EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0458

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp : l-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni

/* KUMM/2009/0458 finali */

52009DC0458

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp : l-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni /* KUMM/2009/0458 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 15.9.2009

COM(2009) 458 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp – L-Istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għall-approċċ uniku tal-Unjoni

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Impenn ġenerali lejn politika ta’ koerenza u żvilupp 4

3. L-approċċ tal-UE fir-rigward tal-PCD s'issa 5

4. Il-ħtieġa għal approċċ ġdid 7

4.1. L-impatt dejjem jikber tal-politiki interni fuq ir-relazzjonijiet esterni 7

4.2. Flussi finanzjarji li mhumiex ODA dejjem jikbru lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw 7

4.3. L-użu tal-mekkaniżmi msaħħa u l-prijorizzazzjoni tal-PCD 7

4.4. Il-perspettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw 8

5. L-istabbiliment qafas ta’ politika għal approċċ uniku tal-unjoni 9

5.1. Prijoritizzazzjoni 9

5.2. Lejn kunċett ta’ ODA u iktar 13

5.3. L-approċċ il-ġdid mqiegħed fil-prattika 13

6. Konklużjoni 14

INTRODUZZJONI

It-tielet mewġa tal-kriżi ekonomika u finanzjarja laħqet ix-xtajtiet tad-dinja li qed tiżviluppa, u lil dawn il-pajjiżi laqtithom agħar milli kien mistenni[1]. Il-previżjonijiet għat-tieni nofs tal-2009 u għall-2010 jidhru skoraġġanti. Iktar minn 50 miljun persuna oħra huma maħsuba li se jkunu fil-faqar fl-2009[2].

Wara l-kriżi qed tiżdied is-sensibilità li mhux biżżejjed li wieħed jerġa’ lura lejn is-sitwazzjoni ta’ qabel. L-appoġġ għall-isforz tal-għajnuna għall-iżvilupp huwa essenzjali, għalkemm mhux biżżejjed. F’termini finanzjarji dan ifisser li l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) għandha tiġi kkumplimentata b'riżorsi finanzjarji oħra. L-użu tal-potenzjal tal-iżvilupp ta’ dawn il-flussi finanzjarji addizzjonali jiddependi fuq l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mis-sħab esterni tagħhom bħall-UE sabiex ifasslu oqfsa ta’ poltiki li jiffavorixxu l-iżvilupp.

Il-kriżi turi sa fejn l-ekonomiji nazzjonali saru dipendenti waħda fuq l-oħra u kif serje waħda ta’ politiki – jiġifieri fl-isfera finanzjarja – tħalli impatt fuq oħrajn u fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Iżda l-kriżi finanzjarja hija biss eżempju wieħed. L-interazzjonijiet mill-qrib fuq livell ekonomiku wasslu għal sitwazzjoni fejn kważi d-deċiżjonijiet kollha ta’ politika meħudin f’pajjiżi żviluppati għandhom konsegwenzi diretti jew indiretti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-kapaċità li jissieltu kontra l-faqar u jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju (MDGs). Id-dokument ta’ Riċerka dwar l-MDGs tal-2008[3] jidentifika tliet kategoriji ta’ fatturi li jinfluwenzaw il-progress lejn l-MDGs: il-politiki proprji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; U l-qafas tal-politika globali, inklużi l-politiki tal-UE u l-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Filwaqt li tirrikonoxxi tal-importanza tat-tliet kategoriji kollha, din il-kommunikazzjoni se tiffoka fuq il-politiki tal-UE.

Minkejja din l-evidenza ċara tal-importanza tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u l-fatt li hemm ftehim fuq livell politiku dwar dan il-prinċipju huwa maqbul fuq livell politiku, il-kunċett huwa kumpless u l-gvernijiet għadhom qed jiġġieldu biex jimplimentawha[4]. Huma meħtieġa iktar sforzi sabiex il-PCD isir operazzjonali[5].

Filwaqt li tkompli tibni fuq l-ewwel żewġ Rapporti bijennali tal-UE dwar il-PCD[6], u fuq is-sejħa sabiex jiġi stabbilit approċċ uniku tal-Unjoni[7], din il-Komunikazzjoni se tħares lejn l-approċċ tal-UE lejn il-PCD u se tagħmel suġġerimenti lill-Komunità u lill-Istati Membri dwar kif jużaw il-PCD b’mod aktar immirat, effettiv u strateġiku.

