EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0494

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2008.

/* KUMM/2009/0494 finali */

52009DC0494

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2008. /* KUMM/2009/0494 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 25.9.2009

KUMM(2009) 494 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2008.

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC fl-2008.

1. INTRODUZZJONI

1.1. Kamp ta' applikazzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill KE/2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' Eurodac għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin (minn hawn 'il quddiem ir-"Regolament tal-EURODAC"), [1] jistipula li l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali[2]. Is-sitt rapport annwali attwali jinkludi informazzjoni dwar l-amministrazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistema fl-2008. Huwa jagħmel valutazzjoni tar-riżultati u l-effiċjenza ekonomika tal-EURODAC, kif ukoll il-kwalità tas-servizz tal-Unità Ċentrali tagħha.

1.2. Żviluppi legali u tal-politika

Il-Kummisjoni, biex tindirizza l-kwistjonijiet (relatati mal-effiċċjenza tar-Regolament tal-EURODAC u mat-titjib tas-sostenn tas-sistema biex tiffaċilità l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin) indikati fir-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta’ Dublin ippubblikata f’Ġunju 2007 (ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni),[3] fit-3 ta’ Diċembru 2008[4] ressqet proposta għall-emenda tar-Regolament tal-EURODAC.

Fl-2008, l-ambitu ġeografiku tar-Regolament tal-EURODAC infirex aktar biex ikopri 'l-Iżvizzera, li (wara li nnotifikat il-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà tagħhom biex jipparteċipaw fis-sistema skont l-Artikolu 27(2)a tar-Regolament tal-EURODAC) ġiet konnessa mal-EURODAC fit-12 ta’ Diċemrbu 2008[5].

2. L-UNITÀ ĊENTRALI TAL-EURODAC[6]

2.1. Amministrazzjoni tas-sistema

Minħabba l-ammont dejjem jikber ta' dejta li għandha tiġi amministrata (ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet għandhom jinżammu għal 10 snin), l-iskadenza naturali tal-pjattaforma teknika (mwaqqfa fl-2001) u x-xejriet mhux prevedibbli tal-volum tat-tranżazzjonijiet tal-EURODAC minħabba l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda,[7] qed isir titjib fis-sistema tal-EURODAC, li huwa ppjanat li jitlesta sal-ewwel trimestru tal-2010. Il-Kummissjoni ffirmat il-kuntratt tan-"netwerk ta' Servizzi Trans-Ewropej Sikuri għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet" (secure-Trans European Services for Telematics between Administrations (s-TESTA) network) fl-2006. Matul l-2007, bdiet il-migrazzjoni tal-Istati Membri min-netwerk TESTA II użat preċedentament għal S-TESTA bi 18-il Stat Membru li emigraw għad din is-sistema l-ġdida li tipprovdi livell ogħla ta' sigurtà u affidabilità, u matul l-2008 il-bqija tal-Istati Membri ġew emigrati.

2.2. Kwalità tas-servizz u l-effiċjenza ekonomika

Il-Kummissjoni ħadet ħsieb sew li twassal servizz ta' kwalità għolja lill-Istati Membri, li huma l-utenti finali tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC[8]. Matul l-2008, l-Unità Ċentrali tal-EURODAC kienet disponibbli għal 99.84% tal-ħin.

Ġew irrapportati żewġ “hits żbaljati”, jiġifieri identifikazzjoni ħażina li saret bl-AFIS, lill-Kummissjoni fl-2008, wara dik notifikata fl-2007. Għalkemm l-Istati Membri huma mitluba li jivverifikaw il-hits kollha immedjatament, kif spjegat fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament tal-EURODAC, huma attwalment mhumiex obbligati li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'hits żbaljati[9]. Madankollu, b’total ta’ tliet ‘hits żbaljati’ rrapportati minn aktar minn 1.5 miljun tiftixa u aktar minn 300 000 hit, is-sistema xorta tista' tiġi kkunsidrata estremament preċiża.

