EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010DC0386

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-linja politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur

/* KUMM/2010/0386 finali */

52010DC0386




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.7.2010

KUMM(2010) 386 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-linja politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur

SEG(2010) 911

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-linja politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu:il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur

INTRODUZZJONI

Għalkemm mit-traġedji ta' Madrid u Londra 'l hawn ma seħħ l-ebda attakk terroristiku kbir fl-Unjoni Ewropea, it-theddida mit-terroriżmu għadha waħda sinifikanti u qiegħda l-ħin kollu tevolvi[1]. It-theddida mhix ġejja biss mit-terroriżmu Iżlamiku, iżda wkoll minn terroristi separatisti u anarkisti. Il-modi ta' kif it-terroristi jattakaw inbidlu, kif rajna mill-attakki ta' Mumbai fl-2008 u mill-attentat fuq titjira minn Amsterdam għal Detroit f'Jum il-Milied tal-2009. It-theddidiet illum il-ġurnata ġejjin kemm minn terroristi organizzati kif ukoll minn persuni li joperaw waħedhom, li jista' jkun li jkunu bnew it-twemmin radikali tagħhom fuq il-bażi ta' propaganda estremista u li jkunu sabu materjali tat-taħriġ u riċetti ta' kif jagħmlu l-bombi minn fuq l-internet. Dawn l-iżviluppi jfissru li jeħtieġ li jevolvu wkoll l-isforzi tal-komunità dinjija biex tissielet kontra din it-theddida.

Wasal iż-żmien li naraw x'inhuma l-kisbiet ewlenin fil-livell tal-UE fejn għandhom x'jaqsmu l-leġiżlazzjoni u l-linji politiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li nidentifikaw b'mod ġenerali xi sfidi tal-ġejjieni f'dan il-qasam. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi l-elementi l-aktar ċentrali ta' valutazzjoni politika tal-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu li qed tħaddem l-UE bħalissa, kif mitlub mill-Parlament Ewropew, u tikkostitwixxi pass preparatorju importanti fil-qafas tal-Istrateġija usa' tas-Sigurtà Interna. Dan mingħajr ħsara għall-fatt li l-Istati Membri huma l-atturi ewlenin f'dan il-qasam politiku sensittiv.

Huwa partikularment rilevanti li nqisu x'kisbiet għamilna fl-imgħoddi u li nħarsu 'l quddiem lejn l-isfidi tal-ġejjieni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll wara l-adozzjoni ta' programm plurijennali ta' ħidma u pjan ta' azzjoni ġodda għall-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà (il-"Programm ta' Stokkolma"). Din il-Komunikazzjoni tibni fuq il-miżuri u l-inizjattivi relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu identifikati fil-Programm ta' Stokkolma[2] u fil-pjan ta' azzjoni li jimplimentah[3], li jiddeskrivu fil-qosor fuq fuq l-azzjonijiet tal-UE fil-ġejjieni, u tikkumplimentahom.

L-Istrateġija tal-2005 tal-UE Kontra t-Terroriżmu[4], li għadha sservi bħala l-qafas ewlieni ta' referenza għall-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam, tikkonsisti f'erba' oqsma: il-prevenzjoni, il-protezzjoni, l-insegwiment u r-rispons. Din il-Komunikazzjoni timxi ma' dik l-istruttura. Għal kull wieħed mill-erba' oqsma ngħatat attenzjoni lil xi kisbiet ewlenin u ġew identifikati l-isfidi tal-ġejjieni. Mal-Komunikazzjoni hemm Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jinkludi tabella li tagħti ħarsa aktar kompluta lejn l-azzjonijiet ewlenin li ħadet l-UE fl-erba' oqsma[5].

L-evalwazzjoni ta' strumenti speċifiċi għall-ġbir u l-ġestjoni tad-dejta (inklużi l-istrumenti li għandhom x'jaqsmu mar-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri u ż-żamma tad-dejta tat-telekomunikazzjonijiet) se jiġu ttrattati f'komunikazzjonijiet separati. Barra minn hekk, din il-Komunikazzjoni primarjament tagħti ħarsa lejn it-theddidiet tat-terroriżmu għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea. Il-koperazzjoni mas-sħab esterni ġiet koperta biss fejn din taffettwa direttament lis-sigurtà interna tal-UE.

IL-KISBIET EWLENIN U L-ISFIDI TAL-FUTUR TAL-UE

L-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu u l-Pjan ta' Azzjoni li jimplimentaha jiddefinixxu b'mod wiesa' l-azzjonijiet u l-istrumenti li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu[6]. Fl-ambitu ta' din il-Komunikazzjoni, ma jistax jiġi diskuss ix-xogħol kollu li sar fl-aħħar ħames snin f'dawn l-oqsma vasti – din il-Komunikazzjoni għalhekk tiffoka fuq il-linji strateġiċi ewlenin taħt kull wieħed mill-erba' oqsma tal-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu – il-prevenzjoni, il-protezzjoni, l-insegwiment u r-rispons.

Il-prevenzjoni

L-isfida ewlenija f'dan il-qasam hija l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ, li jwasslu għad-dispożizzjoni li wieħed iwettaq atti terroristiċi. Iżda l-prevenzjoni tinkludi wkoll li wieħed jindirizza l-mod kif it-terroristi jużaw l-internet – għall-komunikazzjoni, biex jiġbru l-fondi, għat-taħriġ, għall-ingaġġ u għall-propaganda. Il-Programm ta' Stokkolma[7] jisħaq li jeħtieġ li din il-linja, b'mod partikulari, tkun imsaħħa fil-ħames snin li ġejjin, u dan ifisser ukoll riċerka aħjar u magħmula apposta dwar is-sigurtà li tkun tkopri x-xogħol operazzjonali u tekniku kif ukoll studji relatati mal-linji politiċi u aspetti li għandhom x'jaqsmu mas-soċjetà.

Il-kisbiet ewlenin

L-istrument legali ewlieni tal-UE biex tindirizza r-reati terroristiċi hija d-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2002/475/JHA)[8], li tiddefinixxi liema atti għandhom jitqiesu bħala terroristiċi mill-Istati Membri. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, dan l-istrument legali ġie emendat biex jindirizza b'mod aktar speċifiku l-aspetti preventivi[9]. Id-Deċiżjoni Qafas emendata issa tipprovdi qafas legali għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar:

- provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku;

- ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu; u wkoll

- it-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu.

