EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0464

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2009

/* KUMM/2010/0464 finali */

52010DC0464

/* KUMM/2010/0464 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2009


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.9.2010

KUMM(2010) 464 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2009

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL- PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2009

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-EGF fl-2009 4

3. Segwitu tar-Rapport Annwali tal-2008 dwar l-Attivitajiet tal-EGF 5

Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-EGF 5

4. Analiżi tal-Attivitajiet tal-EGF fl-2009 5

4.1. Applikazzjonijiet li waslu 5

Tabella 1 — Applikazzjonijiet li waslu fl-2009 6

4.1.1. Applikazzjonijiet li waslu skont l-Istat Membru u s-settur 6

4.1.2. Applikazzjonijiet li waslu skont l-ammont mitlub 7

4.1.3. Applikazzjonijiet li waslu skont l-għadd ta’ ħaddiema fil-mira tal-għajnuna 7

4.1.4. Applikazzjonijiet li waslu skont l-ammont mitlub għal kull ħaddiem 7

4.1.5. Applikazzjonijiet li waslu skont il-kriterju tal-intervent 7

4.2. L-iffaċilitar tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet tal-EGF: proċedura ġdida għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew 8

4.3. Kontribuzzjonijiet mogħtija 8

Tabella 2 — Dettalji tal-kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2009 8

4.3.1. Profil tal-ħaddiema li jibbenefikaw minn għajnuna tal-EGF 8

Tabella 3 — Kontribuzzjonijiet tal-EGF mogħtija fl-2009: Profil tal-ħaddiema 9

4.3.2. Azzjonijiet iffinanzjati bl-assistenza tal-EGF 9

Tabella 4 — Azzjonijiet ffinanzjati fl-2009 mqassma skont il-klassifika tal-EUROSTAT 9

4.3.3. Kumplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, partikolarment l-FSE 11

4.4 Riżultati miksuba mill-EGF: rapporti finanzjarji li waslu fl-2009 dwar l-eżekuzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji 12

4.4.1. Rapporti finali li waslu mill-Istati Membri 12

4.4.2. Sommarju tar-riżultati rrappurtati 12

4.4.3. Prattiki tajbin u lezzjonijiet ippreżentati fir-rapporti finali 12

Tabella 5 — Riżultati rrappurtati fir-rapporti finali li waslu fl-2009 15

4.5. Rapport finanzjarju 16

4.5.1. Fondi kontribwiti mill-EGF 16

4.5.2. Nefqa tal-għajnuna teknika 17

Tabella 6 — Nefqa tal-għajnuna teknika 2009 17

4.5.3. Irregolaritajiet irrappurtati jew magħluqa 17

4.5.4. Stralċ tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-EGF 18

Tabella 7 — Każijiet stralċjati fl-2009 18

4.5.5. Rimborsi oħra 18

4.6. Attivitajiet ta’ Għajnuna Teknika mwettqa mill-Kummissjoni 19

4.6.1. Informazzjoni u pubbliċità 19

4.6.2. Laqgħat mal-Awtorijtajiet Nazzjonali u l-imsieħba soċjali 20

5. Xejriet 21

1. INTRODUZZJONI

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (‘EGF’) ġie mwaqqaf mir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] bil-għan li juri solidarjetà ma’, u jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala konsegwenza ta’ tibdiliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali madwar id-dinja. Dan ġie mfassal bħala mezz biex jirrikonċilja l-benefiċċji fit-tul tal-kummerċ miftuħ f’dak li għandu x’jaqsam mat-tkabbir u l-impjiegi mal-effetti ħżiena li jista’ jkollha l-globalizzazzjoni għal żmien qasir, b’mod partikolari fuq l-impjiegi tal-aktar ħaddiema vulnerabbli u l-inqas kwalifikati.

Ir-regoli ġew emendati mir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tat-18 ta’ Ġunju 2009 sabiex jirrispondu b’mod iktar effettiv għall-kriżi globali finanzjarja u ekonomika (ara taqsima 3).

L-Artikolu 16 tar-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, rapport kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet tal-EGF fis-sena preċedenti. Ir-rapport għandu jiffoka l-aktar fuq ir-riżultati li ntlaħqu mill-EGF u għandu, b’mod partikolari, jinkludi informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet mitfugħa, id-deċizjonijiet adottati u l-azzjonijiet iffinanzjati, inkluża l-kumplementarjetà tagħhom mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u mal-istralċ tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula. Għandu jiddokumenta wkoll dawk it-talbiet li ġew miċħuda minħabba nuqqas ta’ approprjazzjonijiet meħtieġa jew minħabba li ma kinux eliġibbli.

2. ĦARSA ġENERALI LEJN L-ATTIVITAJIET TAL-EGF FL-2009

Fl-2009, il-Kummissjoni rċeviet 30 applikazzjoni għal kontribuzzjonijiet mill-EGF, li kienu sitt darbiet aktar minn dawk tal-2008. Id-dettalji tal-applikazzjonijiet jingħataw fit-taqsima 4 u fit-tabella 1.

L-Awtorità Baġitarja ħadet 10 deċiżjonijiet biex timmobilizza lill-EGF fl-2009. Tmienja minnhom kienu ikkonċernaw applikazzjonijiet tal-2009 u tnejn kienu jikkonċernaw applikazzjonijiet li waslu fit-tmiem tal-2008. Id-dettalji tal-kontribuzzjonijiet li ngħataw huma stipulati fit-taqsima 4 u fit-tabelli 2, 3 u 4.

Il-Kummissjoni rċeviet disa’ rapporti finali dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-EGF fl-2009. Id-dettalji tar-riżultati miksuba huma stipulati fit-taqsima 4 u fit-tabella 5.

Barra minn hekk, erba’ kontribuzzjonijiet tal-EGF mogħtija fis-snin preċedenti ngħalqu. Intużat għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni (Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-EGF). Id-dettalji jingħataw fit-taqsimiet 4.5. u 4.6 u fit-tabelli 6 u 7.

3. SEGWITU TAR-RAPPORT ANNWALI TAL-2008 DWAR L-ATTIVITAJIET TAL-EGF

Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-EGF[2]

Fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku tagħha, ippubblikat fis-26 ta’ Novembru 2008[3], il-Kummissjoni ddikjarat li se tirrevedi r-regoli tal-EGF sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tgħin lill-ħaddiema milquta mill-kriżi globali finanzjarja u ekonomika u tindirizza l-prospetti tagħhom ta’ xogħol fit-tul. Tliet ġimgħat wara, wara analiżi tal-aspettattivi u l-bżonnijiet tal-partijiet interessati ewlenin tal-EGF (rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ msieħba soċjali fuq livelli nazzjonali u Ewropej), adottat proposta biex temenda r-Regolament tal-EGF[4], li kien jinkludi id-dispożizzjonijiet ewlenin li ġejjin:

- tnaqqis fil-limitu tal-applikazzjoni minn 1 000 ħaddiem mogħti s-sensja għal 500;

- estenzjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni minn 12 għal 24 xahar;

- żieda fir-rata ta’ kofinanzjament minn 50 għal 75 %[5];

- deroga temporanja li permezz tagħha l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-kriżi jkunu eliġibbli għall-għajnuna, sakemm l-applikazzjonijiet ibbażati fuq dak il-kriterju jiġu ppreżentati qabel tmiem l-20105.

Fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-Regolament emendat tal-EGF (KE) Nru 546/2009 ġie adottat fit-18 ta’ Ġunju 2009.

4. ANALIżI TAL-ATTIVITAJIET TAL-EGF FL-2009

4.1. Applikazzjonijiet li waslu

It-30 applikazzjoni li waslu għand il-Kummissjoni fl-2009 (ara tabella 1) jirrappreżentaw żieda kbira meta kkumparati mas-sentejn preċedenti, bi 28 applikazzjoni li waslu fi tmien xhur biss (minn Mejju sa Diċembru 2009, jiġifieri mill-emenda tar-Regolament tal-EGF sa tmiem is-sena), kkumparati mal-14 li waslu f’24 xahar fl-2007 u l-2008[6].

L-applikazzjonijiet ġew mitfugħa minn 13-il Stat Membru, koprew 29 021 ħaddiema li ngħataw is-sensja u talbu total ta’ EUR 166 581 220 mill-EGF. It-28 applikazzjonijiet mitfugħa minn Mejju 2009 kienu jaqgħu taħt ir-regoli l-ġodda (jiġifieri 65 % rata ta’ finanzjament, perjodu ta’ żmien ta’ 24 xahar, eċċ.).

Ebda applikazzjoni ma ġiet miċħuda fl-2009. Applikazzjoni waħda ġiet irtirata u għalhekk mhix inkluża fl-istatistiċi.

Tabella 1 — Applikazzjonijiet li waslu fl-2009

[pic]

4.1.1. Applikazzjonijiet li waslu skont l-Istat Membru u s-settur

It-30 applikazzjoni li waslu ġew ippreżentati minn 13-il Stat Membru u relatati ma’ 17-il settur[7]:

L-Awstrija (applikazzjoni waħda; awtomobilistika), il-Belġju (żewġ applikazzjonijiet; tessuti), il-Bulgarija (applikazzjoni waħda; metalli bażiċi), id-Danimarka (żewġ applikazzjonijiet; mekkanika/elettronika), Franza (applikazzjoni waħda; awtomobilistika), il-Ġermanja (żewġ applikazzjonijiet; telefowns ċellulari, awtomobilistika), l-Irlanda (tliet applikazzjonijiet; kompjuters, ħġieġ tal-kristall, manutenzjoni ta’ ajruplani), l-Italja (applikazzjoni waħda; tagħmir tad-dar), il-Litwanja (erba’ applikazzjonijiet; tagħmir tad-dar, għamara, kostruzzjoni, ħwejjeġ li jintlibsu), il-Pajjiżi l-Baxxi (tmien applikazzjonijiet; kostruzzjoni, l-industrija tal-istampar, pubblikazzjoni), il-Portugall (żewġ applikazzjonijiet; tessuti, tagħmir elettroniku), Spanja (żewġ applikazzjonijiet; ċeramika, xogħol tal-injam u ta’ mastrudaxxa), l-Isvezja (applikazzjoni waħda; awtomobilistika).

4.1.2. Applikazzjonijiet li waslu skont l-ammont mitlub

L-Istat Membru li japplika għall-appoġġ mill-EGF għandu jfassal pakkett ikkoordinat ta’ miżuri li jaqblu l-aħjar mal-profil tal-ħaddiema fil-mira, u jiddeċiedi l-ammont ta’ għajnuna li jitlob. Ir-Regolament tal-EGF ma jirrakkomandax u lanqas ma jillimita l-ammont totali mitlub, iżda l-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni mill-Kummissjoni tista' tqajjem kwisjonijiet li jikkawżaw lill-Istat Membru biex jirrevedi l-pakkett propost ta’ servizzi personalizzati, u b’hekk jiġi affettwat l-ammont mitlub.

Il-kontribuzzjonijiet mitluba mill-EGF fl-2009 jvarjaw minn EUR 258 164 għal EUR 56 385 144 (medja ta’ EUR 5 552 707).

4.1.3. Applikazzjonijiet li waslu skont l-għadd ta’ ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

L-għadd ta’ ħaddiema mmirati mill-miżuri proposti għall-kofinanzjament mill-EGF kien 29 021 (30 applikazzjoni), li jvarjaw minn 111 sa 3 582 ħaddiem (medja ta’ 967 ħaddiem). Tliet applikazzjonijiet kellhom fil-mira iktar minn 2 000 ħaddiem, sebgħa kellhom fil-mira bejn 1 000 u 2 000, u 20 kellhom fil-mira inqas minn 1 000 ħaddiem.

L-għadd ta’ ħaddiema affettwati mill-għoti tas-sensji u n-numru fil-mira għall-appoġġ mill-EGF jista’ jvarja jekk l-Istat Membru applikant jiddeċiedi li jiffoka l-għajnuna tiegħu, pereżempju, fuq dawn li jaffaċċjaw diffikultà eċċezzjonali biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u/jew dawk li għandhom l-iktar bżonn għajnuna.

4.1.4. Applikazzjonijiet li waslu skont l-ammont mitlub għal kull ħaddiem

L-ammonti proposti għal kull ħaddiem fl-2009 varjaw bejn ftit iktar minn EUR 500 għal iktar minn EUR 15 700 (medja ta’ EUR 5 740 għal kull ħaddiem).

Il-pakkett ta’ servizzi individwalizzati li l-Istati Membri applikanti jistgħu jipproponu għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja kkonċernati huwa fid-diskrezzjoni tagħhom b’mod konformi mar-Regolament. L-ammont mitlub għal kull ħaddiem affettwat għalhekk jista’ jvarja skont is-severità tal-avveniment tal-għoti tas-sensja, il-qagħda tas-suq tax-xogħol milqut, iċ-ċirkostanzi individwali tal-ħaddiema fil-mira, il-miżuri diġà pprovduti mill-Istat Membru, u l-ispiża tal-provvista tas-servizzi fl-Istat Membru jew reġjun ikkonċernat.

4.1.5. Applikazzjonijiet li waslu skont il-kriterju tal-intervent

24 mill-applikazzjonijiet mitfugħa (80 %) kienu biex jappoġġjaw ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika (Artikolu 1a tar-Regolament emendat) filwaqt li s-sitt applikazzjonijiet li jifdal (20 %) ġew proposti fuq il-bażi ta’ tibdiliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali madwar id-dinja minħabba l-globalizzazzjoni .

11-il applikazzjoni kienu bbażati fuq l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-EGF u 13 kienu bbażati fuq l-Artikolu 2(b). Mis-sitt applikazzjonijiet li rreferew għall-Artikolu 2(c) (li kollha kemm huma semmew ‘ċirkostanzi eċċezzjonali’), nofshom iddikjaraw li l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 2(a) ma kinux milħuqa totalment, filwaqt li n-nofs l-ieħor iddikjaraw li l-kundizzjonijiet fit-2(b) ma kinux milħuqa totalment.

4.2. L-iffaċilitar tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet tal-EGF: proċedura ġdida għas-sottomissjoni ta’ proposti lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew

Lejn tmiem l-2009, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-EGF ġie semplifikat: il-Kummissjoni eliminat wieħed mill-passi meħtieġa billi għaqqdet żewġ proċeduri f'waħda, li għaliha huma responsabbli il-Kummissarji għall-Impjieg u l-Baġit. Bħala riżultat, il-proposti lill-Awtorità Baġitarja jinkludu l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-applikazzjoni fl-għamla ta’ memorandum ta’ spjegazzjoni. Dan għandu jiffranka medja ta’ 22 jum, u hemm tama li d-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu iktar faċli u trasparenti.

