EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0195

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 jistabbilixxi Strument ta' Stabbilita.

/* KUMM/2009/0195 finali - COD 2009/0058 */

52009PC0195




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.4.2009

KUMM(2009) 195 finali

2009/0058 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 jistabbilixxi Strument ta' Stabbilita.

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Bħala parti mir-riforma tal-azzjoni esterna tal-istrumenti finanzjarji għall-2007-2013, li jieħdu post aktar minn 30 strument legali differenti b’seba' strumenti ġodda, ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-15 ta’ Novembru 2006 (ir-Regolament) stabbilixxa l-Istrument għall-Istabbiltà (minn hawn ’il quddiem l-IfS) biex jgħin lill-Komunità twieġeb b’mod integrat u konsistenti għall-kriżiijiet u l-kriżijiet imminenti, permezz ta’ strument legali uniku bi proċedura ssimplifikata ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.

2. Ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament skont l-Artikolu 25 tista’ tinkludi proposti leġiżlattivi fejn, fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li ċerti emendi għar-regolament huma meħtieġa. Dan hu l-każ għall-IfS.

3. Meta fil-15 ta’ Novembru 2006 kien adottat ir-Regolament tal-IfS, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħarġu stqarrija konġunta li permezz tagħha ftehmu li “ xejn f’dan ir-Regolament ma għandu jinftiehem bħala pożizzjoni preġudikanti li ttieħdu fil-Kawża 91/05. Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza f'dik il-kawża, il-Kummissjoni mhux ser tipprova tieħu l-miżuri skont l-Artikolu 3(2)(i). Il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament li jistabbilixxi strument ta’ stabbilità pprovdut fl-Artikolu 25 tar-Regolament, l-ambitu tal-Artikolu 3(2)(i) ser jiġi rivedut kif meħtieġ, fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-91/05 (Il-Kummissjoni v. il-Kunsill)” [1].

4. Fl-20 ta’ Mejju 2008, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/833/PESK tat-2 ta' Diċembru 2004 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-Armamenti Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (minn hawn ’il quddiem il-kawża ECOWAS’)[2] Il-Qorti sabet li miżuri kontra l-proliferazzjoni tal-armamaenti ħfief u ta’ kalibru żgħir jista’ jiġi implimentat mill-Komunità skont il-politika tagħha ta’ żvilupp.

5. Fuq il-bażi tal-istqarrija konġunta li saret mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, hu għalhekk meħtieġ li tkun proposta reviżjoni tal-Artikolu 3(2)(i) sabiex din tkun konformi mal-każistika tal-Qorti. Għall-istess raġuni, l-Artikolu 4(1)(a) dwar azzjoni b'appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeġali għandha tiġi emendata biex tirreferi espliċitament “għall-armamenti żgħar u l-armi ħfief”.

6. L-Artikolu 17 tar-Regolament jeskludi msieħba li jkunu ġejjin minn pajjiżi żviluppati barra mill-UE jew iż-ŻEE milli jipparteċipaw f’azzjonijiet b’appoġġ għall-bini tal-kapaċità ta’ qabel il-kriżijiet u ta’ wara l-kriżijiet (tħejjia għall-kriżijiet) taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament. B’hekk l-imsieħba li jkunu eleġibbli biex jipparteċipaw f’miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament huma esklużi milli jieħdu sehem fit-tħejjija għall-kriżijiet taħt l-Artikolu 17. Din hi inkonsistenza u tippreżenta tfixkli serju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 4(3). Għalhekk hu propost li tingħata bidu għall-parteċipazzjoni fl-għoti tal-offerti jew fl-għoti tal-kuntratti taħt l-Artikolu 4(3) għall-parteċipazzjoni fuq bażi globali, kif inhu diġà l-każ għall-miżuri taħt l-Artikolu 3 skont l-Artikolu 17(4), sabiex id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni u r-regoli ta’ oriġini għall-assistenza għar-rispons tal-kriżijiet tkun konformi ma’ dawk li jikkonċernaw it-tħejjia għall-kriżijiet.

7. L-Artikolu 24 tar-Regolament jispeċifika li mhux aktar minn 7% tal-ammont ta’ referenza globali ma għandu jiġi allokat għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1). Madanakollu, is-sehem tal-pakkett finanzjarju intiż għall-miżuri skont l-Artikoli 4(1) wera biċ-ċar li ma kienx adegwat u jeħtieġ li jiżdied, peress li l-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1) huma numerużi u, anke bi programmi multi-annwali, huma ftit programmi biss li jistgħu jitħaddmu b'mod effettiv b'riżorsi skarsi li huma disponibbli. L-iżvilupp ta’ azzjonijiet effettivi fil-qasam tal-infrastruttura kritika, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-rispons globali għat-theddid transreġjonali jeħtieġu aktar miżuri sostanzjali biex jippermettu impatt veru, viżibbiltà u kredibbiltà. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ azzjonijiet transreġjonali li huma kumplimentari għall-paakketi nazzjonali u reġjonali jirrikjedi livell xieraq ta’ finanzjament biex jilħaq il-massa kritika. L-allokazzjonijiet baġitarji s’issa (EUR 9 miljun fl-2007, EUR 10 miljun fl-2008, u EUR 13-il miljun fl-2009) u l-limitu ta’ 7% fl-Artikolu 24 tar-Regolament ma jippermettux li dawn l-għanijiet jintlaħqu. Għalhekk, hu propost li jiżdied is-sehem massimu għall-miżuri taħt l-Artikolu 4(1) minn7% għal 10%.