Dan ifisser li, ġaladarba d-Deċiżjoni Qafas tiġi trasposta fl-Istati Membri kollha, ikun possibbli li wieħed iħarrek u jikkastiga lil nies li jipprovaw jinvolvu lil ħaddieħor f'attività terroristika billi jħeġġuhom iwettqu atti terroristiċi, billi jippruvaw iseħbuhom fin-netwerks terroristiċi tagħhom, jew billi jipprovdulhom it-tagħrif li jkollhom bżonn – bħal riċetti biex jagħmlu l-bombi – biex iwettqu l-attakki tagħhom. Bl-adozzjoni ta' din l-emenda, dawn l-għamliet ta' mġiba kriminali se jkunu jistgħu jiġu kkastigati fl-UE kollha kemm hi, anki meta jitwettqu bl-użu tal-internet. Dan huwa pass importanti li jallinja l-leġiżlazzjoni tal-UE mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Mejju 2005 dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu, li fuqhom ġew immudellati d-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Il-Kummissjoni tfittex ukoll li tippromwovi metodu ta' sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat sabiex jiġi missielet l-użu tal-internet għal skopijiet ta' terroriżmu[10]. Hija tat bidu għal djalogu bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-fornituri tas-servizzi sabiex jitnaqqas it-tixrid ta' kontenut illegali relatat mat-terroriżmu fuq l-internet. Qed jiġi żviluppat Mudell ta' Ftehim Ewropew sabiex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar din il-kwistjoni.

Ir-radikalizzazzjoni sseħħ mhux biss fuq l-internet imma wkoll permezz ta' ingaġġ dirett. It-Terrorism Situation and Trend Report TE-SAT 2010 tal-Europol jindika li bosta organizzazzjonijiet terroristiċi jew estremisti għandhom l-appoġġ ta' fergħat attivi taż-żgħażagħ li jqanqlu tħassib partikulari fost xi Stati Membri minħabba li jistgħu jservu bħala mezz biex iseħħu r-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ. Dan jikkonferma li l-ideoloġiji estremisti għadhom kapaċi jiġbdu lejhom individwi li lesti jilqgħu l-ideat tagħhom. Ir-rapport TE-SAT jikkonferma wkoll li għadd mhux insinifikanti ta' persuni radikalizzati jivvjaġġaw mill-UE lejn inħawi maħkumin minn kunflitti jew qed jieħdu sehem f'kampijiet ta' taħriġ u mbagħad jiġu lura fl-Ewropa. Dawn huma indikazzjonijiet li r-riskji assoċjati maż-żgħażagħ li jiġu radikalizzati biex iwettqu reati terroristiċi għadhom konsiderevoli.

Matul is-snin, l-Unjoni Ewropea elaborat għadd ta' linji politiċi importanti li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ. Bħalissa għaddejja ħidma sinifikanti biex dawn il-linji politiċi jitwettqu u jiġu sostnuti. Pass importanti ħafna kien l-adozzjoni ta' Strateġija speċifika tal-UE Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ[11]. Din l-Istrateġija għandha tliet miri ewlenin: li tħarbat l-attivitajiet tan-netwerks u individwi li jinvolvu lin-nies fit-terroriżmu; li tiżgura li l-ilħna tal-opinjoni ġenerali jirbħu fuq dawk tal-estremiżmu u li tippromwovi d-demokrazija, is-sigurtà, il-ħaqq u l-opportunitajiet għal kulħadd. Passi ddettaljati biex dawn l-objettivi jitmexxew 'il quddiem ġew ippreżentati fi Pjan ta' Azzjoni u fi pjan ta' implimentazzjoni li ġew approvati f'Ġunju tal-2009. Barra minn hekk, ġiet adottata Strateġija dwar il-Komunikazzjoni bil-Midja.

Wara inizjattiva mill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu[12], ingħata bidu għal għadd ta' proġetti sinifikattivi minn ċerti Stati Membri – li qablu li jieħdu r-riedni f'idejhom biex jiġu elaborati pjanijiet ta' ħidma konkreti - sabiex jimplimentaw din l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni. Dawn huma l-komunikazzjoni bil-midja u dik strateġika (UK), it-taħriġ tal-imamijiet (ES), is-sorveljanza tal-komunità (BE), il-ħidma mal-awtoritajiet lokali (NL), id-deradikalizzazzjoni (DK) u t-terroriżmu u l-internet (DE). Għadd sinifikanti minn dawn il-proġetti jirċievu sostenn finanzjarju mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni kkontribwiet għall-iżvilupp tal-linji politiċi f'dan il-qasam permezz tal-Komunikazzjoni li ħarġet fl-2005 biex tindirizza l-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti[13]. Barra minn hekk, bl-appoġġ tal-Kummissjoni saru għadd sinifikanti ta' studji u deskrizzjoni ġenerali tar-riċerka akkademika disponibbli.

Barra minn dan, sabiex tagħti appoġġ lid-djalogu bejn l-akkademiċi u dawk li jsawru l-linji politiċi f'dan il-qasam, fl-2008 l-Kummissjoni ħolqot Netwerk Ewropew ta' Esperti dwar ir-Radikalizzazzjoni (European Network of Experts on Radicalisation - ENER). L-ENER għamlet l-ewwel laqgħa tagħha fi Brussell fis-27 ta' Frar 2009. Seminars li saru fl-2009 u fl-2010 laqqgħu flimkien xjenzati soċjali, akkademiċi oħrajn u professjonisti li qegħdin fuq quddiem nett fil-qasam biex jiżviluppaw u jparttu l-aħjar prattiki. It-temi li ġew koperti jinkludu oqsma ta' evoluzzjoni dinamika bħall-postijiet fejn isir l-ingaġġ, l-involviment tas-soċjetà ċivili biex tissielet kontra l-estremiżmu vjolenti u l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet lokali biex jopponu r-radikalizzazzjoni. Is-seminars għandhom ukoll l-għan li jagħtu appoġġ lit-twettiq tal-proġetti mibdijin mill-Koordinatur Kontra t-Terroriżmu.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jisħaq li l-inizjattivi tal-UE biex jiġu missiltin ir-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex ma jitħalliex li jseħħu r-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ għal skopijiet terroristiċi.