4.3. Kontribuzzjonijiet mogħtija

Fl-2009, l-Awtorità Baġitarja ħadet 10 deċiżjonijiet biex tuża l-EGF sabiex tikkofinanzja miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol (ara t-tabelli 2, 3 u 4). Tmienja minnhom kienu ikkonċernaw applikazzjonijiet magħmula fl-2009 u tnejn kienu ikkonċernaw applikazzjonijiet li waslu fit-tmiem ta’ Diċembru 2008.

Il-kontribuzzjonijiet mogħtija relatati ma’ 10 938 għoti ta’ sensji fi tmien Stati Memnri b’total ta’ EUR 52 349 047 imħallsa mill-EGF (10.5 % tal-ammont massimu disponibbli għall-EGF). L-ammont medju għal kull ħaddiem kien ta’ EUR 4 786. Sitta mill-10 applikazzjonijiet approvati ġew mitfugħa fl-1 ta’ Mejju 2009 jew wara, jiġifieri skont ir-regoli l-ġodda.

L-Awtorità Baġitarja ma ċaħdet ebda proposta mressqa quddiemha mill-Kummissjoni għall-finanzjament mill-EGF.

Tabella 2 — Dettalji tal-kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2009

[pic]

4.3.1. Profil tal-ħaddiema li jibbenefikaw minn għajnuna tal-EGF

Il-profil tal- ħaddiema fil-mira (ġeneru, ċittadinanza fl-UE/mhux fl-UE, grupp tal-età, status tas-saħħa/abilità) jingħata fit-tabella 3:

Tabella 3 — Kontribuzzjonijiet tal-EGF mogħtija fl-2009: Profil tal-ħaddiema

[pic]

4.3.2. Azzjonijiet iffinanzjati bl-assistenza tal-EGF

L-Artikolu 3 tar-Regolament 1927/2006 jipprovdi li l-EGF jista’ jikkofinanzja biss miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jimmiraw li jgħinu lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom biex jerġgħu jsibu xogħol. Barra minn hekk, dan jiddikjara li l-EGF jista’ jiffinanzja l-attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ tagħrif, ta’ pubbliċità u ta’ kontroll tal-Istat Membru għall-użu tal-finanzjament (Għajnuna Teknika).

Il-miżuri approvati fl-10 kontribuzzjonijiet tal-EGF mogħtija fl-2009 li jimmiraw li jintegraw mill-ġdid 10 938 ħaddiem li ngħataw is-sensja lura fis-suq tax-xogħol kkonsistew prinċipalment f’taħriġ u taħriġ mill-ġdid, sussidji għal sussistenza fit-taħriġ jew f’miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol, għotjiet ta’ taħriġ u għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg u ġestjoni tal-każijiet.

It-tqassim tal-ispejjeż stimati tal-azzjonijiet proposti, flimkien mal-Għajnuna Teknika, jingħata fit-tabella 4.

Tabella 4 — Azzjonijiet ffinanzjati fl-2009 mqassma skont il-klassifika tal-EUROSTAT[8]

Interventi tal-Politika tas-Suq tax-Xogħol (LMP) imqassma skont il-klassifika tal-EUROSTAT | Spiża stmata EGF + MS (EUR) | % tat-total |

Servizzi tal-LMP | 12 954 880 |

1 | Servizzi individwali ta’ għajnuna għat-tiftix ta’ impjieg u ġestjoni tal-każijiet u informazzjoni ġenerali (gwida tal-karriera, ċertifikazzjoni tal-ħiliet, pjanijiet ta’ azzjoni personalizzati eċċ; servizzi ta’ informazzjoni miftuħa għal dawk li jfittxu impjieg) | 9 406 680 | 10.91 % |

Sussidji għat-tiftix ta’ impjieg | 174 600 | 0.20 % |

Sussidji għal mobilità | 2 528 400 | 2.93 % |

Sussidji oħra (eż. skemi ta’ apprendistat) | 845 200 | 0.98 % |

Miżuri tal-LMP | 69 664 315 |

2 | Taħriġ u taħriġ mill-ġdid | 35 806 540 | 41.51 % |

Sussidji għal taħriġ | 12 579 650 | 14.58 % |

Sussidji għal sussistenza waqt it-taħriġ jew f’miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol | 13 077 200 | 15.16 % |

3 | Rotazzjoni tal-impjieg u qsim tal-impjieg | Mhux applikabbli | Mhux applikabbli |

4 | Inċentivi għal impjieg u reklutaġġ | 2 577 500 | 2.99 % |

5 | Impjieg sostnut u riabilitazzjoni | 281 600 | 0.33 % |

6 | Ħolqien dirett tax-xogħol | 594 000 | 0.69 % |

7 | Inċentivi għall-bidu u biex jippromovu l-imprenditorija | 4 747 825 | 5.50 % |

Għajnuna Teknika (Artikolu 3 tar-R. 1927/2006) | 3 635 200 | 4.21 % |

Total | 86 254 395 | 100 % |

4.3.3. Kumplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, partikolarment l-FSE

L-EGF huwa ddisinjat biex iżid l-impjegabilità u jiżgura r-riintegrazzjoni mgħaġġla fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, b’hekk jikkumplimenta l-FSE, li huwa l-istrument ewlieni tal-UE f’dan il-qasam. Il-kumplementarjetà tagħhom tinstab fl-abilità tagħhom li jindirizzaw dawk iż-żewġ kwistjonijiet f’żewġ perspettivi temporali differenti: filwaqt li l-EGF jipprovdi għajnuna mfassla skont il-każ lil ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala risposta għal avveniment speċifiku, fuq skala Ewropea tal-għoti tas-sensji bil-massa, l-FSE jsostni miri strateġiċi għal żmien twil (eż. żieda tal-kapital uman, il-ġestjoni tal-bidla) permezz ta’ programmi multiannwali. Fid-dawl tal-impatt soċjali tal-kriżi attwali finanzjarja u ekonomika, il-funzjonament taż-żewġ Fondi ġie emendat fl-2009 wara proposta mill-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod iktar flessibbli għall-impatt tal-kriżi.

Il-kriterju deċiżiv huwa l-potenzjal tal-istrumenti disponibbli u l-miżuri biex effettivament jgħinu lill-ħaddiema. Il-kontenut tal-‘pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati’ li għandu jkun kofinanzjat mill-EGF għandu jkun bilanċjat ma’ azzjonijiet oħra u jikkumplimentahom . Dan ifisser li l-azzjonijiet tal-EGF hemm bżonn li jmorru lil hinn sew mill-korsijiet standard li jkunu disponibbli għall-ħaddiema f’kull każ. Min-naħa l-oħra, m’hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex jivvintaw azzjonijiet kompletament ġodda, u s-servizzi proposti għall-kofinanzjament tal-EGF jistgħu jkunu diġà jeżistu. Il-prattika tal-EGF hija li tipproponi taħlita ta’ servizzi li tinkludi azzjonijiet li huma kompletament ġodda, huma ġodda għall-ħaddiema kkonċernati jew jiġu proposti lilhom f’sekwenzi ġodda, u azzjonijiet li normalment ma jkollhomx aċċess għalihom (eż. taħriġ fuq it-tieni jew it-tielet livell).