2009/0058 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1717/2006 jistabbilixxi Strument ta' Stabbilita.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 179(1) u 181a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3],

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbilità[4] kien imfassal bil-għan li jgħin lill-Komunità twieġeb b’mod integrat u konsistenti għall-kriżijiet u għall-kriżijiet imminenti, billi tuża’ strument uniku bi proċeduri ssimmplifikati ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

(2) Ir-reviżjoni taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tikkonkludi li jkun xieraq li jkunu proposti ċerti emendi għar-Regolament.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 jeħtieġ li jsir konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla l-Kbira) tal-20 ta’ Mejju 2008 (Kawża C-91/05) li tistabbilixxi li miżuri li jikkumbattu l-proliferazzjoni, l-użu illegali tal armamenti żgħar u armi ħfief u l-aċċess għalihom jistgħu jiġu implimentati mill-Komunità taħt il-politika tagħha ta’ żvilupp, u b’hekk taħt ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006.

(4) Il-kisba tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 4(3) u l-konsistenza għandhom jittejbu billi jippermettu l-parteċipazzjoni tal-għoti tal-ksib pubbliku jew l-għoti ta’ kuntratti taħt l-Artikolu 4(3) fuq bażi globali, kif inhu diġà l-każ għall-miżuri taħt l-Artikolu 3, sabiex id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni u r-regoli tal-oriġini għall-assistenza għar-rispons tal-kriżijiet isiru konformi ma’ dawk għat-tħejjija għall-kriżi.

(5) Is-sehem tal-pakkett finanzjarju pprovdut fl-Artikolu 24 għal miżuri taħt l-Artikolu 4(1) wera li mhux adegwat u għandu jiżdied. L-oqsma koperti huma numerużi, u anke bi programmi bi skopijiet diversi ftit programmi jistgħu jitħaddmu b’mod effettiv bir-rżorsi skarsi disponibbli. L-iżvilupp ta’ azzjonijiet effettivi fil-qasam tal-infrastruttura kritika, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-rispons globali għat-theddid transreġjonali jeħtieġu aktar miżuri sostanzjali biex jippermettu impatt veru, viżibbiltà u kredibbiltà. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ azzjonijiet transreġjonali li huma kumplimentari għal pakketti nazzjonali u reġjonali jeħtieġu livell xieraq ta’ finanzjament biex titlaħaq il-massa kritika. Il-perċentwali massimu allokat taħt il-pakkett finanzjarju ġenerali għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) għandu jitla’ minn 7% għal 10% sabiex jippermetti li jkomplu jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 4(1).

(6) Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 3(2), il-punt (i) hu mibdul b'dan li ġej:

“(i) is-sostenn għall-miżuri biex fil-qafas tal-elementi politiċi ta’ kooperazzjoni tal-Komunità u l-għanijiet tagħhom, jiġi miġġieled l-użu illegali tal-armamenti ż-żgħar u tal-armi ħfief u l-aċċess għalihom. appoġġ bħal dan għandu jkun limitat għal attivitajiet ta' stħarriġ, assistenza għall-vittmi, it-tkattir tal-għarfien pubbliku u l-iżvilupp ta' għarfien espert legali u amministrattiv u prassi tajba;

(2) Fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) jiġi mibdul b’dan li ġej:

“(a) it-tisħiħ tal-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ċivili involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalita' organizzata, li tinkludi t-traffikar illegali ta' persuni, ta' drogi, ta' armi tan-nar u ta' materjal splussiv, u fil-kontroll effettiv tan-negozju illegali u t-tranżitu illegali.”

(3) Fl-Artikolu 17, il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“4. Fil-każ ta’ Miżuri Eċċezzjonali ta’ Assistenza u Programmi Interim ta’ Rispons imsemmija fl-Artikolu 6, u fil-każ ta’ miżuri adottati biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), il-parteċipazzjoni fl-għoti tal-akkwist pubbliku jew fl-għoti tal-kuntratti għandha tkun miftuħa fuq bażi globali.

5. Fil-każ ta' miżuri adottati bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4, il-parteċipazzjoni fil-għotja tal-akkwist pubbliku jew kuntratti ta' għotjiet għandha tkun miftuħa, u r-regoli dwar l-oriġini għandhom jiġu estiżi għal kwalunkwe persuna fiżika u legali ta' pajjiż li qiegħed jiżviluppa jew pajjiż li qiegħed fi stat ta' tranżizzjoni kif definit mill-OECD, u ta' persuni fiċiżi jew ġuridiċi ta' kwalunkwe pajjiż ieħor eliġibbli taħt l-istrateġija relevanti.

(4) L-Artikolu 24 huwa mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 24

Pakkett finanzjarju

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu 2007-2013 huwa ta' EUR 2,062,000,000. L-approprjazzjonijiet annwali se jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Fil-perjodu 2007-2013:

(a) mhux aktar minn 10 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju se jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1);

(b) mhux aktar minn 15-il punt perċentwali tal-pakkett finanzjarju se jiġi allokat għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2);

(ċ) mhux aktar minn 5 punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju ser jiġu allokati għal miżuri li jaqgħu fl-Artikolu 4(3).”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbtu fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[…] […]

[1] Id-dokument tal-Kunsill 14010/06 ADD 1, 27.10.2006.

[2] ECJ, Kawża C-91/05 (ECOWAS).

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mogħtija nhar XXXX 2009 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ XXXX 2009.

[4] ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

Top