In-nefqa għall-manutenzjoni u għall-operat tal-Unità Ċentrali fl-2008 kienet ta' EUR 605.720,67. Din in-nefqa naqset meta mqabbla mas-sena preċedenti peress li ċ-ċifra għall-2007 inkludiet spejjeż ta’ titjib essenzjali tal-kapaċità tas-Sistema tal-Kontinwità tan-Negozju[10]. Madankollu, l-ispejjeż għall-2008 għadhom jirrappreżentaw żieda meta mqabbla mas-snin preċedenti (2004-2005-2006) minħabba spejjeż miżjuda għas-sistema ta' manutenzjoni.

Kien possibbli tfaddil min-nefqa tal-EURODAC permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-infrastrutturi eżistenti amministrati mill-Kummissjoni, bħall-użu tan-netwerk S-TESTA.

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll (permezz tal-Programm IDABC) s-servizzi ta' komunikazzjoni u ta' sigurtà għall-iskambju tad-dejta bejn l-Unitajiet Ċentrali u Nazzjonali. Dawn l-ispejjeż, li fil-bidu kienu ser isiru minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 21 (2) u (3) tar-Regolament, fl-aħħar nett kienu koperti mill-Kummissjoni bl-użu ta' infrastruttura komuni disponibbli, b'hekk sar tfaddil fil-baġits nazzjonali.

2.3. Protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta

L-Artikolu 18 paragrafu 2 tar-Regolament tal-EURODAC jistabbilixxi kategorija ta’ tranżazzjonijiet li tipprovdi għall-possibbiltà li jsiru l’hekk imsejjħa “tfittxijiet speċjali” fuq it-talba tal-persuna li d-dejta tagħha hi merfugħa fil-bażi tad-dejta ċentrali biex tissalvagwardja d-drittijiet tagħha, bħala persuna li dwarha hemm id-dejta, biex ikollha aċċess għad-dejta tagħha.

Fl-2008 sar tnaqqis konsiderevoli ta’ dawn it-“tfittxijiet speċjali”: fl-2008 saru 56 tiftixa bħal dawn, meta mqabbla mal-195 fl-2007, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 71, 3%.

Bħala żvilupp pożittiv, in-numru ta’ Stati Membri li jiżuaw tfittxijiet speċjali kważi naqas bin-nofs (8, meta mqabbel mal-15 tas-sena preċedenti).

Madankollu, hekk kif diskuss f’rapporti annwali preċedenti u kif ukoll fir-Rapport ta’ Evalwazzjoni, il-Kummissjoni għadha kkonċernata dwar l-użu ta’ tfittxijiet bħal dawn u tikkunsidra li n-numru tiegħu xorta għadu għoli. Biex dan il-fenomenu jiġi segwit aħjar, il-Kummissjoni inkludiet il-ħtieġa li l-Istati Membri jibagħtu kopja tat-talba għal aċċess tal-persuna li dwarha hemm id-dejta lill-awtorità superviżorja nazzjonali kompetenti, fil-proposta tagħha għall-emenda tar-Regolament tal-EURODAC.

B'konsultazzjoni mas-Superviżur tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew (EDPS), il-Kummissjoni hija impenjata li tieħu passi kontra l-Istati Membri li jkomplu jużaw ħażin din id-dispożizzjoni importanti relatata mal-protezzjoni tad-dejta.

3. FIGURI U OSSERVAZZJONIJIET

L-anness mehmuż ma' dan ir-rapport annwali attwali jinkludi tabelli b'dejta fattwali prodotta mill-Unita Ċentrali għall-perjodu 01.01.2008 – 31.12.2008. L-istatistiki tal-EURODAC huma bbażati fuq rekords ta' marki tas-swaba' mill-individwi kollha ta' 14-il sena jew aktar li applikaw għall-ażil fi Stati Membri, li nqabdu meta kienu qed jaqsmu l-fruntiera esterna ta' Stat Membru b'mod irregolari, jew li nstabu preżenti illegalment fit-territorju ta' Stat Membru (fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonsidrawha neċessarja jivverifikaw fuq applikazzjoni potezjonali għall-ażil preċedenti).

Għandu jiġi nnutat li d-dejta tal-EURODAC dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil ma jistgħux jitqabblu ma' dawk prodotti mill-Eurostat, li huma bbażati fuq dejta statistika ta' kull xahar ipprovdut mill-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern. Hemm numru ta' raġunijiet metodoloġiċi għal dawn id-differenzi. L-ewwel, d-dejta tal-Eurostat tinkludi l-applikanti kollha għall-ażil, jiġifieri ta’ kull eta. It-tieni, id-dejta tagħhom hi miġbura b’distinzjoni bejn persuni li japplikaw għall-ażil matul ix-xahar ta’ referenza (li jista’ jinkludi applikazzjonijiet repetuti) u persuni li japplikaw għall-ażil għall-ewwel darba.

