EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0390

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura

/* KUMM/2010/0390 finali */

52010DC0390

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura /* KUMM/2010/0390 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.7.2010

KUMM(2010)390 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura

SEG(2010)904

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura

DAĦLA

Il-kultura għandha post ewlieni fil-proġett Ewropew u hija l-bażi li fuqha hija mibnija l-"unità fid-diversità” tal-Unjoni Ewropea. It-taħlita ta’ rispett għad-diversità kulturali u l-ħila li wieħed jingħaqad madwar l-istess valuri żgurat il-paċi, il-prosperità u s-solidarjetà li għandha l-UE. Fid-dinja tal-lum li qiegħda tiġi globalizzata, il-kultura tista’ tagħmel kontribuzzjoni unika lil Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li tippromwovi l-istabbiltà, il-fehim reċiproku u l-kooperazzjoni fid-dinja kollha.

L-adozzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura[1] fl-2007 fetaħ kapitolu ġdid ta’ kooperazzjoni fuq il-politika tal-kultura fuq livell Ewropew. Għall-ewwel darba, l-imsieħba kollha – l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili kulturali – ġew imħeġġa biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fuq għanijiet komuni stabbiliti b'mod espliċitu, li ġew approvati mill-Kunsill[2]:

- il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali

- il-promozzjoni tal-kultura bħala katalista għall-kreattività

- il-promozzjoni tal-kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE

Sabiex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni, l-Aġenda introduċiet ukoll metodi ta’ ħidma li huma ġodda fil-qasam tal-kultura.

- Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) għal kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri fuq il-prijoritajiet identifikati fil-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2008-2010[3],

- djalogu aktar strutturat mas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-kultura permezz ta’ pjattaformi varji għad-diskussjoni u l-iskambju.

L-għan ta’ dan ir-rapport

Dan ir-rapport jeżamina l-progress fuq livell Ewropew u dak nazzjonali lejn tliet għanijiet tal-Aġenda u jivvaluta l-ewwel esperjenzi tal-metodi ġodda ta’ ħidma, billi jieħu informazzjoni mir-rapporti nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri u mill-ħidma tal-gruppi[4] u l-pjattaformi[5] tal-MMK. Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni fasslet il-konklużjonijiet ippreżentati fit-Taqsimiet 3.1.2 u 3.2.2.

Il-progress biex jiġi żgurat li l-aspetti tal-kultura jitqiesu b’mod xieraq fil-politiki rilevanti tal-UE (“mainstreaming”) huwa enfasizzat l-aktar fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li huwa mehmuż ma’ dan ir-rapport.

PROGRESS LEJN L-GĦANIJIET TAL-AĠENDA

Għan tal-Aġenda 1: Il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali

Il-progress jidher f’ħafna oqsma.

Is- Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008[6] iffokat kemm fuq is-sensibilizzazzjoni kif ukoll fuq l-iżvilupp tad-dibattitu politiku dwar id-djalogu interkulturali. Politiki u strutturi ġodda huma wirt tas-Sena f'għadd ta' Stati Membri, filwaqt li fuq livell tal-UE ntlaħaq ftehim politiku dwar il-ħtieġa li jiġu promossi l-ħiliet interkulturali[7] u dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni[8]. Il-Pjattaforma għall-Ewropa Interkulturali ppubblikat, u tkompli tippromwovi, il-“Karta Qawsalla” tar-rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

It-titjib tal-kundizzjonijiet għall- mobbiltà tal-artisti u professjonisti oħra tal-kultura ġie ttrattat kemm minn grupp tal-MMK li jiffoka fuq l-ostakoli fil-mobbiltà u kif għandhom jiġu ttrattati, pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni mtejjba, u fuq ir-rwol ta’ organizzazzjonijiet intermedjarji, u permezz ta’ proġett bi prova ddedikat kontinwu ta’ EUR 3 miljun, li jiżviluppa u jittestja ideat ġodda dwar is-sostenn għall-mobbiltà[9]. Il-Kummissjoni qiegħda twettaq ukoll eżerċizzju aktar wiesgħa bl-għan li jittratta l-ostakoli kollha li ċ-ċittadini Ewropej jiltaqgħu magħhom meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni fl-aspetti kollha tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u sejra toħroġ Rapport dwar iċ-Ċittadinanza aktar tard din is-sena.

Il-programm DIVA artist-in-residence tad-Danimarka jsostni l-artisti li deħlin fl-arti viżiva, il-mużika, il-letteratura u l-arti tal-ispettaklu. Qiegħed jitfassal programm għall-artisti Daniżi li jixtiequ jaħdmu barra minn pajjiżhom. Il-programm ġdid tar-Repubblika Ċeka għall-isforzi kreattivi jew ta' studju jsostni l-mobbiltà għall-iskop ta' kreazzjonijiet ġodda.

