EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0633
Report from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on implementation of the community waste legislation Directive 2006/12/EC on waste, Directive 91/689/EEC on hazardous waste, Directive 75/439/EEC on waste oils, Directive 86/278/EEC on sewage sludge, Directive 94/62/EC on packaging and packaging waste, Directive 1999/31/EC on the landfill of waste and Directive 2002/96/EC on waste electrical and electronic equipment for the period 2004-2006 {SEC(2009)1586}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja dwar l-iskart Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż, Direttiva 75/439/KEE dwar iż-żejt użat, Direttiva 86/278/KEE dwar ħama tad-dranaġġ, Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma u Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għall-perjodu 2004-2006 {SEC(2009)1586}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja dwar l-iskart Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż, Direttiva 75/439/KEE dwar iż-żejt użat, Direttiva 86/278/KEE dwar ħama tad-dranaġġ, Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma u Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għall-perjodu 2004-2006 {SEC(2009)1586}
/* KUMM/2009/0633 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja dwar l-iskart Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż, Direttiva 75/439/KEE dwar iż-żejt użat, Direttiva 86/278/KEE dwar ħama tad-dranaġġ, Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma u Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku għall-perjodu 2004-2006 {SEC(2009)1586} /* KUMM/2009/0633 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.11.2009 KUMM(2009) 633 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI KOMUNITARJA DWAR L-ISKART Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż, Direttiva 75/439/KEE dwar iż-żejt użat, Direttiva 86/278/KEE dwar ħama tad-dranaġġ, Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma u Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku GĦALL-PERJODU 2004-2006 {SEC(2009)1586} RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI KOMUNITARJA DWAR L-ISKART Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart, Direttiva 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż, Direttiva 75/439/KEE dwar iż-żejt użat, Direttiva 86/278/KEE dwar ħama tad-dranaġġ, Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma u Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku GĦALL-PERJODU 2004-2006 {SEC(2009)1586} 1. INTRODUZZJONI Dan ir-rapport għandu l-għan li jinforma lill-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, lill-Istati Membri u lill-pubbliku dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għall-perjodu 2004 – 2006. Dan ikopri d-Direttivi 2006/12/KE dwar l-iskart, 91/689/KE dwar l-iskart perikoluż, 75/439/KEE dwar żjut tal-iskart, 86/278/KEE dwar il-ħama tad-dranaġġ, 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart tal-imballaġġ, 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, u 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw. Ir-rapport ġie ppreparat skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/692/KEE biex jistandardizza u jirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti Direttivi relatati mal-ambjent. Huwa bbażat fuq informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri komplementata mill-konklużjonijiet minn studji tal-Kummissjoni addizzjonali u statistika interna. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fir-rapporti ppreparati għall-Kummissjoni u ppublikati fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/reporting/index.htm. Dan ir-rapport huwa kkomplementat minn rapporti separati dwar ir-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart bil-Baħar[1] u d-Direttiva dwar Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw[2]. Għalhekk, hawnhekk hawn inklużi biss sommarji qosra tas-sejbiet prinċipali ta’ dawk ir-rapporti. Anness għar-Rapport jinkludi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonjiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni fit-titolu. 