3.1. Tranżazzjonijiet b'suċċess

"Tranżazzjoni b'suċċess" hija tranżazzjoni li kienet ipproċessata sew mill-Unità Ċentrali, mingħajr rifjut minħabba kwistjoni ta' validità tad-dejta, żbalji fil-marki tas-swaba' jew kwalità mhix suffiċjenti[11].

Fl-2008, l-Unità Ċentrali rċeviet total ta' 357.421 tranżazzjoni b'suċċess, li hija żieda kumplessiva ta’ 19,1% meta mqabbla mal-2007 (300.018). Rigward in-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ dejta ta’ dawk li jfittxu l-ażil (" kategorija 1 "[12]), ix-xejra li qed tikber tal-2007 kompliet fl-2008: l-istatistiċi tal-EURODAC juru żieda ta’ 11,3% (għal 219.557) meta mqabbla mal-2007 (197.284). Din iż-żieda tirrifletti ż-żieda ġenerali tan-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE fl-2008.

Ix-xejra dwar in-numru ta' persuni li nqabdu f'konnessjoni b'konnessjoni ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna (" kategorija 2 "[13]) ukoll inbidlet fl-2008. Wara tnaqqis ta’ 8% bejn l-2006 u l-2007 (għal 38.173), in-numru ta’ tranżazzjonijiet żdied bi 62,3% fl-2008 (għal 61.945). L-Italja (32.052 meta mqabbel mal-15.053 fl-2007), il-Greċja (20.012 meta mqabbel mal-11.376 fl-2007) u Spanja (7.068 meta mqabbel mal-9.044 fl-2007) daħħlu l-maġġoranza tal-marki tas-swaba' tal-kategorija 2, u warajhom kien hemm l-Ungerija (1.220), ir-Renju Unit (344) u l-Bulgarija (307). Fl-2008, 7 Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Irlanda, l-Iżlanda, il-Lussemburgu, in-Norveġja u l-Portugal) ma bagħtu l-ebda tranżazzjoni tal-“kategotija 2”. Il-kwistjoni ta’ diverġenza bejn n-numru tad-dejta tal-kategorija 2 mibgħuta lill-EURODAC u sorsi oħrajn ta’ statistiċi dwar il-volum ta’ qsim irregolari ta' fruntieri fl-Istati Membri, enfasizzati mill-istatistiċi tal-EURODAC, x’aktarx hi minħabba d-definizzjoni vaga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-EURODAC[14]. Din il-kwistjoni se tiġi kkjarifikata fil-qafas tar-reviżjoni attwali tar-Regolament tal-EURODAC.

L-għażla li jintbagħtu[15] tranżazzjonijiet tal-“ kategorija 3 ”[16] (id-dejta ta’ persuni maqbuda waqt li qed jgħixu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru) esperjenzat żieda sinifikanti fl-2008. Wara ż-żieda żgħira ta’ bejn l-2006 u l-2007 (għal 64.561) in-numru ta' tranżazzjonijiet żdiedu għal 75.919 fl-2008, jiġifieri żieda ta’ 17,6%. L-Irlanda u Malta għadhom dawk l-Istati Membri li ma bagħtu l-ebda tranżazzjoni tal-"kategorija 3".

3.2. “Hits”

