EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0466

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran

/* KUMM/2009/0466 finali */

52009DC0466

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran /* KUMM/2009/0466 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.9.2009

KUMM(2009) 466 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran

1. Introduzzjoni

Il-konsultazzjoni pubblika estensiva li wasslet għall-adozzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-UE fl-2007 ġeneralment appoġġat il-kunċett li attività ekonomika marittima miżjuda u l-ħarsien ambjentali jistgħu jimxu id f’id u jiżviluppaw relazzjoni simbijotika sakemm ikunu fis-seħħ governanza xierqa u mekkaniżmi tranżsettorjali.

Il-Mediterran huwa eżempju ċar ta’ reġjun marittimu fejn l-attività tal-bniedem tista’ twassal rendiment ekonomiku aqwa mill-baħar, b’impatt ferm aktar baxx fuq l-ekosistema. Madankollu, ir-realtà hija waħda b’aktar minn għoxrin Stat kostali b’livelli żbilanċjati ta’ żvilupp ekonomoku u kapaċitajiet amministrattivi, kif ukoll b’nuqqasijiet kbar ta’ qbil, fost affarijiet oħra dwar id-delimitazzjoni tal-ispazji territorjali u marittimi. Għall-kuntrarju ta’ ibħra nofshom magħluqa bħall-Baltiku jew il-Baħar l-Iswed, partijiet kbar tal-Baħar Mediterran jibqgħu ilmijiet tal-Ibħra Miftuħa, biex b’hekk iqumu kwistjonijiet speċifiċi ta’ governanza.

Sebgħa mill-Istati Kostali huma membri tal-UE, tnejn huma pajjiżi kandidati u tlieta huma pajjiżi kandidati potenzjali koperti mill-Politika tat-Tkabbir tal-UE. Il-bqija għandhom relazzjonijiet b’saħħithom u stabbiliti sew mal-UE, fil-biċċa l-kbira permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Kollha minbarra wieħed huma membri tal-Unjoni għall-Mediterran.

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa lejn il-mekkaniżmi u l-għodod li għandhom ikunu mobilizzati biex jinkiseb approċċ integrat għall-governanza tal-attivitajiet marittimi fil-baċir tal-baħar Mediterran. Hija maħsuba biex tappoġġa l-azzjonijiet settorjali varji li l-UE tipproponi fiż-żona tal-Mediterran. Filwaqt li l-Politika Marittima Integrata hija indirizzata l-aktar lill-Istati Membri, din il-Komunikazzjoni tappella għal kooperazzjoni kumplessiva aktar b’saħħitha ma’ sħab Mediterranji mhux tal-UE fil-livelli xierqa.

2. Sfidi Ewlenin

Il-Mediterran huwa responsabbli għal 30% tal-volum tal-kummerċ globali fuq il-baħar minn jew lejn l-aktar minn 450 port u terminal, u kwart tat-traffiku dinji taż-żejt fuq il-baħar. Il-kosti tiegħu jospitaw aktar minn 150 miljun abitant, ċifra li tirdoppja matul l-istaġun turistiku. Nofs il-flotta tas-sajd tal-UE hija attiva hemm, fil-biċċa l-kbira fuq skala żgħira u artiġjanali, flimkien ma’ produzzjoni dejjem akbar mill-akkwakultura tal-baħar. Pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut hija eżerċitata wkoll minn bastimenti min-Nofsinhar tal-Mediterran u pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Din il-pressjoni tassew għolja minn attivitajiet ekonomiċi fl-ekosistema Mediterranja qed tkompli tikber. Filwaqt li s-settur huwa serjament affettwat mill-kriżi ekonomika kurrenti, huwa mistenni li t-traffiku marittimu eventwalment ikompli jespandi b’riżultat ta’ ħtiġijiet ogħla għat-trasport tal-passiġġieri, turisti u prodotti, fosthom l-enerġija. It-turiżmu tal-kroċieri, pereżempju, żviluppa b’rata mgħaġġla, u l-portijiet ewlenin tal-Mediterran jilqgħu aktar minn 1 miljun turist fis-sena kull wieħed. L-infrastruttura, it-turiżmu u l-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni qed jiġu żviluppati fuq kosti diġà popolati u mibnija ferm (f’diversi reġjuni kostali tal-Italja, Franza u Spanja, il-kopertura ta’ żoni mibnija fil-faxxa kostali tal-ewwel kilometru diġà taqbeż il-45%).

