EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0469
Report from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the application and effectiveness of the Directive on Strategic Environmental Assessment (Directive 2001/42/EC)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE)
/* KUMM/2009/0469 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE) /* KUMM/2009/0469 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 14.9.2009 KUMM(2009) 469 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (id-Direttiva 2001/42/KE) 1. DAħLA Id-Direttiva 2001/42/KE[1] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (“id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali” - minn issa 'l quddiem id-“Direttiva dwar is-SEA”) teħtieġ li ċerti pjanijiet u programmi pubbliċi (P&P) jgħaddu minn valutazzjoni ambjentali qabel ma jkunu adottati. L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva jeħtieġ lill-Kummissjoni tibgħat l-ewwel rapport dwar it-tħaddim u l-effettività tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel il-21 ta' Lulju 2006. Bil-għan li jkunu integrati aktar ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni ambjentali, dan ir-rapport għandu, jekk xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti għal emendi, b'mod partikolari dwar il-possibbiltà li l-ambitu tagħha jkun estiż għal oqsma/setturi oħra u għal tipi oħra ta' P&P. Minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva f'ħafna Stati Membri (SM) u minħabba l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tagħha, it-tagħrif disponibbli fil-21 ta' Lulju 2006 ma kienx biżżejjed biex isir ir-rapport kif ippjanat. (Barra minn hekk, dan l-ewwel rapport kellu jqis l-esperjenza tal-Istati Membri l-ġodda li daħlu fl-2004 u fl-2007) Is-sorsi ewlenin użati għal dan ir-rapport huma mniżżlin fl-Anness. 2. TRASPOżIZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IS-SEA L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva dwar is-SEA fil-leġiżlazzjoni tagħhom sal-21.7.2004. Sa dik id-data, kienu biss disgħa mill-25 SM li fil-fatt kienu ttrasponew id-Direttiva. F'Diċembru 2004, infetħu 15-il proċedura ta' ksur ta' nuqqas ta' komunikazzjoni minħabba n-nuqqas tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva dwar is-SEA. Sussegwentement, ħames SM ġew ikkundannati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) talli naqsu milli jittrasponuha. Għalissa, ma hemm l-ebda każistika oħra tal-QEĠ. Sal-2009, l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva. Il-Kummissjoni għamlet studju sabiex tiċċekkja l-konformità tat-traspożizzjoni tagħha fl-Istati Membri. Fejn xieraq, bdew jew se jinbdew proċeduri ta' ksur sabiex ikunu indirizzati l-problemi ta' traspożizzjoni mhix kompleta jew mhix korretta. 3. KWISTJONIJIET PRINċIPALI TAL-PROċEDURA TAS-SEA 3.1. Prinċipji bażiċi Il-P&P koperti mid-Direttiva huma soġġetti għal valutazzjoni ambjentali matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom. Din tinkludi t-tfassil ta' rapport ambjentali li fih ikunu identifikati l-effetti sinifikanti li probabbli jkun hemm fuq l-ambjent u l-alternattivi raġonevoli, u t-twettiq ta' konsultazzjonijiet (mal-pubbliku, mal-awtoritajiet tal-ambjent u ma' SM oħra fil-każ ta' impatti transkonfinali). Ir-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet jitqiesu qabel l-adozzjoni. Ġaladarba l-P&P jkunu adottati, l-awtoritajiet tal-ambjent u l-pubbliku jkunu infurmati u t-tagħrif rilevanti jitqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom. Sabiex ikunu identifikati effetti avversi mhux mistennija fi stadju bikri, l-effetti ambjentali sinifikanti tal-P&P għandhom ikunu mmonitorjati. Il-P&P li ġejjin, u l-modifikazzjonijiet tagħhom, huma koperti meta jkunu ppreparati u/jew adottati minn awtorità[2] u huma meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi: 1. Il-P&P ppreparati għal ċerti setturi[3] u li jistipulaw il-qafas għall-permessi għall-iżvilupp fil-futur fir-rigward ta’ proġetti taħt id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali – id-Direttiva dwar il-VIA[4]. 