EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XG1212(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas- 26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola

OJ C 302, 12.12.2009, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 302/6


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas- 26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola

2009/C 302/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

 

WARA LI KKUNSIDRA li:

1.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23-24 ta' Marzu 2000, li enfasizzaw li l-investiment fin-nies huwa kruċjali għall-post tal-Ewropa fl-ekonomija tal-għarfien, u li appellaw lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex ineħħu l-ostakoli għall-mobbiltà tal-għalliema u biex jiġbdu għalliema ta' kwalità għolja (1).

2.

L-Objettiv 1.1. tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, li jenfasizza l-importanza li jinġibdu lejn il-professjoni tat-tagħlim, u jinżammu, persuni kwalifikati sew u motivati, li jiġu identifikati l-ħiliet li l-għalliema jeħtieġu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li jinbidlu tas-soċjetà, li jiġu pprovduti l-kondizzjonijiet biex l-għalliema jkunu appoġġati permezz ta' taħriġ inizjali u taħriġ ta' meta jkunu diġà qed jaħdmu, li jiġu miġbuda rekluti lejn it-tagħlim u t-taħriġ li jkollhom esperjenza professjonali f'oqsma oħra (2).

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja, li stiednet lill-Istati Membri jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema involuti fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jakkwistaw il-ħiliet neċessarji għas-soċjetà tal-għarfien (3).

4.

Ir-rapport interim konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2004 dwar il-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ (4), li ta prijorità lill-iżvilupp ta' prinċipji Ewropej komuni għall-kompetenzi u l-kwalifiki meħtieġa mill-għalliema biex jissodisfaw ir-rwol li qed jinbidel tagħhom fis-soċjetà tal-għarfien (5).

5.

Ir-rapport interim konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”, li enfasizza li l-investiment fit-taħriġ tal-għalliema u dawk li jħarrġu u t-tisħiħ tat-tmexxija għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ (6).

6.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-14 ta' Novembru 2006 dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li ddikjaraw li l-motivazzjoni, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-għalliema, it-trejners, persunal ieħor tat-tagħlim u s-servizzi ta' pariri u assistenza soċjali, kif ukoll il-kwalità tat-tmexxija tal-iskola, huma fatturi ewlenin għall-kisba ta' riżultati tat-tagħlim ta' kwalità għolja, u li l-isforzi tal-persunal tat-tagħlim għandhom jiġu appoġġati minn żvilupp professjonali kontinwu.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-14 ta' Novembru 2006 dwar il-prijoritajiet futuri għal kooperazzjoni Ewropea mtejba fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li enfasizzaw il-ħtieġa għal għalliema kwalifikati ħafna li jkomplu bi żvilupp professjonali kontinwu (7).

8.

Id-Deċiżjoni nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, li jinkludi l-objettiv speċifiku għat-titjib tal-kwalità u d-dimensjoni Ewropea tal-edukazzjoni tal-għalliema, u li jipprovdi sostenn għall-mobbiltà tal-għalliema u ta' persunal edukattiv ieħor (8).

9.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (9), li tistabbilixxi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li l-individwi jeħtieġu għat-twettiq u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali, u l-impjieg, u li, minħabba n-natura trasversali tagħhom, jimplikaw livell ogħla ta' kollaborazzjoni u ta' ħidma f'tim bejn l-għalliema, kif ukoll approċċ lejn it-tagħlim li jmur lil hinn mill-konfini tradizzjonali tas-suġġetti.

10.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 Mejju 2007 dwar qafas koerenti ta' indikaturi u punti ta' referenza għall-monitoraġġ tal-progress lejn l-objettivi ta' Lisbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li appellaw biex tkompli l-ħidma dwar l-iżvilupp ta' indikatur dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u min iħarreġ (10).

11.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Novembru 2008 dwar il-mobbiltà taż-żgħażagħ, li stiednu lill-Istati Membri biex jaħdmu lejn l-objettiv ta' żieda tal-mobbiltà tal-għalliema, min iħarreġ u persunal edukattiv ieħor (11).

12.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (12), li jirrakkomandaw l-espansjoni gradwali tal-mobbiltà għall-għalliema u għal min iħarreġ bil-ħsieb li l-perijodi ta' taħriġ barra l-pajjiż isiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni, li jiddefinixxu bħala waħda mill-prijoritajiet matul l-ewwel ċiklu ta' ħidma l-ħtieġa ta' fokus fuq il-kwalità tal-edukazzjoni inizjali u l-appoġġ bikri għall-karriera għall-għalliema ġodda, kif ukoll li togħla l-kwalità tal-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema, għal min iħarreġ u għal dawk involuti f’attivitajiet li jinvolvu t-tmexxija jew l-iggwidar, u li jistiednu lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tinkludi l-mobbiltà tal-għalliema fi kwalunkwe proposta oħra futura bħala indikatur dwar il-mobbiltà.