IMPENN ġENERALI LEJN POLITIKA TA’ KOERENZA U żVILUPP

Il-bażi legali tal-impenn fir-rigward tal-PCD hija msejsa fuq l-Artikolu 178 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod iktar ġenerali fuq Artikolu 3, it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-konsistenza bejn il-politiki kollha tal-Unjoni u l-attivitajiet esterni tagħha. Jekk jiġi ratifikat, it-Trattat ta’ Liżbona jagħti bażi legali soda lill-PCD[8].

Il- qafas politiku għall-PCD ġie stabbilit mill-Komunikazzjoni dwar il-PCD f’April 2005, mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill sussegwenti ta’ Mejju 2005, mill-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp f’Diċembru 2005, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rapport PCD tal-UE f’Novembru 2007. L-impenji tal-PCD f’oqsma speċifiċi saru b’mod partikolari bil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà u l-iżvilupp u dawk dwar il-migrazzjoni, it-tnejn li huma adottati f’Novembru 2007, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Mejju 2008 sussegwentement għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-PCD, dwar it-Tibdil tal-Klima/l-Enerġija/il-Biokarburanti, il-Migrazzjoni u r-Riċerka.Lil hinn minn dawk it-tnax-il qasam ittieħdu impenji wkoll pereżempju fir-rigward tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fejn sinerġiji pożittivi mal-għanijiet tal-iżvilupp se jiġu mfittxija mill-Kummissjoni[9].

L-APPROċċ TAL-UE FIR-RIGWARD TAL-PCD S'ISSA

Fl-aħħar snin l-UE saħħet sostanzjalment l-approċċ tagħha fir-rigward tal-PCD. Fl-ewwel fażi hija kkonċentrat fuq l-impenji fir-rigward tal-PCD magħmula fl-2005. Il-passi konkreti kienu impenji speċifiċi meħuda fit-tnax-il qasam ta' politika[10].

It-tieni fażi hija kkaratterizzata mill-isforzi biex jiġu implimentati dawn l-impenji, l-irfinar tal-mekkaniżmi sabiex jiġu promoss il-PCD bħall-istima tal-impatt, konsultazzjoni bejn is-servizzi, kif ukoll l-użu iktar effettiv tagħhom b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment tal-Presidenza tal-programm ta’ ħidma tal-PCD u l-identifikazzjoni ex ante tal-inizjattivi ewlenin ippjanati mill-Kummissjoni li jistgħu jaffetwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Bħall-ewwel rapport dwar il-PCD tal-UE maħruġ fl-2007 ir-rapport dwar il-PCD tal-2009 jevalwa l-progress magħmul fit-12-il qasam kif ukoll fir-rigward tal-mekkaniżmi istituzzjonali[11]. L-Istati Membri, huma ġeneralment pożittivi dwar il-progress ġenerali milħuq sa mill-2007, kif muri fil-grafika hawn taħt li tkopri l-prestazzjoni tal-UE (il-Komunità u l-Istati Membri)[12].

[pic]

Eżempju tajjeb ta’ sinerġiji pożittivi maħluqa bejn politiki differenti huwa l-pakkett riċenti dwar it-tibdil tal-klima u l-enerġija[13], Eżempju ieħor hija l-politika tar-riċerka, li kkontribwiet b’modi deċissivi għall-iżvilupp permezz tal-iffinanzjar ta’ proġetti tar-riċerka fl-oqsma tas-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, ix-xjenzi soċjali u umanistiċi fost l-oħrajn.

L-istampa, madanakollu, mhix daqstant pożittiva. Id-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fuq livell nazzjonali ta’ spiss ikollhom effetti fuq il-livell tal-UE u xi drabi jiggravaw lil xulxin. L-Istati Membri jindikaw il-volontà politika u l-prijorità lit-tnaqqis tal-faqar internazzjonali bħala fatturi ewlenin għal progress fil-PCD. Interessi diverġenti jistgħu jagħmluha diffiċli kultant sabiex jiġu żgurati pożizzjonijiet konsistenti u l-prestazzjoni tal-UE hija differenti ferm minn qasam ta’ politika għall-ieħor[14].