Il-grupp tal-MMK għall- mobbiltà tal-kollezzjonijiet għamel paragun fid-dettall tal-prattiki f'bosta oqsma, inklużi l-inċentivi u l-ostakoli fis-self. Qiegħed isir studju tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali. Proġett bi prova għall-eżaminar tal-iżvilupp ta' netwerk ta' twissija għall-wirt kulturali tnieda fl-2010 mill-Parlament Ewoprew.

Il-Pajjiżi l-Baxxi wettqu kampanja ta' sensibilizzazzjoni kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali, magħmula apposta għal erba' gruppi destinatarji: il-kummerċ tal-arti, il-pubbliku ġenerali, l-istituzzjonijiet tal-wirt u l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi. Programm tal-gvern f'Ċipru jsostni l-ispejjeż għat-trasferiment u għall-wirja kemm għall-xogħlijiet tal-arti li jidħlu kif ukoll dawk li joħorġu.

Sinerġiji bejn l-edukazzjoni u l-kultura kienu l-punt ċentrali ta' grupp tal-MMK u suġġett għall-Pjattaforma dwar l-Aċċess għall-Kultura. Fuq livell Ewropew, il-konklużjonijiet politiċi dwar il-promozzjoni ta' ġenerazzjoni kreattiva[10] jagħrfu li l-espressjoni kulturali u l-aċċess għall-kultura għandhom rwol essenzjali fl-iżvilupp tal-kreattività tat-tfal u taż-żgħażagħ.

Is-Slovenja adottat Linji Gwida Nazzjonali għall-Edukazzjoni tal-Kultura u tal-Arti. L-inizjattiva tal-Iskejjel Kreattivi tal-Isvezja għall-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u s-settur kulturali ntużat minn 97 % tal-muniċipalitajiet. Id-direttorat tal-edukazzjoni ta' kull muniċipalità Griega jinkludi l-kariga ta' Kap tal-Affarijiet Kulturali bil-mandat li jsaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-kultura. Il-programm "Dynamo3" tal-Belġju (il-Komunità Fjamminga) iħeġġeġ l-iskejjel biex jiżviluppaw viżjoni fuq medda twila ta' żmien dwar l-edukazzjoni tal-arti u tal-kultura.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar il-" Multilingwiżmu : vantaġġ għall-Ewropa u impenn konġunt", stabbilixxiet x'għandu jsir biex id-diversità lingwistika titbiddel f'vantaġġ għas-solidarjetà u l-prosperità. Minn dak iż-żmien ‘il hawn ġew stabbiliti żewġ pjattaformi ta' djalogu strutturati li jinvolvu s-soċjetà tan-negozju u dik ċivili.

Fil-qasam wiesgħa tal-aċċess għall-kultura, id-diġitalizzazzjoni kien ukoll qasam li fih sar progress. Europeana tnediet fl-2008. Il-Kummissjoni ħabbret miżuri ġodda għall-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-wirt kulturali fil-qafas tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

L-Istrateġija tal-Wirt Kulturali Diġitali 2007-2010 tal-Estonja tinkludi firxa ta' servizzi elettroniċi biex il-wirt isir aktar aċċessibbli, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-arkivji nazzjonali, il-bibljoteka nazzjonali, ix-xandir pubbliku u l-mużewijiet.

Rigward il- litteriżmu medjatiku , li jfisser il-ħila li wieħed ikollu aċċess u jevalwa b'mod kritiku l-kontenut tal-midja, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 titlob li l-Istati Membri u l-industrija tal-midja jissensibilizzaw lin-nies dwar il-ħafna forom ta' messaġġi tal-midja li jiltaqgħu magħhom. Xogħol ta' segwitu qiegħed isir permezz tal-programm MEDIA 2007 u l-azzjoni ta' tħejjija MEDIA International.

Il-Portugall introduċa programm dwar id-drittijiet tal-awtur tal-litteriżmu għall-iskejjel, bl-għan li jsaħħaħ l-għarfien taż-żgħażagħ tal-valur tal-kreazzjoni u tad-diversità kulturali. Is-Slovakkja adottat kunċett ta' edukazzjoni tal-midja mħejji b'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-edukazzjoni u tal-midja.

Ukoll bl-għan li jiġi promoss l-aċċess għall-kultura, il-Kummissjoni pproponiet Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew[11] biex tibni fuq l-inizjattiva intergovernattiva attwali. Iċ-Ċertifikat se jenfasizza s-siti li jiċċelebraw u jissimbolizzaw l-integrazzjoni, l-ideali u l-istorja Ewropea. L-ippremjar se jkun ibbażat fuq kriterji inkluża d-dimensjoni edukattiva tas-siti, speċjalment għaż-żgħażagħ.