2. IL-PRONTEZZA U L-KWALITÀ TAR-RAPPURTAġġ Id-dixxiplina tar-rappurtaġġ tal-Istati Membri tħalli ħafna spazju għal titjib, kemm għar-rapporti ta’ implimentazzjoni triannwali u kemm id-dejta annwali dwar il-progress li jsir biex jintlaħqu l-miri. Għal dan ir-rapport, 14-il Stat Membru ma pprovdewx ir-rapporti ta’ implimentazzjoni kollha tagħhom fil-ħin. Fir-rigward tad-dejta annwali dwar ir-riċiklaġġ u l-irkuprar dwar WEEE, ELV u l-imballaġġ, madwar terz tal-Istati Membri ma rrispondewx fil-ħin fl-2006. F’ħafna mill-każijiet ir-risposti ma kinux kompluti u l-kwalità tar-rappurtaġġ kienet tvarja. Sa ċertu punt, dan jista’ jirriżulta mill-formulazzjoni ambigwa ta’ xi wħud mill-mistoqsijiet fil-kwestjonarji ta’ implimentazzjoni, imma f’ħafna mill-każijiet l-Istati Membri ma rrispondewx għal ċerti mistoqsijiet jew taw tweġibiet li ma kinux ċari jew li kienu qarrieqa. Abbażi tar-riżultati ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tissimplifika l-mistoqsijiet sabiex tagħmilhom aktar speċifiċi. Barra minn dan, il-metodoloġiji tar-rappurtaġġ tal-Istati Membri jvarjaw fir-rigward tad-dejta annwali dwar riċiklaġġ u rkuprar, u dan jista’ jkun jinħtieġ aktar armonizzazzjoni. Il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq din il-kwistjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċċji tal-istatistika u l-esperti nazzjonali. 3. ID-DIRETTIVA 2006/12/KE DWAR L-ISKART Ir-rekwiżiti bażiċi, id-definizzjonijiet u l-prinċipji dwar il-ġestjoni tal-iskart fil-Komunità huma stabbiliti fid-Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart (Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart - Waste Framework Directive, WFD). Din id-Direttiva tintroduċi definizzjoni ta’ skart, tobbliga lill-Istati Membri biex jistabbilixxu netwerks adegwati għall-installazzjonijiet ta’ rimi ta’ skart, tintroduċi ġerarkija ta’ ġestjoni tal-iskart li tippromwovi l-prevenzjoni tal-iskart aktar milli l-irkuprar tiegħu, bir-rimi bħala l-aħħar rikors. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskart jiġi rkuprat jew jintrema mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u tipprojbixxi l-abbandun, tfigħ jew rimi mhux kontrollat ta’ skart. Din tirrikjiedi li l-Istati Membri jippreparaw pjanijiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart (waste management plans, WMP) u tintroduċi obbligu biex jinkiseb permess għall-immaniġġjar tal-iskart. Fl-2009, 11-il każ ta’ falliment strutturali u mifrux biex jiġi indirizzat it-tfigħ ta’ skart illegali, 10 każijiet għal applikazzjoni ħażina, 4 każijiet relatati mal-ippjanar tal-iskart u 3 dwar nuqqas ta’ konformità ta’ liġijiet nazzjonali mad-Direttiva kienu għadhom pendenti fir-rigward tal-WFD. L-Istati Membri kollha kkonfermaw li inkorporaw id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Ir-rekwiżiti bażiċi biex tkun żgurata ġestjoni tal-iskart li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent ġew implimentati fl-Istati Membri kollha, għalkemm għad hemm problemi f’ċerti pajjiżi speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta’ infrastrutturi kompleti għall-ġestjoni tal-iskart. Fl-istess ħin, hemm differenzi kbar ħafna fl-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart u l-użu tal-iskart bħala riżorsa. Il-grad ta’ riċiklaġġ/irkuprar ivarja kemm għall-iskart in ġenerali u kemm għall-varjetajiet differenti ta’ skart. Iż-żieda fir-rati ta’ riċiklaġġ u tal-irkuprar matul dawn l-aħħar snin parzjalment kienet riżultat tal-implimentazzoni tar-rekwiżiti tad-direttivi tar-riċiklaġġ u parzjalment dovuta għall-politiki nazzjonali tal-ġestjoni tal-iskart (fil-każ tal-aħħar, għall-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ u għal bijoskart). Madankollu, għad baqa’ potenzjal kbir ta’ riċiklaġġ li mhux użat, bir-riżultat li aktar minn nofs ir-riżorsi eżistenti li jirriżultaw mill-iskart ma jintużawx kompletament[3]. Il-politika ta’ prevenzjoni sa issa ma kinitx effiċjenti, b’azzjonijiet limitati u f’waqthom li ttieħdu mill-Istati Membri, imma ftit li xejn hemm politiki koerenti fuq skala kbira implimentati. Dan seta’ kien minħabba fokus limitat fuq il-prevenzjoni tal-iskart fid-WFD l-antika, u għandu jitbiddel meta r-rekwiżiti tad-Direttiva[4] riveduta f’dan ir-rispett tidħol fis-seħħ. 4. ID-DIRETTIVA 91/689/KEE DWAR SKART PERIKOLUż Id-Direttiva tintroduċi definizzjoni preċiża u uniformi ta’ skart perikoluż u timmira biex tiżgura l-ġestjoni ambjentali sostenibbli ta’ dan it-tip ta’ skart. Huma imposti għadd ta’ kontrolli, minbarra