EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0429

REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL On the application of Regulation (EC) No 1889/2005 of the European Parliament and of the Council of 26 October 2005 on controls of cash entering or leaving the Community pursuant to article 10 of this Regulation

52010DC0429




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.8.2010

KUMM(2010) 429 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament

DAħLA

Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq flus kontanti deħlin fi jew ħerġin mill-Komunità[1], imsejjaħ fil-bqija ta’ dan ir-rapport bħala "r-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti", daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2005. L-Artikolu 10 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jitlob lill-Kummissjoni li tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa applikabbli sa mill-15 ta’ Ġunju 2007 u b’din l-applikabilità riċenti, saret konċentrazzjoni, kemm mill-Istati Membri (SM) kif ukoll mill-Kummissjoni (KUMM), fuq il-ħolqien ta’ strutturi xierqa u l-iżvilupp ta’ proċeduri adattati sabiex jippermettu l-implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti.

Sabiex tibda l-proċess tal-evalwazzjoni, il-KUMM bagħtet kwestjonarji lill-SM f’Lulju tal-2008. It-tweġibiet tal-SM għal dan il-kwestjonarju[2] segwiti minn diskussjoni f’diversi laqgħat mal-SM fil-"Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti" pprovdew lill-KUMM b’informazzjoni biżżejjed biex tfassal dan ir-rapport.

SFOND ĠENERALI

Kuntest

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE)

Il-qafas legali tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus huwa kompost mid-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu[3] kif emendata bid-Direttivi 2007/64/KE, 2008/20/KE u 2009/110/KE, u r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi[4]. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI dwar l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza [(intelligence)] finanzjarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/500/ĠAI dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-ittraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ [r-rikavati] mill-kriminalità huma rilevanti ndaqs. Biex tikkomplimenta dan il-qafas l-istrateġija tal-UE kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tenfasizza miżuri li għandhom l-għan li jtejbu r-riżultati tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Id-Direttiva 2005/60/KE, li ħadet post id-Direttiva 1991/308/KEE, fiha mekkaniżmu tal-UE għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus permezz tal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet li jsiru fl-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji u f’ċerti tipi ta’ professjonijiet. Ir-riskju li tinqabeż l-applikazzjoni ta’ dak il-mekkaniżmu minħabba l-moviment tal-flus kontanti għall-finijiet illeċiti u għall-finanzjament tat-terroriżmu wassal għall-ħtieġa li din il-miżura tiġi kkomplementata bir-rekwiżit tal-kontroll fuq il-flus kontanti li jidħlu jew joħorġu mill-UE.

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ġie adottat għal dan il-għan u jfittex li jirrikonċilja l-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-prodotti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-kuntest tas-suq waħdieni u tal-unjoni ekonomika u monetarja.

Aspetti internazzjonali

Is-sieħeb ewlieni fl-iżgurar tal-effettività tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa t-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (FATF) u l-korp reġjonali affiljat tiegħu, il-Moneyval. Dan il-korp intergovernattiv, imwaqqaf mis-Summit tal-G7, li sar f’Pariġi fl-1989, jappoġġja l-politiki tal-gvern dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-korp jagħmel dan billi joħroġ rakkomandazzjonijiet u linji gwida u billi jiċċekkja l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni reċiproka sabiex jagħmel pressjoni kontinwa fuq il-membri tiegħu biex jiżgura miżuri effikaċi għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ir-Rakkomandazzjoni Speċjali (RS) IX tal-FATF dwar il-kurriera tal-flus kontanti hija trasposta fl-UE permezz tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Id-diskussjoni dwar il-proċeduri tar-RS IX u r-rapporti tal-evalwazzjoni u l-progress imħejjija mill-assessuri tal-FATF kienu f’diversi okkażjonijiet l-aċċeleratur għal iktar titjib fil-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-SM.

Riċentement, il-FATF irrikonoxxiet lill-UE bħala ġuriżdizzjoni sopranazzjonali għall-applikazzjoni tar-RS IX dwar il-kurriera tal-flus kontanti. Dan ir-rikonoxximent jimplika kriterji speċifiċi li magħhom trid tikkonforma, bħall-iskambju xieraq tal-informazzjoni rilevanti fil-livell sopranazzjonali u taħriġ komparabbli, ġbir tad-dejta, infurzar u programmi mmirati żviluppati u applikati fuq livell sopranazzjonali.

L-elementi ewlenin tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti

L-obbligu tad-dikjarazzjoni

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jistabbilixxi approċċ uniformi fl-UE dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti bbażat fuq sistema ta’ dikjarazzjoni mandatorja għall-ammonti ta’ flus kontanti li jidħlu jew joħroġu mill-UE b'valur ta' EUR 10,000 jew iżjed. Il-vjaġġaturi għandhom jippreżentaw l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti nnominata dwar id-dikjarant, is-sid u r-riċevitur kif ukoll dwar l-ammont, in-natura, l-oriġini, l-użu intenzjonat u t-trasport tal-flus kontanti fid-dikjarazzjoni. Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti la jistipula l-metodu, jiġifieri oralment, bil-miktub, elettroniku u lanqas il-forma ta’ din id-dikjarazzjoni.

Deskrizzjoni tal-poteri tal-awtoritajiet kompetenti

Sabiex jiżguraw il-konformità mal-obbligu li tiddikjara, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom il-poter li jikkontrollaw il-persuni naturali, il-bagalji tagħom u l-mezzi tat-trasport tagħhom. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiddikjara, il-flus kontanti jistgħu jiġu miżmuma u għandhom jiġu applikati l-penali.

Ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar tal-informazzjoni

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jobbliga lill-SM li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni kollha li jiksbu permezz tad-dikjarazzjoni u/jew il-kontrolli tagħhom u li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-unità tal-intelligence finanzjarja nazzjonali (UIF) tal-SM li minnu l-vjaġġatur qed jidħol jew joħroġ mill-UE.