2. Il-P&P li jeħtieġu valutazzjoni skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE)[5]. 3. Il-P&P li jistipulaw il-qafas għall-permessi għall-iżvilupp fir-rigward ta' proġetti (mhux limitati għal dawk imniżżlin fid-Direttiva dwar il-VIA; ara l-punt (1) hawn fuq) u li jkunu ddeterminati permezz ta' proċess ta’ skrutinju ("screening")[6] bħala proġetti li probabbli jkollhom effetti ambjentali sinifikanti. 4. Il-modifikazzjonijiet minuri tal-P&P, u l-pjanijiet u l-programmi għal żoni żgħar fuq livell lokali, jekk il-proċess ta’ skrutinju jiddetermina li dawn probabbli jkollhom effetti ambjentali sinifikanti biss. 5. Id-Direttiva ma tapplikax għall-P&P fis-setturi li ġejjin: id-difiża nazzjonali, l-emerġenzi ċivili, il-kwistjonijiet finanzjarji u l-baġit. 3.2. Determinazzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva B'mod ġenerali, ħafna mill-Istati Membri ma ltaqgħux ma' problemi fid-determinazzjoni tal-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA. Ħafna minnhom irrappurtaw li l-mudell tagħhom huwa bbażat fuq approċċ imħallat, li fih il-lista tal-P&P li għandhom ikunu vvalutati hija ssupplimentata minn approċċ ta' każ b'każ biex ikun iddeterminat jekk hix meħtieġa l-valutazzjoni jew le. 3.3. Determinazzjoni tal-ambitu tar-rapport ambjentali (l-Artikolu 5(4)) L-ambitu u l-livell ta' dettall tat-tagħrif li għandu jkun inkluż fir-rapport ambjentali huma ddeterminati flimkien mal-awtoritajiet tal-ambjent. Dan il-proċess huwa attwalment imsejjaħ “il-proċess tad-definizzjoni tal-ambitu" ("scoping"). Id-Direttiva dwar is-SEA tistipula rekwiżiti limitati għall-ambitu tar-rapport ambjentali. Minħabba dan, l-Istati Membri japplikaw metodi differenti għad-"definizzjoni tal-ambitu" kif ukoll għall-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati. Il-proċeduri għad-"definizzjoni tal-ambitu" ħafna drabi huma żviluppati fuq il-bażi ta' każ b'każ, peress li ħafna mill-Istati Membri ma jippreskrivux metodi speċifiċi. Hemm differenzi bejn l-Istati Membri rigward liema awtorità tiddeċiedi dwar ir-riżultat tal-proċedura għad-"definizzjoni tal-ambitu". Ħafna drabi din hija r-responsabbiltà tal-awtorità tal-ippjanar, wara li tkun ikkonsultat mal-awtorità tal-ambjent; drabi oħra, din tkun f'idejn l-awtorità tal-ambjent. Fi ftit SM, il-proċedura tad-"definizzjoni tal-ambitu" teħtieġ konsultazzjoni mal-pubbliku, avolja din mhijiex obbligatorja skont id-Direttiva. 3.4. Rapport Ambjentali (l-Artikolu 5 u l-Anness I) Ir-rapport ambjentali jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa l-effetti sinifikanti li probabbli jkollhom il-P&P fuq l-ambjent u l-alternattivi raġonevoli, filwaqt li jqis l-għanijiet u l-ambitu ġeografiku tal-P&P. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kollha li tittrasponi tistipula rekwiżit formali li tkun ipprovduta deskrizzjoni tas-sitwazzjoni bażika. L-identifikazzjoni tal-iskala korretta tad-dejta u tal-livell ta' dettall tal-valutazzjoni huma d-diffikultajiet predominanti rrappurtati mill-Istati Membri. Diffikultajiet oħra rrapurtati mill-Istati Membri huma n-nuqqas ta' tagħrif ta' kwalità tajba, it-tul ta' żmien li jieħu l-ġbir tad-dejta, in-nuqqas ta' kriterji omoġenji għall-ambitu u l-kontenut tal-analiżi bażika u l-assenza ta' grupp ta' kriterji ambjentali u ta’ kriterji tas-sostenibbiltà standard li fuqhom wieħed jivvaluta l-P&P. 3.5. Definizzjoni tal-alternattivi raġonevoli (l-Artikolu 5(1)) Il-kunsiderazzjoni u l-identifikazzjoni ta' alternattivi fir-rapport ambjentali hija waħda mill-ftit kwistjonijiet li wasslet għall-problemi fl-Istati Membri. Linji ta’ gwida nazzjonali estensivi ġew żviluppati minn xi SM sabiex jagħtu appoġġ għall-identifikazzjoni u l-għażla ta' alternattivi raġonevoli fi proċeduri individwali. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri ma wrewx b'mod ċar kif dan għandu jsir. Il-maġġoranza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jipprovdux definizzjoni speċifika tal-“alternattivi raġonevoli” jew ta' numru ta' alternattivi li għandhom jiġu vvalutati; l-għażla tal-“alternattivi raġonevoli” issir permezz ta' valutazzjoni ta' każ b'każ u deċiżjoni. L-Istati Membri kollha jirrappurtaw li l-alternattiva li fiha “ma jsir xejn” għandha tkun inkluża fir-rapport ambjentali fuq bażi obbligatorja. 3.6. Konsultazzjonijiet (mal-pubbliku u mal-awtoritajiet tal-ambjent) (l-Artikolu 6) Peress li d-Direttiva dwar is-SEA ma tipprovdix speċifikazzjonijiet dettaljati dwar il-proċeduri għall-konsultazzjoni pubblika, huma wżati medda wiesgħa ta' metodi: dikjarazzjonijiet pubbliċi, pubblikazzjonijiet fil-ġurnali uffiċjali jew fl-istampa, laqgħat pubbliċi, stħarriġ fuq l-internet u kwestjonarji. Fejn jidħol it-tul tal-konsultazzjoni pubblika, kienu biss ftit l-Istati Membri li ffissaw perjodi ta' żmien fissi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jagħtu lok għal perjodi ta' konsultazzjoni ta' mill-anqas xahar, filwaqt li oħrajn jiddeċiedu fuq il-bażi ta' każ b'każ. L-esperjenza ġenerali turi li l-konsultazzjoni pubblika, speċjalment meta tkun organizzata fi stadju bikri tal-ippjanar u meta tkun mifhuma bħala proċess, tikkontribwixxi għal approvazzjoni ogħla tal-P&P, u għalhekk għall-identifikazzjoni u s-soluzzjoni bikrija tal-kunflitti. 3.7. Konsultazzjonijiet transkonfinali (l-Artikolu 7) Huma rrappurtati ħafna każi ta' konsultazzjonijiet transkonfinali u l-livell ta' sodisfazzjon jidher li hu għoli, bl-eċċezzjoni tal-kwistjoni tal-lingwa. L-ispiża tat-traduzzjoni tad-dokumenti u l-fatt li d-dokumentazzjoni mhijiex tradotta b’mod sistematiku huma l-aktar kawżi ta' tħassib irrappurtati. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-NGOs) irrappurtaw li, fil-prattika, il-konsultazzjoni mhux dejjem issir fi stadju bikri, iżda meta l-P&P ikun diġa fi stadju avvanzat sew. 3.8. Monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti L-Artikolu 10 tad-Direttiva jipprovdi għall-monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti tal-implimentazzjoni tal-P&P sabiex ikunu identifikati effetti avversi mhux previsti fi stadju bikri u tittieħed azzjoni ta' rimedju fejn ikun hemm bżonn. Mill-Istati Membri, ftit wisq irrappurtaw li stabbilew metodi għall-monitoraġġ jew li fasslu linji ta’ gwida nazzjonali fuq kif wieħed għandu jistabbilixxi l-indikaturi tal-monitoraġġ. In-nuqqas ta' linji ta’ gwida nazzjonali xierqa jista' jqajjem id-domanda tal-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni dwar il-monitoraġġ f'ċerti SM. 4. RELAZZJONI MA' KWISTJONIJIET OħRA TAL-LEġIżLAZZJONI U TAL-POLITIKA TAL-UE Id-Direttiva dwar is-SEA għandha rabtiet formali u espliċiti mad-Direttiva dwar il-Ħabitats u mad-Direttiva dwar il-VIA, iżda hija marbuta wkoll mill-qrib ma' direttivi oħra (id-Direttivi dwar l-Ilma, in-Nitrati, l-Iskart, l-istorbju u l-Kwalità tal-Arja)[7] li fihom rekwiżiti għall-istabbiliment u l-valutazzjoni tal-P&P f'setturi koperti mis-SEA, u għandha x’taqsam mal-protokoll dwar is-SEA[8]. L-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar is-SEA jistipula li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal proċeduri koordinati u konġunti f'sitwazzjonijiet fejn l-obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet dwar l-effetti fuq l-ambjent ikun ġej kemm mid-Direttiva dwar is-SEA kif ukoll minn leġiżlazzjoni oħra Komunitarja. Kienu biss ftit l-Istati Membri li rrappurtaw l-eżistenza ta' linji ta’ gwida għall-koordinazzjoni ta' proċeduri konġunti għat-twettiq tar-rekwiżiti li jiggvernaw il-valutazzjonijiet skont direttivi oħra. 4.1. Id-Direttiva dwar il-VIA Fil-parti l-kbira tagħhom, iż-żewġ Direttivi jikkumplimentaw lil xulxin: dik dwar is-SEA tieħu direzzjoni "minn isfel għal fuq" u tidentifika l-aqwa għażliet fi stadju