L-isfidi tal-futur

Se jkun meħtieġ li jiġu identifikati b'mod aktar preċiż l-aktar modi effettivi biex jiġu missiltin ir-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ. Se jkun hemm bżonn li tiġi vvalutata l-effettività tal-linji politiki nazzjonali li ġew elaborati, u li jiġu żviluppati indikaturi affidabbli biex jipprovdu dejta li tkun tista' tgħin biex issir dik il-valutazzjoni.

( Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li fl-2011 tvara Komunikazzjoni li se tagħti ħarsa lejn l-esperjenza li nkisbet fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ marbutin mat-terroriżmu fl-Istati Membri. Din se tipprovdi l-bażi għal reviżjoni u aġġornament tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni eżistenti tal-UE.

Sfida oħra se tkun biex jinstabu u jiġu stabbiliti l-aktar metodi effettivi biex jiġi indirizzat l-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi.

Se jkun hemm il-ħtieġa li jsir aktar xogħol sabiex jiġu sostnuti l-isforzi tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jittrattaw mal-kontenut illegali fuq l-internet f'dan il-kuntest – se jkun hemm bżonn ukoll li jissaħħu s-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat.

Protezzjoni

Il-protezzjoni tan-nies u tal-infrastruttura huwa t-tieni objettiv tal-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu. Din il-parti tal-Istrateġija hija ċertament l-usa' qasam, u tkopri firxa wiesgħa ta' attività, inklużi valutazzjonijiet tat-theddid li saru madwar l-UE kollha kemm hi, is-sigurtà tal-katina tal-fornitura, il-protezzjoni tal-infrastruttura kruċjali, is-sigurtà tat-trasport u l-kontrolli tal-fruntieri, kif ukoll ir-riċerka dwar is-sigurtà.

Il-kisbiet ewlenin

Fl-aħħar ħames snin saru passi sinifikanti 'l quddiem sabiex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri. Qed jintużaw teknoloġiji ġodda fl-iżvilupp ta’ sistema moderna u integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri. Fl-2006 kienu introdotti l-passaporti bijometriċi. It-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen u s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Viża qed jiġu żviluppati u kien stabbilit il-qafas legali tagħhom.

Fil-qasam tas-sigurtà ċibernetika, fl-2005 ġiet stabbilita d-Deċiżjoni Qafas dwar attakki kontra s-sistemi ta' informazzjoni[14], u fl-2009 inħarġet Komunikazzjoni[15] li stabbiliet pjan ta' azzjoni biex jiġu indirizzati b'mod speċifiku t-theddidiet għall-infrastruttura kruċjali tal-informazzjoni.

Fl-aħħar snin ġie stabbilit u żviluppat qafas leġiżlattiv sostanzjali, b'mod partikulari rigward l-avjazzjoni ċivili u t-trasport bil-baħar. Fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, dan il-qafas komuni bla dubju għolla l-livell tas-sigurta fl-UE u lil hinn minnha. Wara t-tentattiv biex jintużaw splussivi likwidi fuq titjiriet bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2006, ġiet żviluppata leġiżlazzjoni biex tiġi indirizzata din it-theddida. Il-Kummissjoni għadha kif ħarġet Komunikazzjoni separata dwar l-użu tal-Iskeners tas-Sigurtà fl-ajruporti tal-UE[16]. L-UE taħdem id f'id ukoll ma' sħab internazzjonali biex tiġi indirizzata l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda biex ikun hemm ilqugħ għal theddidiet li qed jiżviluppaw. Fil-qasam tas-sigurtà tat-trasport bil-baħar, l-UE għamlet il-Kodiċi Internazzjonali ta' Sigurtà għall-Vapuri u għall-Faċilitajiet tal-Portijiet parti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-Kummissjoni għandha sehem attiv fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Kemm fil-kuntest tal-avjazzjoni kif ukoll f'dak marittimu, il-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biex tħaddem sistema ta' spezzjonijiet tal-faċilitajiet tal-ajruporti u tal-portijiet.

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll Pjan ta' Azzjoni tal-UE għat-Titjib tas-Sigurtà tal-Isplussivi, li ġie approvat mill-Kunsill f'April 2008[17]. It-twettiq ta' 50 azzjoni konkreta biex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' attakki terroristiċi permezz tal-isplussivi jinsab għaddej, u jinvolvi lill-Europol u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Il-ħidma fuq l-isplussivi tinkludi miżuri biex jiġu indirizzati d-disponibbiltà faċli ta' ċerti kimiki li jintużaw mit-terroristi biex iħejju splussivi maħdumin id-dar. Fuq il-bażi ta' konsultazzjoni estensiva mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-industrija tal-kimiki, il-Kummissjoni qed tħejji proposti għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex ittejjeb il-kontroll madwar l-UE kollha kemm hi tal-aċċess għal dawn is-sustanzi li permezz tagħhom jissawru l-isplussivi. Huwa mistenni li dawn il-proposti jiġu adottati fil-ħarifa tal-2010.

Sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp ta' linji politiċi dwar is-sigurtà u kontra t-terroriżmu, ġie stabbilit Programm ta' Riċerka dwar is-Sigurtà bħala parti mis-7 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, u tpoġġew EUR 1.4 biljun għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Il-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar is-Sigurtà (European Security Research and Innovation Forum - ESRIF), li ħareġ ir-rapport aħħari tiegħu is-sena l-oħra[18], jipprovdi l-aktar ħsibijiet riċenti f'dan il-qasam.

Fl-2006 l-Kummissjoni adottat Programm ġenerali Ewropew għall-Protezzjoni ta' Infrastruttura Kruċjali (European Programme for the Protection of Critical Infrastructure - EPCIP). Bħala parti minn dan il-Programm, fi tmiem l-2008 ġiet adottata d-Direttiva dwar l-Infrastrutturi Kruċjali Ewropej (IKE), li tiffoka fuq il-proċedura biex jiġu identifikati u indikati l-IKE u li tinkludi definizzjoni ta' Infrastruttura Kruċjali Ewropea. Din id-Direttiva hija biss l-ewwel pass fil-metodu li qed tuża l-UE biex titratta mat-theddidiet kontra l-Infrastruttura Kruċjali Ewropea. Fil-bidu, id-Direttiva hija applikabbli biss għas-settur tal-enerġija u t-trasport. Il-ħidma fuq l-infrastruttura kruċjali tinkludi sforzi biex jiġi stabbilit Netwerk ta' Twissija u Tagħrif dwar l-Infrastruttura Kruċjali (Critical Infrastructure Warning and Information Network - CIWIN) u Netwerk ta' Referenza tal-UE għal laboratorji li jittestjaw tagħmir ta' sigurtà, li għandu jkun ta' appoġġ għall-elaborazzjoni tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tas-soluzzjonijiet għal problemi ta' sigurtà.