 

u FILWAQT LI JFAKKAR B'MOD PARTIKOLARI

1.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema (13), fejn ġie maqbul li jsir sforz biex ikun żgurat li l-għalliema jitħeġġew u jiġu appoġġati matul il-karrieri tgaħhom sabiex ikomplu jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom kif meħtieġ, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-għalliema b'funzjonijiet ta' tmexxija ikollhom aċċess għal taħriġ ta' kwalità għolja fil-ġestjoni u t-tmexxija tal-iskola.

2.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21 (14), li stiednu lill-Istati Membri - meta jkunu qed iwetqqu segwitu għall-konklużjonijiet imsemmijin qabel dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema - biex jiffokaw il-kooperazzjoni sabiex l-għalliema ġodda kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi strutturati ta' appoġġ fil-bidu tal-karriera, fuq it-titjib fil-provvediment, il-kwalità u l-parteċipazzjoni fi programmi ta' żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u fuq it-titjib fir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-mexxejja tal-iskejjel.

JAFFERMA MILL-ĠDID li

filwaqt li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija tal-Istati Membri individwali, il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, flimkien mal-użu effiċjenti ta' programmi Komunitarji, tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità billi jiġu appoġġati u kkumplimentati il-miżuri meħudin fil-livell nazzjonali u billi l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-isfidi komuni.

JIRRIKONOXXI li

1.

L-għarfien, il-ħiliet u l-impenn tal-għalliema (15), kif ukoll il-kwalità tat-tmexxija tal-iskola, huma l-aktar fatturi importanti fil-kisba ta' eżiti edukattivi ta' kwalità għolja. It-tagħlim tajjeb u l-abbiltà li tispira lill-istudenti sabiex jiksbu l-aħjar livell li jistgħu, jista' jkollhom impatt pożittiv fuq il-futur taż-żgħażagħ. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali mhux biss li jiġi żgurat li dawk reklutati f'pożizzjonijiet ta' tagħlim u tmexxija tal-iskola ikunu tal-ogħla kalibru u adatti għall-kompiti li għandhom iwettqu, iżda wkoll li jipprovdu l-ogħla standard ta' edukazzjoni inizjali u żvilupp professjonali kontinwu għall-persunal tat-tagħlim fil-livelli kollha. Dan imbagħad ser jikkontribwixxi għat-titjib kemm tal-istatus kif ukoll tal-attrazzjoni tal-professjoni.

2.

Jeħtieġ li programmi edukattivi għall-għalliema, li huma fatturi ċentrali kemm fit-tħejjija tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, kif ukoll fl-iżgurar tal-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskola, jkunu ta' kwalità għolja, rilevanti għall-ħtiġijiet u bbażati fuq taħlita bbilanċjata ta' riċerka akkademika soda u esperjenza prattika estensiva. Huwa essenzjali li l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, l-appoġġ fil-bidu tal-karriera (“induzzjoni” (16)) u l-edukazzjoni professjonali kontinwa jkunu ttrattati bħala entità sħiħa koerenti.

3.

L-ewwel kariga ta' għalliem ġdid wara t-tlestija tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema hija żmien partikolarment importanti f'termini tal-motivazzjoni, il-prestazzjoni u l-iżvilupp professjonali tiegħu/tagħha. L-għalliema li jkun għadhom kif laħqu jista' jkollhom diffikultajiet biex jaġġustaw ruħhom għal sitwazzjonijiet reali tal-iskola u japplikaw dak li tgħallmu matul l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema. Saħansitra, għadd sostanzjali tagħhom fl-aħħar jabbandunaw il-karrieri ta' għalliema tagħhom, bi prezz għoli għalihom u għas-soċjetà. Hemm evidenza konsiderevoli ta' riċerka nazzjonali u internazzjonali li turi, madankollu, li l-programmi strutturati ta' appoġġ għall-għalliema ġodda kollha fil-bidu tal-karriera jistgħu jnaqqsu dan il-fenomenu. Dawn jistgħu wkoll ikunu ta' benefiċċju għall-għalliema li jerġgħu jidħlu fil-professjoni.

4.