bikri tal-ippjanar, u dik dwar il-VIA tieħu direzzjoni "minn fuq għal isfel" u tirreferi għall-proġetti li ġejjin fi stadju aktar avvanzat. Fit-teorija, mhux probabbli li dawn iż-żewġ proċessi jidħlu f'xulxin. Madankollu, ġew identifikati oqsma differenti li fihom l-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi tista’ tidħol f’xulxin[9]. B'mod partikolari, il-konfini bejn dak li jikkostitwixxi pjan, dak li jikkostitwixxi programm jew dak li jikkostitwixxi proġett mhumiex dejjem ċari, u għalhekk jista’ jkun hemm xi dubji dwar jekk is-“suġġett” tal-valutazzjoni jilħaqx il-kriterji ta’ waħda mid-Direttivi jew tat-tnejn li huma, jew le. F'dan ir-rigward, id-definizzjonijiet ta' xi kategoriji ta' proġetti mniżżlin fl-Anness II tad-Direttiva dwar il-VIA b’rabta ma' tibdil fl-użu tal-art mhumiex ċari, u jistgħu joħolqu konfużjoni mad-Direttiva dwar is-SEA. L-Istati Membri għażlu approċċi differenti biex isolvu n-nuqqasijiet potenzjali li jirriżultaw minn proċeduri li jidħlu f'xulxin; dawn l-approċċi jvarjaw minn proċeduri konġunti f'każijiet speċifiċi għal koordinazzjoni informali bejn l-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, ħafna SM ta’ sikwit iħossu li ma għandhomx esperjenza biżżejjed biex jidentifikaw u jivvalutaw b'mod adegwat kwalunkwe kwistjoni li fiha jkun hemm affarijiet li jidħlu f’xulxin. Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA, ħafna SM enfasizzaw il-ħtieġa għall-koordinazzjoni taż-żewġ proċeduri; madankollu, l-mekkaniżmi u l-għodda għadhom mhumiex qed ikunu żviluppati u ttestjati dejjem b'mod adegwat. Dan jista' jsir permezz ta' dokumenti ta' Gwida li għandhom jitfasslu b'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill- amalgamar tad-Direttivi dwar il-VIA u dwar is-SEA sabiex tkun ikkjarifikata r-relazzjoni ta’ bejniethom u tissaħħaħ il-komplementarjetà u l-effiċjenza tagħhom permezz ta' proċess olistiku tal-valutazzjoni ambjentali. Filwaqt li din tista' tidher bħala għażla attraenti, mill-Istati Membri kienu ftit wisq dawk li rrakkomandaw l-amalgamar ta' dawn iż-żewġ Direttivi; huma enfasizzaw li kull proċess għandu jkun kompletament separat fih innifsu, peress li ż-żewġ Direttivi huma komplementari u jindirizzaw stadji u proċessi differenti. Meta jitqies dan u l-esperjenza limitata fl-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA, ma jidhirx li hu xieraq li jkun hemm l-amalgamar taż-żewġ proċessi dal-ħin. F'dan l-istadju, jistgħu jinkisbu koordinazzjoni u koerenza aħjar billi jitranġaw l-inkonsistenzi li hemm bejn id-dispożizzjonijiet taż-żewġ Direttivi u billi jkunu kkjarifikati d-definizzjonijiet tal-kategoriji problematiċi tal-proġetti fid-Direttiva dwar il-VIA, billi din tiġi emendata u/jew permezz tal-iżvilupp ta' dokument ta’ Gwida kif spjegat hawn fuq. 4.2. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità[10] Rigward id-Direttiva dwar il-Ħabitats, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tagħha li jipprovdi għal valutazzjoni speċjali f'ċerti każi, l-Istati Membri huma tal-opinjoni li ma hemm l-ebda problema kbira x'jirrappurtaw dwar ir-relazzjoni tagħha mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva dwar is-SEA, li jipprovdi għal proċeduri ta' valutazzjoni ko-koordinati jew konġunti. Fil-fatt, l-Istati Membri jirrappurtaw li huma ħadu passi sabiex jevitaw id-duplikazzjoni u d-dħul f'xulxin, fil-biċċa l-kbira permezz ta' approċċ koordinat, li huwa ppreferut għal approċċ konġunt [11]. Madankollu, ta’ min jinnota li l-NGOs (organizzazzjonijiet mhux governattivi) urew tħassib dwar din il-kwistjoni. Rigward il- Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità (il-PAB), ħafna SM sempliċiment iħossu li d-dispożizzjonijiet tas-SEA huma biżżejjed u jqisu l-kontenut tagħha. Ir-Rapport ta' nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-PAB tal-2008[12] jiżvela li wisq probabbli l-UE mhix se tilħaq il-mira tagħha tal-2010 biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Ir-rapport jenfasizza l-bżonn għal progress ulterjuri sabiex ikun żgurat li s-SEA u l-VIA jitwettqu sistematikament b’rabta ma' interventi ambjentali sensittivi ffinanzjati mill-Istati Membri u mill-Komunità Ewropea (l-KE). 