Fil-qasam tas-sigurtà tal-katina tal-fornitura, l-UE impenjat ruħha li twettaq il-Qafas ta' Standards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (World Customs Organisation - WCO) sabiex jiġi żgurat u ffaċilitat il-kummerċ dinji, li ġie adottat mill-Kunsill tal-WCO f'Ġunju 2005. Il-Kummissjoni daħħlet emendi dwar is-sigurtà fil-Kodiċi Komunitarju eżistenti tad-Dwana u d-Dispożizzjonijiet Implimentattivi tiegħu (Regolament 648/2005[19] u Regolament 1875/2006[20] sabiex issaħħaħ is-sigurtà tal-ktajjen tal-fornitura li jidħlu fl-UE jew joħorġu minnha. Il-miżuri kienu jinkludu l-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' tagħrif bil-quddiem dwar il-merkanzija u Qafas Komunitarju tal-Ġestjoni tar-Riskju. Barra minn hekk, ġie varat il-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat, li taħtu l-operaturi ekonomiċi joffru minn jeddhom li jżidu s-sigurtà tal-ktajjen tal-fornitura tagħhom u bi tpattija jgawdu minn miżuri li jiffaċilitaw il-kummerċ.

L-isfidi tal-futur

Hemm bosta oqsma fejn fadal ix-xogħol xi jsir f'dan il-qasam. Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura Kruċjali se tiġi rriveduta wara tliet snin, sabiex issir valutazzjoni tal-impatt tagħha u tal-ħtieġa li jiġu inklużi setturi oħrajn, eż. is-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (TIK). Jeħtieġ li anki l-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Sigurtà tal-Isplussivi jiġi rrivedut u tiġi vvalutata l-effettività tiegħu.

( Se jkompli għaddej ix-xogħol biex titjieb is-sigurtà tat-trasport, notevolment permezz tat-tusigħ ta' teknoloġiji ġodda sabiex jixxejnu l-isforzi tat-terroristi biex ma jinqabdux (eż. billi jużaw splussivi likwidi jew materjali mhux metalliċi). Jeħtieġ li filwaqt li nirrispettaw il-jeddijiet fundamentali, niżguraw is-sigurtà tal-passiġġieri. L-involviment ta' dawk li għandhom interessi f'dan il-qasam huwa partikularment importanti fil-qasam tas-sigurtà tat-trasport.

Jeħtieġ li l-kwistjoni tal-istandardizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni tas-soluzzjonijiet għal problemi ta' sigurtà (eż. it-teknoloġija tal-iskoperta) titmexxa 'l quddiem, bħala parti mill-isforzi biex tiġi żviluppata linja politika Ewropea dwar is-sigurtà industrijali. Għandhom jiġu stabbiliti proċess għall-ittestjar u għall-ittestjar fl-ambjent reali tas-soluzzjonijiet għal problemi tas-sigurtà kif ukoll sistema ta' għarfien reċiproku tar-riżultati taċ-ċertifikazzjoni, li jkunu mifruxin fl-UE kollha kemm hi.

( Waħda mill-isfidi ewlenin hija li niżguraw li r-rabtiet bejn dawk li jagħmlu użu mis-settur pubbliku - inklużi l-professjonisti tal-infurzar tal-liġi – il-komunità tar-riċerka u dawk li jipprovdu t-teknoloġija u l-industrija jissaħħu u jinżammu jiffunzjonaw tajjeb sabiex tiġi żgurata linja politika effettiva dwar ir-riċerka dwar is-sigurtà u, permezz ta' dan, nikkontribwixxu għal livell għoli ta' sigurtà.

SEGWITU

Dan il-qasam tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu tkopri kwistjonijiet bħall-ġbir u l-analiżi tat-tagħrif, it-twaqqif tal-movimenti u l-attivitajiet tat-terroristi, il-koperazzjoni bejn il-pulizija u bejn il-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-kisbiet ewlenin

F'dawn l-aħħar snin sar qbil dwar għadd sinifikanti ta' strumenti li jtejbu l-ġbir u t-tpartit ta' tagħrif bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Dawn jinkludu d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta, l-integrazzjoni tal-qafas ta' Prüm fil-leġiżlazzjoni tal-UE u d-Deċiżjoni Qafas dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Il-Mandat ta' Arrest Ewropew iffaċilita t-trasferiment ta' persuni ssuspettati li wettqu reati serji, inklużi atti ta' terroriżmu, bejn l-Istati Membri[21]. Ġiet adottata wkoll l-ewwel fażi tal-Mandat Ewropea għall-Provi, li jagħmilha eħfef biex wieħed jikseb xhieda fi Stat Membru ieħor[22].

Il-funzjonament tal-Europol ittejjeb permezz tal-qafas legali l-ġdid tagħha, u l-koperazzjoni tagħha mal-Eurojust issaħħet. L-Europol ikkontribwiet b'mod sinifikanti għat-twettiq ta' bosta elementi tal-istrateġija kontra t-terroriżmu, inkluż permezz ta' tpartit ta' tagħrif u tal-fajls tax-xogħol tal-analiżi tagħha, kif ukoll billi żviluppat aktar strumenti strateġiċi, bħall-Bażi Ewropea tad-Dejta dwar il-Bombi u s-Sistema ta' Twissija Bikrija għall-Isplussivi u għall-materjal Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari (KBRN).

Ġew stabbiliti dispożizzjonijiet legali, b'mod partikulari t-tielet Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, biex jiġi indirizzat il-finanzjament tat-terroristi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-proċeduri biex jiġu elenkati persuni u entitajiet relatati mat-terroriżmu bil-għan li l-assi tagħhom jiġu ffriżati ġiet irriveduta sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-jeddijiet fundamentali. Din ir-reviżjoni kienet magħmula, b'mod partikulari, mill-jedd għal rimedju effettiv u mill-jeddijiet għad-difiża tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati b'konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Finalment, ir-Regolament 1889/2005[23] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli ta' flus kontanti deħlin fl-UE jew ħerġin minnha jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu permezz tas-sorveljanza fuq iċ-ċaqliq tal-flus kontanti fil-fruntieri tal-UE.