dawk stabbiliti fid-WFD, fir-rigward tal-ġestjoni ta’ skart perikoluż, inklużi r-rekwiżiti ta’ traċċabilità, il-projbizzjoni tat-taħlit ta’ skart perikoluż ma’ skart ieħor, in-notifika lill-Kummissjoni dwar skart li qed juri proprjetajiet perikolużi imma mhumiex elenkati bħala tali. Ir-risposti tal-Istati Membri f’ċerti każijiet ma kinux preċiżi biżżejjed biex jiddikjaraw jekk id-Direttiva ġietx implimentata b’mod korrett. B'mod partikolari, hemm dubji fir-rigward tal-infurzar tal-projbizzjoni tat-taħlit u l-eżenzjonijiet relatati minn din il-projbizzjoni, u r-rekwiżiti għall-permess. Ir-regolarità tal-ispezzjonijiet ma kinitx żgurata minn diversi Stati Membri. Hemm ukoll tħassib fir-rigward tar-rekwiżiti tar-rappurtaġġ għall-produtturi. Kien identifikat każ ta’ nuqqas ta’ regoli ċari għall-imballaġġ u t-tikkettar ta’ skart perikoluz, u dan jinħtieġ aktar studju. 5. ID-DIRETTIVA 75/439/KEE DWAR IR-RIMI TA' żEJT UżAT L-għan tad-Direttiva dwar iż-Żejt Użat huwa li tqarreb il-liġijiet tal-Istati Membri u li toħloq sistema koerenti għall-ġbir, trattament, ħażna u rimi ta’ żejt użat biex ikun protett l-ambjent mill-effetti perikolużi kkawżati mit-tnixxija, depożitu jew trattament ta’ dawn iż-żjut. L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu sistemi li jirreġistraw, jippermettu u jissorveljaw attivitajiet li jinvolvu l-ipproċessar jew ir-rimi ta’ żejt użat. L-ogħla prijorità għall-ġestjoni taż-żejt użat tingħata lill-ġenerazzjoni mill-ġdid, u wara lill-ħruq, qerda, ħażna kkontrollata jew rimi. Id-Direttiva ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Ir-risposti tal-Istati Membri juru li l-mekkaniżmi xierqa ta’ ħruġ ta’ permessi u ta’ kontroll twaqqfu sabiex ikun hemm prevenzjoni mill-impatti negattivi ambjentali u għas-saħħa mill-ġestjoni taż-żejt użat Madankollu, il-prattika tat-trattament uriet li d-Direttiva ma ġabitx magħha r-riżultati mistennija dwar il-promozzjoni tal-ġenerazzjoni mill-ġdid taż-żejt użat: minkejja l-obbligu legali għall-promozzjoni tal-ġenerazzjoni mill-ġdid, il-ħruq kien l-aktar għażla popolari fl-UE. Fil-fatt, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ każijiet ta’ ksur. Din it-tendenza kienet analizzata aktar fil-fond mill-Kummissjoni, u wasslet għal konklużjoni li l-ġenerazzjoni mill-ġdid ma kinitx ta’ benefiċċju ambjentali u ekonomiku akbar mill-ħruq. B’riżultat ta’ dan, il-każijiet ta’ ksur relatati ma’ din il-kwistjoni ġew irtirati u d-WFD riveduta ma tagħtix prijorità assoluta lill-ġenerazzjoni mill-ġdid imma fl-istess ħin tippermetti lil dawk il-pajjiżi li jridu jippromwovu l-ġenerazzjoni mill-ġdid biex jippreskrivu li ż-żejt użat għandu jibqa' jiġi ttrattai b’dan il-mod. 6. ID-DIRETTIVA 86/278/KEE DWAR IL-ħAMA TAD-DRANAġġ Id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Dranaġġ ġiet adottata aktar minn 20 sena ilu biex ikun irregolat l-użu korrett tal-ħama tad-dranaġġ fl-agrikoltura u bħala prevenzjoni għall-effetti perikolużi tagħha fuq il-ħamrija, il-veġetazzjoni, l-annimali u l-bnedmin. Il-miżuri stabbiliti fl-Istati Membri u l-prattika ta’ implimentazzjoni deskritta ma jindikaw l-ebda problema fl-implimentazzjoni. Fl-istess ħin, hemm sinjali li d-Direttiva tista’ tkun limitata wisq fl-ambitu tagħha, u nieqsa mill-ambizzjoni. Sa mill-adozzjoni tagħha, diversi Stati Membri waqqfu u implimentaw valuri ta’ limitu aktar stretti għal metalli tqal u stabbilew rekwiżiti għal sustanzi oħra ta’ kontaminazzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt kontinwa tal-Kummissjoni ser tivvaluta jekk għandhomx jitwaqqfu miżuri aktar stretti u tħares lejn il-possibilità li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva għal tipi oħra ta’ ħama u għal applikazzjonijiet oħra apparti l-agrikoltura. 