Eżempju tajjeb ta’ kumplementarjetà ta’ suċċess bejn l-FSE u l-EGF huwa l-każ tan-Nokia (EGF/2009/002) ippreżentat mill-Ġermanja. L-applikazzjoni għamlet distinzjoni bejn il-pakkett tal-EGF u pakkett inizjali ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li kien iffinanzjat mill-FSE u minn kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat. Il-pakkett inizjali kkofinanzjat mill-FSE kienu jinkludi l-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment ( Transfergesellschaft ) u miżuri għat-tfassil tal-profili, gwida għall-vokazzjonijiet, konsulenza individwali, taħriġ għal pjazzament u kwalifiki għal żmien qasir konformi mal-linji gwida tal-Uffiċċju Federali tal-Impjiegi tal-FSE. Il-pakkett tal-EGF tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kien imfassal biex jikkumplimenta l-pakkett tal-FSE deskritt hawn fuq, biex b’hekk jiżgura kumplementarjetà mal-miżuri l-oħra fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

Tip ieħor ta’ kumplementarjetà ta’ suċċess huwa muri fil-każ tal-Volvo (EGF/2009/007) imressaq mill-Isvezja: ħaddiema li, minflok ma tneħħew, ġew imħarrġa mill-ġdid għal inkarigi ġodda fil-kumpanija rċevew appoġġ kofinanzjat mill-FSE, filwaqt li dawk li ngħataw is-sensja rċevew għajnuna permezz tal-pakkett koordinat tal-EGF ta’ servizzi personalizzati.

L-Istati Membri qagħdu attenti biex jevitaw il-finanzjament doppju minn strumenti finanzjarji Komunitarji, kif meħtieġ skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament tal-EGF.

4.4 Riżultati miksuba mill-EGF: rapporti finanzjarji li waslu fl-2009 dwar l-eżekuzzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji

Is-sorsi ta’ informazzjoni ewlenin fuq ir-riżultati miksuba mill-EGF huma r-rapporti finali ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15 tar-Regolament.

4.4.1. Rapporti finali li waslu mill-Istati Membri

Fl-2009 l-Kummissjoni rċeviet disa’ rapporti finali, sitta dwar applikazzjonijiet mitfugħa fl-2007 u tlieta fuq applikazzjonijiet mitfugħa fl-2008 (ara t-tabella 5).

4.4.2. Sommarju tar-riżultati rrappurtati

Id-disa’ rapporti finali wrew li, fit-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni, 3 717-il ħaddiem (40.1 %) kienu sabu impjieg ġdid. L-oħrajn kienu mingħajr impjieg (2 219 persuni/24 %) jew mhux attivi (893 persuni/9.6 %), jew l-istatus tal-impjieg tagħhom ma ġiex rappurtat mill-Istati Membri (2 439 persuni/26.3 %).

4.4.3. Prattiki tajbin u lezzjonijiet ippreżentati fir-rapporti finali

Minbarra r-rata ta’ suċċess f'dak li għandu x’jaqsam mar-riintegrazzjoni fl-impjieg, l-Istati Membri rrappurtaw li l-kontribuzzjonijiet tal-EGF ippermettew lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-għajnuna tagħhom għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u biex jestendu d-dewmien tal-appoġġ għal iktar minn dak li kien ikun disponibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-EGF. Diversi Stati Membri (il-Finlandja, Malta, il-Portugall) ħassew li l-perjodu ta’ implimentazzjoni, 12-il xahar f’dawn il-każijiet kollha, ma kienx twil biżżejjed, b’mod partikolari għall-miżuri biex jippromovu l-imprenditorija u l-bidu ta’ kumpaniji.

F’dan l-istadju, ir-riżultati ddettaljati ma jistgħux jinqasmu skont il-ġeneru, il-grupp tal-età, il-livell tal-eduzzjoni, nazzjonalità, eċċ. Dan għandu jseħħ każ każ fil-futur u għandu jirriżulta wkoll fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-EGF.

EGF/2007/004 Perlos/il-Finlandja

Mid-921 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 56.9 % reġa’ kellhom impjieg fit-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. It-taħriġ għal impjiegi ġodda b’futur kien benefiċċju sinifikanti mhux biss għall-ħaddiema iżda għar-reġjun fit-totalità tiegħu, li huwa remot u mhedded li jkollu tnaqqis fil-popolazzjoni. L-iżvilupp u l-manteniment ta’ netwerk wiesa’ ta’ partijiet interessati appoġġjaw il-ħaddiema li ngħataw is-sensja u rritornawhom lura għax-xogħol iktar malajr. Kollaborazzjoni bikrija mal-Kummissjoni ppermettiet li jiġi mfassal pakkett iktar ambizzjuż ta’ miżuri għall-ħaddiema milli kieku kien ikun possibbli. Ir-rapport finali kien fih analiżi SWOT (saħħiet u dgħufijiet, opportunitajiet u theddid) tal-każ li tista’ tkun ta’ għajnuna fil-pjanifikazzjoni tal-każijiet futuri. Il-miżuri kofinanzjati mill-EGF ippermettew lill-awtoritajiet tal-Karelja ta’ Fuq biex ifasslu pjanijiet ta’ kontinġenza għal għoti ta’ sensji fuq skali kbira fil-futur.

EGF/2007/006 Piemonte/l-Italja

Mill-1 298 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 48.9 % reġa’ kellhom impjieg fit-tmiem tal-perjodu tal-implimentazzjoni (inkluż 5 li fetħu kumpaniji tagħhom stess). L-istatus tal-impjieg tal-51.1 % ma ġiex rappurtat. L-intervent ta attenzjoni speċjali lill-inċentivi għan-nisa u ħaddiema li għandhom iktar minn 55 biex jipparteċipaw u ma jitilqux mis-suq tax-xogħol. Perċentwali għolja ta’ ħaddiema li għandhom iktar minn 40 setgħu jsibu impjieg ġdid, u r-rata tal-impjieg mill-ġdid ta’ ħaddiema kbar fl-età li nkisbet permezz ta’ dawn il-miżuri kienet partikolarment għolja f’dan il-qasam. Grazzi għat-taħriġ mill-ġdid, il-ħaddiema ġew imċaqalqa minn settur tat-tessut għal setturi oħra, iktar kompetittivi, ta’ produzzjoni.

EGF/2007/005 Sardegna/l-Italja

Mill-1 044 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 6.2 % ġew irrappurtati li reġa' kellhom impjieg wara l-perjodu ta’ implimentazzjoni mill-awtoritajiet Taljani (inkluż 1 li fetaħ kumpanija). L-istatus tal-impjieg tat-93.8 % l-oħra ma ġiex irrappurtat.

EGF/2007/007 Lombardia/l-Italja

Mill-1 215-il ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 45.8 % reġa' kellhom impjieg sat-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. L-istatus tal-impjieg tal-54.2 % ma ġiex rappurtat.

EGF/2008/001 Toscana/l-Italja

Mill-1 352 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 65.6 % reġa' kellhom impjieg sat-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni (inkluż 2 li fetħu l-kumpaniji tagħhom), u 26 % ma kellhomx impjieg jew ma kinux attivi. L-istatus tal-impjieg tat-8 % l-oħra ma ġiex rappurtat.