Dan l-iżvilupp uman u ekonomiku dejjem jikber irriżulta f’żieda fid-degradazzjoni ambjentali. L-ambjent vulnerabbli tal-baħar fil-Mediterran iħabbat wiċċu ma’ kombinazzjoni inkwetanti ta’ tniġġis minn sorsi fuq l-art u bastimenti, skart, impatti fuq il-bijodiversità, sajd żejjed u degradazzjoni kostali. Il-Baħar Mediterran ġie klassifikat, taħt il-MARPOL, bħala ‘żoni speċjali’ għaż-żejt mill-1983, u għall-iskart minn Mejju 2009[1]. L-Unjoni għall-Mediterran enfasizzat fost il-prijoritajiet tagħha, it-tindif tal-Mediterran mit-tniġġis[2]. Il-kosta qed tkun dejjem aktar mhedda, flimkien mal-wirt uniku kulturali u naturali ta’ aktar minn 400 sit UNESCO li jinsabu fuqha.

Ir-reġjun tal-Mediterran huwa identifikat mill-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima bħala "punt ta' konċentrazzjoni" u huwa fl-akbar riskju mill-għargħar, l-erożjoni kostali u aktar degradazzjoni tal-art[3], li jiggrava l-ħtieġa għal għodod li jistgħu jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil fil-klima. L-immigrazzjoni irregolari mill-baħar hija punt ta’ tħassib serju fir-reġjun, u din tesiġi kooperazzjoni mas-sħab Mediterranji biex jiġi miġġieled il-fenomenu u ma jintilfux ħajjiet.

3. Lejn governanza marittima mtejba

L-isfidi msemmija hawn fuq jesiġu li jiġu indirizzati żewġ dgħufijiet kbar tal-governanza. L-ewwel nett: fil-maġġoranza tal-Istati Mediterranji, kull politika settorjali tissegwa mill-amministrazzjonijiet lokali, partikolarment għaliex kull ftehim internazzjonali huwa implimentat bil-ġabra ta’ regoli proprji, u għalhekk is-sorveljanza tal-impatt kumulattiv tal-attivitajiet marittimi, inkluż fuq il-livell tal-baċir kollu, huwa għan diffiċli biex jintlaħaq. It-tieni nett: il-proporzjon għolja ta’ spazju tal-baħar magħmula minn ibħra miftuħa jfisser li huwa diffiċli biex l-Istati kostali jippjanaw, jorganizzaw u jirregolaw attivitajiet li jaffetwaw direttament l-ibħra territorjali u l-kosti tagħhom. Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi twassal għal sitwazzjoni fejn il-politiki u l-attivitajiet għandhom tendenza li jiżviluppaw indipendentement minn xulxin u mingħajr koordinazzjoni xierqa fl-oqsma kollha ta' attivitajiet li għandhom impatt fuq il-baħar kif ukoll l-atturi lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali kollha. Dan flimkien ma’ kwistjonijiet oħra essenzjali għall-governanza tajba – il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ regoli maqbula.

3.1. Ir-rwol tal-Istati Kostali tal-Mediterran

L-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku u integrat fuq il-livell nazzjonali huwa s-sinsla tat-tfassil tal-politika integrata marittima[4]. L-Istati Membri Mediterranji huma mħeġġa jkomplu l-isforzi tagħhom biex ifasslu politiki integrati marittimi tagħhom stess. Sabiex jiġu ffaċilitati skambji tal-aqwa prattiki, il-Kummissjoni stabilixxiet sistema għall-qsim tal-informazzjoni u għall-insegwiment tal-progress tad-dokumenti[5].

Ċerti Stati Membri diġà ħadu passi konkreti lejn governanza mtejba tal-affarijiet marittimi. Madankollu huma meħtieġa aktar sforzi, partikolarment biex jiġu stabbiliti strutturi apposta għat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jkollhom is-setgħa li jikkoordinaw politiki differenti.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tipproponi li l-Punti Fokali ta’ Livell Għoli tal-Istati Membri jindirizzaw regolarment il-Baħar Mediterran sabiex jiġi diskuss il-progress fit-tfassil tal-politika marittima integrata.

- Tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki fil-governanza marittima integrata, b’mod partikolari permezz tal-programmi tal-Objettiv Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali għall-Mediterran.