4.3. Il-Protokoll dwar is-SEA Il-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar il-VIA f’Kuntest Transkonfinali – li magħha ssieħbet il-KE – ġiet issupplimentata mill-Protokoll dwar is-SEA. Il-Protokoll dwar is-SEA kien adottat f'Kiev fil-21 ta' Mejju 2003 u sussegwentement ġie ffirmat minn 36 Stat u mill-Komunità Ewropea. Sabiex jidħol fis-seħħ, hemm bżonn li jkun ratifikat minn 16-il Firmatarju (sa issa, ġie ratifikat minn 10 Firmatarji). Il-Protokoll dwar is-SEA mhuwiex limitat għall-impatti transkonfinali mill-P&P biss; għandu x’jaqsam ukoll mal-impatti mill-P&P fi ħdan l-Istati Kontraenti. Ġaladarba jidħol fis-seħħ, se jkun jeħtieġ li l-Partijiet tiegħu jevalwaw l-effetti ambjentali ta' ċerti P&P. Il-Protokoll jindirizza wkoll il-politiki u l-leġiżlazzjoni, li mhux il-każ fil-każ tad-Direttiva dwar is-SEA. 4.4. Tibdil fil-klima In-nuqqas ta' metodoloġija stabbilita sew sabiex ikunu ddeterminati l-impatti issemma bħala problema ewlenija minn ħafna SM. Il-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima huma kkunsidrati fis-SEA fuq il-bażi ta' każ b'każ, u l-biċċa l-kbira b’rabta mal-P&P li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-klima, bħall-P&P tal-enerġija jew tat-trasport. Madankollu, qed toħroġ ix-xejra li tingħata aktar attenzjoni lill-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-P u l-P l-oħrajn. Xi SM qed jiżviluppaw metodoloġiji speċifiċi biex ikejlu l-emissjonijiet potenzjali tal-gassijiet b'effett tas-serra ta' P&P partikolari; oħrajn qed jiffissaw miri tan-"newtralità tal-karbonju" (jiġifieri l-implimentazzjoni tal-P&P ma għandhiex tirriżulta f'żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett tas-serra) jew qed jidentifikaw l-impatti fuq it-tibdil fil-klima f'termini tan-nuqqas mistenni fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett tas-serra. Minħabba n-nuqqas ta' dokument speċifiku ta’ gwida dwar il-kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fis-SEA, għandu jkun hemm żvilupp ulterjuri ta’ linji ta' gwida speċifiċi. 5. PROGRAMMI KOFINANZJATI MILL-KE BEJN L-2007 U L-2013[13] SKONT L-ARTIKOLU 3(9), ID-DIRETTIVA DWAR IS-SEA MA KINITX TAPPLIKA GħALL- P&P tal-perjodu ta' programmar mill-2000 sal-2006. Għall-2007 sal-2013, id-Direttiva dwar is-SEA kienet totalment applikabbli skont l-Artikolu 2(a) tagħha u skont ir-Regolamenti dwar il-Koeżjoni, l-Iżvilupp Rurali u s-Sajd li jirreferu b'mod speċifiku għall-bżonn li titwettaq is-SEA. Fil-prattika, għal ħafna mill-Programmi Operattivi (PO) adottati fil-perjodu 2007-13, kellha titwettaq SEA skont it-termini tad-Direttiva. Dan kien ifisser li ma twettqux SEAs għal PO li ma ffissawx qafas għall-permessi għall-iżvilupp fil-futur tal-proġetti, jiġifieri għall-biċċa l-kbira tal-programmi tal-FSE. Il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-SEA kienet kundizzjoni għall-approvazzjoni tal-programmi mill-Kummissjoni. B’mod iktar speċifiku, rigward il- PO tal-Politika ta' Koeżjoni , l-esperjenza tas-SEA wasslet għall-konklużjonijiet li ġejjin: - Il-kontenut tal-programmi kien influwenzat b'mod ċar mill-proċess tas-SEA, peress li kellhom jitqiesu r-rekwiżiti ambjentali fl-istadju tal-ippjanar, għalkemm huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi sa fejn dan kien il-każ. - Il-livell ta' parteċipazzjoni mill-pubbliku f'għadd ta' SM ma kienx għoli daqs kemm seta' kien. Fil-fatt, l-iskeda qasira sabiex il-programmi jiġu adottati wasslet biex diversi awtoritajiet tal-ippjanar wettqu l-proċess tal-implimentazzjoni tas-SEA f'perjodu qasir taż-żmien. Min-naħa l-oħra, ta’ min jinnota li l-Artikolu 11 (is-sħubija) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta' korpi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili fl-istadji tal-preparazzjoni tal-programm. - L-awtoritajiet tal-ambjent ġew ikkonsultati u involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, anke jekk f'xi każijiet kien diffiċli li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħhom. - Il-kwalità tar-rapporti ambjentali ma kinitx uniformi, u f'xi każijiet kienet relattivament baxxa. Il-valutazzjoni tal- Programmi tal-Iżvilupp Rurali wasslet għall-osservazzjonijiet li ġejjin rigward is-SEA: - Il-kwalità tas-SEA tvarja b'mod konsiderevoli fl-Istati Membri differenti. - Fil-maġġoranza tal-każi, għadd kbir ta' partijiet interessati ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika, anke jekk, f'xi każijiet, ma kienx hemm biżżejjed opportunitajiet għall-pubbliku biex ikun involut minħabba metodi ta' konsultazzjoni mhux adegwati. Ġew magħmula osservazzjonijiet simili rigward il-PO ffinanzjati mill- Fond Ewropew għas-Sajd. Kollox ma' kollox, minkejja l-inċertezzi dwar l-ambitu tal-influwenza tas-SEA fuq il-kontenut tal-programmi, huwa essenzjali li wieħed jenfasizza l-effett b'mod ġenerali pożittiv tal-ewwel applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA fuq il-programmi kofinanzjati tal-Komunità. Għalkemm hemm lok għal titjib, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA wasslet għal integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-kontenut tal-programmi. L-awtoritajiet tal-ambjent huma involuti b'mod aħjar fil-fażijiet kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. 6. EFFIKAċJA TAD-DIRETTVA Il-valutazzjoni tal-effikaċja tad-Direttiva dwar is-SEA ġiet ibbażata fuq kemm il-proċeduri u d-deċiżjonijiet ta' ppjanar u ta’ pprogrammar ġew influwenzati mill-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali, u sa fejn il-P&P ġew emendati bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-proċedura tas-SEA. 6.1. Impatt tas-SEA fuq il-proċess tal-ippjanar Il-maġġoranza tal-Istati Membri semmew b'mod partikolari l-kontribut li tat is-SEA biex ikun hemm titjib fl-organizzazzjoni u fl-istuttura tal-proċedura kollha tal-ippjanar, xi ħaġa li ġiet ikkunsidrata bħala element pożittiv. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti formali tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet tal-ambjent u mal-pubbliku wasslu għal żieda fit-trasparenza tal-proċeduri tal-ippjanar. 6.2. Impatt tas-SEA fuq il-kontenut tal-P&P Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw li, f'ħafna każi, is-SEA biddlet il-kontenut tal- P&P. L-esperjenzi f'dan ir-rigward kienu differenti. B'mod ġenerali, ġie rrappurtat li s-SEA ma biddlitx l-għanijiet prinċipali jew l-allokazzjoni finanzjarja bejn l-għanijiet ta' finanzjament; li biddlet kienu ċerti għanijiet, skemi jew kriterji ta' finanzjament. Madankollu, esperjenzi oħra wrew li, fuq il-livell tal-akbar pjanijiet nazzjonali, għadd sinifikanti ta' sejbiet tas-SEA influwenzaw sew il-kontenut tal-pjanijiet, inkluża l-għażla tal-alternattivi jew billi inkorporaw suġġerimenti importanti mis-SEA. Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw ukoll li l-kontenut tal-P&P qed ikun immodifikat b'mod gradwali bħala konsegwenza tal-proċess imtenni li bih qed titwettaq is-SEA, flimkien mal-preparazzjoni tal-P&P. B'mod speċifiku, huma jsemmu li miżuri ta' mitigazzjoni li jqumu ħafna flus li kienu adottati qabel, issa jista' jkun li m’għadx hemm bżonnhom bħala konsegwenza diretta tal-inklużjoni bikrija tal-kunsiderazzjonjiet ambjentali fil-P&P. 6.3. Perċezzjoni tal-benefiċċji tas-SEA L-Istati Membri identifikaw għadd ta' benefiċċji tas-SEA, pereżempju: - L-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-teħid tad-deċiżjonijiet u f'P&P li huma aktar ekoloġiċi. - L-introduzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u tal-konsultazzjoni magħhom; dan jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti (tal-ippjanar, tal-ambjent u tas-saħħa). - Iż-żieda fit-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, minħabba l-involviment ta' diversi livelli tas-soċjetà. - Il-kontribut tas-SEA għal iktar konformità mar-rekwiżiti tal-politika ambjentali speċifika kkonċernata. 