Minbarra l-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni tiżviluppa wkoll miżuri ta' linji politiċi biex tissielet kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, ngħidu aħna linji gwida volontarji biex tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà tal-organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ fir-rigward tal-abbuż għal finijiet ta' finanzjament tat-terroriżmu. Huwa ppjanat li fil-bidu tal-2011 tinħareġ Komunikazzjoni.

L-isfidi tal-futur

Ir-relazzjoni bejn l-istrumenti legali l-ġodda kollha għat-tpartit tat-tagħrif, l-interazzjoni tagħhom u l-aħjar prattika biex jintużaw, bħalissa qed jiġu eżaminati u se jkunu s-suġġett ta' Komunikazzjonijiet separati. L-isfida se tkun li niżguraw li dawn l-istrumenti jkopru l-ħtiġijiet reali, sabiex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jparttu t-tagħrif meħtieġ biex jipprevjenu r-reati terroristiċi u jissieltu kontriehom filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ lejn il-jedd għall-privatezza u lejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

( Dan jinkludi d-determinazzjoni tal-mod it-tajjeb biex tiġi stabbilita linja politika Ewropea għall-użu ta' dejta mir-reġistru ta' ismijiet il-passiġġieri (passenger name record - PNR) biex jiġu missiltin it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Fir-rigward tal-finanzjament għat-terroriżmu, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea daħħal dispożizzjoni ġdida (l-Artikolu 75 TFUE) li tista' sservi bħala bażi legali għal-istabbiliment ta' qafas għal miżuri amministrattivi speċifiċi, bħall-iffriżar ta' fondi jew ta' assi finanzjarji li jkunu jappartjenu lil persuni, gruppi jew entitajiet mhux statali fiżiċi jew ġuridiċi, jew li jkunu proprjetà tagħhom.

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa li tadotta leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tekniki tal-investigazzjonijiet li huma partikularment rilevanti għall-investigazzjoni u għall-prevenzjoni ta' reati terroristiċi.

( Din il-kwistjoni tista' tiġi ttrattata permezz ta' proposta leġiżlattiva għal sistema komprensiva dwar il-ksib ta' xhieda f'materji kriminali li tkun imsejsa fuq il-prinċipju tal-għarfien reċiproku u li tkun tkopri t-tipi kollha ta' xhieda, li l-Kummissjoni se tħejji fl-2011.

Sfida aħħarija f'dan il-qasam hija li niżguraw li l-linja politika tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun imsejsa b'mod agedwat fuq ix-xhieda u tkun sostnuta bl-aħjar valutazzjonijiet disponibbli tat-theddidiet. Parti mit-tweġiba għal dik l-isfida se tiġi mill-istabbiliment konġunt ta' metodoloġija msejsa fuq parametri komuni biex jiġu analizzati t-theddidiet fil-livell Ewropew.

RISPONS

Dan il-qasam tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu jgħaqqad flimkien kwistjonijiet bħall-kapaċità ta' rispons ċivili biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni li jħalli warajh attakk terroristiku, is-sistemi ta' twissija bikrija, il-ġestjoni tal-kriżijiet inġenerali u l-assistenza lill-vittmi tat-terroriżmu.

Il-kisbiet ewlenin

L-element ewlieni tar-rispons tal-UE li ġie żviluppat fis-snin li għaddew huwa l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, li jiżgura rispons koordinat għal kwalunkwe kriżi, inklużi attakki terroristiċi, billi jikkapitalizza fuq il-kapaċitajiet tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ġew stabbiliti mekkaniżmi kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea (l-Arranġamenti għall-Koordinazzjoni waqt Kriżi (Crisis Coordination Arrangements – CCA)) u speċifikament biex il-Kummissjoni (is-sistema ARGUS) tagħmel l-arranġamenti biex ikun hemm rispons koordinat fl-eventwalità ta' kriżi. Isiru eżerċizzji regolari biex dawn l-arranġamenti jiġu pprattikati fil-livelli kollha.

Anki l-Europol għandha rwol importanti fir-rispons għal inċidenti terroristiċi, b'mod partikulari fejn dawn ikollhom effetti li jaqsmu l-fruntieri: hija tagħti appoġġ lir-risponsi kkoordinati għal inċidenti bħal dawn permezz tal-mekkaniżmi tagħha tat-tpartit tat-tagħrif.

Il-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jirrispondu għal inċidenti terroristiċi ġew ivvalutati permezz tat-tieni eżerċizzju ta' evalwazzjoni minn pari. Ir-rapport aħħari dwar din l-inizjattiva ġie adottat dan l-aħħar, u jagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet konkreti lill-Istati Membri abiex itejbu l-isforzi tagħhom. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet strutturali, komunikazzjonijiet, koperazzjoni mtejba u kuntatt mal-pubbliku[24].

Minħabba l-konsegwenzi kbar li jista' jkun hemm kemm-il darba t-terroristi jiksbu materjali Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi/Nukleari (KBRN), mill-2006 'l hawn il-Kummissjoni ħadmet għal aktar sigurtà fir-rigward ta' dawn il-materjali. F'Ġunju 2009 l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni u Abbozz ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-materjali KBRN, li l-Kunsill approva f'Novembru 2009. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar materjali KBRN jikkonsisti f'130 azzjoni speċifika fl-oqsma tal-prevenzjoni, tal-iskoperta u tar-rispons fir-rigward ta' inċidenti relatati ma' materjali KBRN u jistabbilixxi aġenda ċara ta' ħidma għall-Istati Membri u għall-UE għas-snin li ġejjin[25]. Fil-qasam tal-istat ta' tħejjija u tar-rispons, dan jinkludi l-iżgurar li r-riskji marbutin ma' materjali KBRN jitqiesu waqt l-ippjanar ta' emerġenza, l-organizzazzjoni ta' eżerċizzji regolari rigward dawn il-materjali, it-tisħiħ tal-miżuri kontra inċidenti li jinvolvuhom u t-tijib tal-flussi tat-tagħrif.