In-natura semimagħluqa tal-Baħar Mediterran u l-impatti transkonfinali tal-attivitajiet marittimi jesiġu kooperazzjoni akbar mas-sħab Mediterranji mhux tal-UE. L-eżerċizzju tal-iskambju tal-informazzjoni msemmi hawn fuq għandu jiġi estiż għal sħab mhux tal-UE li jkunu interessati fl-approċċ integrat. Għal dan l-għan, is-sħab mhux tal-UE jistgħu jiġu mistiedna jaħtru punti ta’ kuntatt li jistgħu jieħdu sehem, fejn xieraq, fi djalogu fuq il-livell tal-baċir kollu. Il-kooperazzjoni fit-tfassil tal-politika marittima integrata u governanza aħjar tagħha għandha tibni wkoll fuq il-qafas multilaterali kurrenti, l-Unjoni għall-Mediterran, ftehimiet bilaterali eżistenti u kooperazzjoni reġjonali taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, u relazzjonijiet mal-kanditati u pajjiżi kandidati potenzjali.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li:

- Tistabbilixxi grupp ta’ ħidma ddedikat għall-Politika Marittima Integrata bil-għan li jinfetaħ djalogu u jinqasmu l-aqwa prattiki ma’ Stati Kostali Mediterranji li mhumiex fl-UE.

- Tipprovdi għajnuna teknika, taħt L-Istrument Ewropew ta’ Politika tal-Viċinat u ta’ Sħubija[6], għas-sħab Mediterranji li jesprimu interess f’approċċ integrat għall-affarijiet marittimi, biex b’hekk titqajjem kuxjenza u tingħata għajnuna biex jiġu stabbiliti għanijiet u mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni.

3.2. Governanza tal-ispazju tal-baħar

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tipprovdi l-qafas ewlieni għall-maġġoranza tal-attivitajiet marittimi u għal ħafna kwistjonijiet tirrifletti l-liġi internazzjonali tal-konswetudni. L-Istati kostali kollha tal-Mediterran, bl-eċċezzjoni tat-Turkija, is-Sirja, l-Iżrael u l-Libja, irratifikawha.

Attwalment, parti kbira tal-ispazju tal-baħar Mediterran tikkonsisti f’Ibħra Miftuħa. Madwar 16% tal-ispazju tal-baħar huwa magħmul minn Baħar Territorjali u 31% huwa magħmul minn diversi żoni marittimi, li ta’ spiss huma kontestati minn Stati kostali oħra, jew minħabba l-ambitu tal-pretensjonijiet inkella l-validità tagħhom[7].

Dan ifisser li l-biċċa l-kbira tal-ilmijiet tal-Baħar Mediterran tinsab barra miż-żoni taħt il-ġuriżdizzjoni jew id-drittijiet sovrani tal-Istati kostali. B’konsegwenza, dawn l-Istati ma għandhomx setgħat preskrittivi u ta’ infurzar biex jirregolaw b’mod komprensiv l-attivitajiet tal-bniedem lil hinn minn dawn iż-żoni, saħansitra għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, u l-mod li bih isir is-sajd u l-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija. Lil hinn minn dawn iż-żoni, l-Istati jistgħu biss jadottaw miżuri fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali u l-bastimenti tagħhom. Ċerti azzjonijiet jistgħu iseħħu b’mod konġunt fi ħdan il-qafas limitat tal-konvenzjonijiet reġjonali, għall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar u l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin, minkejja li tibqa' l-problema ta' infurzar tad-deċiżjonijiet adottati, inkluż kontra Stati terzi li mhumiex sħab.

Din is-sitwazzjoni hija dovuta għall-fatt li fil-Mediterran, il-problemi tad-delimitazzjoni tal-konfini bejn Stat Membri biswit xulxin huma marbuta ma’ nuqqasijiet ta’ qbil kumplessi u politikament sensittivi f’żona li mhix usa’ minn 400 mil nawtiku. Din il-qagħda tikkuntrasta dik f’ibħra oħra semimagħluqa madwar l-UE, bħal pereżempju il-Baħar Baltiku, fejn il-maġġoranza tal-pajjiżi solvew kwistjonijiet ta' delimitazzjoni fuq il-bażi tal-UNCLOS u qablu dwar iż-żoni marittimi tagħhom.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni multilaterali, bi ftit eċċezzjonijiet il-ftehimiet internazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-attivitajiet marittimi, għandhom fil-mira biss settur wieħed. Il-Kummissjoni nediet studju mmirat lejn l-identifikazzjoni tal-punti ewlenin ta’ konġestjoni li qegħdin itellfu r-ratifikar, l-implimentazzjoni u l-konformità mad-deċiżjonijiet minn ftehimiet eżistenti u organizzazzjonijiet li jittrattaw dwar affarijiet marittimi fil-baċir, u possibbiltajiet għal kooperazzjoni multilaterali mtejba u għajnuna f’dan ir-rigward.