7. OPPORTUNITAJIET GħAT-TITJIB TAD-DIRETTIVA Fit-tul, jistgħu jitqiesu xi emendi sabiex jitqies id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll dwar is-SEA, jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva dwar is-SEA (sabiex ċerti kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u r-riskji jkunu indirizzati aħjar), u jissaħħu s-sinerġiji ma' atti leġiżlattivi ambjentali oħrajn. F'dan ir-rigward, jistgħu jkunu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: - Id-dħul fis-seħħ tal- Protokoll dwar is-SEA jista' jirriżulta f'tibdil fid-Direttiva dwar is-SEA. Jistgħu jkunu kkunsidrati emendi potenzjali addizzjonali għad-Direttiva dwar is-SEA. X’uħud minn dawn l-emendi jistgħu jkunu inkorporati bħala parti mill-analiżi tad-Direttiva dwar il-VIA, pereżempju permezz ta' emendi għall-Annessi tagħha. - Il-Protokoll dwar is-SEA jmur lil hinn mid-Direttiva dwar is-SEA, fis-sens li jinkoraġġixxi wkoll l-applikazzjoni potenzjali f’ċerti politiki u proposti leġiżlattivi . Il-fatt li d-Direttiva dwar is-SEA ma tapplikax għal politiki li jistipulaw il-qafas tal-P&P joħloq il-bżonn li tkun ikkunsidrata l-inklużjoni possibbli ta' politiki u leġiżlazzjoni fl-applikazzjoni tad-Direttiva bħala alternattiva għall-futur. - Hemm il-bżonn li tkun żviluppata l-kapaċità fl-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-SEA. Sabiex dan isir, il-bini tal-kapaċità għandu jkun inkorraġġit b'qawwa, b'mod partikolari permezz ta' kampanji mmirati lejn ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-esperti dwar is-SEA u permezz ta’ dokumenti ta' gwida dwar is-SEA. - Fl-aħħar nett, xi SM enfasizzaw il-bżonn li jkun hemm dokument ta ’ gwida ulterjuri , b'mod partikulari dwar l-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti prinċipali tad-Direttiva (il-kriterji tal-proċess ta’ skrutinju, l-identifikazzjoni ta' alternattivi, il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u/jew il-proċeduri konġunti għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti għall-valutazzjoni skont Direttivi oħra, dokument ta’ gwida speċifiku dwar ir-rabta bejn is-SEA u l-VIA). Jista' jkun żviluppat dokument ta’ gwida tal-UE dwar il-kunsiderazzjoni tal-integrazzjoni aħjar tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità fis-SEA mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri. 8. KONKLUżJONIJIET L-istampa ġenerali tal-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar is-SEA fl-Istati Membri kollha hija varjata f'termini tal-arranġamenti istituzzjonali u legali tal-proċedura tas-SEA, u f'termini ta' kif l-Istati Membri jipperċepixxu r-rwol tagħha. Din l-istampa varjata tiddetermina wkoll il-mod ta’ kif l-Istati Membri jaraw il-benefiċċji u l-iżvantaġġi u x'miżuri x'aktarx itejbu l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva. Is-sejbiet ġenerali ta' dan l-ewwel rapport jissuġġerixxu li l-applikazzjoni tas-SEA fl-Istati Membri għadha fl-ewwel żminijiet tagħha, u li hija meħtieġa aktar esperjenza qabel ma jkun deċiż jekk id-Direttiva għandhiex tiġi emendata jew le, u, jekk iva, kif dan għandu jsir. L-Istati Membri donnhom jippreferu l-istabbiltà tar-rekwiżiti leġiżlattivi, sabiex is-sistemi u l-proċessi tas-SEA jitħallew jistabbilixxu rwieħhom u sabiex jipprovdu l-opportunità sabiex jiġu stabbiliti modi b'saħħithom ta' kif jintużaw is-SEAs biex jitjieb il-proċess tal-ippjanar. Ir-rapport ta' evalwazzjoni li jmiss għandu jkun ippreparat fl-2013. Kollox ma' kollox, wieħed jista' jikkonkludi li d-Direttiva dwar is-SEA tikkontribwixxi għall-kunsiderazzjoni sistematika u strutturata tal-kwistjonijiet ambjentali fil-proċessi tal-ippjanar u għall-integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-direzzjoni