7. ID-DIRETTIVA 94/62/KE DWAR L-IMBALLAġġ U L-ISKART MILL-IMBALLAġġ Id-Direttiva dwar l-Imballaġġ għandha l-għan li tarmonizza l-miżuri nazzjonali għall-prevenzjoni jew tnaqqis tal-impatt tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ fuq l-ambjent, u biex ikun żgurat il-funzjonament tas-Suq Intern. Din tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, irkuprar u riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ u dwar l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ. Id-Direttiva tistabbilixxi l-miri għar-riċiklaġġ u l-irkuprar, tobbliga lill-Istati Membri biex jintroduċu skemi ta’ kollezzjoni għall-iskart mill-imballaġġ, u tintroduċi r-rekwiżiti minimi li l-imballaġġ kollu jrid jissodisfa sabiex jitpoġġa fuq is-suq Komunitarju. Id-Direttiva ġiet trasposta kif suppost mill-Istati Membri kollha u l-livell globali tal-implimentazzjoni tagħha huwa sodisfaċenti. Ma nfetaħ l-ebda każ ta’ ksur fl-2009. Id-Direttiva ġabet magħha effetti ambjentali pożittivi mir-rati stabbli ta’ riċiklaġġ u rkuprar ta’ skart mill-imballaġġ[5]. Fil-perjodu ta’ rappurtaġġ 2004–2006, l-ammont ta’ skart mill-imballaġġ iġġenerat kien qed jiżdied (b’parti minn din iż-żieda dovuta għat-tkabbir tal-UE fl-2004), filwaqt li r-rati ta’ riċiklaġġ u rkuprar baqgħu stabbli bi tnaqqis żgħir globali. Fl-2006, tmien Stati Membri ma laħqux waħda jew aktar mill-miri stipulati ta’ riċiklaġġ/rkuprar. Skemi ta’ ġbir separati għall-iskart mill-imballaġġ ġew implimentati madwar l-UE, għalkemm bi grad ta’ effiċjenza differenti, u l-kuxjenza tal-konusmatur dwar il-bżonn tal-ġestjoni tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ b’mod li huwa ta’ ġid għall-ambjent kienu l-mira tal-Istati Membri kollha. Uħud mill-partijiet interessati qajmu mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar prattiku tar-rekwiżiti essenzjali u dan wassal għal eżaminazzjoni aktar mill-qrib tas-sitwazzjoni mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-impatti għas-Suq Intern tad-Direttiva, f’dawn l-aħħar snin kienu qed jiġu organizzati diskussjonijiet legali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kompatibilità tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-imballaġġ ta’ xorb u l-ammont ta’ skart li dan jiġġenera skont ir-regoli tas-Suq Intern. Filwaqt li il-mira globali tagħhom ħafna drabi hija ġustifikata minħabba raġunijiet ambjentali, ċerti miżuri nazzjonali jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju u jirriskjaw li jimpedixxu b’mod disproporzjonali l-użu u l-promozzjoni tax-xorb u l-imballaġġ tiegħu. F’mossa biex tipprevieni aktar problemi lis-Suq Intern u biex tnaqqas l-għadd ta’ diskussjonijiet legali mal-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “L-Imballaġġ tax-Xorb, sistemi ta’ depożitu u l-moviment liberu tal-oġġetti”, li jiġbor is-soluzzjonijiet misjuba u żviluppati s’issa[6]. 8. ID-DIRETTIVA 1999/31/KE DWAR IR-RIMI TA’ SKART F’TERRAFERMA Id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Terraferma hija maħsuba biex tipprevieni jew tnaqqas l-effetti negattivi ta’ rimi ta’ skart f’terraferma fuq l-ambjent, b'mod partikolari fuq l-ilma tal-wiċċ, l-ilma ta’ taħt l-art, il-ħamrija, l-arja u s-saħħa tal-bniedem. Din tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi stretti għal miżbliet, rekwiżiti speċifiċi għall-aċċettazzjoni ta’ skart fuq is-siti, u tintroduċi kategoriji ta’ miżbliet skont l-iskart li jkun se jintrema. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu l-permessi biex jitħaddmu s-siti. Waħda mid-dispożizzjonijiet prinċipali tinkludi miri għal devjazzjoni gradwali ta’ skart muniċipali bijodegradabbli minn miżbliet sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metanu, flimkien mar-rekwiżiti tekniċi għall-qbid u t-trattament ta’ gass minn miżbla. L-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Terraferma xejn mhi sodisfaċenti, u jridu jsiru sforzi konsiderevoli biex din tittejjeb. Għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva, mhux l-Istati Membri kollha rrapportaw li din ġiet trasposta u li implimentaw id-dispożizzjonijiet kollha tagħha, u l-Kummissjoni għadha qed tiftaħ għadd sinifikanti ta’ każijiet ta’ ksur kontra Stati Membri għal traspożizzjoni jew implimentazzjoni ħażina ta’ din il-leġiżlazzjoni. Ta’ kuljum, il-Kummissjoni tirċievi għadd kbir ta’ lmenti dwar miżbliet illegali li ma għandhomx il-permessi meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-iskart tal-UE, li jikkawżaw effetti negattivi serji lill-ambjent u riskji lis-saħħa tal-bniedem. Dawn l-ilmenti wrew nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni sinifikanti ġenerali u persistenti f’parti kbira mill-UE. Fil-każijiet osservati, l-Istati Membri ta’ sikwit ittolleraw nuqqasijiet serji ta’ perjodi twal fejn ma kienx żgurat li l-attivitajiet illegali twaqqfu u ġew ikkastigati[7]. Għadd kbir ta’ miżbliet ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-Direttiva u hemm riskju reali li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma jilħqux il-limitu ta’ skadenza tas-16 ta’ Lulju 2009, meta l-miżbliet kollha li ma jilħqux l-istandard li kienu jeżistu qabel l-introduzzjoni tad-Direttiva għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħha (sakemm dawn ma għandhomx deroga speċifika). Disa’ Stati Membri biss irrappurtaw li laħqu l-miri tal-2006 għad-devjazzjoni ta’ skart bijodegradabbli muniċipali minn miżbliet u l-qbid ta’ gass mill-miżbla jidher li għadu mhux suffiċjenti. Il-problema tidher li hija partikolarment gravi fl-UE-10 fejn rimi ta’ skart f’terraferma jibqa’ għażla predominanti minħabba li l-ebda infrastruttura alternattiva ta’ ġestjoni tal-iskart ma hi disponibbli. Minkejja l-progress mgħaġġel f’dawn il-pajjiżi biex jagħlqu miżbliet li ma jilħqux l-istandard, jinħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex tkun żgurata l-konformità sħiħa. Fl-2009, tlettax-il każ ta’ nuqqas ta’ konformità u ħdax-il każ ta’ applikazzjoni ħażina kienu pendenti kontra Stati Membri relatati mad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Terraferma. B’risposta għal dawn in-nuqqasijiet sistematiċi tal-Istati Membri biex jimplimentaw sew il-leġiżlazzjoni tal-iskart tal-UE, il-Kummissjoni adottat sistema strateġika. Il-ksur imsejjaħ “orizzontali” u każijiet fil-Qorti nbdew sabiex ikun indirizzat in-nuqqas ta’ infrastrutturi nazzjonali u ta’ miżuri ta’ infurzar effettivi. Għadd kbar ta’ każijiet individwali ntużaw bħala eżempju. Din is-sistema tippermetti li l-problemi jiġu solvuti f’aktar postijiet milli kieku l-attenzjoni kienet biss fuq miżbliet individwali. 9. ID-DIRETTIVA 2002/96/KE DWAR SKART TA’ TAGħMIR ELETTRIKU U ELETTRONIKU L-ammont ta’ skart minn tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE – waste from electrical and electronic equipment) fl-UE bħalissa huwa stmat għal 8.3-9.1 miljun tunnellata fis-sena, u għandu jiżdied għal madwar 12.3 miljun tunnellata sal-2020 skont stimi reċenti. Id-WEEE irid jiġi amministrat b’mod kontrollat minħabba l-kwantità tiegħu u n-natura tiegħu li ta’ sikwit tkun perikoluża, imma wkoll minħabba li dan fih riżorsi prezzjużi. Id-Direttiva WEEE timmira li tnaqqas l-impatti ambjentali tar-rimi ta’ dan it-tip ta’ skart u biex jittejjeb il-ġbir, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkuprar tiegħu fuq standards għolja ambjentali u ta’ saħħa. L-imsieħba kummerjali prinċipali tal-UE segwew l-eżempju Ewropew u daħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni simili (pereżempju ċ-Ċina, il-Korea, il-Ġappun, xi Stati Amerikani). Minkejja l-eżistenza tad-Direttiva, huwa biss terz mill-iskart elettriku u elettroniku fil-Komunità li jiġi rrapurtat bħala trattat kif suppost. Iż-żewġ terzi l-oħra qed imorru f’miżbliet u potenzjalment f’siti ta’ trattament oħra li ma jilħqux l-istandard ġewwa jew barra mill-UE. Il-kummerċ illegali ta’ skart elettriku u elettroniku lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE għadu mifrux ħafna. Prodotti li mhumiex ittrattati kif suppost jippreżentaw riskji maġġuri ambjentali u għas-saħħa. Il-mira li jinġabru 4 kg għal kull persuna kull sena ma tirriflettix sew is-sitwazzjoni fi Stati Membri individwali u din ma ntlaħqitx f’ħames Stati Membri fl-2006 (tnejn oħra ma rrappurtawx). L-għaxar miri ta’ riċiklaġġ applikabbli ntlaħqu kollha minn ħames Stati Membri biss, u d-disa’ miri ta’ rkuprar intlaħqu biss minn erbgħa. Fl-2009, il-każijiet ta’ ksur għal nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva WEEE kienu pendenti kontra erbatax-il Stat Membru, u kontra wieħed għal nuqqas ta’ rappurtaġġ. Hemm ukoll tmien każijiet ta’ ksur pendenti ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva RoHS relatata. F’Diċembru 2008 l-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tikteb id-Direttiva WEEE mill-ġdid sabiex tindirizza wħud min-nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni osservati, tittratta l-ammont ta’ skart ta’ dan it-tip ta’ prodotti li dejjem qiegħed jiżdied b’rata mgħaġġla, u ssaħħaħ l-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni. 10. ID-DIRETTIVA 2000/53/KE DWAR VETTURI LI MA GħADHOMX JINTUżAW Id-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li ma għadhomx jintużaw (id-Direttiva ELV – end-of-life vehicles)[8] timmira li tipprevieni l-iskart minn vetturi u li żżid l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkuprar ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw u l-komponenti tagħhom. Din tistabbilixxi r-rekwiżiti tat-trattament u tippromwovi d-disinn ta’ vetturi b’faċilità li dawn jiġu riċiklati fil-futur. Id-dettalji relatati mal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva huma speċifikati f’rapport separat tal-Kummissjoni. L-Istati Membri rrappurtaw livell tajjeb ta’ implimentazzjoni formali. L-Istati Membri kollha adottaw miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva u ħadu passi biex jistabbilixxu sistemi ta’ ġestjoni tal-iskart kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni, imma wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għadhom ma ġewx trasposti bis-sħiħ jew b’mod korrett. F’dak li jikkonċerna l-infurzar prattiku tad-dispożizzjonijiet legali, l-Istati Membri setgħu jipprovdu aktar informazzjoni minn dik mogħtija fil-perjodu ta’ rappurtaġġ preċedenti, imma l-valutazzjoni ta’ kif is-sistemi għall-ġestjoni tal-ELV jaħdmu fil-prattika tibqa’ diffiċli fuq il-bażi tar-rapporti nazzjonali. L-għadd dejjem jikber ta’ każijiet ta’ ksur mnedija mill-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni prattika tibqa’ taħt il-livell aċċettabbli: fl-2009, kienu pendenti disa’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva, inkluż dwar definizzjonijiet u prinċipji ewlenin (pereżempju definizzjoni ta’ vettura li ma għadhiex tintuża jew l-obbligu li jiġu trasferiti l-ELVs lejn faċilitajiet ta’ trattament awtorizzati). Tnedew ukoll sitt każijiet ta’ ksur li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ Stati Membri li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni. Fl-2008, il-livelli ta’ użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkuprar milħuqa fl-2006 ġew irrappurtati għall-ewwel darba. Dan jirriżulta mill-25 rapport li l-Kummissjoni rċeviet, li fl-2006 dsatax-il Stat Membru laħqu l-mira tal-użu mill-ġdid/riċiklaġġ ta’ 80%, u tlettax biss laħqu l-mira tal-użu mill-ġdid/irkuprar ta’ 85%[9], riżultat li mhux sodisfaċenti. Il-Kummissjoni kitbet lill-Istati Membri li ma laħqux il-miri biex dawn jagħtu raġuni għan-nuqqas tagħhom. 11. IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) NRU 259/93 DWAR IT-TRASPORT TA’ SKART BIL-BAħAR Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 dwar it-trasport ta’ skart bil-baħar (WSR – Waste Shipment Regulation) jimplimenta fil-leġiżlazzjoni Komunitarja l-Konvenzjoni ta’ Basel tal-1989 dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu. Dan jorganizza s-superviżjoni u l-kontroll tat-trasport ta’ skart bil-baħar ġewwa u barra mill-Komunità sabiex jippermetti lill-Komunità kollha kemm hi biex tarmi l-iskart tagħha u wkoll jippermetti lill-Istati Membri individwalment biex jimxu lejn dik il-mira, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi ġeografiċi u l-bżonn ta’ installazzjonijiet speċjalizzati biex jittrattaw ċerti tipi ta’ skart. L-obbligi tar-rappurtaġġ taħt il-Konvenzjoni ta’ Basel u d-WSR jikkonċernaw it-trasport ta’ skart perikoluż bil-baħar (skart imniżżel fuq il-lista l-ħadra s’issa mhuwiex suġġett għal rappurtaġġ obbligatorju). F’Ġunju 2009, il-Kummissjoni adottat rapport dwar il-ġenerazzjoni, t-trattament u t-trasport transkonfinali bil-baħar ta’ skart perikoluż u skart ieħor fl-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2001 u l-2006 li jindika li: - l-ammont ta’ skart perikoluż iġġenerat mill-UE-15 żdied bi 22% fil-perjodu ta’ rappurtaġġ bejn l-2001 u l-2005 (jiġifieri żieda ta’ madwar 4% fis-sena), filwaqt li l-ammont iġġenerat mill-UE-25 ma indika l-ebda tendenza partikolari; - il-kunsinni bil-baħar ta’ skart perikoluż ħiereġ minn, jew dieħel fl-UE-15 irdoppja fl-2005 u laħaq 5.4 u 3.5 miljun tunnellata rispettivament; - madwar 85% (40 miljun tunnellata) ta’ skart perikoluż kien trasportat bil-baħar għall-irkuprar; - 95% tal-iskart trasportat bil-baħar fl-UE-15 oriġina fil-pajjiżi tal-UE-25 u l-EFTA, filwaqt li 1% biss wasal minn pajjiżi li mhumiex OECD; - fl-2005, stima ta’ 90% tal-iskart perikoluż tal-Komunità ġie trattat fil-pajjiż tal-oriġini; - madwar 90% tal-iskart perikoluż li ġie trasportat bil-baħar baqa’ fl-UE-15, filwaqt li 98% tal-kunsinni