Skambju tal-informazzjoni

Fejn hemm indikazzjonijiet li l-ammonti tal-flus kontanti huma relatati ma’ xi attività illegali assoċjata mal-moviment tal-flus kontanti, l-iskambju tal-informazzjoni jista’ jsir mal-awtoritajiet fi SM oħra u l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa lill-KUMM jekk teffettwa b’mod negattiv l-interess finanzjarju tal-UE.

Skont il-kwadru tal-ftehim eżistenti dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka, l-informazzjoni li tinkiseb skont ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti tista’ tiġi kkomunikata wkoll lill-pajjiż terz sakemm ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali u tal-UE dwar it-trasferiment ta’ dejta personali lill-pajjiżi terzi.

Kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità

L-informazzjoni kollha miksuba permezz tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti hija kunfidenzjali. L-informazzjoni personali kollha għandha tiġi ttrattata skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Fejn huwa meqjus meħtieġ, għandhom japplikaw ir-regoli għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni biex tiġi ggarantita s-sigurtà tad-dejta.

Kontroll fuq il-moviment tal-flus kontanti fl-Unjoni Ewropea

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti huwa bla ħsara għall-miżuri nazzjonali li jikkontrollaw il-movimenti tal-flus kontanti fl-UE. Madankollu, dawn il-miżuri nazzjonali għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 65 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE, li jagħti l-poter lill-SM biex jistabbilixxu l-proċeduri għad-dikjarazzjoni tal-movimenti tal-kapital għall-finijiet tal-informazzjoni amministrattiva jew tal-istatistika jew biex jieħdu miżuri li huma ġġustifikati fuq il-bażi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika, sakemm il-miżuri u l-proċeduri applikati ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital.

Dawn l-SM li ġejjin[5] japplikaw dawn il-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE fuq il-fruntiera ma’ SM oħra: BE, BG, CY, DE, DK, ES, FR, IT, MT, PL u PT. Għal dak il-għan jużaw sistema ta’ dikjarazzjoni mandatarja – bl-eċċezzjoni taPT fejn id-dikjarazzjoni hija fakultattiva sakemm il-persuna naturali ma tkunx ikkontrollata – b’limitu minimu ta’ EUR 10,000. AT ma tillimitax il-kontrolli fuq il-flus kontanti għall-fruntiera tagħha iżda tapplika l-kontrolli fit-territorju kollu tagħha. ES introduċiet, b’mod simili għal AT, kontrolli nazzjonali iżda għal ammonti ta’ mhux inqas minn EUR 100,000. UK ma daħħalx il-kontrolli ta’ rutina fuq il-flus kontanti fl-UE iżda l-uffiċjali japplikaw fit-territorju ta’ UK kontrolli (każwali) fuq il-passiġġiera u l-bagalji tagħhom fir-rigward ta’ flus kontanti li qed jinġarru. L-IE tapplika proċedura simili bħal tar-Renju Unit iżda b’limitu minimu ta’ flus kontanti ta’ EUR6,438. CZ, EE, EL, FI, HU, LV, LT, LU, NL, RO, SL, SK, SE ma japplikaw l-ebda forma ta’ kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE.

APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT DWAR IL-KONTROLL FUQ IL-FLUS KONTANTI

Kuntest

Awtoritajiet kompetenti

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ma jispeċifikax liema awtorità għandha tiġi nnominata mill-SM bħala l-awtoritajiet kompetenti. Fil-prattika, 23 SM awtorizzaw l-uffiċċji doganali bħala l-awtoritajiet ewlenin. DK u EE awtorizzaw l-awtorità tat-taxxa u doganali. Żewġ SM oħra, PL u UK awtorizzaw il-gwardji Doganali u tal-Fruntiera.

Id-differenzi nazzjonali speċifiċi huma riflessi iżjed fil-varjetà wiesgħa tal- awtoritajiet oħra involuti: il-Pulizija (kriminali) Federali, UIFs, l-Aġenzija għall-ħarsien ta’ Kontra t-Terroriżmu, il-Gwardji tal-Fruntiera, il-Gvernijiet Provinċjali, it-Teżor, id-Dipartimenti ta’ kontra l-frodi jew servizzi tal-investigazzjoni u l-awtoritajiet ġudizzjarji. L-awtoritajiet tal-pulizija u l-UIFs huma l-iktar imsieħba frekwenti fl-infurzar tal-kontroll fuq il-flus kontanti. F’16-il SM din il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet hija stipulata fi ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub. Terz tal-SM stabbilixxew ċelloli tal-intelligence jew gruppi ta’ ħidma bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Id-definizzjoni tal-flus kontanti

Id-definizzjoni tal-flus kontanti fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ttieħdet mid-definizzjoni użata mill-FATF fir-RS IX u tkopri l-istrumenti negozjabbli għall-portatur jew il-munita. Sa issa, l-SM ma rrappurtawx problemi kbar fl-applikazzjoni ta’ din id-definizzjoni. Id-deheb, il-metalli prezzjużi jew il-ħaġar mhumiex inklużi taħt din id-definizzjoni. Xi SM jirrappurtaw dispożizzjonijiet nazzjonali simili għall-obbligu tad-dikjarazzjoni tal-flus għad-deheb u/jew il-metalli prezzjużi u l-ħaġar (BG, DE, AT (fuq it-territorju ta’ AT), CY, CZ u PL). Il-kards tal-flus elettroniċi li għandhom ħafna skopijiet lanqas mhuma inklużi fid-definizzjoni. SM wieħed (DE) jirrapporta dispożizzjonijiet nazzjonali għad-dikjarazzjoni tal-flus elettroniċi.