3.2.1. Hits tal-"kategorija 1 mqabbla ma' kategorija 1"

It-tabella 3 tal-Anness turi, għal kull Stat Membru, in-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil li jikkorispondu għall-applikazzjonijiet għall-ażil reġistrati qabel fl-istess Stat Membru ("hits lokali"[17]) jew fi Stat Membru ieħor ("hits barranin"). Hija tagħti wkoll indikazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-persuni jfittxu l-ażil fl-UE. Minbarra r-rottot 'loġiċi' bejn l-Istati Membri ġirien, wieħed jista' jinnota li numru kbir (1.739) ta' applikanti għall-ażil fi Franza u fil-Belġjum (625) preċedentament kienu tefgħu l-applikazzjoni tagħhom fil-Polonja, jew li l-ogħla ammont ta' hits barranin fil-Greċja (316) u fl-Italja (680) instabu meta mqabbla mad-dejta tal-applikanti għall-ażil irreġistrati fir-Renju Unit. F'dan l-aħħar każ, il-moviment huwa simetriku u l-parti l-kbira tal-hits fit-tranżazzjonijiet tal-"kategorija 1" introdotti mir-Renju Unit huma fuq dejta mibgħuta mill-Italja (768). Hu ta' min jinnota li 42,2% tal-applikazzjonijiet sussegwenti kollha kienu mitfugħa fl-istess Stat Membru fejn kienu ntefgħu d-darba preċedenti. Fil-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u r-Renju Unit kien hemm ħafna aktar min-nofs tal-applikazzjonijiet sussegwenti kienu mitfugħa fl-istess Stat Membru.

3.2.2. Applikazzjonijiet għall-ażil multipli

Minn total ta' 219.557 applikazzjoni għall-ażil reġistrati fil-EURODAC fl-2008, 38.445 applikazzjoni kienu 'applikazzjonijiet għall-ażil multipli', li jfisser li f'38.445 każ, il-marki tas-swaba' tal-istess persuna kienu diġà reġistrati bħala tranżazzjoni tal-"kategorija 1" (fl-istess jew fi Stat Membru ieħor). L-ewwel qari tal-istatistiki tas-sistema għalhekk jissuġerixxu li 17.5% tal-applikazzjonijiet għall-ażil fl-2008 kienu applikazzjonijiet għall-ażil sussegwenti (jiġifieri t-tieni jew aktar), li jirrapprezentaw żieda ta' 1.5% meta mqabbla mas-sena preċedenti. It-trażmissjoni ta' tranżazzjoni tal-"kategorija 1" madanakollu, ma tfissirx f'kull każ li l-persuna inkwistjoni għamlet applikazzjoni ġdida għall-ażil. Fil-fatt, il-prattika ta' uħud mill-Istati Membri li jieħdu l-marki tas-swaba' meta jittieħdu lura skont ir-Regolament ta' Dublin jirriżulta f'distorzjoni fl-istatistika dwar l-applikazzjonijiet multipli: it-teħid u t-trażmissjoni mill-ġdid tal-marki tas-swaba' tal-applikant meta jasal wara trasferiment skont ir-Regolament ta' Dublin jindika bi żball li l-applikant applika għall-ażil mill-ġdid. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssolvi din il-problema u, fil-proposta tagħha ta' emenda għar-Regolament tal-EURODAC, introduċiet il-ħtieġa li t-trasferimenti m'għandhomx jiġu reġistrati bħala applikazzjonijiet ġodda għall-ażil.

3.2.3. Hits tal-"kategorija 1 mqabbla ma' kategorija 2"

Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni tar-rotot li użaw persuni li daħlu irregolarment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, qabel applikaw għall-ażil. Bħal fis-snin preċedenti, il-parti l-kbira tal-hits instabu meta mqabbla ma' dejta mibgħuta mill-Greċja u mill-Italja u fuq livell ħafna inqas, minn Spanja u l-Ungerija. Il-parti l-kbira ta' dawn il-hits huma 'lokali' (jiġifieri li persuni li jidħlu irregolarment fit-territorju ta' pajjiż, wara japplikaw għall-ażil f'dak il-pajjiż stess[18]). Jekk wieħed jieħu f'konsiderazzjoni l-Istati Membri kollha, aktar minn nofs (64,4%) tal-persuni maqbuda f'konnessjoni ma' qsim irregolari tal-fruntiera u li jiddeċiedu li jitfgħu talba għall-ażil, jagħmlu dan fl-istess Stat Membru fejn daħlu irregolarment.

Il-maġġoranza ta' dawk li daħlu fl-UE illegalment mill-Greċja u mbagħad komplew jivvjaġġaw, imorru prinċipalment lejn ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Italja u l-Olanda. Dawk li daħlu mill-Italja jivjaġġaw prinċipalment lejn ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvizzera[19] u l-Iżvezja. Dawk li daħlu minn Spanja bosta drabi jivjaġġaw lejn Franza u l-Italja, filwaqt li dawk li daħlu mill-Ungerija jivvjaġġaw primarjament lejn l-Awstrija.