Għan tal-Aġenda 2: Il-promozzjoni tal-kultura bħala katalista għall-kreattività

Il-kooperazzjoni ffokat fuq l-Industriji Kulturali u Kreattivi (IKK) u l-kontribuzzjoni ta' investiment strateġiku fil-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali. Fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali, il-potenzjal tal- kultura għat-trawwim tal-kreattività u l-innovazzjoni , u għalhekk biex tikkontribwixxi għal ambjent favur it-tkabbir u l-impjiegi, qiegħed isir aktar u aktar il-punt ċentrali, kif inhu kkonfermat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kultura bħala Katalista għall-Kreattività u l-Innovazzjoni[12].

Il-kampanja tal-Polonja "Il-Kultura Tgħodd!" tenfasizza r-rwol tal-kultura kemm fl-ekonomija kif ukoll fis-soċjetà aktar wiesgħa. Il-White Paper dwar il-Kreattività 2009 tal-Italja teżamina mudell ta' kreattività u produzzjoni kulturali u tipproponi azzjonijiet biex issaħħaħ il-kreattività.

Is- Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni 2009 eżaminat ukoll il-modi kif il-kultura tiġġenera l-innovazzjoni ekonomika kif ukoll soċjali. Il-Manifest tal-Ambaxxaturi tas-Sena[13] jenfasizza l-kreattività li tista' tiġi ġġenerata billi jinħolqu rabtiet bejn l-arti, il-filosofija, ix-xjenza u n-negozju.

Bosta studji mwettqa f'isem il-Kummissjoni taw kontribuzzjoni għad-dibattitu, b'mod partikolari l-istudju tal-2009 dwar l-impatt tal-kultura fuq il-kreattività, l-istudju tal-2010 dwar l-intraprenditorija fil-IKK u r-rapport tematiku mill-Eurydice dwar l-Arti u l-Edukazzjoni Kulturali fl-Iskola fl-Ewropa.

L-IKK kienu punt ta' attenzjoni partikolari, li wasal fil-livell tal-UE bil-pubblikazzjoni f'April 2010 ta' Green Paper dwar kif jista' jinħoloq ambjent li fih dan is-settur jista' jissodisfa l-potenzjali tiegħu biex jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Green Paper tiġbed ħafna l-attenzjoni fuq ix-xogħol kemm tal-grupp tal-MMK kif ukoll tal-pjattaforma fuq l-IKK biex titfassal konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet bħal pereżempju l-aċċess għall-finanzi, il-ħiliet meħtieġa għall-intraprendenza kreattiva, u sħubiji innovattivi ma' setturi ekonomiċi oħra[14].

F'Ottubru 2009, ġie ippubblikat dokument ta' riflessjoni dwar l-isfida ta' ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew għall-kontenut kreattiv bħall-kotba, il-mużika, il-films jew il-logħob tal-vidjow, li jeżamina l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kontenut kreattiv fuq l-Internet u li jniedi konsultazzjoni pubblika dwar xi miżuri possibbli biex jinħoloq Suq Uniku awtentiku.

L-Istrateġija tal-2008 Creative Britain tindirizza l-kwistjonijiet ewlenin għall-intervent mill-gvern fl-industriji kreattivi: il-ħiliet u t-talent, l-innovazzjoni, il-proprjetà intellettwali u s-sostenn għan-negozji kreattivi. L-Istrateġija ġdida tal-Litwanja għall-Iżvilupp ta' Industriji Kreattivi tinkludi sostenn għan-netwerk nazzjonali ta' Inkubaturi ta' Industriji Kreattivi. L-Istrateġija ta' Żvilupp tal-Finlandja għall-Ekonomija Kreattiva tindirizza l-impjiegi, l-intraprenditorija u l-iżvilupp ta' prodotti fis-settur tal-industriji kreattivi.

Il-kontribuzzjoni tal- kultura għall-iżvilupp lokali u reġjonali wkoll qiegħda tiġi rikonoxxuta aktar. EUR 6 biljun ta' fondi ta' koeżjoni ġew allokati għall-kultura għall-2007-2013 li jkopru l-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, l-iżvilupp ta' infrastruttura kulturali, u sostenn għal servizzi kulturali. Aktar fondi ġew allokati taħt titli bħat-turiżmu, ir-riġenerazzjoni urbana, il-promozzjoni tal-SMEs u s-soċjetà tal-informazzjoni. Studju jeżamina l-kontribuzzjoni tal-kultura għall-iżvilupp lokali u reġjonali u se jinkludi għodda prattika għal dawk li jfasslu l-politika fuq livell reġjonali u lokali u għall-operaturi kulturali. It-tħejjija tal-politika futura ta' koeżjoni, li għandha tapplika mill-2014, għandha tieħu lezzjonijiet minn proġetti u studji biex jitfasslu għodod li jirrilaxxaw il-potenzjal sħiħ tal-isfera kulturali, u b'mod partikolari dak tal-industriji kreattivi. Is-setturi kulturali u kreattivi għandhom jingħaqdu fi strateġiji integrati reġjonali jew tal-iżvilupp tal-ibliet, fi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi li jirrappreżentaw oqsma ta' politika differenti u rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili.