L-obbligu tad-dikjarazzjoni

Kull persuna naturali li tidħol jew toħroġ mit-territorju tal-UE hija legalment mitluba li tiddikjara kull ammont ta’ EUR 10,000 jew iktar li tkun qed iġġorr lill-awtoritajiet kompetenti tal-SM li minnu qed tidħol jew toħroġ mill-UE, jiġifieri fl-ewwel punt tad-dħul fl-UE u l-aħħar punt tal-ħruġ mill-UE.

Inqajmu kuxjenza dwar l-obbligu li tiddikjara

Biex jiġi żgurat li l-vjaġġaturi jkunu konxji mill-obbligu li jiddikjaraw, ġew stabbiliti l-kampanji tal-komunikazzjoni u qed jiġu mġedda kontinwament fuq livell nazzjonali u tal-UE. Fuq livell tal-UE ġew żviluppati u mxerrda powster (10,000 kopja, fi 22 lingwa), fuljetti multilingwi (401,520 kopja stampata fl-2007 bi stampar mill-ġdid rivedut ta’ 1,000,000 kopja f’Lulju tal-2009), riklami fil-magazins għal fuq it-titjira (f’magazins ta’ 10 linji tal-ajru ewlenin f’Settembru tal-2009), paġni web (2007, riveduti f’Awwissu tal-2009) u klipp animata (fl-2007, riveduta f’Novembru tal-2009, f’7 lingwi). Għodda simili, bħal powsters, paġni tal-web, informazzjoni lill-partijiet interessati jew stqarrijiet għall-istampa dwar l-ittraċċar, inħarġu fuq livell nazzjonali.

L-impressjoni ġenerali hija li l-azzjonijiet dwar il-komunikazzjoni dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-kuxjenza tal-vjaġġaturi dwar l-obbligu li jiddikjaraw il-flus kontanti, għalkemm 4 Stati Membri biss ikkontrollaw ir-riżultati tal-kampanja tal-komunikazzjoni u fl-ebda każ ma ntużat l-għodda tal-monitoraġġ biex titkejjel l-effiċjenza jew l-effikaċa tal-kampanji tal-komunikazzjoni.

M’hemmx obbligu espliċitu fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti li għandha tiġi stabbilita kampanja tal-komunikazzjoni iżda kważi l-SM kollha rrikonoxxew li hemm bżonn li jittieħdu azzjonijiet dwar il-komunikazzjoni. 17-il SM avżaw li jużaw kampanja ta’ komunikazzjoni permanenti dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw li kontinwament iqajmu kuxjenza. Xi SM jaraw il-ħtieġa li fir-Regolament jiġi inkluż l-obbligu li titqajjem kuxjenza dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti għax dan iħaffef il-kuntatti mal-awtoritajiet tal-ajruport biex juru l-materjal li jqajjem kuxjenza.

Il-post tad-dikjarazzjoni

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jitlob lill-persuni naturali li jiddikjaraw il-flus kontanti lill-awtoritajiet kompetenti tal-SM minn fejn qed jidħlu jew joħorġu mill-UE. B’mod ġenerali dan ir-rekwiżit ma joħloqx problemi lill-SM.

Tranżitu

Għall-passiġġiera bl-ajru fi tranżitu, l-obbligu li jiddikjaraw il-flus kontanti fl-ewwel punt tad-dħul jew fl-aħħar punt tat-tluq mill-UE huwa diffiċli li jikkonformaw miegħu minħabba l-varjazzjonijiet fl-infrastruttura tat-tranżitu tal-ajruport. Hemm ftit faċilitajiet jew faċilitajiet differenti li jaħsbu għad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti f'żoni tat-tranżitu u m’hemmx biżżejjed ħin bejn it-titjiriet.

Għall-awtoritajiet kompetenti tal-SM huwa diffiċli wkoll li jiżguraw il-kontrolli armonizzati fuq il-passiġġiera fi tranżitu. In-nuqqas ta’ ħin, in-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-kontroll xierqa minħabba d-differenzi fl-infrastruttura tat-tranżitu tal-ajruporti u l-linji separati għall-bagalji tal-id u l-bagalji li jinżammu jfixklu dawn il-kontrolli.

Il- grupp tal-proġett speċifiku ta’ esperti dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti ħadem fuq din il-kwistjoni u wasal għall-konklużjoni li r-reviżjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti tidher li hija meħtieġa biex jiġu allinjati l-proċeduri dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti ma’ dawk stabbiliti għall-kontrolli fuq il-bagalji tal-passiġġiera kif stipulat fl-Artikoli 192 sa 194 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju[6].

Metodi tad-dikjarazzjoni

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jippermetti li l-informazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti tiġi pprovduta bil-miktub, oralment jew elettronikament. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu d-dikjarazzjonijiet bil-miktub. Huma biss DK, AT u ES li jippermettu dikjarazzjoni orali, li tinbidel mid-dwana f’dokument bil-miktub. AT (għall-kurriera tal-flus kontanti professjonali biss), ES u PL jippermettu li jiġu ddepożitati dikjarazzjonijiet elettroniċi. Għat-tieni trimestru tal-2009, 90% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti saru bil-miktub, 9.7% elettronikament, u 0.3% oralment. L-SM kollha stabbilixxew il-formoli li jaħsbu għall-preżentazzjoni tal-elementi tad-dejta minimi kollha meħtieġa skont l-Artikolu 3.2 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti.

Il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni wriet li l-użu ta’ Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni tkun ta’ kontribut importanti għat-titjib fl-iskambju (elettroniku) tal-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. Barra dan, din il-formola komuni ttejjeb ukoll l-intendiment tal-vjaġġaturi internazzjonali dwar dak li hu mistenni minnhom, u b’hekk titjieb il-konformità mar-rekwiżiti.