IL-ħTIEġA GħAL APPROċċ ġDID

L-impenji tal-PCD maqbula fl-2005 ipprovdew qafas utli għax-xogħol dwar il-PCD tal-UE s'issa. Iżda l-iżviluppi ġodda qed joħolqu l-ħtieġa li wieħed jirrikonsidra l-approċċ fir-rigward il-PCD.

L-impatt dejjem jikber tal-politiki interni fuq ir-relazzjonijiet esterni

Il-kunċett tal-PCD twieled meta r-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu prinċipalment dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-kummerċ u meta l-politiki kellhom effetti kollaterali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li dgħajfu l-isforzi fl-iżvilupp.

Is-sitwazzjoni issa hija differenti. Minħabba interazzjoni aktar mill-qrib u globalizzazzjoni dejjem aktar intensa l-effetti kollaterali ta’ politiki oħra tal-UE fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw saru iktar sistematiċi. Hemm ħafna eżempji minn regolamenti fl-oqsma tal-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, sa deċiżjonjiet fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà.

Peress li l-linja demarkatriċi bejn il-politiki esterni u interni qed issir iktar imċajpra xi kultant saħansitra li titlef kemm l-eveidenza empirika u kemm il-valur politiku l-kunċett tal-PCD jeħtieġ li jittieħed f’kunsiderazzjoni b’mod aktar sistematiku.

Flussi finanzjarji li mhumiex ODA dejjem jikbru lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw

L-impatt dejjem jiżdied tal-politiki tal-UE fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jiġi rifless fil-flussi finanzjarji li mhimiex ODA lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-flussi finanzjarji li mhumiex ODA pubbliċi kif ukoll privati lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bdew jikbru sostanzjalment fl-aħħar snin, inkluż lill-Afrika.

L-impatt ta’ dawn il-flussi finanzjarji fuq l-iżvilupp jiddependi l-ewwel nett fuq il-kwalità u l-orjentament lejn dan il-qafas ta’ politika. L-isforzi sabiex titkattar il-koerenza tal-politiki mal-għanijiet tal-iżvilupp huwa għaldaqstant tal-ogħla importanza.

Il-kriżi attwali uriet l-importanza ta’ dawn il-flussi billi waqqfet u anki reġġgħet lura t-tendenza dejjem tikber. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kriżi jenfażizzaw l-importanza li jiġu mobilitati s-sorsi kollha possibbli ta’ ffinanzjar għall-iżvilupp,[15] jissottolinejaw l-importanza ta’ appoġġ orjentat lejn l-iżvilupp fl-oqsma tar-riċerka u t-teknoloġija, il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, l-enerġiji rinnovabbli u t-tibdil tal-klima. Sabiex dawn il-flussi finanzjarji jaħdmu għall-iżvilupp il-Kunsill jemfasizza l-importanza ta’ qafas ta’ politika u jissuġġerixxi li l-UE tiżviluppa approċċ tal-Unjoni uniku, li jieħu f’kunsiderazzjoni l-istrumenti u l-proċessi u jirrispetta l-PCD[16].

L-użu tal-mekkaniżmi msaħħa u l-prijorizzazzjoni tal-PCD

L-irrapurtar dwar il-progress fit-tnax-il qasam ta’ politika żied is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar il-PCD. Ippermetta lill-UE li tiżviluppa l-istrumenti u l-kompetenza neċessarji biex tiġi promossa l-PCD. Bħala riżultat l-UE hija issa f'pożizzjoni biex tadotta approċċ iktar proattiv u ffukat fir-rigward tal-PCD. Ir-reviżjoni tal-OECD DAC tal-politika tal-iżvilupp tal-KE fl-2007 kienet diġà ssuġġeriet ir-reviżjoni tal-aġenda tal-impenji tal-politika tal-koerenza biex tiżgura li l-attenzjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi jiġu użati fl-oqsma ta’ prijorità[17]. L-Awstrija u s-Żvezja diġà ħadu din it-triq u għażlu l-oqsma ta’ prijorità tal-PCD[18].