Jekk għandu jsir progress lejn approċċ tranżsettorjali lejn l-affarijiet marittimi, jeħtieġ li jkun hemm viżjoni aktar trasparenti tax-xogħol magħmul minn dawn l-organizzazzjonijiet, inkluż jekk dispożizzjonijiet adottati jew promossi minn dawn il-korpi humiex sorveljati sistematikament u implimentati kompletament. Bl-istess mod, aktar ċarezza hija meħtieġa fir-rigward tar-rwolijiet u r-responsabbiltajiet tal-Istati Kostali, partikolarment fir-rigward tal-ġestjoni taż-żoni marittimi f’perspettiva ta’ żvilupp sostenibbli.

Fid-dawl tad-diverġenzi fil-qagħdiet politiċi u ekonomiċi, it-titjib fil-governanza tal-ispazju tal-baħar fur il-livell subreġjonali jista’ jkun imħeġġeġ. Il-progress f’dan ir-rigward jinkiseb b’mod partikolari meta Stati biswit xulxin jaqblu li jiddelimitaw fruntiera komuni fil-baħar inkella jmexxu flimkien b’mod effettiv ir-riżorsi tagħhom, kemm jekk huma ħajjin, kif ukoll jekk le. Il-partijiet interessati diġà ġibdu l-attenzjoni tal-Gvernijiet u tal-istituzzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-urġenza li jsir progress f'dawn il-kwistjonijiet.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tappoġġa djalogu strutturat u informali fost l-Istati Mediterranji kostali permezz ta’ laqgħat ta’ livell għoli, organizzazzjonijiet akkademiċi u oħrajn, bil-għan li tittejjeb il-governanza tal-ispazju tal-baħar, inkluż fuq il-livell subreġjonali.

- Tagħti sinteżi dwar il-ftehimiet u l-organizzazzjonijiet eżistenti li jittrattaw dwar l-affarijiet marittimi fil-Mediterran.

- Tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-kooperazzjoni tranżsettorjali bejn ftehimiet u organizzazzjonijiet eżistenti.

- Tkompli tħeġġeġ ir-ratifikar u l-implimentazzjoni organizzata tal-UNCLOS fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha.

- Tniedi studju dwar il-kosti u l-benefiċċji tal-istabbiliment ta’ żoni marittimi.

3.3. Involviment imtejjeb mill-partijiet interessati

Karatteristika prominenti tal-Politika Marittima Integrata bil-bidu nett kienet l-involviment qawwi tal-partijiet interessati. Is-soċjetà ċivili qiegħda taħdem favur djalogu mtejjeb fuq il-livell reġjonali bħala mezz biex tittejjeb il-governanza fil-Mediterran. Dan l-aħħar twaqqaf ukoll Kunsill Reġjonali Konsultattiv (RAC) fil-Mediterran, li jgħaqqad flimkien il-partijiet interessati mis-settur tas-sajd.

L-involviment tal-partijiet interessati se jibqa’ prijorità ewlenija fl-implimentazzjoni tal-Poliltika Marittima Integrata fil-Mediterran.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tħeġġeġ lill-pjattaformi tal-partijiet interessati biex jindirizzaw regolarment kwistjonijiet dwar il-Baħar Mediterran, bil-għan li jiġu suġġeriti prijoritajiet dwar it-tfassil tal-politika marittima integrata fuq il-livell tal-baċir.

- Tesplora alternattivi biex il-partijiet interessati mill-Istati Kostali kollha jingħaqdu b’mod aħjar.

4. Għodod tranżsettorjali għall-governanza marittima integrata

Governanza marittima mtejba teħtieġ għodod tranżsettorjali, immirati lejn il-ġenerazzjoni ta’ potenzjal addizjonali għal tkabbir ekonomiku mill-baħar u l-iżgurar tal-ħarsien ambjentali u futur aħjar għall-popolazzjonijiet kostali.

4.1. Pjanar Spazjali Marittimu u Strateġiji għall-Baħar

Minkejja li attwalment il-kriżi ekonomika ħalliet xi effetti, huwa antiċipat li l-attività marittima fil-Mediterran tikber, mit-traffiku marittimu għal żviluppi fl-enerġija rinnovabbli u l-flussi tat-turiżmu. Użu mtejjeb tal-potenzjal tal-baċir għat-tkabbir, f’kundizzjonijiet kompatibbli mal-ksib ta’ status ambjentali tajjeb, u l-ottimizzazzjoni konsegwenti tar-riżultati jista’ jinkiseb aħjar permezz tal-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP).