Għal dak il-għan ġiet żviluppata Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni Ewropea (FDK). 16-il SM issa jużaw din il-formola: AT, CY, DK, EE, EL, FI, HU, IE, LU, MT, NL, PL, PT, RO, SE u SI. SM oħra qed jikkunsidraw li jimplimentaw il-FDK fil-ġejjieni (BG, DE, LV, SK) jew diġà qed jużaw formoli li għandhom similaritajiet qawwija mal-FDK: ES, FR, LT. Kważi fl-SM kollha, d-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti jiġu aċċettati u jistgħu jimtlew bil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż fejn wieħed għandu jiddikjara, u kif ukoll bl-Ingliż. Xi SM jaċċettaw u jippermettu li l-formola tad-dikjarazzjoni tal-flus kontanti timtela b’lingwi oħra tal-UE mitkellma minn għadd kbir ta’ nies.

Statistika dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti

M’hemmx rekwiżit espliċitu fir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti li jipprovdi għall-istatistika. L-SM madankollu qablu li jibagħtu l-istatistika tagħhom dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ppreżentati u r-riżultati tal-kontroll miksuba lill-KUMM[7]. Id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti li mhux korretti jew is-sejbiet b’riżultat tal-kontrolli jissejħu "reġistrazzjonijiet" fl-istatistika (ara d-dettalji taħt 3.4.2 .).

L-Anness 1 jipprovdi għall-istatistika dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti u r-reġistrazzjonijiet miġbura mill-SM kollha bejn il-15 ta’ Ġunju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2009.

F’dan il-perjodu l-SM irċevew 178,351 dikjarazzjoni tal-flus kontanti għall-ammont totali ekwivalenti għal EUR 79,922 miljun. Id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti miġbura mad-dħul kienu jlaħħqu l-101,824, u mal-ħruġ l-għadd ta’ 76,527.

L-Anness 2 jipprovdi ħarsa ġenerali bil-grafika lejn l-irrappurtar tal-SM dwar l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti miġbura u juri differenzi importanti.

Għall-perjodu rrappurtat DE, IT u FR kienu jgħoddu rispettivament għal 25%, 22,5% u 13% tal-għadd totali ta’ dikjarazzjonijiet irċevuti, segwiti minn ES (9%), LT (4,5%), PL (4%), UK (3,5%) u BG (3%).

Il-monitoraġġ kontinwu ta’ din l-istatistika huwa meħtieġ sabiex titjieb l-implimentazzjoni armonizzata tal-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-SM.

L-Anness 3 juri li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti magħmula fl-SM kiber b’mod rapidu sal-aħħar tal-2008 (minn 13,196 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fit-trimestru 3 tal-2007 għal 28,210 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fl-aħħar trimestru tal-2008). Iċ-ċifri waqgħu għal 27,236 dikjarazzjoni tal-flus kontanti fit-trimestru 2 tal-2009. L-istess xejra tista' tiġi osservata fl-Anness 4 għall-ammont f’ekwivalenti tal-EUR kopert minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti (EUR 5,432 miljun fit-trimestru 3 tal-2007, EUR 13,051 miljun fl-aħħar trimestru tal-2008, EUR 9,496 miljun fit-trimestru 2 tal-2009). X’aktarx li l-għadd ta’ dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti u l-ammont ta’ EUR kopert minn dawn id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti segwa t-tnaqqis ġenerali fl-attività ekonomika fl-2009 relatat mal-kriżi bankarja.

Fit-tieni trimestru tal-2009, iktar minn 63% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti saru fl-ajruporti, 30% fil-fruntiera tat-toroq, 5% fil-portijiet u 2% fil-qsim tal-ferroviji. 86.2% tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ġew iddikjarati mill-kurriera tal-flus kontanti privati, 13.8% mill-kurriera tal-flus kontanti professjonali.

Informazzjoni dwar l-għoti tal-poter lill-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll

Kompetenzi tal-kontroll fl-Istati Membri

Il-kontrolli fl-SM jiffukaw fuq id-dikjarazzjonijiet ippreżentati, il-passiġġiera, il-bagalji u l-mezzi tat-trasport. L-SM kollha jirrapportaw li jwettqu verifiki fiżiċi. Kważi l-SM kollha jużaw it-tagħmir għall-iskennjar. L-użu ta’ klieb li jxommu mħarrġa għall-kontrolli fuq il-flus kontanti ġie rrappurtat minn 4 SM.

Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli jkunu effiċjenti u effettivi, l-użu ta’ strateġija tal-immaniġġjar tar-riskju xierqa hija kruċjali. 12-il SM jirrapportaw dwar l-użu ta’ strateġija nazzjonali speċifika relatata mal-kontrolli fuq il-flus kontanti. SM oħra jirrapportaw dwar l-użu ta’ kriterji tal-analiżi tar-riskju għall-kontroll fuq il-flus kontanti fil-punti ewlenin tad-dħul u l-ħruġ. 17-il SM jindikaw li japplikaw l-evalwazzjoni tar-riskju għall-kontroll fuq il-flus kontanti u 18-il SM jużaw twissijiet intelliġenti għall-kontrolli fuq il-flus kontanti, jew billi jirċievu u/jew joħorġu dawn it-tipi ta’ twissijiet. 4 SM jirrapportaw li jorganizzaw azzjonijiet immirati nazzjonali konġunti ma’ awtoritajiet kompetenti oħra.

Riżultati tal-kontroll

Ir-reġistrazzjonijiet irreġistrati mill-SM (ara l-Anness 1) ilaħħqu t-13,019 każ u jammontaw għal valur ta’ EUR 1,632 miljun. Dawn l-SM li ġejjin jagħmlu l-maġġoranza tar-reġistrazzjonijiet ittraċċati: DE (40%), FR (20%), IT (12%), UK (10%), NL (6%), PT (4%), ES (4%). Il-ħarsa ġenerali bil-grafika mogħtija fl-Anness 5 dwar l-għadd tar-reġistrazzjonijiet turi dawn id-differenzi importanti.