Għat-tliet każijiet ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet Taljani għandhom jippreżentaw iktar tagħrif sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet dwar is-suċċess tal-interventi tal-EGF.

EGF/2007/008 Tessuti/Malta

Mis-672 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 65.5 % reġa' kellhom impjieg sat-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni (inkluż 24 li fetħu l-kumpaniji tagħhom). L-intervent fisser li l-ħaddiema milquta rċevew iktar għajnuna personalizzata biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Konsegwentement, dan għenhom ukoll biex jaffaċċjaw inqas diffikultajiet soċjali u ekonomiċi. Malta sabet il-gwida okkupazzjonali bżonnjuża ħafna, peress li permezz tagħha ħafna ħaddiema li ma kinux konxji ta’ opportunijiet ta’ impjieg f’setturi oħra setgħu jikkunsidraw impjieg barra mis-settur tat-tessuti. Ħafna mill-ħaddiema kellhom ħiliet trasferibbli limitati, għalhekk is-sussidju tal-paga inkoraġġixxa lil ħafna minn dawk li jħaddmu biex jagħtuhom opportunitajiet ta’ impjieg. L-użu tal-iskema tal-bidu ta’ għotja kien ikkunsidrat ukoll bħala kisba ta’ suċċess.

EGF/2007/010 Lisboa-Alentejo/il-Portugall

Mill-558 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 19.5 % reġa’ kellhom impjieg sat-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni (inkluż 11 li fetħu l-kumpaniji tagħhom). Din il-perċentwali pjuttost baxxa għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-problemi strutturali tas-settur awtomobilistiku, li ġew qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u ġew aggravati minnha. Fl-aħħar kwart tal-2008, meta l-miżuri spiċċaw, ir-reġistrazzjonijiet tal-karozzi ġodda fl-Ewropa naqsu b’medja ta’ 20 %[9]. Minkejja din is-sitwazzjoni mhux favorevoli, programmi ta’ rikonoxximent u validazzjoni ta’ ħiliet individwali għal dawk il-ħaddiema bl-iktar kwalifiki edukattivi baxxi tawhom bidu aħjar sabiex isibu impjieg ġdid. Il-miżuri tal-EGF kienu kumplimentati b’mod bżonnjuż minn miżuri oħra, inklużi xi wħud kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

EGF/2008/002 Delphi/Spanja

Mill-1 589 ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 10.7 % reġa’ kellhom impjieg fit-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni (inkluż 8 li fetħu l-kumpaniji tagħhom). Skont ir-rapport finali, din il-perċentwali baxxa għandha tiġi kkunsidrata skont id-deterjorazzjoni mgħaġġla tas-suq tax-xogħol f’Andalusija f’dan iż-żmien. Fi Frar 2009, meta spiċċa l-perjodu tal-implimentazzjoni, l-impjieg kien 6.6 % iktar baxx milli fi Frar 2008. L-awtoritajiet Spanjoli komplew jipprovdu miżuri ta’ taħriġ għal gruppi speċifiċi mmirati, billi jużaw il-mezzi tagħhom stess, sal-31 ta’ Lulju 2009. Minkejja l-isfond ekonomiku mhux favorevoli, sat-tmiem ta’ Lulju 2009 kien hemm għalhekk prospetti tajba ta’ dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol għal madwar 600 ħaddiem f’Delphi li ngħataw is-sensja.

EGF/2008/003 Alytaus Tekstile/il-Litwanja

Mis-619-il ħaddiem li bbenefikaw mill-miżuri kofinanzjati mill-EGF, 53.3 % reġa' kellhom impjieg wara l-perjodu ta’ implimentazzjoni (inkluż 11 li fetħu l-kumpaniji tagħhom stess).

Tabella 5 — Riżultati rrappurtati fir-rapporti finali li waslu fl-2009

[pic]

4.5. Rapport finanzjarju

4.5.1. Fondi kontribwiti mill-EGF

Matul l-2009 l-Awtorità Baġitarja tat 10 kontribuzzjonijiet għal appoġġ mill-EGF, għal total ta’ EUR 52 349 047, li jirrappreżentaw 10.5 % tal-ammont massimu annwali disponibbli (tabella 2). L-10 pagamenti kollha ġew mill-baġit tal-2009, għalkemm sitta minnhom ġew imħallsa fil-bidu tal-2010.

Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006[10], li jistabbilixxi l-qafas baġitarju tal-EGF, l-EGF ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 500 miljun, li jista’ joħroġ minn kwalunkwe marġini eżistenti taħt il-massimu ta’ nfiq globali tas-sena preċedenti, u/jew minn approprjazzjonijiet ta’ impenn ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dawk relatati mal-intestatura 1B tal-qafas finanzjarju. Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-EGF jistabbilixxi li mill-inqas 25 % tal-ammont annwali massimu għandu jibqa’ disponibbli fl-1 ta’ Settembru ta’ kull sena sabiex ikopri l-ispejjeż li jinqalgħu sal-aħħar tas-sena.

L- approprjazzjonijiet tal-impenn għall-fondi mogħtija fl-2009 ġew trasferiti mir-riserva fil-linja tal-baġit tal-EGF. Il-prattika segwita fl-2009 għal approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet li jiġu derivati mill-baġit tal-FSE mingħabba l-‘prossimità tal-politika’, minħabba li r-rekwiżit annwali għall-EGF s’issa kien biss ta’ madwar 1 % tal-iddotar ta’ pagament mill-FSE. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni dwar l-użu ta’ riżorsi baġitarji skont id-diversi strumenti, fl-2009 il-Kummissjoni bdiet tfittex lokalizzazzjoni alternattiva tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament meta dan ikun possibbli u raġonevoli u meta ma jkunx hemm riskju ta’ dewmien fl-ipproċessar tar-rikjesta għat-trasferiment.

Hemm diversi spjegazzjonijiet dwar għala ntużaw biss 10.5 % tal-ammont annwali massimu disponibbli fl-2009: 13-il Stat Membru biss applikaw għal appoġġ mill-EGF, u l-proċedura, mill-formalizzazzjoni ta’ applikazzjoni, għall-ipproċessar tagħha u sal-kisba tad-deċiżjoni finali mill-Awtorità Baġitarja, tista’ tkun twila u kumplessa. Raġunijiet għal nuqqas ta’ applikazzjoni għall-appoġġ tal-EGF jinkludu: L-Istati Membri jippreferu jużaw l-FSE, partikolarment f’każijiet fejn ir-rata ta’ intervent tal-FSE tkun ogħla mir-rata tal-EGF; diffikultajiet biex isibu finanzjament nazzjonali li jaqbel f’nofs sena fiskali; in-nuqqas ta’ persunal fuq livell ċentrali u n-nuqqas ta’ esperjenza ta’ proċeduri tal-EGF; perjodi twal ta’ inċertezza finanzjarja waqt li jistennew deċiżjoni mill-Awtorità Baġitarja; u deċiżjoni politika biex ma jużawx l-EGF. Hemm ukoll evidenza li xi Stati Membri stennew biex ir-Regolament tal-EGF jidħol fis-seħħ qabel ma jitfgħu l-applikazzjonijiet tagħhom.