Dan tal-aħħar għandu jipprovdi għodda effettiva ta’ governanza għall-applikazzjoni tal-ġestjoni bbażata fuq l-ekosistemi, l-indirizzar ta' impatti interrelatati tal-attivitajiet marittimi, konflitti bejn l-użijiet tal-ispazju u l-preżervazzjoni tal-ħabitats tal-baħar. Il-pjan ta’ tmexxija fil-forma ta’ Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fl-2008[8], jipprovdi ġabra ta’ prinċipji għall-iżvilupp tal-approċċi tal-MSP mill-Istati Membri tal-UE u jista’ jkun utli wkoll fil-kuntest usa’ tal-Mediterran.

Madankollu, meta mqabbla ma’ baċiri ta’ ibħra oħra, il-prattiki MSP fil-Mediterran għadhom dgħajfa, possibbilment b'riżultat ta' sensittività madwar l-istabbiliment taż-żoni marittimi u d-delimitazzjoni tal-konfini. Jeħtieġ li dawn l-isfidi jiġu indirizzati, biex l-ippjanar spazjali jiġi żviluppat fuq il-livelli xierqa.

L-Istati Membri tal-UE qablu dwar il-ksib ta’ status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-ibħra sal-2020[9], permezz tal-iżvilupp ta' "Strateġiji Marini" [tal-Baħar] integrattivi li japplikaw approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi għall-attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuq il-baħar, u li huma relatati mill-qrib mal-MSP. Il-qadi ta’ obbligi bħal dawn, fejn xieraq b'kooperazzjoni fi ħdan il-Konvenzjonijiet reġjonali dwar l-ibħra (partikolarment il-Konvenzjoni ta' Barċellona u l-Kummissjoni Ġenerali dwar is-Sajd fil-Mediterran (GFCM)), inkella fuq il-livell subreġjonali, huwa essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ Politika Marittima Integrata fil-Mediterran. Barra minn hekk, ir-‘Regolament dwar il-Mediterran’[10] diġà jimmira lejn approċċ ekosistemiku integrat lejn il-ġestjoni tas-sajd. Dan se jkompli jissaħħaħ permezz tar-riforma li jmiss tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE[11].

Il-Kummissjoni sejra:

- Tniedi studju dwar l-MSP fil-baċir Mediterran, bil-għan li tidentifika żoni potenzjali għall-applikazzjoni tiegħu, tanalizza l-ostakoli u tislet risposti potenzjali għall-applikazzjoni tiegħu f'subreġjuni jew żoni tal-baħar speċifiċi.

- Wara, tniedi proġett biex tittestja l-applikazzjoni tal-MSP fuq il-livell subreġjonali u tħeġġeġ prattiki transkonfinali konkreti.

- Tgħin lill-Istati Membri permezz ta’ Strateġija Komuni tal-Implimentazzjoni biex jaqdu l-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva ta’ Qafas għal Strateġija Marittima f’relazzjoni mal-istrateġiji tal-baħar tagħhom, inkluża valutazzjoni komprensiva tal-ibħra u l-użijiet relatati tagħhom sal-2010.

4.2. Ġestjoni integrata fiż-żoni kostali u l-gżejjer

It-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tal-portijiet, it-turiżmu kostali u l-investimenti assoċjati, it-tħassib għall-ħarsien tal-wirt marittimu u l-ambjent tal-baħar, inklużi siti tan-NATURA 2000, ukoll jitolbu approċċ integrat għall-ġestjoni taż-żoni kostali tal-Mediterran. Il-Kummissjoni hija impenjata biex tiżgura li l-adattament għat-tibdil fil-klima jingħata l-prijorità meħtieġ fiż-żoni kostali u tal-baħar, kif indikat fil-White Paper[12].

Il-ħarsien u l-insiġ flimkien tal-elementi tal-wirt marittimu, flimkien mal-interessi ekonomiċi u ambjentali, għandhom jissegwew ukoll permezz ta’ strumenti eżistenti, bħall-inizjattiva tad-Destinazzjonijiet Ewropew ta’ Eċċellenza (EDEN), u l-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali/Premjijiet Europa Nostra. F’dan ir-rigward, għadu jeżisti potenzjal kbir għal aktar żvilupp fil-baċir kollu tal-Mediterran, li b'mod inerenti huwa sinjur fil-kultura.