Diversi SM ma jirrapportaw l-ebda jew ftit reġistrazzjonijiet. F’xi każijiet dan iktar jirrifletti l-impossibbiltà tal-SM li jikseb id-dejta b’mod ċentrali milli n-nuqqas veru ta’ twettiq ta’ kontrolli (ara l-informazzjoni taħt il-punt 3.4.2 ). Xi SM oħra jirrapportaw proporzjon għoli ħafna ta’ reġistrazzjoni meta mqabbel mal-għadd tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti spontanji ppreżentati (ara l-Anness 6). Il-monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati tal-kontroll jippermetti l-ittraċċar u s-segwiment tad-differenzi possibbli fl-approċċ lejn il-kontroll bejn l-SM, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru l-aġġustamenti possibbli biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni sħiħa ta’ dan l-approċċ lejn il-kontroll mill-SM.

L-għadd tar-reġistrazzjonijiet żdied b’mod sod mill-552 każ fit-trimestru 3 tal-2007 għal 2,300 każ fit-trimestru 2 tal-2009 (ara l-Anness 7). L-ammont ekwivalenti f’EUR involut f’din ir-reġistrazzjoni, dettaljat fl-Anness 8, kien prattikament stabbli matul dan il-perjodu bl-eċċezzjoni tal-irrekordjar fl-aħħar trimestru tal-2008 minħabba r-riżultat wieħed ta’ strument negozjabbli għal portatur mhux iddikjarat b’valur għoli fil-Ġermanja (EUR 33 miljun fit-tielet trimestru tal-2007, EUR 1,149 miljun fl-aħħar trimestru tal-2008, EUR 72.5 miljun fit-tieni trimestru tal-2009).

Informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni u l-ipproċessar

Reġistrazzjoni u pproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti

L-SM kollha jirrapportaw li jirreġistraw l-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. 14-il SM jirreġistraw f’bażi ta' dejta ċentrali awtomizzata. F’ħafna mill-każi din tkun bażi ta' dejta waħedha fuq livell ċentrali, xi kultant aċċessibbli direttament mill-UIF nazzjonali (għal 2 SM id-bażi ta' dejta ċentrali tinżamm mill-UIF nazzjonali). Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-informazzjoni rreġistrata bħalissa mhijiex aċċessibbli direttament minn awtoritajiet kompetenti oħra bħall-UIF nazzjonali.

L-SM li rrappurtaw li m’awtomizzawx ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti ħafna drabi jirreferu għall-użu tal-fajls fuq l-excel jew bażi ta' dejta lokali.

Reġistrazzjoni u pproċessar tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti mhux volontarji u informazzjoni miksuba b’riżultat tal-kontrolli

25 SM nnotifikaw li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni miksuba mit-twettiq tal-kontrolli fuq il-flus kontanti. SM wieħed innotifika li ma jiffajljax din it-tip ta’ informazzjoni għalkemm l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti espliċitament jitlob lill-SM li jagħmlu dan. 12-il SM jirreġistraw f’bażi ta' dejta ċentrali awtomizzata. L-SM l-oħra jirreġistraw f’bażijiet ta' dejta miżmuma fil-postijiet tal-kontroll doganali lokali. SM wieħed jinnotifika li jiġu rreġistrati biss l-irregolaritajiet ittraċċati u SM ieħor jinnotifika li huma biss ir-riżultati tal-kontrolli iebsin li jiġu rreġistrati.

Reġistrazzjoni u pproċessar tal-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma

Il-proċeduri għad-detenzjoni tal-flus kontanti mhumiex obbligatorji għax l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti jindika li l-flus kontanti JISTGĦU jinżammu b’deċiżjoni amministrattiva. 23 SM jirrapportaw li jirreġistraw u jipproċessaw l-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma. SE u FR jinfurmaw li mhux qed jirreġistraw din it-tip ta’ informazzjoni. L-ebda informazzjoni ma hija disponibbli għalPL u BE.

15-il SM (AT, BG, CY, DE, EE, ES, FI, IE, IT, LV, LT, NL, PT, SL u UK) jirreġistraw il-flus kontanti miżmuma f’bażi ta' dejta ċentrali. 7 SM (DK, EL, LU, HU, RO, SK u SE) jirreferu għal bażi ta' dejta miżmuma fil-postijiet doganali lokali filwaqt li CZ tittrażmetti din l-informazzjoni direttament lill-UIF nazzjonali.

L-SM bħalissa ma jipprovdux statistika dwar il-flus kontanti miżmuma lill-KUMM. Fil-futur qrib, il-modulu l-ġdid tas-sistema tal-informazzjoni Doganali OLAF (CIS) se tippermetti lill-SM li jintroduċu l-informazzjoni kollha relatata mad-detenzjoni tal-flus kontanti.

Informazzjoni disponibbli għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

21 SM jagħmlu l-informazzjoni kollha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti spontanjament disponibbli għall-UIF nazzjonali tagħhom. Huma biss FI, IT u UK li jirrapportaw li jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli meta mitluba, filwaqt li CY u HU jipprovdu din l-informazzjoni biss f’każijiet suspettużi lill-UIF nazzjonali. L-informazzjoni tgħaddi għand l-UIF permezz tal-posta elettronika, il-posta, ittra uffiċjali jew aċċess immedjat għall-bażi ta' dejta tad-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. Il-perjodiċità tal-forniment ta’ din l-informazzjoni tvarja mit-trażmissjoni immedjata permezz ta’ aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta, għal kuljum, kull ġimgħa jew kull xahar jew perjodiċità massima ta’ kull tliet xhur (2 SM).