Permezz ta’ esperjenza li dejjem tiżdied, l-Istati Membri se jkunu kapaċi jabbozzaw u jitfgħu applikazzjonijiet tal-EGF iktar faċilment fil-futur. Huwa ttamat ukoll li l-evalwazzjoni ssimplifikata u l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet introdotti lejn it-tmiem tal-2009 (ara t-taqsima 4.2) għandhom jgħinu biex jagħmlu lill-EGF iktar effiċjenti.

4.5.2. Nefqa tal-għajnuna teknika

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-EGF, sa 0.35 % tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għas-sena (massimu ta’ EUR 1.75 miljun) jistgħu jsiru disponibbli fil-forma ta’ għajnuna teknika (fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) għal attivitajiet bħal attivitajiet ta’ informazzoni, appoġġ amministrattiv u tekniku, monitoraġġ, verifika, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jimplimentaw ir-Regolament tal-EGF. Fl-2009, ammont ta’ EUR 690 000 kien magħmul disponibbli għal għajnuna teknika[11] mal-attivitajiet imniżżla fit-Tabella 6. Intużat linja baġitarja għal Għajnuna Teknika tal-EGF (04.010414).

Il-EUR 1 060 000 li jifdal u li huma potenzjalment disponibbli għal għajnuna teknika matul is-sena ma ntużawx.

Tabella 6 — Nefqa tal-għajnuna teknika 2009

Għajnuna teknika 2009 Deskrizzjoni u ammonti proposti mill-Kummissjoni | Fondi li ntefqu |

EUR | EUR |

Informazzjoni (eż. websajt, pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi) | 160 000 | 67 069.39 |

Appoġġ amministrattiv u tekniku - Laqgħat tal-Persuni ta’ Kuntatt tal-EGF - Skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri (attivitajiet ta’ netwerking) | 70 000 160 000 | 40 200.00 99 539.48 |

Evalwazzjoni (attivitajiet preparatorji għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għall-EGF, kif stipulat fl-Artikolu 17 paragrafu 1(a) tar-Regolament tal-EGF) | 300 000 | EUR 0 (dawn l-attivitajiet se jiġu mwettqa fl-2010) |

Monitoraġġ, verifika u kontroll: L-ebda kontribuzzjoni ma ntużat għal dawn il-kategoriji (il-verifiki mwettqa fl-2009 ġew iffinanzjati minn sorsi oħra tal-Kummissjoni Ewropea) |

Total | 690 000 | 206 808.87 |

4.5.3. Irregolaritajiet irrappurtati jew magħluqa

Ma kienx hemm irregolaritajiet irrappurtati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-EGF fl-2009. Ma kienx hemm irregolaritajiet magħluqa fl-2009 skont ir-Regolament tal-EGF.

4.5.4. Stralċ tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-EGF

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-EGF jistipula l-proċeduri għall-istralċ tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-EGF. L-ewwel erba’ kontribuzzjonijiet tal-EGF ġew stralċjati fl-2009:

Tabella 7 — Każijiet stralċjati fl-2009

(l-ammonti kollha f’EUR) | EGF/2007/001 Peugeot / Franza | EGF/2007/003 BenQ / il-Ġermanja | EGF/2007/004 Perlos / il-Finlandja | EGF/2007/008 Malta textiles / Malta |

Data tal-applikazzjoni | 9/03/2007 | 27/06/2007 | 18/07/2007 | 12/09/2007 |

Sena tal-approvazzjoni mill-Awtorità Baġitarja | 2007 | 2007 | 2007 | 2008 |

Data ta’ meta r-Rapport Finali jkun dovut | 8/09/2008 | 26/12/2008 | 17/01/2009 | 11/03/2009 |

Data tal-istralċ tal-ittra | 18/11/2009 | 01/09/2009 | 01/09/2009 | 25/06/2009 |

Kontribuzzjoi mogħtija tal-EGF (50 %) | 2 558 250 | 12 766 150 | 2 028 538 | 681 207 |

Sehem ċertifikat tal-EGF tan-nefqa attwali (50 %) kif iddikjarat fir-Rapporti Finali | 2 353 583 | 10 273 723 | 1 321 253 | 318 920 |

Fondi li ma ntefqux rimborsati lill-Kummissjoni fl-2009 | 204 667 | 2 492 427 | 707 285 | 362 287 |

L-ammont totali ta’ fondi li ma ntefqux rimborsati lill-Kummissjoni fuq il-baġit tal-2009 għal dawn l-erba’ każijiet huwa ta’ EUR 3 766 666.

Hemm diversi raġunijiet għala l-Istati Membri ma użawx il-kontribuzzjonijiet kollha mogħtija mill-EGF. Filwaqt li l-Istati Membri huma inkoraġġuti biex jagħmlu stimi baġitarji realistiċi għall-pakkett koordinat propost ta’ servizzi personalizzati, mhux ir-riżorsi mitluba kollha jistgħu jkunu meħtieġa matul l-implimentazzjoni tal-miżuri. F’xi każijiet l-għadd ta’ ħaddiema li jeħtieġu l-għajnuna jista’ jkun li ġie stmat għoli wisq (jiġifieri, l-għadd ta’ ħaddiema kapaċi jsibu impjiegi ġodda mingħajr appoġġ mill-EGF jista’ jkun ikbar minn dak previst inizjalment), xi ħaddiema jistgħu jippreferu miżuri bi spiża anqas minn miżuri bi spiża akbar, jew xi wħud jistgħu jipparteċipaw f’miżura għal perjodu iqsar minn dak antiċipat għax ikunu diġà sabu impjieg ġdid. Id-dewmien fil-bidu tal-miżuri jista’ jkun raġuni oħra għal inqas infiq. L-ibbaġitjar tal-miżuri u l-previżjoni tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mill-Istati Membri huma mistennija li jitjiebu bl-esperjenza.

4.5.5. Rimborsi oħra

Minbarra l-ammonti rimborsati murija fit-tabella 7, kontribuzzjoni waħda mogħtija mill-EGF fl-2007 ġiet rimborsata lill-Kummissjoni kompletament: EUR 1 258 030 għall-applikazzjoni EGF/2007/002 (Renault) li ġiet irtirata mill-awtoritajiet Franċiżi fl-2009. L-awtoritajiet Ġermaniżi barra minn hekk irkupraw EUR 1 588.55 f’interessi, li ħallsu lura lill-Kummissjoni.

4.6. Attivitajiet ta’ Għajnuna Teknika mwettqa mill-Kummissjoni

4.6.1. Informazzjoni u pubbliċità

Websajt

L-Artikolu 9 tar-Regolament EGF jassenja responsabbiltà lill-Kummissjoni biex ‘twaqqaf websajt, li tkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, u li għandha tipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tfigħ tal-applikazzjonijiet, u tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol tal-awtorità baġitarja.’

B’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9, il-websajt tal-EGF ( http://ec.europa.eu/egf ) imwaqqfa mill-Kummissjoni saret disponibbli fit-22 lingwa Komunitarji (kollha minbarra l-Irlandiż). Fl-2009 il-websajt ġiet imġedda sabiex tkun tista’ tintuża iktar faċilment.

Bħala riżultat dirett ta’ dan it-titjib fl-2009, in-numru ta’ viżitaturi u paġni li żaruhom żied b’120 % u 138 % rispettivament. Il-websajt tal-EGF irreġistrat 195 768 paġni kkonsultati minn 83 719 viżitaturi.