Il-perspettiva tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isiru dejjem aktar interessati f’politiki tal-UE aktar wiesgħa, kif muri mit-talba riċenti sabiex isiru konsultazzjonjiet formali dwar kwistjonijiet tal-PCD, kif provdut fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta' Cotonou[19]. Il-koerenza ġiet ukoll notifikata miż-żewġ naħat bħala kwistjoni għar-reviżjoni tal-2010 ta’ Cotonou.

Filwaqt li l-UE għamlet ħafna sabiex l-inizzjattivi tal-UE jkunu dejjem aktar ta’ appoġġ għall-għanijiet tal-iżvilupp, ir-rwol tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw f’dawn il-proċessi huwa limitat. Xi pajjiżi jsemmgħu leħinhom, iżda oħrajn – normalment l-iktar fqar- isibuha aktar diffiċli minħabba restrizzjonjiet ta’ kapaċità.

Il-linji gwida riveduti tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt jissottolinejaw l-importanza li jiżguraw li l-partijiet interessati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġu infurmati dwar inizjattivi li jkunu ġejjin li jkunu ta’ relevanza għalihom u li jinvolvuhom attivament fil-proċess ta’ konsultazzjoni[20].

L-ISTABBILIMENT QAFAS TA’ POLITIKA GħAL APPROċċ UNIKU TAL-UNJONI

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi wasal iż-żmien li l-UE tieħu approċċ aktar strateġiku sistematiku u orjentat lejn is-sħubija għall-PCD. Ovvjament l-UE għandha tkompli tieħu f’kunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ żvilupp fil-politiki kollha li jistgħu jaffetwaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jużaw l-istrumenti kollha li ġew stabbiliti jew imsaħħa biex jippromwovu l-PCD. Madanakollu, il-konċentrazzjoni politika għandha tkun dwar ftit prijoritajiet ewlenin.

B’segwitu għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċaw il-kriżi finanzjarja u minn diskussjonijiet fil-G8 u l-OECD, l-UE għandha taħdem dwar il-PCD bħala parti mill-approċċ uniku tal-Unjoni billi tistabilixxi qafas ta’ politika sabiex isir użu aħjar mill-politiki l-oħrajn u l-flussi finanzjarji li mhumiex tal-ODA lejn l-għanijiet ta’ żvilupp. It-tħeġġiġ tal-politiki tal-iżvilupp permezz ta’ azzjonjiet ta’ politiki f’oqsma li jaffetwaw ir-riżultati tal-iżvilupp huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel fl-isfond globali l-ġdid[21]. Fl-istess ħin, l-UE se tuża r-riżorsi tal-ODA tagħha biex tħeġġeġ finanzjament li mhux ODA, pereżempju billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet fi—pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-oqsma tar-riċerka jew is-sajd[22].

Tliet tagħlimiet ewlenin għandhom jiġu mitgħallma mill-esperjenzi tal-imgħoddi u ta’ min jieħdu f’kunsiderazzjoni fl-aġġustament tar-realtà politika li tinbidel. L-ewwel nett, biex jiġi implimentat aħjar l-approċċ tagħha l-UE tinħtieġilha tiffoka fuq ftit prijoritajiet tal-PCD u li proattivament tieħu f’kunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ żvilupp biex tifformula l-inizzjattivi magħżula tagħha. It-tieni nett, jeħtieġ li l-UE tkun aktar attiva fl-immobilizzar ta' riżorsi li mhumiex ODA u biex tuża aħjar il-potenzjal ta’ dawn il-flussi finanzjarji pubbliċi u privati għall-iżvilupp. It-tielet nett, l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonjiet tal-PCD.

Għal dan il-fini l-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, se telabora programm ta' ħidma tal-PCD li jidentifika l-kwistjonijiet ta’ prijorità u jissottolinea kif l-UE permezz tal-istrumenti u l-proċessi kollha tagħha tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-iżvilupp. L-għan tal-programm ta’ ħidma jkun li joħloq il-momentum politiku, tidentifika l-mezzi finanzjarji meħtieġa għall-kwistjonijiet ta’ prijorità għall-PCD, u jgħin jiżviluppa għadd ta’ għanijiet u miri.