Xi SM jirrapportaw proċeduri iktar mgħaġġla biex jinfurmaw lill-UIFs nazzjonali meta l-informazzjoni tirrelata mal-ittraċċar ta’ moviment ta’ flus kontanti suspettuż.

Il-biċċa l-kbira tal-SM (AT, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, FI, HU, IE, IT, LU, MT, NL, RO, SK, SL, SE u UK) jirrapportaw li jagħmlu l-informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti suspettużi disponibbli lill-UIF nazzjonali (l-ebda informazzjoni dwar BE, FR, PL u PT). Xi SM (LV, DE, LT) jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-UIF nazzjonali billi organizzaw aċċess dirett għall-UIF nazzjonali għall-bażi ta' dejta bl-informazzjoni kollha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-flus kontanti. ES u NL diġà jżommu l-bażi ta' dejta ċentrali bl-informazzjoni dwar il-flus kontanti għand l-UIF nazzjonali.

Id-differenzi nazzjonali fl-organizzazzjoni tal-UIF u r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra jagħmluha diffiċli biex jiġu ssuġġeriti proċeduri iktar armonizzati għall-iskambju tal-informazzjoni bejn id-dwana u l-UIF.

Smurfing

16-il SM jirrapportaw li japplikaw kontrolli speċifiċi fuq il-movimenti ta’ somom ta’ flus kontanti taħt il-livell massimu ta’ EUR 10,000 fejn hemm indikazzjonijiet ta’ attivitajiet illegali assoċjati mal-moviment tal-flus kontanti, magħruf b’mod komuni bħala " smurfing ". Sar provvediment għal din il-possibbiltà fl-Artikolu 5.2 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Il-biċċa l-kbira tal-SM jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli wkoll għall-UIF nazzjonali.

Skambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni

Fin-nuqqas ta’ Kumitat li jista’ jassisti lill-KUMM fit-tħaddim tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti, il-KUMM waqqfet grupp ta’ ħidma permanenti mal-Istati Membri kollha li jiltaqa’ 3 darbiet fis-sena. Dan il-grupp ta’ ħidma huwa ffinanzjat skont il-programm qafas Doganali 2013 li jiffinanzja l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-SM u l-KUMM. Il-grupp ta’ ħidma jiffoka biex itejjeb l-iskambju tal-informazzjoni, jarmonizza l-proċeduri, jistabbilixxi l-aħjar prassi u joħloq l-ambjent xieraq għall-awtoritajiet tal-SM biex jaqsmu l-ideat dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Il-manwal tal-Linji gwida dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti, li ġie adottat riċentement minn dan il-grupp ta’ ħidma, ġie żviluppat għal dan il-għan.

L-SM u l-KUMM jistgħu jibbenefikaw minn proċedura tal-Kumitat, biex jiżguraw livell ogħla fl-istabbiliment tal-armonizzazzjoni.

Barra dan, inħoloq grupp ta’ interess virtwali speċifiku b’għodda tal-estranet sigura, li jippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi li jaqsmu l-informazzjoni u li jipparteċipaw f’forums ta’ diskussjoni. Dan fih ukoll informazzjoni dwar il-punti tal-kuntatt ċentrali tal-SM u l-punti ta’ kuntatt 24 siegħa kuljum biex jippermettu l-iskambju veloċi tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. L-SM huma responsabbli li jaġġornaw din l-informazzjoni.

L-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri

L-SM jirrapportaw l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ mezzi. Dan jinkludi s-Sistema tal-Informazzjoni għal Kontra l-Frodi OLAF (AFIS), stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli[8] . L-SM jiskambjaw ukoll l-informazzjoni dwar ir-riskju permezz tas-Sistema tal-Informazzjoni dwar ir-Riskju elettronika (RIF) stabbilita bis-Sistema tal-Immaniġġjar tar-Riskju Doganali tal-Komunità skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [9]. Il-kuntatti diretti permezz tal-punti tal-kuntatt ċentrali għall-kontroll fuq il-flus kontanti, bejn l-uffiċċji doganali operazzjonali, permezz tad-dipartimenti tal-intelligence, il-punti tal-kuntatt tal-infurzar tal-liġi jew in-netwerk tal-uffiċjali li jaħdmu kontra l-kriminalità fiskali, u l-użu ta’ applikazzjonijiet speċifiċi tal-IT tal-Europol jissemmew ukoll.

Fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma ta' Kooperazzjoni Doganali tal-Kunsill, l-SM jorganizzaw b’mod regolari azzjonijiet immirati konġunti. L-operazzjoni Doganali Konġunta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti fuq il-kurriera tal-flus kontanti msejħa "Athena" ġiet organizzata matul il-presidenza Franċiża.

Skambju tal-informazzjoni mal-Kummissjoni

L-SM kollha jipprovdu l-istatistika dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti lill-KUMM fuq il-bażi ta’ kull tliet xhur. Din l-istatistika tiġi pproċessata u ssir disponibbli għall-SM kollha.

L-SM jipprovdu lill-KUMM l-informazzjoni dwar każijiet fejn hemm indikazzjonijiet li s-somom tal-flus kontanti jinvolvu l-qligħ mill-kriminalità jew minn kull attività illegali oħra li tolqot ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-AFIS. Il-modulu CIS li huwa parti mis-sistema AFIS jippermetti lill-SM li jinkludu l-informazzjoni dwar il-flus kontanti miżmuma, maqbuda jew ikkonfiskati. Fil-Bażi tad-dejta tal-Identifikazzjoni tal-Fajls Doganali (FIDE) tas-sistema AFIS, l-informazzjoni relatata mal-investigazzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet tal-infurzar doganali għandha tiġi introdotta biex tippermetti l-verifiki dwar jekk persuna (jew negozju) kinitx soġġetta għall-investigazzjoni kriminali f’xi wieħed mill-SM. Ftit każijiet ittellgħu fil-FIDE filwaqt li l-modulu CIS għadu mhux qed jopera.