bil-baħar mill-UE-15 f’dan il-perjodu marru lejn l-UE-25 u l-EFTA. Aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni jistgħu jinstabu fir-rapport tal-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/shipments/reports.htm. Sfortunatament, ir-rappurtaġġ dwar inċidenti/aċċidenti u/jew kunsinni bil-baħar illegali kien, bi ftit eċċezzjonijiet, mhux adegwat, mhux ċar, u għalhekk wieħed jassumi li mhux realistiku. Dan huwa punt importanti għal titjib fil-futur minħabba li għadd sinifikanti ta’ kunsinni bil-baħar illegali huma notifikati lill-Kummissjoni kull sena, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskart minn tagħmir elettriku u elettroniku, u vetturi li ma għadhomx jintużaw. 12. L-AZZJONI TAL-KUMMISSJONI BIEX ITTEJJEB L-IMPLIMENTAZZJONI Fl-2006, is-settur tal-ambjent kien jammonta għal madwar wieħed minn kull ħames każijiet miftuħa li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi Komunitarja li qed jiġu investigati mill-Kummissjoni, u jibqa’ s-settur bl-ogħla numru ta’ każijiet miftuħa. L-ambjent jgħodd għal madwar 10% tal-mistoqsijiet Parlamentari kollha mressqa quddiem il-Kummissjoni, u jibqa’ s-suġġett prinċipali b’35% tal-petizzjonijiet ittrattati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Aktar minn 20% tal-każijiet ta’ ksur ambjentali kollha mnedija huma relatati mal-leġiżlazzjoni tal-iskart. Stat ta’ implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li xejn mhu sodisfaċenti dwar l-iskart, inklużi n-nuqqasijiet persistenti fl-implimentazzjoni, wassal għal attenzjoni ffukata tal-Kummissjoni, u t-tnedija ta' serje ta’ azzjonijiet bil-ħsieb li jgħinu fit-titjib tas-sitwazzjoni. Kontrolli tal-konformità jitwettqu fuq bażi regolari, u każijiet ta’ ksur relatati mal-leġiżlazzjoni tal-iskart huma mnedija kontinwament. L-istrateġija “orizzontali” l-ġdida tal-Kummissjoni għal każijiet ta’ ksur multiplu relatati mad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Terraferma għandhom jippermettu li tiġi indirizzata firxa usa' ta’ każijiet f’kull proċedura, u għalhekk jitħaffef il-proċess legali. Il-Kummissjoni tirċievi, fuq bażi regolari, għadd kbir ta’ lmenti, petizzjonijiet u ittri mingħand ċittadini, NGOs, u istituzzjonijiet oħra tal-UE, li jikkostitwixxu sors prezzjuż ta’ informazzjoni dwar l-istat attwali ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-iskart. Informazzjoni minn dawn is-sorsi hija vverifikata permezz ta’ korrispondenza bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, fejn din tal-aħħar tfittex aktar informazzjoni jew tagħmel lill-awtoritajiet nazzjonali aktar konxji tal-problemi. Il-Kummissjoni tiltaqa’ mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fuq bażi regolari u fuq livelli differenti, li jinkludu esperti nazzjonali fil-Kumitat tal-Adattament Tekniku, laqgħat ta’ livell għoli ta’ diretturi ambjentali, diversi laqgħat ta’ esperti ad hoc u konsultazzjonijiet ta’ sikwit ma’ partijiet interessati. Laqgħat bħal dawn li jammontaw għal bejn 20-30 fis-sena jippermettu l-iskambju tal-aqwa prattika, diskussjoni dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u l-kjarifika tal-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni ħarġet għadd ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni (deċiżjonijiet ta’ komitoloġija) li jiċċaraw il-leġiżlazzjoni u d-dokumenti ta’ gwida li ma jorbtux, inklużi dawk dwar id-WEEE, l-ELV, il-batteriji, id-WFD. Tingħata interpretazzjoni legali fuq bażi regolari, u fejn ikun neċessarju, il-leġiżlazzjoni tiġi riveduta sabiex din tiġi aġġornata bil-progress li jkun sar fil-ġestjoni tal-iskart (pereżempju reviżjoni tad-WFD, ir-Regolament dwar it-Trasport ta’ Skart bil-Baħar, il-Lista tal-Iskart, il-miri ELV, id-direttivi WEEE u RoHS). Mill-2007, il-Kummissjoni ħadet passi addizzjonali biex ittejjeb l-implimentazzjoni billi nediet għadd ta’ azzjonijiet ta’ promozzjoni tal-konformità li jinkludu 36 attività li jżidu l-għarfien u l-iskambju ta’ informazzjoni, dokumenti ta’ gwida għall-Istati Membri għal għadd ta’ kwistjonijiet prinċipali li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni tal-iskart tal-UE, azzjonijiet ta’ infurzar konġunti u attivitajiet ta’ spezzjoni fi Stati Membri f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ IMPEL u t-twaqqif ta’ fażi pilota ta’ help-desk dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-iskart tal-UE. Komplew il-laqgħat mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Qed jitwettqu aktar studji sabiex jiġi eżaminat l-aħjar mod biex jiġu indirizzati l-problemi ta’ implimentazzjoni fil-futur, inkluż studju ta’ fattibbiltà dwar it-twaqqif ta’ entità Ewropea għall-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-iskart. 