Għodod ta’ governanza tranżsettorjali jistgħu jgħinu lir-reġjuni kostali tal-Mediterran biex jindirizzaw b’mod aħjar is-sostenibbiltà soċjali, ambjentali u ekonomika b’mod integrat. Strateġiji nazzjonali għall-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) qed jiġu żviluppati mill-Istati Membri fil-Mediterran, u l-KE dan l-aħħar iffirmat l-ewwel strument legali komuni għall-baċir kollu rigward ICZM, li ġie adottat fil-qafas tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona[13].

Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa, bħat-titjib tal-koordinazzjoni bejn il-ġestjoni tal-iżvilupp marittimu ’l barra mill-kosta, u l-iżvilupp assoċjat fuq il-kosta (konfini art-baħar). Dan huwa partikolarment minnu għall-gżejjer, fejn il-konnettività hija ta’ importanza partikolari. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw strateġiji integrati biex jindirizzaw l-isfidi tar-reġjuni gżejjer u jistabbilixxu sistema ta’ skambju tal-aqwa prattiki. Il-bażi tal-għarfien dwar il-prattiki ICZM fil-Mediterran ukoll jeħtieġ li tissaħħaħ.

Permezz tal-promozzjoni konsistenti ta’ approċċ koerenti fuq il-konfini art-baħar, permezz tal-approċċ ekosistemiku, l-iżvilupp ta’ Politika Marittima Integrata fil-baċir Mediterran għandu jipprovdi impetu ġdid għall-isfruttar tal-potenzjal tal-ICZM.

Il-Kummissjoni sejra:

- Abbażi tal-internet, tipprovdi inventarju tal-għodod ICZM, l-aqwa prattiki u l-istudji tal-każijiet, bil-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tagħha.

- Abbażi tas-7 Programm Kwadru tal-UE (FP7) tappoġġa l-iżvilupp tal-bażi tal-għarfien dwar l-ICZM fil-Mediterran, b’fokus partikolari fuq il-kooperazzjoni internazzjonali.

- Tittestja l-possibbiltajiet biex tissaħħaħ l-interfaċċja bejn l-art u l-baħar, b'mod partikolari billi jingħaqdu filmkien l-ippjanar terrestri u marittimu, permezz tal-azzjonijiet MSP proposti taħt it-taqsima 4.1.

4.3. Faċilitar ta’ azzjonijiet ibbażati fuq l-għarfien

L-iżvilupp ta’ ekonomiji marittimi sostenibbli u ġestjoni kostali effikaċi jeħtieġu politiki mibnija fuq sisien tal-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli.

Il-ġbir perjodiku ta’ dejta bażika huwa meħtieġ biex jiġi vvalutat l-istatus ambjentali tal-ibħra tagħna u r-rendimenti possibbli mir-riżorsi naturali. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-importanza tal-parir xjentifiku u l-ġbir tad-dejta fl-applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-leġiżlazzjoni ambjentali fil-Mediterran. Se tkun esplorata wkoll aktar kooperazzjoni għall-ġbir tad-dejta bażika mal-pajjiżi Mediterranji li mhumiex fl-UE, permezz ta’ programmi konġunti u bini tal-kapaċità.

L-istrateġija reċenti tal-UE għar-riċerka tal-Baħar u Marittima[14] għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza u l-eċċellenza billi tistimola sforzi integrati tar-riċerka. Tirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni xjentifika internazzjonali bħala mezz importanti għall-ġestjoni integrata tal-attivitajiet marittimi fl-ibħra komuni. L-implimentazzjoni tagħha fil-Mediterran se tiġi segwita bħala bażi għat-titjib tal-governanza integrata. Infrastruttura msaħħa għar-riċerka dwar il-baħar, sforzi integrati fir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (RTD) permezz ta’ nodi marittimi u Pjattaformi Teknoloġiċi kif ukoll sinerġiji bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, huma meħtieġa biex jinsabu soluzzjonijiet koerenti ħalli jiġi realizzat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-ibħra tagħna f’approċċ ekosistemiku. B’mod partikolari, għandu jissegwa l-iżvilupp ta’ osservazzjonijiet multidixxiplinari ta’ qiegħ il-baħar, li jistgħu jitfgħu aktar dawl fuq ir-riskji mit-tsunami, u li jistgħu jgħinu fil-monitoraġġ ta' dan il-fenomenu.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tiżviluppa Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Dejta dwar il-Baħar (EMODNET) sabiex tittejjeb l-infrastruttura tal-għarfien u jingħelbu l-ostakoli għall-iskoperti, l-aċċess u l-użu tad-dejta. Qed jiġi żviluppat Atlas Ewropew tal-Ibħra sabiex jittejjeb l-għarfien u tiġi żviluppata identità marittima komuni fil-baċiri tal-ibħra. Dawn l-għodod se jkopru baċiri sħaħ.