Statistika dwar l-iskambju tal-informazzjoni

F’każijiet fejn hemm indikazzjonijiet li s-somom tal-flus kontanti ddikjarati jew ittraċċati huma relatati ma’ xi attività illegali assoċjata mal-moviment tal-flus kontanti, l-SM jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. L-SM innotifikaw ftit każijiet u jindikaw li l-kwantifikazzjoni tagħhom hija diffiċli għax l-informazzjoni hija ġeneralment skambjata fuq il-bażi ta’ kull każ għalih permezz ta’ kuntatti diretti bejn l-uffiċjali tal-infurzar u li dwarhom is-servizzi ċentrali ma jkunux infurmati. Il-KUMM, billi tirrikonoxxi l-importanza tal-iskambju adegwat tal-informazzjoni, waqqfet grupp ta’ proġett mal-SM biex ittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni.

Skambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi

Ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti ma jimponix l-iskambju tal-informazzjoni ma’ pajjiżi terzi. L-SM għamlu dan permezz ta’ ftehim ta’ assistenza reċiproku internazzjonali, ftehim bilaterali, kuntatt dirett mal-punti tal-kuntatt ċentrali fil-pajjiżi terzi, in-netwerk tal-infurzar doganali u permezz tan-netwerk tal-uffiċjali li jaħdmu kontra l-kriminalità fiskali. Jissemma’ wkoll l-iskambju tal-informazzjoni permezz tal-UIF nazzjonali.

Il-KUMM ikkomunikat l-informazzjoni ġenerali dwar is-sistemi fis-seħħ fil-qafas tal-FATF.

L-aqwa prattiċi u esperjenzi ġew skambjati mal-Istati Uniti f’laqgħa speċjali bejn l-UE u l-US tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti Doganali 2013 f’April tal-2008.

Kunfidenzjalità/kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta / kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-dejta

Fl-SM kollha tapplika din il-leġiżlazzjoni li ġejja:

id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[10], u

id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2001 (2001/844/KE, KEFA, Euratom). Din id-deċiżjoni tistipula r-regoli għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni bl-għan li tiggarantixxi s-sigurtà tal-informazzjoni[11].

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kunfidenzjalità / Dispożizzjonijiet dwar is-Segretezza Professjonali.

Il-biċċa l-kbira tal-SM (AT, BG, CY, CZ, DE, iEL, ES, FI, FR, EE, HU, IE, IT, LV, MT, PL, RO, SE, SL u UK) jirrapportaw dwar miżuri ta’ protezzjoni tad-dejta speċifika meħuda għall-iskambju tad-dejta relatata mal-kontrolli fuq il-flus kontanti. L-ebda informazzjoni ma hija disponibbli fil-każ ta’ BE, LU, u PT. Fir-realtà, ħafna mill-SM japplikaw miżuri ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. Barra dan, ftit ħafna mill-SM jirrapportaw dwar miżuri meħuda dwar il-klassifikazzjoni tad-dejta biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-informazzjoni. Erba’ SM (DK, LT, NL u SK) jindikaw li l-protezzjoni tad-dejta ġenerali, is-sigurtà tad-dejta u l-miżuri tal-kunfidenzjalità japplikaw ukoll għad-dejta dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti.

Jista’ jiġi konkluż li ħafna mill-SM jiżguraw il-minimu ġenerali tal-kunfidenzjalità jew il-protezzjoni tad-dejta personali fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti. Ftit SM adottaw miżuri speċifiċi għall-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw l-protezzjoni tad-dejta personali inkluża jew ikklassifikaw l-informazzjoni dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti biex jiżguraw is-sigurtà tal-informazzjoni.

Penali

L-SM kollha introduċew rekwiżiti li jistabbilixxu penali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligu li tiddikjara. Il-penali ta’ ħafna mill-SM jistgħu jiġu kkunsidrati proporzjonati, dissważivi u effettivi, minbarra għal ftit SM fejn l-ammont tal-penali amministrattiva jidher baxx wisq biex ikun dissważiv. Il-KUMM staqsiet lil dawn l-SM biex malajr jikkoreġu din is-sitwazzjoni.

18-il SM jistgħu japplikaw iktar penali mill-penali amministrattivi stretti stipulati fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu l-qbid u ż-żamma tal-flus kontanti fil-każ ta’ suspett ta’ attività illegali, multi (ikbar), priġunerija jew konfiska tal-flus kontanti.

L-SM mhumiex meħtieġa jibagħtu l-istatistika dwar il-penali imposti lill-KUMM. Madankollu l-informazzjoni ad hoc li hija disponibbli tikkonferma li ħafna mill-SM fil-fatt imponew il-penali.

KONKLUżJONIJIET

Il-kontributi riċevuti mill-SM juru li l-implimentazzjoni riċenti tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti hija ġeneralment sodisfaċenti. L-SM organizzaw awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li l-passiġġiera jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiddikjaraw, li d-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti jiġu pproċessati u li l-kontrolli jitwettqu fuq il-passiġġiera, il-bagalji u l-mezzi tat-trasport. Qed iħaddmu wkoll sistema ta’ penali u/jew sistema ta’ detenzjoni tal-flus kontanti f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti. L-SM organizzaw lilhom infushom biex jiżguraw li l-informazzjoni miksuba mis-sistema tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti tkun disponibbli għall-UIF nazzjonali. Huma jiskambjaw l-informazzjoni fejn hu rilevanti mal-SM l-oħra, il-KUMM u pajjiżi terzi, filwaqt li jikkonformaw mal-istandards dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-dejta. Meta wieħed iqis id-differenzi bejn l-SM fid-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti miġbura u l-kontrolli mwettqa, jidher li hemm il-ħtieġa ta’ monitoraġġ mill-qrib tal-SM biex titjieb l-armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti mill-SM. Fejn meħtieġ, l-SM jintalbu jieħdu azzjonijiet bħala rimedju.