3.2.4. Hits tal-"kategorija 3 mqabbla ma' kategorija 1"

Dawn il-hits jagħtu indikazzjoni fejn immigranti illegali applikaw għall-ażil qabel ivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu, li s-sottomissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-kategorija 3 mhumiex obbligatorji u li mhux l-Istati Membri kollha jużaw il-possibbiltà ta' din il-verifika sistematikament.

Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi li, matul is-sena preċedenti, persuni li nqabdu residenti illegalment fil-Ġermanja spiss kienu preċedentament talbu għall-ażil fl-Iżvezja jew fl-Awstrija, u dawk li nqabdu meta kienu residenti illegalment fi Franza, spiss kienu talbu għall-ażil fir-Renju Unit jew fl-Italja fi żmien preċedenti. Bħala żvilupp reċenti, dawk li jfittxu l-ażil li l-ewwel applikaw fl-Italja nstabu residenti illegalment f'numri kbar fin-Norveġja. Tajjeb li wieħed jinnota li fuq medja madwar 19.6% tal-persuni li nstabu illegalment fit-territorju kienu qabel applikaw għall-ażil fi Stat Membru.

3.3. Dewmien tat-tranżazzjonijiet

Ir-Regolament tal-EURODAC bħalissa jipprovdi biss skadenza vaga għat-trażmissjoni ta' marki tas-swaba’, li tista' twassal għal dewmien sinjifikanti fil-prattika. Din hi kwistjoni kruċjali minħabba li dewmien fit-trażmizzjoni jista' jwassal għal riżultati li jmorru kontra l-prinċipji ta’ responsabbiltà stabbiliti fir-Regolament ta' Dublin. Il-kwistjoni ta' dewmien esaġerat bejn it-teħid tal-marki tas-swaba' u li dawn jintbgħatu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC ġiet imsemmija fir-rapport annwali preċedenti u enfasizzat bħala problema ta' implimentazzjoni fir-Rapport ta' Evalwazzjoni.

Wara prestazzjoni aħjar fis-sena preċedenti, l-2008 rat żieda totali fid-dewmien ta’ trażmissjoni bl-agħar rekord li kien ta’ 22,09 jum[20]. Il-Kummissjoni għandha ttenni li trażmissjoni tard tista' tirriżulta f'nominazzjoni żbaljata ta' Stat Membru minħabba żewġ xenarji differenti msemmija fir-rapport annwali preċedenti tal-2006: "hits ħżiena"[21] and "hits mitlufa"[22].

Id-deterjorazzjoni tal-prestazzjoni fit-trażmissjoni tal-marki tas-swaba’ kjarament turi r-riżultati tagħha fl-ammont ta’ hits ħżiena.

Fl-2008, l-Unità Ċentrali sabet 450 "hits mitlufa", li hi multiplikazzjoni ta’ 7,5 taċ-ċifra tal-2007 (60). 324 hits kienu "hits ħżiena" (233 fl-2007). Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni mill-ġdid tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji biex jibgħatu d-dejta skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament tal-EURODAC.

Fil-proposta tagħha għar-Regolament tal-EURODAC, il-Kummissjoni pproponiet żmien limitu ta' 48 siegħa biex jiġu trażmessi d-dejta lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC.