L-ebda kors ta' edukazzjoni inizjali tal-għalliema, ikun kemm ikun eċċellenti, ma jista' jħejji l-għalliema bil-kompetenzi kollha li ser jeħtieġu matul il-karrieri tagħhom. L-eżiġenzi fuq il-professjoni tal-għalliema qed jevolvu rapidament, filwaqt li jimponu l-ħtieġa għal approċċi ġodda. Sabiex ikunu kompletament effettivi fit-tagħlim, u kapaċi jaġġustaw għall-ħtiġiet li jkunu qed jevolvu tal-istudenti f'dinja ta' tibdil soċjali, kulturali, ekonomiku u teknoloġiku rapidu, jeħtieġ li l-għalliema nnifishom jirriflettu dwar ir-rekwiżiti tat-tagħlim tagħhom stess fil-kuntest tal-ambjent skolastiku partikolari tagħhom, u li jieħdu responsabbiltà aktar għat-tagħlim tul il-ħajja tagħhom stess bħala mezz ta' aġġornament u żvilupp tal-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Madankollu, hemm evidenza li xi għalliema għad għandhom ftit wisq opportunitajiet biex jipparteċipaw fi programmi ta' żvilupp professjonali kontinwu, filwaqt li għadd sinifikanti ta' dawk li għandhom tali opportunitajiet iħossu li dawn il-programmi mhumiex dejjem suffiċjentement rilevanti għall-ħtiġijiet individwali tagħhom u għall-isfidi li jaffaċċjaw.

5.

It-tmexxija effettiva tal-iskola hija fattur kbir fit-tfassil tal-ambjent ġenerali tat-tagħlim, fit-tkattir tal-aspirazzjonijiet u fl-għoti ta' appoġġ għall-istudenti, l-ġenituri u l-persunal, u għalhekk fit-trawwim ta' livelli ogħla ta' kisba. Huwa għalhekk ta' importanza prinċipali li jiġi żgurat li l-mexxejja tal-iskola jkollhom, jew ikunu kapaċi jiżviluppaw, il-kapaċitajiet u l-kwalitajiet meħtieġa sabiex jassumu l-għadd dejjem jikber ta' kompiti li jkunu kkonfrontati bihom. Daqstant ieħor huwa importanti huwa l-iżgurar li l-mexxejja tal-iskola ma jitgħabbewx b'piżijiet żejda ta' kompiti amministrattivi u jikkonċentraw fuq kwistjonijiet essenzjali, bħall-kwalità tat-tagħlim, il-kurrikulu, kwistjonijiet pedagoġiċi u l-prestazzjoni, il-motivazzjoni u l-iżvilupp tal-persunal.

6.

Il-persunal tat-tagħlim fil-livelli kollha, inklużi l-mexxejja tal-iskola, jistgħu jieħdu benefiċċju akbar minn mobbiltà akbar fit-tagħlim u n-netwerking, fid-dawl tar-rwol importanti li dawn kellhom fit-titjib tal-kwalità tas-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll biex tali sistemi u istituzzjonijiet isiru aktar miftuħa, aktar orjentati lejn l-estern, aktar aċċessibbli u aktar effiċjenti.

JAQBEL li

1.

Filwaqt li s-sistemi tal-edukazzjoni fl-Ewropa huma differenti f'diversi aspetti, huma jikkondividu ħtieġa komuni li jattiraw u jżommu persunal tat-tagħlim u mexxejja tal-iskejjel tal-ogħla kalibru sabiex jiġu żgurati riżultati edukattivi ta' kwalità għolja. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni kbira lid-definizzjoni tal-profil meħtieġ ta' għalliema prospettivi u mexxejja tal-iskejjel, għal kif jintagħżlu u kif jiġu mħarrġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

2.

Il-programmi edukattivi għall-għalliema għandhom ikunu ta' kwalità għolja, ibbażati fuq l-evidenza u rilevanti għall-ħtiġijiet. Dawk responsabbli għat-taħriġ tal-għalliema - u għat-taħriġ tal-edukaturi tal-għalliema - għandhom ikunu kisbu huma stess livell akkademiku għoli u jkollhom esperjenza prattika soda tat-tagħlim, kif ukoll il-kompetenzi li jeħtieġ tagħlim tajjeb. Għandhom isiru sforzi wkoll biex jiġi żgurat li istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għall-għalliema jikkooperaw b'mod effettiv, min-naħa waħda ma' dawk li jwettqu riċerka pedagoġika f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla, u min-naħa l-oħra ma' mexxejja tal-iskejjel.

3.

Fid-dawl tal-esiġenzi dejjem jiżdiedu li jitpoġġew fuqhom u l-kumplessità dejjem tikber tar-rwoli tagħhom, jeħtieġ li l-għalliema jkollhom aċċess għal appoġġ personali u professjonali effettiv matul il-karrieri tagħhom, u b'mod partikolari fiż-żmien meta jidħlu għall-ewwel darba fil-professjoni.