Stqarrija għall-Istampa permezz tal-Vidjow (Video News Release -VNR)

Stqarrija għall-istampa permezz ta’ vidjow (VNR) saret disponibbli għall-midja awdjoviżiva fis-27 Stat Membru kollha. Din iġġenerat 28 xandira orġinali (fuq 19-il stazzjon tat-TV, 8 stazzjonijiet tar-radju, gazzetta waħda onlajn) f’9 Stati Membri (BE, DE, ES, FR, IE, IT, MT, RO u SI) u 3 pajjiżi mhux membri tal-UE (il-Montenegro, ir-Russja u l-Kongo). Ix-xandiriet kellhom udjenza minima ta’ 7 164 750[12] persuna.

EwroBarometru

L-edizzjoni speċjali tal-EwroBarometru fuq ‘L-impjieg u l-politika soċjali fl-Ewropa’ (Ġunju 2009) kienet tinkludi domanda dwar l-EGF li kien diġà mitlub fl-EwroBarometru 70 (Ottubru 2008) biex jissorvelja l-għarfien tal-Fond.

L-għażla ta’ risposti għad-domanda ‘ Ġieli smajt jew qrajt dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li huwa fond biex jgħin lill-vittmi tal-globalizzazzjoni?’ kienu kif ġej:

‘Iva, u jien familjari ħafna miegħu’, jew

‘Iva, iżda ma tantx jien familjari miegħu’, jew

‘Le, qatt ma smajt bih jew qrajt dwaru’.

Ir-riżultati tal-2009 juru titjib żgħir fil-livell ta’ għarfien tal-Fond meta kkumparat mas-sena ta’ qabel: madwar l-UE, 26 % ta’ dawk li rrispondew kienu semgħu bl-EGF, u 4 % minnhom iddikjaraw li kienu ‘familjari ħafna’ miegħu. 71 % minn dawk li wieġbu d-domandi rrispondew li qatt ma kienu semgħu bl-EGF — dan il-porzjon jibqa’ għoli u ma kienx hemm titjib meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.

Azzjonijiet promozzjonali oħra mwettqa fl-2009

Serje ta’ posters tal-EGF f’formats differenti u bil-lingwi kollha tal-UE, kif ukoll biċ-Ċiniż, bit-Tork, bl-Għarbi u bl-Urdu, ġew ippubblikati fl-2009. 57 000 kopja ġew distribwiti fost l-uffiċċji pubbliċi tax-xogħol madwar l-UE u l-pubbliku.

L-edizzjoni ta’ Marzu 2009 ta’ ‘Aġenda Soċjali’, ir-rivista tal-Kummissjoni dwar l-impjieg u l-affarijiet soċjali, kopriet kemm l-EGF kif ukoll il-Fond Soċjali Ewropew, bħala strumenti li jistgħu jgħinu jtaffu l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni rriflettiet fuq kanali addizzjonali ta’ disseminazzjoni biex titfa’ informazzjoni dwar l-EGF, eż. it-taqsima tal-‘Ewropa Soċjali’ fuq Facebook .

4.6.2. Laqgħat mal-Awtorijtajiet Nazzjonali u l-imsieħba soċjali

Ir-raba’ laqgħa tal-‘Grupp ta’ Esperti dwar il-Persuni ta’ Kuntatt tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni’, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, saret fid-9 ta’ Lulju 2009 fi Brussell.

Fil-11 ta’ Diċembru 2009,Seminar ta’ Netwerking tal-EGF dwar l-implimentazzjoni tal-EGF fl-Istati Membri ġie organizzat f’Malta biex jiddiskuti l-implimentazzoni u jenfasizza kemm il-prattiki tajba kif ukoll il-kwistjonijiet u problemi li jifdal. L-avveniment kien ta’ siwi kbir.

5. XEJRIET

Permezz ta’ numru dejjem jikber ta’ każijiet tal-EGF, iktar dejta hija disponibbli sabiex jiġu identifikati xejriet fl-applikazzjonijiet u biex tinkiseb idea ġenerali tad-direzzjoni tal-azzjonijiet tal-Fond. Attwalment, il-Kummissjoni tuża dejta għall-2007, 2008, 2009 u parti mill-2010, u diġà jistgħu jingħataw xi eżempji bbażati fuq dan il-materjal. Id-dejta inkluża fit-tliet grafiki murija hawn taħt hija relatata ma’ 57 applikazzjoni li waslu sat-30/04/2010.

Grafika 1: Numru ta’ ħaddiema fil-mira għal kull Stat Membru

[pic]

L-Italja tinsab fil-quċċata tal-lista tal-Istati Membri b’total ta’ 8 300 ħaddiem fil-mira tal-għajnuna, filwaqt li r-Repubblika Ċeka u l-Bulgarija għandhom madwar 650 ħaddiem fil-mira kull wieħed.

Grafika 2: Numru ta’ ħaddiema fil-mira għal kull settur

[pic]

Is-setturi kkonċernati huwa l-ewwel nett is-settur awtomobilistiku, b’iktar minn 12 000 ħaddiem fil-mira, segwit minn dak tat-tessuti, b’iktar minn 11 000 ħaddiem[13].

Grafika 3: Ammonti medji ta’ appoġġ mill-EGF għal kull settur

[pic]

Grafika 3 turi l-appoġġ medju tal-EGF għal kull ħaddiem f’diversi setturi. Ħaddiema fis-setturi tal-‘Manutenzjoni tal-ajruplani’ u tal-‘metalli bażiċi’ rċevew l-ogħla ammonti medji tal-appoġġ tal-EGF (madwar EUR 10 000 għal kull ħaddiem), segwiti mis-settur awtomobilistiku (madwar EUR 8 000 għal kull ħaddiem) u s-settur mekkaniku/elettroniku (iktar minn EUR 7 000 għal kull ħaddiem). Is-setturi ta’ ‘ħwejjeġ li jintlibsu’, ‘kostruzzjoni’, ‘għamara’ u ‘negozju tal-bejgħ bl-imnut’ għandhom l-inqas ammonti medji (madwar EUR 1 000 għal kull ħaddiem).

Qarrejja interessati għandhom isibu iktar riżultati u xejriet fl-‘Analiżi statistika tal-EGF 2007-2010’, li għandha tkun disponibbli fuq talba permezz tal-websajt tal-EGF (http//ec.europa.eu/egf) mis-Sajf 2010.