minn isfel għal fuq. Barra minn hekk, permezz tar-rekwiżiti tagħha (ir-rapport ambjentali, il-konsultazzjoni u t-tagħrif tal-awtorijiet u l-pubbliku kkonċernati, eċċ.), tiżgura proċeduri ta’ ppjanar aħjar u armonizzati, u tikkontribwixxi għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet trasparenti u parteċipattivi. Anness Sorsi prinċipali ta' tagħrif - Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni dwar ir-rapport dwar it-tħaddim u l-effettività tad-Direttiva dwar is-SEA: http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/study0309.pdf - Ir-risposti tal-Istati Membri fil-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar it-tħaddiem u l-effettività tad-Direttiva dwar is-SEA. - Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni dwar " Ir-Relazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-VIA u dik dwar is-SEA" (2005): http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/final_report_0508.pdf. - Manwal dwar is-SEA għall-Politika ta' Koeżjoni mill-2007 sal-2013 (2007, GRDP). - Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE (2003): http://ec.europa.eu/environment/eia/sea-support.htm - L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva dwar is-SEA u l-applikazzjoni tagħha għall-Programmi kkofinanzjati mill-UE bejn l-2007 u l-2013 matul dak il-perjodu. [1] ĠU L 197/30, 21.7.2001, p. 30. Il-kelma “strateġika” ma tidhirx fid-Direttiva. Hawnhekk qed tintuża għal raġunijiet ta' konvenjenza biss. [2] Il-kunċett ta' "awtorità" ingħata ambitu kbir fil-każistika tal-QEĠ. Ikopri l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi semi-pubbliċi jew il-kumpaniji li jipprovdu servizzi essenzjali privatizzati li ngħataw ir-responsabbiltà li jipprovdu servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-Istat u li għandhom poteri speċjali għal dan il-għan. Għal aktar dettalji ara l-punti 3.12 u 3.13 tal-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-SEA. [3] L-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, il-ġestjoni tal-iskart, il-ġestjoni tal-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar tal-bliet u tal-irħula, u l-użu tal-art. [4] Id-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima tal-effetti [il-valutazzjoni tal-impatt] ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40). [5] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.92, p. 7). [6] Permezz ta' analiżi każ b'każ jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta' P&P jew billi jintużaw iż-żewġ approċċi flimkien [7] Id-Direttiva 2000/60 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1). Id-Direttiva 2006/12/KE dwar l-iskart (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9). Id-Direttiva 2002/49/KE li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12). Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1). [8] Il-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (Kiev, 2003). Approvat bid-Deċiżjoni 2008/871/KE, ĠU L 308, 19.11.08, p. 33. [9] - F’każ fejn proġetti kbar ikunu magħmulin minn proġetti sekondarji jew fejn il-proġetti jkollhom sinifikat li jmur lil hinn minn dak lokali. - Proġetti li jkunu jeħtieġu emendi fil-pjanijiet tal-użu tal-art (li jkunu jeħtieġu SEA) qabel ma żviluppatur ikun jista' japplika għall-permess għall-iżvilupp u jwettaq il-VIA. - P&P li jistipulaw kriterji vinkolanti għall-kunsens għall-iżvilupp sussegwenti ta’ proġetti. - Rabtiet ġerarkiċi bejn is-SEA u l-VIA ("l-użu ta’ livelli differenti”). [10] COM(2006)216. [11] Il-koordinazzjoni tal-valutazzjoni tas-SEA ma' valutazzjoni(jiet) oħra(jn) u l-proċedura konġunta ma' valutazzjoni waħda individwali li tilħaq ir-rekwiżiti taż-żewġ Direttivi. [12] COM(2008)864. [13] Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25); Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p.1); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [tas-Sajd] (ĠU L 358, 31.12.2002, p.59).