3.4. Kwalità ta' tranżazzjonijiet

Ir-rata medja ta' tranżazzjonijiet rifjutati fl-2008 għall-Istati Membri kollha hija ta' 6.4% li hija kważi l-istess tas-snin preċedenti (2006: 6,03%, 2007: 6,13%). Sitt Stati Membri għandhom rata ta’ rifjut ta’ 10%: L-Estonja (26, 67%), Malta, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Olanda, r-Renju Unit. 13-il Stat Membru għandhom rata ta’ rifjut ogħla mill-medja. Għandu jiġi enfasizzat li r-rata ta' rifjut ma tiddependix mit-teknoloġija jew mid-djgħufija tas-sistema. Il-kawża ta' din ir-rata ta' rifjut hija prinċipalment minħabba l-kwalità baxxa tal-immaġini tal-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istati Membri, żbalji umani jew il-konfigurazzjoni żbaljata tat-tagħmir tal-Istat Membru li qed jibgħat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnutat li f'xi każi dawn il-figuri jinkludi numru ta' provi biex jintbgħatu l-istess marki tas-swaba' wara li dawn kienu rifjutati mis-sistema għal raġunijiet ta' kwalità. Filwaqt li jiġi rikonoxxut li xi dewmien jista’ jiġi kkawżat minħabba li għal perjodu mhux ser ikun possibbli li jittieħdu l-marki tas-swaba’ (il-ponot tas-swaba’ jkunu danneġġati jew kondizzjonijiet tas-saħħa oħrajn li jfixklu t-teħid mill-ewwel tal-marki tas-swaba’), il-Kummissjoni ttenni l-problema ta’ rati ta’ rifjut li ġeneralment hi ogħlja li diġa hi enfasizzata minn rapporti annwali preċedenti li jħeġġu dawk l-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ speċifiku tal-operaturi nazzjonali tal-EURODAC, kif ukoll biex jikkonfiguraw b’mod korrett it-tagħmir tagħhom biex inaqqsu din ir-rata ta’ rifjut.

4. KONKLUżJONIJIET

Fl-2008, l-Unità Ċentrali tal-EURODAC kompliet tipprovdi riżultati sodisfaċenti ħafna f'termini ta' veloċità, sigurtà u effiċjenza ekonomika.

Bħala konsegwenza loġika taż-żieda kumplessiva fl-applikazzjonijiet għall-ażil fl-UE fl-2008, l-ammont ta' 'tranżazzjonijiet tal-kategorija 1' mdaħħla fl-EURODAC żdied ukoll. In-numru ta’ 'tranżazzjonijiet tal-kategorija 2' żdied bi 62,3%, filwaqt li 'tranżazzjonijiet tal-kategorija 3' żdied bi 17,6%.

Xorta waħda jibqa’ xi tħassib dwar id-dewmien eċċessiv li żdiet reċentamnet fit-trażmissjoni tad-dejta lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC.

Tabella 1: L-Unità Ċentrali tal-EURODAC, l-stat tal-kontenut tal-Bażi tad-Dejta fil-31/12/2008

[pic]

Tabella 2: Tranżazzjonijiet b'suċċess lejn l-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2008

[pic]

Tabella 3: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2008

[pic]

Tabella 4: Tqassim tal-hits – Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 2, fl-2008

[pic] |

Tabella 5: Tqassim tal-hits – Kategorija 3 mqabbla ma' Kategorija 1, fl-2008

[pic]

Tabella 6: Tranżazzjonijiet rifjutati, perċentwal fl-2008

[pic]

Tabella 7: Tul ta' żmien medju bejn id-data meta ttieħdu l-marki tas-swaba' u meta ntbagħtu lill-Unità Ċentrali tal-EURODAC, fl-2008

[pic]

Tabella 8: Hit ta' Kategorija 1 mqabbla ma' Kategorija 1 fis-sens ħażin, fl-2008

[pic]

Tabella 9: Distrbuzzjoni tal-hits ta' CAT1/CAT2 li ntilfu minħabba dewmien meta kienu qed jintbagħt il-CAT 2, fl-2008

[pic]

Tabella 10: Distribuzzjoni ta' hits imqabbla ma' każi bblokkati (l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-KE 2725/2000), fl-2008

[pic]

Tabella 11: In-numru tal-kategorija 9 għal kull Stat Membru, fl-2008

[pic]

[1] ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

[2] L-Artikolu 24(1) tar-Regolament EURODAC.

[3] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tas-sistema ta' Dublin, COM (2007) 299 final i {SEC(2007) 742}.

[4] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif tal-'EURODAC' għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament ta' Dublin COM(2008) 825.

[5] Il-Kummissjoni provdiet assistenza lill-Iżvizzera biex ikunu konnessi mas-sistema tal-EURODAC, inkluż ittestjar operattiv preċedenti.

[6] Deskrizzjoni ġenerali tal-Unità Ċnetrali tal-EURODAC, kif ukoll id-definizzjonijiet ta' tipi differenti ta' tranżazzjonijiet ipproċessati mill-Unità Ċentrali u l-hits li dawn jistgħu joħolqu, jistgħu jinstabu fl-ewwel rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC, Ara r-Rapport ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - L-Ewwel Rapport Annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-Unità Ċentrali tal-EURODAC, SEC (2004)557, p.6.