L-Inizjattiva tat-Turiżmu Kulturali tal-Irlanda tnediet fl-2009 biex tittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-isferi tal-arti, tal-kultura u tat-turiżmu. L-unità speċjalista dwar it-turiżmu kulturali tal-Ministeru tal-Kultura tar-Rumanija qiegħda tippromwovi l-kooperazzjoni bejn is-servizzi biex tuża l-potenzjal kollu tal-wirt tanġibbli u mhux tanġibbli.

L-iżvilupp ta' metodoloġiji għall-produzzjoni ta' statistika kulturali armonizzata wera li kien sfida li kellha tiġi indirizzata fil-proċess tal-MMK. Minn Settembru 2009, l-Eurostat qiegħed isostni netwerk ta' servizzi tal-istatistika nazzjonali li jikkooperaw flimkien. Fuq perjodu ta' sentejn dan in-netwerk, ikkoordinat mill-Ministeru tal-Kultura tal-Lussemburgu, se jittratta l-qafas metodoloġiku tal-istatistika kulturali; IKK; infiq pubbliku u privat għall-kultura; u l-parteċipazzjoni kulturali u l-impatt soċjali tal-kultura.

Għan tal-Aġenda 3: Il-promozzjoni tal-kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE

Bħala Parteċipant fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali[15], l-UE għandha l-impenn li tinkludi d-dimensjoni kulturali bħala element fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi u reġjuni msieħba.

Mill-adozzjoni tal-Aġenda, ħareġ qafas strateġiku ġdid għall-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-kultura qiegħda tiġi pperċepita aktar u aktar bħala fattur strateġiku tal-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku. Inizjattivi ġodda wżaw aktar riżorsi finanzjarji; mill-2007 aktar minn EUR 100 miljun ġew assenjati għall-kultura fil-pajjiżi terzi u għall-kooperazzjoni reġjonali.

Is-sostenn tal-UE għall-kooperazzjoni tal-kultura fir-reġjun kopert mill- Politika Ewropea tal-Viċinat issaħħaħ b'mod sinifikanti. L-Azzjoni Speċjali tal-Programm tal-UE għall-Kultura hija ddedikata għal dan ir-reġjun fl-2009 u l-2010, b'inizjattiva ġdida għall-kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali li għandha titnieda fl-2011.

Fil-kuntest tal- Unjoni għall-Mediterran , qiegħda titħejja strateġija tal-Euromed ġdida dwar il-kultura. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-ħtiġijiet u proċess ta' konsultazzjoni; grupp ta' ħidma ad hoc innominat mill-imsieħba se jfassal l-istrateġija li għandha tiġi proposta lill-Ministri.

Fil- pajjiżi tat-tkabbir , l-isforz ewlieni magħmul fuq ir-rijabilitazzjoni tal-wirt kulturali ġie kkumplimentat b'attenzjoni fuq l-organizzazzjonijiet indipendenti permezz ta' sejħa mmirata tal-faċilità tas-soċjetà ċivili tal-IPA. Il-kultura hija wkoll fus tad-djalogu u l-kooperazzjoni politika fis- Sħubija ġdida tal-Lvant , li tnediet fl-2009. Il-Programm Kulturali tas-Sħubija tal-Lvant, li għandu jitnieda fl-2010, għandu l-għan li jsaħħaħ il-ħila tal-operaturi kulturali, irawwem rabtiet reġjonali u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' politiki kulturali inklużivi f'pajjiżi msieħba.

Fl-2008 is-Slovenja ospitat il-konferenza li fiha tnieda l-Proċess ta' Ljubljana-il-finanzjament għar-rijabilitazzjoni tal-wirt fl-Ewropa tax-Xlokk.

Ir-rwol li għandha l-kultura fil- politiki tal-iżvilupp ukoll qiegħed jiġi rikonoxxut aktar. Fl-2009, il-Kummissjoni nediet proċess biex issaħħaħ ir-rwol tal-kultura fl-iżvilupp, ibbażat fuq sforzi konġunti mill-partijiet interessati kollha. Ġie stabbilit kumitat ta' professjonisti tal-AKP u tal-UE biex jimmonitorja l-progress u jagħti kontribuzzjoni għall-formulazzjoni tal-Programm Kulturali intra-AKP tal-għaxar FEŻ[16].

L-Istrateġija għall-Kultura u l-Iżvilupp 2007 ta' Spanja hija bbażati fuq l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Unesco.