Prijoritizzazzjoni

Il-programm ta’ ħidma tal-PCD se jiffoka fuq ftit kwistjonijiet ta’ prijorità li jiġu identifikati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Sabiex tiggwida kif jintgħażlu l-kwistjonijiet erba’ kriterji jistgħu jiġu applikati. Il-punt ta’ tluq għandu jkun l-aġenda tal-UE sa fejn il-PCD għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-impatt negattiv tad-deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE u l-inizzjattivi leġiżlattivi fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw u dwar it-titjib tar-rilevanza tagħhom mal-għanijiet tal-iżvilupp. Il-kwistjonijiet ta’ prijorità għandhom ovvjament ikunu importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għandhom ikunu rilevanti sabiex jintlaħqu l-MDGs. Fl-istess ħin, dawn l-inizzjattivi għandhom joffru biżżejjed opportunitajiet konkreti biex jagħmluhom iktar favorevoli għall-iżvilupp u jikkontribwixxu għal politika propensa għall-iżvilupp jew għal qafas leġiżlattiv. Fl-aħħar, kwistjonijiet ta' prijorità għandhom ikunu konnessi ma’ aġenda mfassla għal żmien twil. Dan huwa importanti peress li l-esperjenza turi li t-titjib tal-koerenza tal-politiki mal-għanijiet ta' żvilupp għandu bżonn investiment konsiderevoli ta’ żmien u sforz li jibda bl-identifikazzjoni tal-impatti possibbli fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-koordinazzjoni tal-isforzi tal-UE u l-ħolqien tal-momentum politiku meħtieġ. Dawn il-passi kollha jieħdu ż-żmien u jistgħu iktar jagħtu riżultat meta l-kwistjoni hija konnessa ma’ aġenda mfassla għal żmien twil.

Il-kwistjonijiet ta’ prijorità tal-PCD għandhom:

- ikunu ta' prijorità fl-aġenda tal-UE

- ikunu importanti għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jintlaħqu l-MDGs

- jippreżentaw opportunitajiet konkreti biex jinkorporaw għanijiet ta’ żvilupp

- Ikunu konnessi ma’ aġenda mfassla għal żmien twil

Proposti għal kwistjonijiet ta’prijorità

Il-kwistjonijiet li ġejjin (kollha b’impatt kbir fuq l-MDGs) li huma bbażati fuq ir-rapport tal-2009 tal-UE dwar il-PCD u d-dibattitu internazzjonali dwar il-Beni Pubbliċi Globali, ġew identifikati bħala bażi għad-diskussjoni mal-Istati Membri.

- Il-ġlieda kontra t-Tibdil tal-Klima: L-iżgurar ta’ komponent ta’ żvilupp fil-politiki tal-UE

- L-iżgurar ta’ sigurtà tal-ikel globali: tittieħed f’kunsiderazzjoni d-dimensjoni internazzjonali, inklużi l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-politiki tal-UE

- Jinstab mod kif il-migrazzjoni tgħin l-iżvilupp

- It-tiftix ta’ opportunitajiet sabiex jintużaw id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali għall-iżvilupp

- Il-promozzjoni tas-sigurtà u l-ħolqien tal-paċi għall-iżvilupp

In-negozjati ta’ wara 2012 taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it- Tibdil fil-Klima , matul l-2009, hija punt ta’ riferiment kritiku fit-taqbida kontra t-Tibdil tal-Klima u l-promozzjoni ta' sinerġiji ma' kooperazzjoni għall-żvilupp, permezz ta’ strumenti li jindirizzaw id-dgħufijiet u l-addattament tat-tibdil tal-klima, l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ livelli ta’ karbonju baxxi u t-tiftix ta’ potenzjali mitigatorju ieħor. Pereżempju, permezz li (i) tfittex li tiżviluppa opportunitajiet mill-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF), li tippromwovi investiment f’enerġiji rinnovabbli u ndaf, (ii) u sforzi fl-UE kollha sabiex tintegra tħassib u miżuri relatati mal-impatti, dgħufijiet u addattamenti tat-tibdil tal-klima fl-istrumenti ta’ kooperazzjoni kollha,(iii) sabiex jitkattru d-djalogu dwar il-politika u miżuri konkreti, fil-qafas tal-Alleanza Globali tat-Tibdil tal-Klima, (iv) sabiex tiġi żviluppata viżjoni komuni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw l-iktar vulnerabbli, u tiġi ssottolineata l-koerenza neċessarja tal-azzjonijiet tagħna fil-qasam tat-tibdil tal-klima, l-enerġija u l-iżvilupp. L-opportunitajiet ekonomiċi offruti mit-“tħaddir” sostenibbli tal-ekonomiji fid-dinjiet żviluppati, emerġenti u li qed jiżviluppaw, jekk jiġu kondiviżi bejn kulħadd, għandhom jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet doppji li jiġi limitat it-tibdil tal-klima u t-tnaqqis tal-faqar permezz ta’ srje ta’ politiki u azzjonijiet kumplimentari u koerenti. Tali viżjoni komuni ta’ żvilupp sostenibbli għandha tgħin sabiex jiġu żgurati impenji ambizzjużi u innovattivi li jaqblu magħhom il-partijiet kollha taħt l-UNFCCC fis-sistema ta' wara 2012.