Fil-każ ta' ftit SM ġew ittraċċati nuqqasijiet fir-reġistrazzjoni, l-ipproċessar, id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-kontroll u fl-introduzzjoni ta’ penali nazzjonali. Il-KUMM qed tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti tiġi implimentata b’mod xieraq fl-SM kollha.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti, wasslet għall-konklużjoni li MHUX meħtieġa reviżjoni radikali tar-Regolament.

Madankollu turi li jistgħu jiġu kkunsidrati xi aġġustamenti fil-kwadru regolatorju dwar il-kontroll fuq il-flus kontanti:

reviżjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti sabiex jindirizza d-diffikultajiet prattiċi dwar il-kontroll li jiltaqgħu magħhom l-SM fir-rigward tal-passiġġiera fi tranżitu;

introduzzjoni ta’ Formola Komuni tal-UE għad-Dikjarar tal-Flus Kontanti, ibbażata fuq il-Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni li tintuża bħalissa mill-maġġoranza tal-SM biex tippermetti iktar armonizazzjoni tad-dejta miġbura, tal-kuxjenza tal-vjaġġaturi u possibbilment il-komputerizzazzjoni;

iż-żieda ta’ rekwiżiti ta’ rapportar mandatorju (kull tliet xhur) lill-KUMM dwar l-istatistika miġbura mill-SM, biex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-effettività tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti. Dawn ir-rekwiżiti tar-rapportar bħalissa huma bbażati fuq ftehim volontarju;

iż-żieda ta’ rekwiżit mandatorju biex titqajjem kuxjenza dwar l-obbligu tad-dikjarazzjoni dwar il-flus kontanti. Fil-preżent l-azzjonijiet kollha tal-komunikazzjoni jittieħdu fuq bażi volontarja;

l-introduzzjoni ta’ proċedura tal-Kumitat biex jiġu istituzzjonalizzati d-diskussjonijiet mal-SM dwar it-tħaddim tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti;

il-pjan għal Regolament ta’ implimentazzjoni tal-KUMM għall-elementi tekniċi bħall-forma tal-Formola Komuni ta' Dikjarazzjoni jew il-kontenut tar-rekwiżiti ta’ rapportar;

Diġà tista’ tinkiseb armonizzazzjoni ikbar bl-iskambju tal-aħjar prattiċi u bit-titjib fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri permezz ta’ liġi mhux vinkolanti, bħal linji gwida jew ftehim tekniku bejn l-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti.

Sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni sħiħa tal-kontrolli fuq il-flus kontanti li jidħlu u joħorġu mill-UE ikun meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Kontroll fuq il-Flus Kontanti.

ANNESS 1:

Sommarju tal-istatistika dwar id-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti u r-reġistrazzjoni tal-flus kontanti- l-Istati Membri kollha -Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 2:

Numru ta’ Dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– l-Istati Membri kollha -Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 3:

L-evoluzzjoni tan-numru ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 4:

L-evoluzzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti ekwivalenti f’EUR – totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 5:

In-numru ta’ reġistrazzjonijiet tal-flus kontanti– l-Istati Membri kollha –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 6:

Il-proporzjon bejn ir-reġistrazzjonijiet ta’ flus kontanti u n-numru totali ta’ dikjarazzjonijiet dwar il-flus kontanti– l-Istati Membri kollha –Mit-Trimestru 3 tal-2007 sat-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 7:

L-evoluzzjoni tal-għadd tar-reġistrazzjonijiet tal-flus kontanti– totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007.

ANNESS 8:

L-evoluzzjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ flus kontanti ekwivalenti f’EUR – totali –Mit-Trimestru 3 tal-2007 – It-Trimestru 2 tal-2009

[pic]

IT, PL u EL ma ppreżentawx dejta dwar il-kontrolli fuq il-flus kontanti għat-Trimestru 3 u 4 tal-2007.BE ma ppreżentax dejta għat-Trimestru 3 tal-2007 .

[1] ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9 - 12.

[2] It-tweġibiet għall-kwestjonarji kollha waslu lura sal-25 ta’ Frar 2009, bl-eċċezzjoni tal-Belġju li ma weġibx. L-informazzjoni fir-rapport hija għalhekk ibbażata fuq l-informazzjoni ppreżentata minn 26 Stat Membru. Għall-istatistika dwar il-flus kontanti hemm inklużi l-Istati Membri kollha.

[3] ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15 – 36.

[4] ĠU R 345, 8.12.2006, p. 1 – 9.

[5] L-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rapport dwar il-kontrolli intra-UE fuq il-flus kontanti ma tippreġudikax il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kumpatibilità ta’ dawn il-miżuri nazzjonali mal-Artikolu 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

[6] ĠU L 253, 11.10.1993 p. 1 – 766.

[7] Dan il-ftehim jaħseb biex l-SM jibagħtu statistika dwar il-flus kontanti li ma tinkludix id-dejta rigward id-dikjarazzjonijiet u l-kontrolli fuq il-flus kontanti fl-UE.

[8] ĠU L. 82, 22.03.1997, p. 1–16.

[9] ĠU L. 302, 19.10.1992, p. 1–50.

[10] ĠU L. 281, 23.11.95, p. 31 – 39.

[11] ĠU L. 317, 3.12.2001, p. 1.

Top