Fil-qasam tar- relazzjonijiet kummerċjali , l-UE kompliet tqis in-natura speċifika doppja (ekonomika/kulturali) tas-settur awdjoviżiv bħala vettur għall-komunikazzjoni tal-identità u l-valuri f'negozjati bilaterali u multilaterali rilevanti. Fl-istess ħin, b'mod konformi mal-Konvenzjoni tal-UNESCO, il-ħtieġa biex jiġi żgurat trattament preferenzjali għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-qasam tal-espressjonijiet kulturali bħala mod biex jitrawwmu skambji aktar ibbilanċjati, ġiet rikonoxxuta permezz tal-firma ta' Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi tal-Cariforum[17].

Ftehimiet ġodda dwar il-koproduzzjoni fiċ-ċinema bejn Franza u pajjiżi msieħba jinkludu referenza għall-Konvenzjoni tal-Unesco bħala kwistjoni uffiċjali.

Pass 'il quddiem ieħor sar permezz tas- sħubiji bilaterali mal-pajjiżi msieħba li qegħdin jiżviluppaw jew emerġenti. Seminar ta' livell għoli "Ir-Russja-l-UE: sinjali fuq il-mappa tat-triq tal-kooperazzjoni kulturali" sar f'Moska fl-2009, koorganizzat mill-UE u l-Ministeru tal-Kultura tar-Russja. Fl-2010, ġiet stabbilita Sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana għall-Kultura . Is-sħubija strateġika tal-UE mal-Brażil għandha dimensjoni kulturali, riflessa fl-iffirmar ta' Dikjarazzjoni Konġunta fl-2009 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru tal-Kultura tal-Brażil. Ġiet stabbilita uffiċjalment relazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Messiku f'Ottubru 2008. Id-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ministeru tal-Kultura taċ-Ċina tnieda f'Mejju 2009. Azzjonijiet Speċjali tal-Programm tal-Kultura sostnew proġetti ta' kooperazzjoni inter alia maċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil.

Fil-qasam awdjoviżiv, l-azzjoni ta' tħejjija MEDIA International għandha l-għan li teżamina modi kif tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-professjonisti Ewropej u dawk tal-pajjiżi terzi mill-industrija awdjoviżiva u jitħeġġeġ fluss f'żewġ direzzjonijiet ta' xogħlijiet ċinematografiċi/awdjoviżivi. Is-sostenn se jkompli taħt is-suċċessur il-programm MEDIA Mundus, b'fond ta' EUR 15-il miljun għall-2011-2013.

METODI TA' ĦIDMA U SĦUBIJI

Il-Kummissjoni pproponiet bosta metodi ta' ħidma ġodda fl-Aġenda, b'mod partikolari l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) u djalogu aktar strutturat mas-settur tal-kultura.

L-MMK

L-ewwel esperjenzi

Il-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kultura 2008-2010 stabbilixxa erba' gruppi ta' esperti biex jaħdmu flimkien permezz tal-MMK biex jiskambjaw l-esperjenza u jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq it-temi ta' prijorità identifikati fil-Pjan ta' Ħidma.

- L-IKK

- Sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni

- Il-mobbiltà tal-artisti u professjonisti oħra tal-kultura

- Il-mobbiltà tal-kollezzjonijiet

Filwaqt li l-Pjan ta' Ħidma stabbilixxa objettivi għal kull grupp, il-proċess ta' qbil ta' oqsma aktar speċifiċi wera li kien diffiċli għall-gruppi u, f'xi każijiet, ittardja l-bidu effettiv tal-attivitajiet tagħhom.

Fil-maġġoranza tas-suġġetti, il-gruppi kkonċentraw fuq li jaqsmu l-esperjenza għall-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki. F'xi każijiet, l-enfasi saret fuq il-ġbir u l-analiżi b'mod aktar sistematiku ta' prattiki nazzjonali.

Filwaqt li huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet konkreti wara biss sentejn esperjenza, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri jemmnu li b'mod globali l-MMK huwa mod effikaċi kif wieħed jista' jikkoopera fil-qasam tal-kultura.

Il-proċess tal-MMK wera li huwa qafas tajjeb għan-netwerking u t-tagħlim reċiproku fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Filwaqt li l-gruppi kollha kellhom l-għan li jiġġeneraw rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki, l-isfida ewlenija tibqa' li dawn iwasslu għat-tfassil tal-politika fuq livell tal-UE u nazzjonali, u jingħaqad ix-xogħol tal-grupp ma' dak tal-Presidenzi tal-Kunsill u l-Kummissjoni.

Sfidi għall-ġejjieni

Il-kooperazzjoni MMK sejra tiffoka fuq kwistjonijiet u riżultati li jistgħu jiġu trattati mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-oqsma ta' kompetenza respettivi tagħhom, biex b'hekk isir progress fuq l-għanijiet tal-Aġenda.

Dan jista' jiġi appoġġjat minn ħidma eqreb tal-gruppi tal-MMK, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, b'mod partikolari l-Presidenzi. Il-Presidenzi għandu jkollhom appartenenza ċara tal-prijoritajiet, filwaqt li jiżguraw li l-programmi tal-Presidenza, u x-xogħol tal-Kunsill ikunu qegħdin jibnu fuq ir-riżultati tal-MMK.