Is- Sigurtà Globali tal-Ikel kienet kwistjoni rikorrenti fl-2007/2008 u hemm il-probabbiltà li se tibqa’ 'il fuq fl-aġenda politika Ewropea u internazzjonali fil-futur qarib, minħabba żviluppi attwali fis-suq tal-agrikultura, it-tibdil tal-klima u miżuri relatati, tendenzi demografiċi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, tibdil f’mudelli tal-konsum f’ekonomiji emerġenti u, fl-aħħar, id-disponibbiltà limitata għall-kultivazzjoni, speċjalment fl-Afrika Sub-Saħarjana. Sabiex tintema l-popolazzjoni dejjem tikber tad-dinja se jiħtieġ li tiġi rduppjata l-produzzjoni tal-ikel sal-2050[23]. Dan jimplika produttività agrikola dejjem tiżdied, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli. L-Unjoni Ewropea se jkollha ħtieġa li tieħu f’kunsiderazzjoni r-relatajiet ta’ għada kif ukoll il-ħtiġijiet u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-politiki domestiċi tagħha, inkluż fl-agrikultura, il-kummerċ, it-tibdil tal-klima u r-riċerka. Barra dan, l-UE se tibda djalogu mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-vijabbiltà ta’ politiki agrikoli reġjonali bbaċati fuq it-tagħlimiet meħuda mill-CAP sabiex tistinka lejn sigurtà tal-ikel fuq livell reġjonali u subreġjonali.

Il-migrazzjoni u l-mobilità, jekk jiġu ġestiti sew, jgħinu biex jonqos il-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u b’hekk jikkontribwixxu direttament jew indirettament biex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-kapaċitajiet imsaħħa fil-pajjiżi kollha. Fil-kuntest preżenti ta’ taqlib globali ekonomiku u finanzjarju huwa kruċjali li jinżam l-impenn fit-tul tal-UE biex tinżamm Unjoni li hi miftuħa, li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-sistemi ekonomiċi u t-tendenzi demografiċi tal-UE, f’perspettiva globali usa'. Permezz tal-proċess tal-PCD, u bħala parti mill-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, l-UE tfittex li tagħmel użu mill-benefiċċji pożittivi tal-migrazzjoni għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u tal-isħab tagħha. L-isfida vera għas-snin li ġejjin tibqa’ jekk l-UE u l-Istati membri tagħha humiex kapaċi u preparati li joffru għażliet veri għall-migrazzjoni u l-mobilità għaċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed ifittxu opportunitajiet ta’ tagħlim u impjieg skont il-liġi fl-UE. L-implimentazzjoni bdiet u għandha tkompli dwar numru ta' kwistjonjiet, speċjalment ir-rimessi, iż-żieda fil-mobilità, u konnessjoni iktar b’saħħitha ma’ diaspora ta’ organizzazzjonijiet. Madanakollu, l-aġenda teħtieġ li tiġi mbuttata 'l quddiem speċjalment meta nitħaddtu dwar migrazzjoni tal-ħaddiema u l-eżodu tal-imħuħ li pereżempju fil-qasam tas-saħħa, jirriżultaw f’nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw. Kwistjonijiet ġodda, bħal l-impatt tat-tibdil tal-klima fuq il-migrazzjoni, jistgħu jiġu esplorati iktar.