4.

F'dinja li qed tinbidel rapidament, u f'konformità mal-kunċett ta' tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-għalliema għandhom ikunu katina koerenti li tkopri l-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (b'komponent prattiku b'saħħtu), induzzjoni u żvilupp professjonali kontinwu. B'mod partikolari, għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li:

(a)

l-għalliema kkwalifikati ġodda kollha jirċievu appoġġ u gwida suffiċjenti u effettivi matul l-ewwel ftit snin tal-karriera tagħhom;

(b)

jiġi promoss approċċ riflessiv, fejn kemm l-għalliema kkwalifikati ġodda u dawk aktar esperjenzati jitħeġġu kontinwament biex jirrevedu xogħlhom individwalment u kollettivament;

(c)

l-għalliema kollha jirċievu feedback regolari dwar il-prestazzjoni tagħom, flimkien ma' għajnuna fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp professjonali tagħom u jiġi stabbilit pjan biex dawn jitwettqu;

(d)

Fid-dawl ta' feedback bħal dan, isiru disponibbli opportunitajiet suffiċjenti għall-għalliema prattikanti biex jaġġornaw, jiżviluppaw u jestendu l-kompetenzi tagħhom matul il-karriera tagħhom, u li huma jiġu mħeġġa u jingħataw l-opportunità jagħmlu dan;

(e)

programmi ta' żvilupp professjonali għall-għalliema jkunu rilevanti, imfasslin skont il-ħtiġijiet, b'għeruq sodi fil-prattika u ta' kwalità assigurata;

(f)

għalliema u mexxejja tal-iskejjel huma mħeġġa u mogħtija l-opportunità li jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-iskemi ta' skambju u mobbiltà, u netwerks, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali;

(g)

għalliema u mexxejja tal-iskejjel ikunu mħeġġa u jingħataw l-opportunità biex jipparteċipaw f'taħriġ u żvilupp professjonli avvanzat, biex jimpenjaw ruħhom f'riċerka pedagoġika u biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet biex jiżviluppaw l-għarfien tagħhom ta' setturi professjonali oħrajn.

5.

Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli li l-mexxejja tal-iskejjel għandhom fuq l-ambjent ġenerali tat-tagħlim, inklużi l-motivazzjoni, il-moral u l-prestazzjoni, il-prattiki tat-tagħlim u l-attitudnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-istudenti u l-ġenituri ugwalment, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-mexxejja tal-iskejjel ikollhom opportunitajiet suffiċjenti biex jiżviluppaw u jżommu ħiliet ta' tmexxija effettivi. U peress li l-isfidi involuti fil-komunitajiet ta' tagħlim ewlenin huma simili fl-Ewropa kollha, il-mexxejja tal-iskejjel jistgħu jibbenefikaw ukoll minn tagħlim kollaborattiv mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħrajn, notevolment bil-kondiviżjoni tal-esperjenza u eżempji ta' prattika tajba, u permezz ta' opportunitajiet transkonfinali għal żvilupp professjonali.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX

1.

Jieħdu passi ulterjuri biex jiżguraw li l-professjoni tat-tagħlim tiġbed u żżomm kandidati tal-ogħla kalibru, u li l-għalliema jirċievu tħejjija u appoġġ suffiċjenti li jippermettulhom iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b'mod effettiv.

2.

Jipprevedu li l-għalliema ġodda kollha jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fi programm ta' induzzjoni li joffri appoġġ kemm professjonali kif ukoll personali matul l-ewwel snin tagħhom bħala għalliema.

3.

Jipprevedu reviżjonijiet regolari tal-ħtiġijiet individwali għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema kif definiti abbażi ta' awto-evalwazzjoni u/jew evalwazzjoni esterna, u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom opportunitajiet suffiċjenti għal żvilupp professjonali kontinwu mmirat li jissodisfa dawk il-ħtiġijiet li mbagħad jiżguraw impatt pożittiv fuq ir-riżultati tat-tagħlim tal-istudenti.

4.

Jippromwovu b'mod attiv l-opportunitajiet offruti bl-iskemi ta' skambju u mobbiltà kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, u jappoġġaw il-parteċipazzjoni fi skemi bħal dawn, bil-ħsieb li jiżdiedu sostanzjalment in-numri ta' għalliema u mexxejja tal-iskejjel li jieħdu vantaġġ minnhom.

5.