Il-Kummissjoni sejra:

- Tagħti attenzjoni partikolari lill-Mediterran hija u tistabbilixxi ERA-NET (Netwerk Ewropew ta’ Żoni ta’ Riċerka) integrat tal-baħar immirat lejn it-tisħiħ tal-koordinazzjoni fir-riċerka tal-baħar bejn l-Istati Membri.

- Tiddefinixxi qafas strateġiku fit-tul għal kooperazzjoni xjentifika madwar il-baċir Mediterran, li jippermetti l-kooperazzjoni fir-riċerka dwar l-ibħra sabiex tiżviluppa fi ħdan aġenda strutturata u twieġeb għall-isfidi komuni maqbula.

- Tiżviluppa sforz ta’ riċerka transtematiku fil-kuntest tal-FP7 tal-UE, immirat lejn l-integrazzjoni tal-għarfien fil-Baħar Mediterran fid-dixxiplini rilevanti kollha.

4.4. Sorveljanza integrata għal aktar sikurezza u sigurtà fl-ispazju marittimu

Is-sorveljanza tal-attivitajiet u l-operazzjonijiet marittimi hija meħtieġa sabiex jiġu ġestiti b’suċċess l-attivitajiet fuq il-baħar u jiġu indirizzati l-punti ta’ tħassib ewlenin rigward is-sikurezza u s-sigurtà fil-Mediterran.

L-implimentazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza marittima, mill-Istati Membri tal-UE, flimkien mal-bini tal-kapaċità fl-amministrazzjonijiet marittimi u l-awtoritajiet tal-port tal-pajjiżi Mediterranji sħab, huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-aċċidenti u t-tniġġis mill-bastimenti, inkluż ir-rimi illegali taż-żjut. Il-proġett reġjonali SAFEMED iffinanzjat mill-UE, fil-qasam tas-sikurezza u tas-sigurtà marittima, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent marittimu, jikkontribwixxi biex jingħalaq il-vojt strutturali bejn l-Istati Membri Mediterranji u l-pajjiżi sħab. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza Marittima (EMSA) tibda l-kooperazzjoni teknika mas-sħab Mediterranji, inkluż fil-każijiet ta’ tniġġis aċċidentali, billi tipprovdihom b’bastimenti kontra t-tniġġis[15]. Fir-rigward tas-sorveljanza tal-movimenti tal-bastimenti, se tiġi kkunsidrata l-estensjoni possibbli tas-server reġjonali Mediterranju tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS).

Fl-aħħar snin, il-Frontex intensifikat l-appoġġ li tipprovdi lill-Istati Membri tal-Mediterran, li huma soġġetti għal pressjoni enormi mill-immigrazzjoni irregolari[16]. Il-Kummissjoni se tippromwovi, permezz tad-djalogu u l-għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi Mediterranji sħab, l-involviment ta’ dawn tal-aħħar fl-attivitajiet ikkoordinati mill-Frontex fil-Mediterran. F'dak li hu marbut mal-infurzar tal-liġi kontra d-drogi fuq il-baħar, hija għaddejja kooperazzjoni msaħħa fil-kuntest taċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi - Narkotiċi (MAOC-N) u s- Centre de Coordination pour la Lutte Anti-Drogue en Méditerranée (CeCLAD-M).

Iżda sa issa s-sorveljanza marittima ta' spiss kienet qiegħda ssir fuq bażi settorjali, karatterizzata minn duplikazzjoni fil-ġbir tad-dejta dwar is-sorveljanza, fuq il-livell nazzjonali u fost awtoritajiet differenti. F'dan il-kuntest, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Politika Marittima Integrata kien dak li s-sorveljanza marittima tkun integrata permezz tal-promozzjoni tal-iskambji tal-informazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ u s-sorveljanza fuq il-baħar[17], mingħajr ma jkunu affettwati l-missjonijiet u l-kompetenzi kif stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Dan jista' jtejjeb mhux biss il-livell kumplessiv tas-sorveljanza f'termini tal-ġbir tal-informazzjoni u l-ipproċessar, biex b'hekk ir-rispons fuq il-baħar jew fil-portijiet ikun koordinat b'mod aħjar, iżda jista' wkoll inaqqas l-ispejjeż tas-sorveljanza billi jieħu vantaġġ minn ekonomiji fil-kobor mhux sfruttati. L-inklużjoni tal-pajjiżi sħab tal-Mediterran fl-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima jixirqilha aktar konsiderazzjoni.