Il-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali tal-Ministeri tal-Kultura wrew li huma forum effettiv għar-riflessjoni strateġika u għandhom il-potenzjal li jkunu mezz importanti għat-tixrid u l-adozzjoni tar-riżultati tal-MMK. L-organizzazzjoni aktar sistematika ta' laqgħa tad-Diretturi Ġenerali taħt kull Presidenza, li teżamina r-riżultati ta' grupp tal-MMK wieħed jew aktar, skont il-prijoritajiet tal-Presidenza, għandha tiġi prevista.

Fid-dawl tas-suġġerimenti mill-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali u mill-parteċipanti tal-MMK, il-Kummissjoni tipproponi l-modi li ġejjin biex tissaħħaħ kooperazzjoni effikaċi:

- L-Istati Membri permezz ta' korpi tal-Kunsill rilevanti għandhom jistabbilixxu kemm it-temi wiesgħa kif ukoll is-suġġetti aktar speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati permezz tal-gruppi tal-MMK. Massimu ta' 4 jew 5 gruppi tematiċi huwa limitu realistiku, li jiżgura li l-Kummissjoni tista' ssostni b'mod effikaċi lill-proċess u li l-Kunsill, b'mod partikolari l-Presidenzi, għandu kapaċità biżżejjed biex juża r-riżultati tal-ħidma tal-gruppi. F’kull grupp, is-suġġetti għandhom jiġu trattati wara xulxin u organizzati fi skeda ta' żmien. Perspettiva ta' erba' snin tippermetti kooperazzjoni sostenibbli, reviżjoni ta' nofs il-perjodu u progress tematiku sinifikanti.

- Il-Kunsill għandu wkoll jistabbilixxi riżultati mmirati għal kull suġġett, bħal pereżempju rapporti analitiċi, ġabriet tal-prattika tajba, jew rakkomandazzjonijiet politiċi, u għandu jidentifika opportunitajiet għat-tixrid, inklużi konferenzi tal-Presidenza, laqgħat tad-Diretturi Ġenerali, avvenimenti organizzati minn/mal-Pjattaformi tas-settur tal-kultura, u seminars organizzati mill-Kummissjoni.

- Fuq dan l-isfond, kull grupp ikun jista' jistabbilixxi l-metodi ta' ħidma tiegħu, minn laqgħat plenarji fi Brussell sa attivitajiet ta' tagħlim mal-pari organizzati minn pajjiż ospitanti. Il-gruppi jkunu, bħal ma huma issa, preseduti minn president wieħed jew tnejn, wara nominazzjoni u qbil mis-CAC.

- Suġġetti definiti sew għandhom jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Istati Membri biex jidentifikaw il-membri tal-grupp bil-profil it-tajjeb. L-eżerċizzju ta' reġistrazzjoni jista' jiġi ripetut kull sena biex jiġi żgurat li l-membri għandhom il-profil l-aktar xieraq għas-suġġetti li għandhom jiġu trattati f'dik is-sena. Xi suġġetti jistgħu jirrikjedu għarfien fid-dettall tal-kontenut, oħrajn viżjoni politika aktar wiesgħa. Kemm jekk jiġu nominati esperti tal-kontenut mill-akkademji jew mis-soċjetà ċivili jew uffiċjali ministerjali (jew it-tnejn), rabta fil-qrib mat-tfassil tal-politiki u sostenn effikaċi mill-Ministeru xorta huma essenzjali.

- Id-daqs tal-gruppi tal-MMK, bi 22 sa 27 Stati Membri parteċipanti, wera li għandu t-tajjeb u l-ħażin tiegħu, u sotto-gruppi ta' daqs iżgħar fil-prattika kienu l-forum ippreferut għad-diskussjoni. L-iskambju u d-diskussjoni attivi jibqgħu l-għan. Dan jista' jfisser il-qsim ta' prattiċi, l-organizzazzjoni ta' żjara ta' tagħlim mal-pari, jew it-tfassil ta' studju tal-każijiet pereżempju. It-trattament ta' suġġetti speċifiċi wara xulxin f'perjodu ta' erba' snin għandu jiffaċilita x-xogħol tal-Istati Membri biex jidentifikaw id-diskussjonijiet li fihom jixtiequ jieħdu sehem b'mod attiv.

- Il-Programm tal-Kultura għandu jipprovdi sostenn għall-gruppi, b'mod partikolari għat-tagħlim mal-pari u l-attivitajiet ta' tixrid.