Jirrevedu r-responsabbiltajiet ta' - u l-għoti ta' appoġġ għal - mexxejja tal-iskejjel, partikolarment bil-ħsieb li jitħaffef il-piż tal-ħidma amministrattiva tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq it-tiswir tal-ambjent tat-tagħlim u b'hekk jitrawmu livelli ogħla ta' kisbiet.

6.

Jiżguraw li jeżisti provvediment ta' kwalita għolja biex jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa kemm minn għalliema prospettivi kif ukoll dawk prattikanti, kif ukoll biex jiġu żviluppati - pereżempju, permezz ta' programmi speċjali - l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex tiġi pprovduta tmexxija effettiva tal-iskejjel.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX

1.

Ittejjeb u tappoġġa l-kooperazzjoni Ewropea fil-politika fl-oqsma tal-edukazzjoni iniżjali tal-għalliema, l-iżvilupp professjonali kontinwu u t-tmexxija tal-iskejjel, notevolement bl-istabbiliment ta' pjattaformi u attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari għall-iskambju ta' għarfien, esperjenza u kompetenza fost dawk li jfasslu l-politika u l-professjonisti tat-tagħlim.

2.

Tippreżenta informazzjoni prattika għal dawk li jfasslu l-politika dwar l-iżvilupp ta' programmi ta' induzzjoni strutturati għall-għalliema ġodda kollha, flimkien ma' eżempji ta' miżuri li jistgħu jittieħdu biex jiġu implimentati jew imtejba programmi bħal dawn.

3.

Tippromovi u tappoġġa aktar parteċipazzjoni mill-għalliema, il-mexxejja tal-iskejjel u l-edukaturi tal-għalliema fi skemi, sħubiji u proġetti ta' mobbiltà transnazzjonali stabbiliti taħt programmi Komunitarji, b'mod partikolari l-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja.

4.

Tħejji studju dwar l-arranġamenti eżistenti fl-Istati Membri għas-selezzjoni, ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta' edukaturi tal-għalliema.

5.

Tipprovdi ġabra tal-kompetenzi tal-għalliema fl-Istati Membri, flimkien ma' attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari f'dan il-qasam.

6.

Tappoġġa l-iżvilupp ulterjuri ta' bażi ta' evidenza dwar il-professjonijiet tat-tagħlim u tat-tmexxija tal-iskejjel, inkluż permezz tal-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

7.

Tinforma lill-Kunsill, bl-użu ta' mekkaniżmi ta' rappurtar eżistenti u mal-ewwel opportunità adatta, dwar miżuri meħuda mill-Istati Membri u fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea bħala segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2007 dwar it-titjib tal-kwalità ta' edukazzjoni tal-għalliema u dawk ta' Novembru 2008 dwar aġenda għall-kooperazzjoni Ewopea dwar l-iskejjel fir-rigward tal-iżvilupp professjonali ta' għalliema u mexxejja tal-iskejjel.


(1)  It-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema u dawk li jħarrġu - SN 100/1/00 REV 1.

(2)  ĠU C 142, 14.6.2002.

(3)  ĠU C 163, 9.7.2002.

(4)  6905/04.

(5)  Annessi I u II għad-dok. 12414/07 ADD 1.

(6)  ĠU C 79, 1.4.2006.

(7)  ĠU C 298, 8.12.2006.

(8)  ĠU L 327, 24.11.2006.

(9)  ĠU L 394, 30.12.2006.

(10)  ĠU C 311, 21.12.2007.

(11)  ĠU C 320, 16.12.2008.

(12)  ĠU C 119, 28.5.2009.

(13)  ĠU C 300, 12.12.2007.

(14)  ĠU C 319, 13.12.2008.

(15)  Għall-fini ta' dawn il-konklużjonijiet, it-terminu għalliem huwa użat biex jindika persuna li hija rikonoxxuta li għandha l-istatus ta' għalliem (jew ekwivalenti) skont il-leġislazzjoni u l-prattika ta' Stat Membru. Huwa jkopri s-sitwazzjoni speċifika tal-għalliema u ta' min iħarreġ fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali iżda ma jinkludix persuni impjegati barra s-sistemi formali tal-edukazzjoni u t-taħriġ minħabba n-natura u l-kuntest differenti tal-kompiti li jwettqu.

(16)  F'dan it-test it-terminu induzzjoni huwa użat biex jirreferi għal kwalunkwe programm strutturat ta' appoġġ li huwa pprovdut lil għalliema ġodda wara li jlestu l-programm formali tagħhom ta' edukazzjoni inizjali għall-għalliema u fil-bidu tal-ewwel kuntratt tagħhom bħala għalliema fi skola.


Top