13. KONKLUżJONIJIET Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja hija trasposta b’mod raġonevoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għalkemm xi kultant b’dewmien sinifikanti, in-nuqqas ta’ infurzar adegwat jikkawża falliment kbir biex jintlaħqu l-objettivi mifthema ta’ protezzjoni ambjentali fil-prattika. L-implimentazzjoni u l-“applikazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum” tal-leġiżlazzjoni tal-iskart fil-perjodu tar-rappurtaġġ 2004 – 2006 baqa’ mhux sodisfaċenti f’ħafna oqsma. Dan jikkonferma osservazzjonijiet aktar bikrija li kienu diġà rriżultaw fi sforzi aktar iffukati min-naħa tal-Kummissjoni biex tassisti lill-Istati Membri f’implimentazzjoni aqwa. Fl-istess ħin, il-kwalità tal-informazzjoni mogħtija turi li hemm bżonn ta’ informazzjoni aħjar, bħal pereżempju fil-forma ta’ indikaturi tal-monitoraġġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku, li jistgħu jiffaċilitaw investigazzjoni aktar fil-fond tal-istat tal-implimentazzjoni, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni tal-iskart skont il-politika ta’ Regolamentazzjoni Aqwa tal-Kummissjoni. Kif muri mill-għadd kbir ta’ każijiet ta’ ksur, l-istat tal-implimentazzjoni prattika jibqa’ kritiku fir-rigward tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Terraferma, u r-Regolament dwar it-Trasport ta’ Skart bil-Baħar fejn huma meħtieġa sforzi koordinati biex is-sitwazzjoni tiġi konformi mal-leġiżlazzjoni. Trid tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati nuqqasijiet sinifikanti fl-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart, biex jibda x-xogħol fuq l-ammont kbir ta’ miżbliet illegali f’numru sinifikanti ta’ Stati Membri u ħafna kunsinni bil-baħar ta’ skart illegali, fil-parti l-kbira skart elettroniku u vetturi li ma għadhomx jintużaw. B’mod partikolari, huwa xieraq li, flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u IMPEL iżidu l-azzjonijiet tagħhom biex iqarrbu n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’Terraferma. Ukoll, f’diversi Stati Membri, ir-riżultati tad-direttivi tad-WEEE, tal-Imballaġġ u tal-ELV baqgħu taħt il-miri miftiehma li jorbtu u baqgħu jinfetħu diversi każijiet ta’ ksur. Għalkem sar progress f’xi Stati Membri, iridu jinbdew sforzi kbar ta’ implimentazzjoni f’ħafna pajjiżi. Uħud mill-problemi rappurtati huma partikolarment komuni f’pajjiżi li ngħaqdu mal-Komunità fl-2004 fejn aktar minn 90% tal-iskart ikompli jintefa f’miżbla. Iridu jiżdiedu l-isforzi sabiex l-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart jinġiebu skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, inkluż il-ħolqien ta’ sistemi ta’ ġbir separati għal tipi ta’ skart differenti, l-edukazzjoni taċ-ċittadini, l-investimenti f’sistemi ta’ trattament minn qabel tal-iskart qabel ma finalment jintrema. Dawn l-isforzi huma kruċjali sabiex il-liġi effettivament tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. [1] Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ġarr tal-Iskart bil-Baħar, COM(2009) 282 finali (http://ec.europa.eu/environment/waste/shipments/reports.htm) [2] Ara: http://ec.europa.eu/environment/waste/elv_index.htm. [3] L-Atlas Ewropew ta’ Materja Prima Sekondarja, 2004 Status Quo u Potenzjal, Jannar 2008, Prognos. [4] Id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3. [5] Ara: Ir-Rapport tal-Kummissjoni 2006 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/62/KE, SEC(2006) 1579, http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/report.htm. [6] ĠU C 107, 9.5.2009, p.1 (ara:http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/goods/deposit_systems_en.htm). [7] Ara: Dokument ta’ ħidma għall-istaff tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-Komunità Ewropea, SEC (2008)2876, 18.11.2008, p. 12. [8] ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34. [9] Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/waste/data/wastestreams/elvs.