Metodi ta' ħidma addattati jgħinu għall-promozzjoni tal-użu tar-riżultati tal-MMK. B'suġġetti stabbiliti b'mod ċar, riżultati mmirati u opportunitajiet ta' tixrid, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-MMK sejra titwettaq f'qafas b'miri aktar ċari. Artikulazzjoni aktar fil-qrib tal-ħidma tal-gruppi tal-MMK, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, b'mod partikolari l-Presidenzi, huwa l-għan predominanti.

Djalogu strutturat mas-settur tal-kultura

L-ewwel esperjenzi

Il-Kummissjoni żżomm l-impenn tagħha għad-djalogu mas-settur tal-kultura, bl-għan li tiżgura li l-opinjoni tagħha tistema' b'mod ċar fid-dibattiti politiċi fuq livell Ewropew.

Mill-2007, id-djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u s-settur qiegħed isir permezz ta' żewġ strutturi ewlenin; pjattaformi tematiċi ta' assoċjazzjonijiet Ewropej u l-Forum Ewropew tal-Kultura.

Fiż-żmien ta' qabel is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008, is-settur stabbilixxa l-"Pjattaforma Qawsalla", interfaċċja bejn is-soċjetà ċivili u l-Kummissjoni għall-ippjanar u s-sostenn tas-Sena. Minn dak iż-żmien din żviluppat fil-Pjattaforma għall-Ewropa Interkulturali. Minn dan l-eżempju, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess f'nofs l-2008 biex tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet kulurali b'dimensjoni Ewropea b'saħħitha jistabbilixxu żewġ Pjattaformi oħra, dwar l-Aċċess għall-Kultura u l-IKK.

Kull pjattaforma żviluppat l-ewwel rakkomandazzjonijiet politiċi u ppreżentathom lis-settur aktar wiesgħa matul il-Forum Ewropew tal-Kultura fl-2009.

Benefiċċju ewlieni wieħed irrappurtat mill-Pjattaformi huwa djalogu aktar fil-fond u aktar wiesgħa fis-settur tal-kultura. Id-djalogu strutturat ħeġġeġ lill-atturi fis-settur tal-kultura eteroġenu ħafna jfittxu bażi komuni. Is-settur huwa infurmat aħjar dwar il-proċessi politiċi u huwa aktar miftuħ li jintrabat mal-politika.

Iżda skont il-ħruġ tal-prijoritajiet, is-settur jista' jsibha diffiċli biex jidentifika l-interlokuturi u l-inizjattivi politiċi l-aktar rilevanti fuq suġġetti speċifiċi. Artikolazzjoni eqreb tad-djalogu tas-soċjetà ċivili mal-ħidma tal-Kummissjoni, tal-gruppi tal-MMK u tal-Istati Membri fil-Kunsill tkun tista' tagħti stampa aktar ċara ta' meta u fejn għandhom jiddaħħlu r-rakkomandazzjonijiet.

Sfidi għall-ġejjieni

Fid-dawl tas-suġġerimenti mill-Pjattaformi u mill-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni tipproponi l-modi li ġejjin biex tissaħħaħ kooperazzjoni effikaċi:

- Kull Pjattaforma tematika għandha "tirrifletti" u tkun konnessa ma' qasam politiku tal-MMK bl-għan ta' riflessjoni miftiehma u dibattitu fuq temi ta' prijorità. Il-Kummissjoni sejra żżomm l-kuntatti bilaterali tagħha mal-Pjattaformi u tipproponi laqgħa annwali mal-Bordijiet tal-Pjattaformi.

- Il-Forum Ewropew tal-Kultura bijennali jibqa' opportunità ewlenija għad-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jfasslu l-politiki. Il-Forum tal-2009 enfasizza progress fuq il-mainstreaming tal-kultura f'politiki Ewropej relatati u ġibed aktar minn 1 000 parteċipant. Iżda jinħtieġu wkoll avvenimenti fuq skala iżgħar biex jipprovdu spazju għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet speċifiċi. Avveniment ta' diskussjoni u tixrid immexxija mill-Pjattaformi fil-ġejjieni għandhom jagħqdu parteċipanti mis-settur, mill-grupp MMK ta' "riflessjoni", u dawk li jfasslu l-politiki tal-Istati Membri u tal-Ewropa. Sejrin jiġu eżaminati alternattivi għat-tħaddim tal-finanzjament tal-għotjiet; l-esperjenza mill-fażi bi prova tindika li l-għotjiet għall-proġetti jistgħu jkunu aktar xierqa biex isostnu l-attivitajiet tal-Pjattaformi.

- F'xi Stati Membri, ħareġ żvilupp pożittiv ta' djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili tal-kultura. Fl-Ungerija, il-Kunsill Politiku Settorjali tal-Kultura jiġbor ir-rappreżentanti tal-gvern, il-professjonisti tal-kultura, il-korpi ta' finanzjament u t-trejdjunjins. Fir-Rumanija, pjattaforma bi prova għad-djalogu kibret f'dipartiment għall-Impenn tal-Partijiet Interessati fil-Ministeru tal-Kultura u tal-Wirt Nazzjonali.