Il-Kummissjoni se:

- Tniedi proġett pilota biex ittejjeb il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri Mediterranji responsabbli għall-monitoraġġ marittimu, operazzjonijiet ta' sorveljanza u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-portijiet

- Tippreżenta ġabra ta' prinċipji li jiggwidaw is-sorveljanza marittima integrata fl-UE f'Komunikazzjoni futura, sabiex timxi progressivament minn approċċ settorjali għal wieħed integrat f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza marittima fl-UE u fuq il-livell nazzjonali.

5. Konklużjoni

L-isfidi li jaffettwaw il-Baħar Mediterran jesiġu risponsi komuni, u fuq kollox integrati, imsejsa fuq governanza marittima mtejba. Dan huwa partikolarment rilevanti meta jitqiesu d-domandi dejjem jikbru għar-riżorsi naturali u l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar, kif ukoll il-ħtieġa kontinwa għat-tkabbir u l-impjiegi fis-setturi u fir-reġjuni marittimi.

Approċċ integrat lejn l-affarijiet marittimi ċertament ma għandux jhedded l-għodod u l-għanijiet li ġew stabbiliti biex isir progress f'oqsma speċifiċi ta' rilevanza marittima. Għall-kuntrarju, ifittex li jipprovdi l-perspettiva u l-għodod meħtieġa ta' governanza tranżsettorjali sabiex l-impatti jkunu jistgħu jitnaqqsu kemm jista' jkun u l-effiċjenza u r-riżultati jiġu ottimizzati kemm jista' jkun.

Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew:

- Biex japprovaw l-għanijiet u l-azzjonijiet ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni;

- Isostnu l-approċċ propost fl-oqsma rispettivi ta' responsabbiltà tagħhom.

[1] MARPOL Annessi I (Żejt) u V (Skart).

[2] Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tat-13.07.2008 u referenza relatata tal-inizjattiva Horizon 2020.

[3] SEC (2008) 2868.

[4] COM (2008) 395.

[5] Links: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/governance_memberstates_en.html http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/memberstates_en.html

[6] ENPI regional strategy paper (2007-2013) for the Euro-Mediterranean Partnership. [Dokument ta’ strateġija reġjonali tal-ENPI għas-Sħubija Ewro-Mediterranja.]

[7] Fir-rigward tal-kolonna tal-ilma, ħames Stati kostali implimentaw leġiżlazzjoni li tipproklama żona kontigwa ta' 12-il mil nawtiku, biswit il-baħar territorjali tagħhom, għall-infurzar ta' liġijiet u regolamenti doganali, fiskali, dwar l-immigrazzjoni inkella sanitarji. Ħames Stati kostali ddikjaraw żona arkeoloġika, biswit il-baħar territorjali għall-protezzjoni tal-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma. Erba’ Stati kostali ddikjaraw żoni protetti għas-sajd u tliet Stati stabilixxew żoni ta’ ħarsien ekoloġiku. Ħames Stati kostali ddikjaraw Żoni Ekonomiċi Esklussivi (ŻEE), fejn l-Istat kostali jgawdi minn drittijiet sovrani rigward ir-riżorsi tal-baħar ħajjin u mhux ħajjin.

[8] COM (2008) 791.

[9] Id-Direttiva 2008/56/KE, 25.06.2008.

[10] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21.12.2006.

[11] COM (2009) 163.

[12] COM (2009) 147.

[13] Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali fil-Mediterran, iffirmat f'Madrid, Spanja, fil-21 ta' Jannar 2008.

[14] COM (2008) 534.

[15] COM (2009) 301.

[16] Il-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2009 tenna t-tħassib tiegħu dwar l-immigrazzjoni illegali, u qal li "L-avvenimenti reċenti f'Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Malta jissottolinjaw l-urġenza li jissaħħu l-isforzi biex tiġi pprevenuta u miġġielda l-immigrazzjoni illegali b'mod effiċjenti mal-fruntieri marittimi tan-nofsinhar tal-UE .....".

[17] SEC(2008) 2737 u COM(2008) 68.

Top