda u professjonali.

It-tip ta' attivitajiet għall-voluntiera skont l-EVHAC għandhom ikopru firxa wiesgħa, mhux biss marbuta mar-reazzjoni għall-kriżi klassika umanitarja. L-attivitajiet għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri, immirati biex inaqqsu l-vulnerabbiltà tal-pajjiżi u r-reġjuni li ta' spiss jintlaqtu minn diżastri, kif ukoll interventi f'sitwazzjonijiet ta' tranżizzjoni, immirati biex jiżguraw evoluzzjoni bla skossi mill-fażi ta' għajnuna għal dik ta' żvilupp, huma parti integrali mill-pakkett kollu tal-għajnuna, u jistgħu jipprovdu kuntest bis-sens u sostenibbli għall-mobilizzazzjoni tal-voluntiera.

Fir-rigward ta' alternattivi konkreti għat-twaqqif tal-EVHAC, ix-xogħol li sar s'issa ġeneralment iħares lejn tliet approċċi kbar:

L-ewwel alternattiva tista' tkun dik li tikkonsisti prinċipalment fl-indirizzar tal-isfidi li indikaw l-organizzazzjonijiet tal-voluntiera rigward l-istandards li fuqhom kien hemm ftehim ġenerali ta' għażla u taħriġ tal-voluntiera, inkluż f'xi oqsma speċjalizzati bħall-ġestjoni tal-voluntiera, xi funzjonijiet tal-uffiċċju jew attivitajiet ta' prevenzjoni u tħejjija. Dan jista' jinkludi t-twaqqif ta' "mekkaniżmu tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni" għal organizzazzjonijiet li jirrspettaw dawk l-istandards.

Alternattiva oħra tista' tikkombina l-approċċ deskritt hawn fuq, li jiffoka fuq it-taħriġ max-xogħol dwar reklutaġġ u rosters għall-kapaċitajiet ta' intervent massiv f'salt għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet involuti fl-għajnuna umanitarja f'każ ta' diżastru (NGOs, is-Salib l-Aħmar u n-NU), speċjalment b'enfasi fuq persunal bl-esperjenza biex jiġu mmobilizzati f'funzjonijiet ewlenin.

Alternattiva ulterjuri - li hija t-twaqqif ta' skema vera u proprja tal-voluntieri li tinkludi l-għażla, it-taħriġ, it-tqabbil u l-mobilizzazzjoni tal-voluntiera (simili għal uħud mill-programmi deskritti hawn fuq) - ikollha bżonn kunsiderazzjoni serja, speċjalment fir-rigward tal-istruttura addattata ta' ġestjoni (fi ħdan jew 'il barra mill-Kummissjoni), għalkemm l-implimentazzjoni operazzjonali tagħha ma tippreżentax ostakli insormontabbli.

Dawn l-alternattivi kollha jkunu jridu jiġu eżaminati filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti massimi preżenti tal-intestaturi relevanti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Għall-perjodu ta' wara l-2013, huma se jkunu eżaminati fil-kuntest ta' dibattitu madwar il-Kummisjoni kollha fuq il-proposti kollha li se jsiru għal dak il-perjodu.

Ikun x'ikun l-aproċċ li jintgħażel, ir-riżultati konkreti u l-valur miżjud tal-EVHAC hemm bżonn li jkun viżibbli għaċ-ċittadin Ewropew sabiex tintwera biċ-ċar l-espressjoni ta' solidarjetà man-nies fil-bżonn.

6. konklużjonijiet u t-triq 'il quddiem

L-ewwel fażi ta' rendikont li wasslet għal din il-Komunikazzjoni ippermettiet lill-Kummissjoni Ewropea biex ikollha stampa wiesgħa tas-sitwazzjoni preżenti tal-volontarjat, inkluża l-identifikazzjoni tal-isfidi, il-lakuni u l-ħtiġijiet li qed jinbtu.

Madanakollu għad hemm numru ta' mistoqsijiet miftuħa, u hemm bżonn riċerka ulterjuri ta' alternattivi qabel ma tkun tista' tiġi ppreżentata proposta leġiżlattiva.

Għal din ir-raġuni, sakemm ikunu disponibbli l-approprjazzjonijiet korrispoendenti fil-baġit tal-2011, il-Kummissjoni se tniedi azzjoni preparatorja s-sena d-dieħla, li se tippermetti żvilupp ulterjuri tal-iskema matul is-Sena Ewropea tal-Volontarjat. Id-djalogu kontinwu mal-imsieħba interessati se jippermetti lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għat-twaqqif tal-EVHAC u twieġeb għall-ħtiġijiet reali u tipprovdi kontribuzzjoni effettiva għar-reazzjoni umanitarja f'każ ta' diżastru.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tkompli l-konsultazzjoni mal-imsieħba interessati permezz ta' diversi kanali, inkluża konsultazzjoni miftuħa onlajn;

- Suġġett għall-adozzjoni tal-baġit tal-2011, timplimenta azzjoni preparatorja s-sena d-dieħla, is-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

- Tanalizza aktar il-lakuni u l-opportunitajiet, kif ukoll il-forom possibbli ta' kooperazzjoni mal-atturi relevanti;

- Tħares lejn alternattivi differenti f'termini ta' struttura ta' ġestjoni u amibitu ta' intervent sod u mgħammar kontra l-frodi;

- Tivvaluta l-kosteffettività tal-alternattivi differenti u l-impatti soċjali tal-qafas ta' Valutazzjoni tal-Impatt, filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għall-finanzjament mill-UE ta' din l-inizjattiva;

- Tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2012.

-

[1] Studju dwar "Il-volontarjat fl-Unjoni Ewropea", ikkuntrattat mill-Kummissjoni Ewropea - DĠ tal-Edukazzjoni u l-Kultura lil GHK, Frar tal-2010.

[2] http://business.un.org/en

[3] Protezzjoni Ċivili, Għajnuna Umanitarja, Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u oħrajn.

[4] http://ec.europa.eu/echo/policies/consensus_en.htm

[5] Dawk li jipprovdu t-taħriġ jinkludu n-NOHA (li tipprovdi Master Ewropew fl-Azzjoni Umanitarja Internazzjonali ), Organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-profitt bħal Acción Contra el Hambre, RedR (ir-Renju Unit), Bioforce (Franza), DTalk (l-Irlanda), AgeH (il-Ġermanja), ATHA (l-Isvezja) jew iċ-ċentru elettroniku tal-UNHCR Hemm ukoll organizzazzjonijiet speċjalisti li ma jaħdmux għall-profitt li jistgħu joffru moduli speċifiċi bħas-CSD (il-Pajjiżi l-Baxxi: is-sigurtà), CHP (Franza: Psikosoċjali), Mango (ir-Renju Unit: Finanzijament), BOND (ir-Renju Unit), u netwerks oħra nazzjonali.

[6] 278 ħaddiem umanitarju kienu vittma ta' inċidenti serji ta' sigurtà fl-2009 (205 persunal nazzjonali u 73 internazzjonali), li minnhom 102 inqatlu (88 persunal nazzjonali u 14 internazzjonali).

Top