Il-vittmi ta' attakki terroristiċi konsistentement sabu l-appoġġ tal-Kummissjoni, inkluż permezz ta' attivitajiet ta' finanzjament immirati lejn it-titjib tal-qagħda tagħhom. Fl-aħħar ħames snin, madwar EUR 5 miljun tpoġġew biex jintużaw għall-appoġġ tal-vittmi tat-terroriżmu. Il-Kummissjoni tiffinanzja wkoll Netwerk ta' Assoċjazzjonijiet tal-Vittmi tat-Terroriżmu. L-għan ewlieni ta' dan in-netwerk hu li jqanqal il-koperazzjoni transnazzjonali bejn l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi tat-terroriżmu u li jtejjeb ir-rappreżentanza tal-interessi tal-vittmi fil-livell tal-UE.

L-isfidi tal-futur

Bħalissa qed issir evalwazzjoni tal-linja politika tal-UE dwar il-protezzjoni ċivili, li fuqha se jiġu msejsin l-azzjonijiet ta' segwitu li se jkun meħtieġ li jittieħdu. Il-Kummissjoni qed tqis ukoll modi kif issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni sabiex tiffaċilita l-protezzjoni konsulari, notevolment waqt il-krizijiet, u għal dan il-fini se tippreżenta Komunikazzjoni fil-ħarifa ta' din is-sena.

( Se jkun meħtieġ li l-irwol tal-UE fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tad-diżastri jkompli jiġi żviluppat, b'mod partikulari billi tiġi żviluppata l-kapaċità tal-UE għal rispons rapidu, fuq il-bażi tal-istrumenti eżistenti għall-għajnuna umanitarja u għall-protezzjoni ċivili.

It-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar materjali KBRN huwa prijorità. L-istrutturi biex isostnu t-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni dwar materjali KBRN ġew stabbiliti fil-bidu tal-2010, u x-xogħol fuqhom għaddej. Il-Kummissjoni se tappoġġja t-twettiq ukoll permezz ta' sejħiet immirati għal proposti taħt il-programm finanzjarju stabbilit biex isostni l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalita organizzata.

Il-Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma jindika li fl-2011 il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva sabiex tipprovdi strument komprensiv dwar il-protezzjoni tal-vittmi, inklużi l-vittmi tat-terroriżmu.

( Element ġdid importanti hija l-klawżola tas-solidarjetà, li ddaħħlet fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 222). Jeħtieġ li l-ftehimiet ta' twettiq għal dan il-mekkaniżmu mandatarju jiġu stabbiliti malajr.

Kwistjonijiet orizzontali

Minbarra l-erba' oqsma tal-istrateġija tal-2005 kontra t-terroriżmu, hemm għadd ta' kwistjonijiet orizzontali li huma importanti għat-twettiq tal-istrateġija. Dawn jinkludu r-rispett għall-jeddijiet fundamentali, il-koperazzjoni mas-sħab esterni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-finanzjament.

Ir-rispett għall-jeddijiet fundamentali

Ir-rispett għall-jeddijiet findamentali u lejn l-istat tad-dritt għandu postu fil-qalba tal-metodu li tuża l-UE biex tissielet kontra t-terroriżmu. Il-miżuri biex jiġi miġġieled dan il-kastig għandhom dejjem jittieħdu fil-qafas tar-rispett sħiħ lejn il-jeddijiet fundamentali. F'dan ir-rigward, l-UE trid tagħti eżempju u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE għandha tkun il-boxxla għal-linji politiċi kollha tal-UE. Dan mhux biss rekwiżit legali imma wkoll kundizzjoni ewlenija biex jiġu inkuraġġiti l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-fiduċja fost il-pubbliku inġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li l-istrumenti kollha li jintużaw fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jirrispettaw bis-sħiħ il-jeddijiet fundamentali. B'mod partikulari, għandu jiġi żgurat li t-tpartit tat-tagħrif għal skopijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jkun konformi mal-jeddijiet miġburin fil-Karta tal-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikulari l-protezzjoni tad-dejta personali, u mal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li l-linji politiċi tagħha jippromwovu l-inklussività u l-parteċipazzjoni u ma jistigmatizzaw lill-ebda grupp partikulari ta' nies.

F'dan il-kuntest, tista' ssir referenza għal rapport imħejji mill-Kummissjoni fl-2009, li pprovda sintesi tat-tweġibiet li ntbagħtu mill-Istati Membri għal kwestjonarju dwar il-liġi kriminali, il-liġi amministrattiva/il-liġi proċedurali u l-jeddijiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu[26]. Huwa importanti li wieħed isegwi l-iżviluppi fl-Istati Membri, inklużi l-isfidi legali li tressqu fi qrati nazzjonali kontra miżuri kontra t-terroriżmu, u li jislet konklużjonijiet għal mod sostenibbli ta' kif jissawru l-linji politiċi fil-livell tal-UE f'dan il-qasam.

( Il-prijorità se tkun li jiġi żgurat li kwalunkwe leġiżlazzjoni u azzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam ikunu konformi għal kollox mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluża l-leġiżlazzjoni implimentattiva elaborata mill-Istati Membri.

Il-koperazzjoni internazzjonali u s-sħubiji ma' pajjiżi terzi

Wara l-ġrajjiet ta' Settembru 2001, bosta sforzi ffukaw fuq il-ħolqien tal-kundizzjonijiet qafas legali u politiċi li kienu meħtiġin għall-koperazzjoni mtejba mas-sħab esterni tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dan kien jinkludi l-ħidma permezz ta' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-G8, kif ukoll l-iżvilupp ta' sħubiji mill-qrib ma' għadd ta' pajjiżi terzi, b'mod partikulari mal-Istati Uniti.

In-Nazzjonijiet Uniti żviluppat l-istrateġija globali tagħha stess kontra t-terroriżmu, u din ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006. Anki l-Kunsill tal-Ewropa u l-OSCE qed imexxu 'l quddiem inizjattivi kontra t-terroriżmu. Anki l-G8 huwa attiv f'dan il-qasam, b'mod partikulari permezz tal-Grupp Ruma/Lyon tiegħu u l-Grupp ta' Azzjoni Kontra t-Terroriżmu.