Djalogu aktar iffokat mas-soċjetà ċivili tal-kultura se jikkontribwixxi għal sforzi komuni artikolati aħjar lejn prijoritajiet politiċi. Pjattaformi tematiċi li "jirriflettu" is-suġġetti indirizzati permezz tal-MMK sejrin jiffaċilitaw it-trasferiment tal-prattika u l-għarfien tas-soċjetà ċivili lejn it-tfassil tal-politiki.

IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

L-esperjenza minn meta ġiet adottata l-Aġenda wriet b'mod ċar il-potenzjal tal-kooperazzjoni fuq il-politika tal-kultura fuq livell Ewropew, permezz tal-iskambju ta' esperjenza bejn l-Istati Membri bl-għan li jiġu adattati l-politiki fuq il-bażi tal-prattika tajba, kontribuzzjoni akbar mis-soċjetà ċivili tal-kultura fil-proċess tat-tfassil tal-politiki, jew approċċ aktar koerenti lejn il-kultura f'politiki relatati.

Il- kuntest aktar wiesgħa attwali jitfa' aktar importanza fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni.

L-istrateġija "Ewropa 2020" proposta mill-Kummissjoni għandha l-għan li terġa' tpoġġi lill-Ewropa fuq triq ta' tkabbir fuq perjodu twil, b'miżuri għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. F’dan il-qafas, il-kultura jista' jkollha rwol fundamentali, inkluż f'inizjattivi prominenti bħall-Unjoni għall-Innovazzjoni (l-ekoloġiji kreattivi, l-innovazzjoni mhux teknoloġika), l-Aġenda Diġitali (il-litteriżmu medjatiku, ambjent ġdid għall-kreazzjoni u għall-aċċess għall-kultura) u Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda (kompetenzi interkulturali u ħiliet transversali). Ir-rwol tal-kultura fl-iżvilupp reġjonali u lokali għandu wkoll jiġi enfasizzat fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni (bliet u reġjuni kreattivi u interkulturali). Lilhinn mill-fruntieri tal-UE, ir-rwol tal-kultura fil-politika ta' tkabbir u fir-relazzjonijiet esterni għandha tiġi żviluppata aktar (l-immarkar tal-Ewropa bħala l-post fejn wieħed għandu jkun għall-kreazzjoni, il-promozzjoni ta' skambji kulturali bbilanċjati u l-kooperazzjoni mal-bqija tad-dinja).

Bit-tisħiħ ta' kooperazzjoni effikaċi, il-proposti ppreżentati f'dan ir-rapport huma maħsuba biex jgħinu jiżguraw li l-kultura tagħmel il-kontribuzzjoni sħiħa tagħha għal Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva.

KONKLUŻJONI

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma mistiedna jirreaġixxu għal dan ir-rapport.

Il-Kunsill huwa mħeġġeġ li jieħu l-passi xierqa biex jiddeċiedi fuq grupp ta' kwistjonijiet tematiċi wiesgħa u suġġetti ta' prijorità speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati permezz tal-MMK.

Il-Kummissjoni tipproponi li tirrapporta b'mod tematiku dwar il-progress lejn is-suġġetti miftiehma, filwaqt li tieħu informazzjoni mir-riżultati tal-MMK, mil-ħidma ta' pjattaformi ta' djalogu strutturat u mill-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri.

[1] http://eurlex.europa.eu/smartapi/cgi/sga_doc?smartapi!celexapi!prod!DocNumber&lg=en& type_doc=COMfina&an_doc=2007&nu_doc=0242&model=guicheti

[2] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32007G1129(01):EN:NOT

[3] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:42008X0610(01):EN:NOT

[4] Rapporti finali tal-gruppi tal-MMK: http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc1565_en.htm

[5] Rakkomandazzjonijiet tal-pjattaforma: http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc1199_en.htm

[6] Ara http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc539_en.htm

[7] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2008:141:0014:0016:EN:PDF

[8] http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc/ICD_external_relations_en.doc.pdf

[9] http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/doc417_en.htm

[10] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2009:301:0009:0011:EN:PDF

[11] http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/doc2519_en.htm

[12] http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc/CONS_NATIVE_CS_2009_08749_1_EN.pdf

[13] http://www.create2009.europa.eu/about_the_year/manifesto.html

[14] Ara wkoll id-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam fuq http://85.92.129.90/~workshop/

[15] Aktar minn 110 ratifika sa April 2010

[16] Ara http://www.culture-dev.eu/pages/en/en_accueil.html

[17] Ftehimiet u protokolli differenzjati li jimplementaw u jippromwovu l-Konvenzjoni tal-Unesco ġew inizjalati wkoll mal-Korea t'Isfel u qegħdin jiġu ffinalizzati mal-pajjiżi Andini u tal-Amerika Ċentrali.

Top