Anness 1

Awtomobilistika (NACE: Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, karettuni u semikarettuni, Ref. Nru 29) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2007/001 | FR | Peugeot |

EGF/2007/010 | PT | Lisboa-Alentejo |

EGF/2008/002 | ES | DELPHI |

EGF/2008/004 | ES | Castilla Leon |

EGF/2009/007 | SE | Volvo |

EGF/2009/009 | AT | Steiermark |

EGF/2009/013 | DE | Karmann |

EGF/2009/019 | FR | Renault |

EGF/2010/002 | ES | Cataluña |

EGF/2010/004 | PL | Wielkopolskie |

Tessuti (NACE: Manifattura tat-tessuti, Ref. Nru 13) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2007/005 | IT | Sardegna |

EGF/2007/006 | IT | Piemonte |

EGF/2007/007 | IT | Lombardia |

EGF/2008/001 | IT | Toscana |

EGF/2008/003 | LT | Alytaus tekstilė |

EGF/2008/005 | ES | Catalonia |

EGF/2009/001 | PT | North/Centre |

EGF/2009/004 | BE | Oost-West Vlaanderen |

EGF/2009/005 | BE | Limburg |

EGF/2010/009 | ES | Valencia |

Telefowns ċellulari (NACE: Manifattura ta’ prodotti informatiċi, elettroniċi u ottiċi, Ref. Nru 26) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2007/003 | DE | BenQ |

EGF/2007/004 | FI | Perlos |

EGF/2009/002 | DE | Nokia |

Ħwejjeġ li jintlibsu (NACE: Manifattura tal-ħwejjeġ li jintlibsu, Ref. Nru 14) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2007/008 | MT | Textiles |

EGF/2009/018 | LT | Wearing apparel |

EGF/2010/003 | ES | Galicia |

EGF/2010/014 | SI | Mura |

Tagħmir tad-dar (NACE: Manifattura ta’ tagħmir tal-elettriku, Ref. Nru 27) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/006 | IT | Gruppo Merloni |

EGF/2009/010 | LT | AB Snaige |

Mekkaniku/elettroniku (NACE: Manifattura tal-makkinarju u tagħmir, Ref. Nru 28) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/015 | DK | Danfoss Group |

EGF/2009/031 | DK | Linak |

EGF/2010/001 | DK | Nordjylland |

EGF/2010/006 | PL | H.Cegielski-Poznań |

EGF/2010/013 | PL | Podkarpackie |

Industrija tal-istampar (NACE: Stampar u riproduzzjoni ta’ midja rreġistrata, Ref. Nru 18) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/026 | NL | Noord Holland and Utrecht |

EGF/2009/027 | NL | Noord Brabant and Zuid Holland |

EGF/2009/028 | NL | Limburg |

EGF/2009/029 | NL | Gelderland and Overijssel |

EGF/2009/030 | NL | Drenthe |

Kompjuters (NACE: Manifattura ta’ prodotti informatiċi, elettroniċi u ottiċi, Ref. Nru 26) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/008 | IE | Dell |

Tagħmir elettroniku (NACE: Manifattura ta’ prodotti informatiċi, elettroniċi u ottiċi, Ref. Nru 26) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/023 | PT | Qimonda |

EGF/2010/008 | AT | AT&S |

EGF/2010/011 | NL | NXP Semiconductors |

Ċeramika (NACE: Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi, Ref. Nru 23) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/014 | ES | Valencia |

Kostruzzjoni (NACE: Kostruzzjoni ta’ bini, Ref. Nru 41) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/011 | NL | Heijmans |

EGF/2009/017 | LT | Construction |

Metalli bażiċi (NACE: Manifattura ta’ metalli bażiċi, Ref. Nru 24) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/022 | BG | Kremitkovtsi AD |

EGF/2010/007 | AT | Steiermark-Niederoesterreich |

Manutenzjoni tal-ajruplani (NACE: Tiswija u installazzjoni ta’ makkinarju u tagħmir, Ref. Nru 33) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/021 | IE | SR Technics |

Pubblikazzjoni (NACE: Attivitajiet ta’ pubblikazzjoni, Ref. Nru 58) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/024 | NL | Noord Holland and Zuid Holland |

EGF/2009/025 | NL | Noord Brabant |

Għamara (NACE: Manifattura tal-għamara, Ref. Nru 31) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/016 | LT | Għamara |

Negozju tal-bejgħ bl-imnut (NACE: Negozju ta’ bejgħ bl-imnut, minbarra ta’ vetturi bil-mutur u muturi, Ref. Nru 47) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2010/010 | CZ | Unilever |

Negozju ta’ bejgħ bl-ingrossa (NACE: Negozju ta’ bejgħ bl-ingrossa, minbarra ta’ vetturi bil-mutur u muturi, Ref. Nru 46) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2010/012 | NL | Noord Holland ICT |

Ħġieġ tal-kristall (NACE: Manifattura ta’ prodotti minerali oħra mhux metalliċi, Ref. Nru 23) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/012 | IE | Waterford Crystal |

Xogħol tal-injam u ta’ mastrudaxxa (NACE: Manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u tas-sufra, minbarra għamara, Ref. Nru 16) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2009/020 | ES | Castilla La Mancha |

Ġebla/Irħam (NACE: Manifattura ta’ prodotti minerali oħra li mhumiex metalliċi, Ref. Nru 23) |

Nru | SM | Każ |

EGF/2010/005 | ES | Valencia |

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU L 406, 30.12.2006, p.1, kif ikkoreġut mill-ĠU L 48, 22.02.2008, p. 82, għal-lingwi kollha u l-ĠU L 202, 31.7.2008, p.74, għall-Ingliż biss.

[2] Ir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ĠU L 167, 29.06.2009.

[3] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, COM(2008) 800 finali tas-26.11.2008.

[4] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, COM(2008) 867 tas- 16.12.2008.

[5] Ir-Regolament ta’ emenda kif adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2009 (ĠU L167, 29.06.2009) jipprovdi għal żieda temporanja fir-rata ta’ kofinanzjament minn 50 għal 65 % (mhux 75 % kif propost) sat-tmiem tad-deroga tal-‘kriżi’, stabbilita fil-31 ta’ Diċembru 2011 .

[6] Disa’ applikazzjonijiet fl-2007 u ħamsa fl-2008 (applikazzjoni waħda rtirata li reġgħet intefgħet iktar tard tingħadd darba biss. EGF/2008/002 Delphi/ES).

[7] L-industrija tal-istampar (5), Awtomobilistika (4), Tessuti (3), Kostruzzjoni (2), Tagħmir tad-dar (2), Mekkaniku/elettroniku (2), Pubblikazzjoni (2), Telefowns ċellulari (1), Kompjuters (1), Ħġieġ tal-kristall (1), Ċeramika (1), Għamara (1), Xogħol tal-injam u xogħol ta’ mastrudaxxa (1), Metalli bażiċi (1), Tagħmir elettroniku (1), Ħwejjeġ li jintlibsu (1), Manutenzjoni tal-ajruplani (1).

[8] Din it-tabella saret mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-miżuri proposti mill-Istati Membri u approvati mill-Awtorità Baġitarja. Ma jikkorrispondix totalement mal-metodoloġija tal-Eurostat deskritta fid- Dejtabejz tal-politika tas-suq tax-xogħol — Metodoloġija — Reviżjoni ta’ Ġunju 2006 għax uħud mill-miżuri kofinanzjati (konċessjonijiet għat-tiftix ta’ impjieg, konċessjonijiet għat-taħriġ, konċessjonijiet ta’ sussistenza waqt it-taħriġ jew fi kwalunkwe miżuri attivi oħra tas-suq tax-xogħol, konċessjonijiet għal-mobilità) ma jaqgħu f’ebda kategorija tal-Eurostat. Il-kategorija tal-klassifikazzjoni tal-Eurostat immarkata N/A f’din it-tabella ma kinitx proposta mill-Istati Membri fl-10 interventi tal-EGF approvati fl-2009.

[9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija Ewropea awtomobilistika, COM(2009) 104.

[10] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[11] ĠU L 132, 29.5.2009, p. 10.

[12] Dan ir-riżultat ma jikkunsidrax it-tniżżil mis-Servizz AwdjoViżiv tal-KE, il-websajt jew xandiriet tat-TV bis-satellita jew xandiriet mill-ġdid.

[13] Għal tqassim iktar dettaljat, ara l-Anness 1.

Top