Hemm ukoll sensil bejn il-linji politiċi żviluppati għas-sigurtà interna fl-Unjoni Ewropea u d-dimensjonijiet internazzjonali tagħhom. Ngħidu aħna, il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar materjali KBRN għandu interrelazzjonijiet mal-isforzi li qed isiru madwar id-dinja kollha biex tiġi missielta l-proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa. Jeżistu wkoll rabtiet mill-qrib ħafna bejn il-Pjan ta' Azzjoni u l-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu Nukleari. Barra minn hekk, it-tħaddim tas-sistema tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet għal merkanzija b'użu doppju jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jiġi ristrett l-aċċess ta' atturi statali u mhux statali għal materjali li jistgħu jintużaw biex jinħadmu armi kimiċi, bijoloġiċi jew nukleari. Il-Kummissjoni tixpruna l-iżviluppi f'dan il-qasam.

Ir-relazzjoni mal-Istati Uniti kisbet post speċjali fl-isforzi tal-UE biex tissielet kontra t-terroriżmu. Fl-2009 u fl-2010 ġew adottati diversi dikjarazzjonijiet konġunti, notevolment l-Istqarrija Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-għeluq tal-faċilità tad-detenzjoni tal-Bajja ta' Guantanamo u dwar il-koperazzjoni futura fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Istqarrija bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-titjib tal-koperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-Istqarrija konġunta ta' Toledo dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni u dikjarazzjoni tal-2010 bejn l-UE u l-Istati Uniti kontra t-terroriżmu. Ġew stabbiliti wkoll għadd ta' ftehimiet importanti mal-Istati Uniti. Dawn jinkludu żewġ ftehimiet ta' koperazzjoni mal-Europol, ftehim ta' koperazzjoni mal-Eurojust u ftehim dwar ir-Reġistru ta' Ismijiet il-Passiġġieri (PNR). Dan l-aħħar ġie ffinalizzat ftehim dwar il-Programm tat-Tiftix dwar il-Finanzjamenti tat-Terroristi (Terrorist Financing Tracking Programme (TFTP)). Dawn il-ftehmiet kollha mmiraw biex jiżguraw li t-tagħrif meħtieġ biex ma jitħallewx li jseħħu atti terroristiċi jkun disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi b'konformità mar-rekwiżiti legali tal-UE. Ftehimiet dwar it-trasferiment ta' dejta mill-PNR ġew iffirmati wkoll mal-Kanada u mal-Awstralja.

Anki fuq il-livell tal-esperti, ittieħdu għadd ta' passi konkreti sabiex titjieb il-koperazzjoni prattika ma' sħabna dwar kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż seminar għall-esperti mill-UE u mill-Istati Uniti dwar is-sigurtà tal-isplussivi, li sar fi tmiem l-2008. Minn dakinhar 'l hawn, fl-2010 ġew organizzati seminars oħrajn għal esperti mill-UE u mill-Istati Uniti u ffukaw fuq l-isplussivi, fuq il-protezzjoni tal-infrastruttura kruċjali u fuq il-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti. Fl-aħħar nett, il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu sseħħ fil-prattika f'diversi pajjiżi terzi u f'fora internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti.

( L-isfida ewlenija se tkun li nkomplu niżviluppaw il-mezzi u l-mekkaniżmi tal-koperazzjoni mas-sħab esterni, speċjalment mal-Istati Uniti, li se jippermettu lill-UE li taħdem ma' dawn is-sħab b'mod aktar effettiv u b'mod aktar strutturat, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak prattiku. Tali koperazzjoni msaħħa m'għandhiex tiffoka biss fuq l-aspetti tas-sigurtà interna imma wkoll fuq pajjiżi u reġjuni terzi identifikati bħala prijoritajiet komuni fil-ġlieda kontra t-theddidiet terroristiċi, bħall-Afganistan, il-Pakistan, l-Iraq, il-Jemen, is-Somalja u r-reġjun tas-Saħel. Jeħtieġ li l-aġenziji tal-UE, b'mod partikulari l-Europol u l-Eurojust, jibqgħu ikunu involuti mill-qrib fil-koperazzjoni mas-sħab esterni sabiex isaħħu l-valur miżjud tal-UE.

Tali sforzi għandhom iqisu r-riċerka li teżisti dwar il-qagħda soċjoekonomika ta' dawk il-pajjiżi sabiex jitfgħu id-dawl fuq dawk li jistgħu ikunu l-għeruq tar-radikalizzazzjoni jew tal-ingaġġ mit-terroristi kif ukoll fuq kapaċitajiet endoġeniċi ta' rispons, u jeħtieġ li jieħdu l-jeddijiet fundamentali bħala bażi għad-djalogu mas-sħab rilevanti.

Il-finanzjament

Aktar ma għadda ż-żmien, aktar deher ċar li l-finanzjament huwa fattur importanti biex jiġu sostnuti kemm il-linji politiċi tal-UE biex jiġi missielet it-terroriżmu kif ukoll l-isforzi tal-Istati Membri. Għal azzjonijiet fl-UE, tali finanzjament ingħata permezz tal-programm Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet, li jinkludi l-programm speċifiku għall-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija u l-immaniġġjar tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u riskji oħrajn relatati mas-sigurtà, u l-programm għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għall-ġlieda kontrieha[27]. Matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2013, tpoġġew total ta' EUR 745 miljun biex jintużaw għas-sostenn ta' linji politiċi biex jiġu missiltin it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Għexieren ta' proġetti ta' sostenn għat-twettiq tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu ġew iffinanzjati minn dawn il-programmi, u l-għadd ta' applikazzjonijiet għadu qed jiżdied.

( Il-Kummissjoni se tagħmel proposti dwar l-iffinanzjar għall-perjodu ta' wara l-2013 fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss u se tqis il-vijabbiltà li tistabbilixxi Fond Intern ta' Sigurtà.

Rigward l-azzjonijiet esterni, l-Istrument għall-Istabbiltà nħoloq fl-2006 biex jipprovdi lill-UE b'għodda strateġika sabiex tindirizza għadd ta' sfidi globali dwar is-sigurtà, inkluża l-ġlieda kontra netwerks terroristiċi transkonfinali. Fl-2010 tpoġġew sa EUR 22 miljun għal koperazzjoni relatata mas-sigurtà f'diversi reġjuni fejn it-theddida tat-terroriżmu kibret.