[7] L-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll in-Norveġja u l-Iżlanda, japplikaw ir-Regolamenti ta' Dublin u tal-EURODAC, għalhekk it-terminu "Stati Membri" huwa użat f'dan ir-Rapport biex ikopri d-29 Stat li jużaw il-bażi tad-dejta tal-EUORAC.

[8] Dawn is-servizzi mhux biss jinkludu dawk pprovuti direttament mill-Unità Ċnetrali (pereżempju t-tqabbil tal-kapaċità, il-ħażna tad-dejta, eċċ), iżda jkopru wkoll servizzi ta' komunikazzjoni u sigurtà għat-trażmissjoni tad-dejta bejn l-Unità Ċentrali u l-Punti ta' Aċċess Nazzjonali.

[9] Il-Kummissjoni pproponiet li żżid l-obbligu lill-Istati Membri li jinfurmaw dwar kull hit żbaljata fir-reviżjoni tar-Regolament tal-EURODAC.

[10] Is-Sistema tal-Kontinwità tan-Negozju tintuża fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tal-Unità Ċentrali, u għandha wkoll kapaċitajiet ta’ testjar biex tippermetti lill-Istati Memrbi jew lill-pajjiżi kandidati biex jittestjaw soluzzjonijiet ġodda.

[11] It-Tabella 2 tal-Anness turi fid-dettall it-tranżazzjonijiet b'suċċess għal kull Stat Membru, mqassma skont il-kategorija, bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-31 ta' Diċembru 2008.

[12] Dejta dwar l- applikazzjonijiet għall-ażil . Marki tas-swaba' (l-immaġini sħiħa tal-għaxar marki) tal-applikanti għall-ażil mibgħuta biex jitqabblu ma' marki tas-swaba' ta' applikanti għall-ażil oħra li kienu qabel tefgħu applikazzjoni għall-ażil fi Stati Membru ieħor. L-istess dejta se titqabbel wkoll mad-dejta tal-"kategorija 2" (ara hawn taħt). Din id-dejta se tinżamm għal 10 snin bl-eċċezzjoni ta' xi każi speċifiċi previsti fir-Regolament (pereżempju individwi li jiksbu ċittadinanza ta' xi Stat Membru ieħor) li f'każi bħal dawn id-dejta tal-persuna kkonċernata se titħassar.

[13] Dejta dwar barranin maqbuda f'konnessjoni ma' qsim irregolari ta' fruntiera esterna u li ma ntbagħtux lura . Din id-dejta (l-immaġini sħiħa tal-għaxar marki) tintbagħat għall-ħażna biss, sabiex tkun tista' titqabbel ma' dejta ta' applikanti għall-ażil mresqa aktar tard lill-Unità Ċentrali. Din id-dejta tinżamm għal sentejn b'eċċezzjoni ta' każi li jitħassru immedjatament meta l-individwu jirċievi permess ta' residenza, jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru jew jakkwista ċ-ċittadinanza ta' wieħed minnhom.

[14] Kull Stat Membru għandu, bi qbil mal-protezzjonjiet preskritti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jieħu fil-pront il-marki ta' swaba tas-swaba' kollha ta' kull barrani li jkollu tal-inqas 14-il sena li jinqabad mill-awtoritajiet ta' kontroll kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera ta' dak l-Istat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz u li ma jintbagħatx lura fih .

[15] U b'hekk jitqabblu d-dejta ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi maqbuda meta qed jgħixu illegalment fit-territorju ma' marki tas-swaba' ta' persuni jfittxu l-ażil irrekordjati qabel.

[16] Dejta dwar aljeni misjuba illegalment preżenti fi Stat Membru . Din id-dejta, li mhix maħżuna, hija mqabbla mad-dejta tal-applikanti għall-ażil maħżuna fil-bażi tad-dejta ċentrali. It-trażmissjoni ta' din il-kategorija ta' dejta mhix bil-fors għall-Istati Membri.