IT-TRIQ LI RRIDU NIEħDU

Il-valutazzjoni tal-kisbiet ewlenin li tinsab f'din il-Komunikazzjoni turi li hemm ammont sinifikanti ta' xogħol li jrid isir fis-snin li ġejjin, b'mod partikulari fl-oqsma tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-protezzjoni tal-popolazzjoni tal-UE kontra attakki li jistgħu jsiru u l-konsegwenzi tagħhom. Jeħtieġ li dan ikun l-enfasi ewlieni tal-isforzi tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam u l-Kummissjoni se tidħol aktar fid-dettall fl-isfidi identifikati fil-qafas tal-istrateġija usa' tas-Sigurta Interna – bħalissa qed titħejja Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Interna.

L-Istrateġija tal-2005 Kontra t-Terroriżmu uriet kemm kienet tiswa meta ġabet flimkien firxa wiesgħa ta' azzjonjiet u strumenti li kkontribwew b'mod sinifikanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell tal-UE, filwaqt li inkuraġġiet it-twettiq tagħhom. Il-benefiċċju ta' strateġija li tkopri kollox bħal din huwa li ppermettiet li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa metodu ta' tiswir tal-linji politiċi li huwa aktar sistematiku u inqas xprunat mill-inċidenti li jseħħu. Ir-rilevanza kontinwata tal-istrateġija ġiet ikkonfernata dan l-aħħar mill-Programm ta' Stokkolma. Madankollu, kif indikat fil- Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, il-qafas istituzzjonali l-ġdid joffri lill-Unjoni opportunità li qatt ma kellha bħalha qabel li ssensel aħjar l-istrumenti differenti li għandha għal kontra t-terroriżmu, kif ukoll id-dimensjoni interna u dik esterna. Għalkemm ir-rilevanza tal-Istrateġija u l-metodu ewlieni li tadotta bħala tali mhumiex parti mid-diskussjoni, dan huwa ż-żmien opportun biex immexxuha pass 'il quddiem u nħarsu kemm lejn l-implimentazzjoni tal-Istrateġija fil-livell nazzjonali kif ukoll lejn metodi kif niżguraw li l-Istrateġija tissokta tkun aġġornata u konformi mal-aħħar żviluppi fil-qasam. Jeħtieġ li f'din il-ħidma tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-istruttura istituzzjonali l-ġdida stabbilita mit-Trattat ta' Lisbona.

Bil-għan li tappoġġja din il-ħidma, il-Kummissjoni se tvara studju sabiex twettaq evalwazzjoni aktar dettaljata tal-linji politiċi u tal-prijoritajiet kurrenti. Dan l-istudju għandu jkun disponibbli għall-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm ta' Stokkolma. Dan huwa importanti sabiex jingħata sostenn lill-parteċipanti ewlenin kollha fil-livell tal-UE – il-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni – permezz ta' viżjoni u fehim komuni tal-prijoritajiet tal-ġejjieni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

***

[1] Għall-aħħar ċifri ara t-Terrorism Situation and Trend (TESAT) Report tal-Europol għall-2010, li ssibu fuq l-internet f' http://www.europol.europa.eu/publications.

[2] ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

[3] COM (2010) 171 finali tal-20 ta’ April 2010.

[4] Dok. 14469/4/05 tat-30 ta' Novembru 2005.

[5] SEC(2010) …..

[6] L-aħħar ħarsa ġenerali kompluta lejn l-azzjonijiet kollha li kellhom jitlestew, li saret fl-2007 (dok. 7233/1/07), kienet tikkonsisti f'140 punt differenti ta' azzjoni, u l-aktar ħarsa ġenerali riċenti ta' punti ta' azzjoni pendenti (dok. 15358/09, maħruġ f'Novembru 2009) għad fiha 50 punt ta' azzjoni.

[7] ĠU C 115, 4.5.2010, p. 24.

[8] ĠU L 164, 22.6.2002, p.3.

[9] Deċiżjoni Qafas 2008/919/JHA, adottata fit-28 ta' Novembru 2008. ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21.

[10] Bil-ħsieb li jiġu sostnuti l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'dan il-qasam, il-Kummissjoni għamlet żewġ studji li se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-linji politiċi u li se jservu bħala bażi biex tittieħed deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' miżuri prattiċi sabiex jiġi missielet l-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi:

- miżuri mhux leġiżlattivi sabiex ma jitħalliex li ssir distribuzzjoni ta' kontenut radikali vjolenti fuq l-internet, inkluża koperazzjoni bejn l-ONG u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

- metodoloġiji u għodod teknoloġiċi adattati sabiex jiġi identifikat b'mod effiċjenti l-kontenut radikali vjolenti fuq l-internet.

Huwa mistenni li r-riżultati ta' dawn l-istudji joħorġu fl-2011.

[11] L-Istrateġija tal-UE Kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu ġiet riveduta f'Novembru 2008 (CS / 2008 / 15175).

[12] Il-ħolqien tal-kariga ta' Koordinatur Kontra t-Terroriżmu (KKT) sar qbil dwaru mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Marzu 2004 f'Dikjarazzjoni dwar it-Terroriżmu, li ġiet adottata b'reazzjoni għall-attentati bil-bombi f'Madrid. Il-KKT jaħdem minn ġos-Segretarjat tal-Kunsill, jikkoordina ġidmet il-Kunsill fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, filwaqt li jqis kif xieraq ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni, iżomm għaddejja superviżjoni tal-istrumenti kollha li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex ikun jista' jirrapporta lill-Kunsill b'mod regolari u jwettaq ħidma effettiva ta' segwitu tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

[13] COM(2005) 313 tal-21 ta' Settembru 2005.

[14] ĠU L 69, 16.3.2005.

[15] COM (2009) 149 finali tat-30 ta' Marzu 2009.

[16] COM (2010) 311 finali tal-15 ta’ Ġunju 2010.

[17] Dok. 8109/08.

[18] Disponibbli fuq l-internet f’: http://www.esrif.eu.

[19] ĠU L 117, 4.5.2005, p.13.

[20] ĠU L 360, 19.12.2006, p. 64.

[21] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

[22] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/JHA tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali, ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72.

[23] ĠU L 309, 25.11.2005, p.9

[24] Dok. 8568/10.

[25] Dok. 15505/1/09.

[26] SEC(2009) 225 tad-19 ta' Frar 2009.

[27] ĠU L 58, 24.2.2007, p. 1.

Top