[17] L-istatistika dwar il- hits lokali fit-tabelli mhux bil-fors taqbel mat-tweġibiet għall-hits trażmessi mill-Unità Ċentrali u rreġistrati mill-Istati Membri. Ir-raġuni għal dan hi li l-Istati Membri mhux dejjem jużaw il-possibbiltà, stipulata fl-Art 4(4), li titlob lill-Unità Ċentrali biex tfittex li tqabbel mad-dejta tagħhom stess li diġà qiegħda fil-bażi tad-dejta Ċentrali. Madanakollu, ukoll meta l-Istati Membri ma jużawx din il-possibbiltà, l-Unità Ċentrali għandha, għal raġunijiet tekniċi, dejjem tagħmel tqabbil mad-dejta kollha (nazzjonali u barranija) merfugħa fl-Unità Ċentrali. F'dawn il-każijiet konkreti, ukoll jekk ikun hemm qbil ma' dejta nazzjonali, l-Unità Ċentrali tirrispondi sempliċiment "ma kienx hemm hit" billi l-Istat Membru ma saqsiex għat-tqabbil tad-dejta mresqa mad-dejta tiegħu stess.

[18] Applikazzjoni għall-ażil tannulla dħul irregolari, għalhekk mhux neċessarju li tintbgħat 'tranżazzjoni tal-kategorija 2' fil-każijiet fejn persuna li nqabdet fil-fruntiera fl-istess ħin applikat għall-ażil.

[19] Statistiċi li jikkonċernaw l-Iżvizzera għandhom ikunu bbilanċjati meta mqabbla mal-fatt li dan il-pajjiż ingħaqad biss mal-EURODAC mit-12 ta’ Diċembru 2008, b’hekk l-istatistiċi tagħhom jirrappreżentaw inqas minn tliet ġimgħat ta’ attività fis-sistema.

[20] Medja annwali tad-dewmien tat-trażmissjoni ta' kategorija waħda ta' dejta tal-Istat Membru bl-agħar rekord.

[21] Fil-każ tal-hekk imsejħa " hit żbaljata ", ċittadin ta' pajjiz terz jitfa' applikazzjoni għall-ażil fi Stat Membru (A), fejn l-awtoritajiet jieħdulu/ha l-marki tas-swaba'. Fil-waqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex jiġu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 1), l-istess persuna diġa tkun tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru (B) u tagħmel talba oħra għall-ażil . Jekk il-marki tas-swaba' jintbagħtu l-ewwel mill-Istat Membru B, il-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru A jiġu rreġistrati fil-bażi tad-dejta Ċentrali aktar tard mill-marki tas-swaba' mibgħuta mill-Istat Membru B u għandhom b'hekk jirriżultaw bħala hit mid-dejta mibgħuta mill-Istat Membru B meta mqabbla mad-dejta mibgħuta mill-Istat Membru A. B'hekk, l-Istat Membru B jkun ddeterminat li jkun responsabbli minflok l-Istat Membru A fejn applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għall-ewwel darba.

[22] Fix-xenarju tal-hekk imsejħa " hit mitlufa ", ċittadin ta' pajjiż terz maqbud f'konnessjoni ma' qsim irregolari tal-fruntiera u l-marki tas-swaba' tiegħu/tagħha jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (A) fejn hu/hi j/tkun daħal/daħlet. Fil-waqt li dawk il-marki tas-swaba' għadhom qed jistennew biex ikunu trażmessi lill-Unità Ċentrali (tranżazzjoni tal-kategorija 2), l-istess persuna tista' tippreżenta lilha nnifisha fi Stat Membru ieħor (B) u u tressaq applikazzjoni għall-ażil . F'dik l-okkażjoni, il-marki tas-swaba' tiegħu/tagħha jittieħdu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru (B). Jekk dan l-Istat Membru (B) jibgħat il-marki tas-swaba' (tranżazzjoni tal-kategorija 1) qabel, l-Unità Ċentrali jirreġistraw it-tranżazzjoni tal-kategorija 1 l-ewwel, u l-Istat Membru (B) ikollu jieħu ħsieb l-applikazzjoni minflok l-Istat Membru A. Fil-fatt, meta tranżazzjoni tal-kategorija 2 tasal iktar tard, tintilef hit għaliex id-dejta tal-kategorija 2 ma tkunx tista' titfittex.

Top