Il-protezzjoni u l-infurzar tad- Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (DPI) huma element vitali fil-promozzjoni tal-innovazzjoni tat-teknoloġija u t-trasferiment u d-disseminazzjoni tat-teknoloġija. Il-PI tista’ tkun għodda importanti għal żvilupp soċjali u ekonomiku fi ħdan pajjiżi li qed jiżviluppaw u jistgħu jkollhom impatt fuq id-dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli – ekonomiku, ambjentali u soċjali – inkluż l-istimular tal-kreattività u l-innovazzjoni; Il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-investiment u l-kompettitività; saħħa pubbliku u sigurtà tal-ikel; Il-protezzjoni u l-użu tal-konoxxenza tradizzjonali u l-biodiversità.

Il-Ftehim TRIPS jipprovdi għal livelli ta’ protezzjoni tad-DPI fost membri tal-WTO u jinkludi dispożizzjonijiet għall-promozzjoni u l-inkoraġġiment tat-trasferiment tat-teknoloġija sabiex tinħoloq bażi teknoloġika soda u vijabbli fil-pajjiżi l-inqas żviluppati. Il-KE tkompli tibqa’ fuq quddiem nett tad-dibattitu internazzjonali dwar id-DPI, bħal fil-WTO u fi ħdan il-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Fost l-eżempji hemm ir-ratifika tal-Emenda tat-TRIPS sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għal mediċini bi privattiva b’reazzjoni għal problemi partikolari ta’ saħħa pubblika, u jsostnu proposti li jistgħu jgħinu komunitajiet indiġeni jisfruttaw u jibbenefikaw mill-għarfien tradizzjonali tagħhom u r-riżorsi ġenetiċi, jew li jagħmlu użu minn indikazzjonijiet ġeografiċi. L-Istrateġija Globali u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Innovazzjoni, il-Proprjetà Intelletwali u s-Saħħa Pubblika adottata mill-Assemblea tas-Saħħa Dinjija f’Mejju 2008 hija wkoll kontribuzzjoni importanti għall-għanijiet ta’ żvilupp fil-mira tagħha biex jiġi mtejjeb l-aċċess għall-mediċini u jiġi ffaċċjat mard li ġie ttraskurat.

L-isfida tal-PCD hija li d-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali jagħmlu l-akbar kontribuzzjoni possibbli sabiex iżidu l-prosperità f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikolari l-pajjiżi l-inqas żviluppati. Hemm pereżempju, potenzjal b’saħħtu f’dawn il-pajjiżi biex jagħmlu użu aħjar mill-qafas legali tal-DPI għad-detenturi tad-drittijiet lokali tagħhom. Dan jikkrea ambjent iktar attraenti għall-investiment kif ukoll jiżgura d-disseminazzjoni u l-użu l-informazzjoni żvelata permezz ta’ sistemi differenti tad-DPI.

Il-KE għandha l-intenzjoni li tesplora aktar attivament oqsma varji fejn d-DPI għandhom relevanza għall-iżvilupp, biex jiġu mfittxija modi biex jagħmlu użu aħjar tad-DPI għall-iżvilupp, u, b’mod iktar wiesgħa, biex jissaħħaħ il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp.

Il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għamlu progress tajjeb dwar it-tisħiħ tan-ness bejn is-sigurtà u l-iżvilupp [24]. Sabiex isir progress dwar dawn l-isforzi ġew identifikati erba’ oqsma. pjanifikar strateġiku, riforma tas-settur tas-sigurtà, sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali, u r-relazzjoni bejn l-għajnuna umanitarja u s-sigurtà. Dan għandu jwassal għal koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi differenti tal-UE u mandati effettivi għal operazzjonijiet inklużi l-komponenti militari taż-żmamma tal-paċi, li jaħdmu flimkien mal-komponenti tal-pulizija u dak ċivili kif ukoll miżuri ta’ stabilitODA-plus usa’. Din l-aġenda li tibni l-paċi komprensiva se tikkontribwixxi biex tipprovdi l-kundizzjonijiet neċessarji biex jintlaħqu l-MDGs.

Lejn kunċett ta’ ODA u iktar

Il-flussi finanzjarji li mhumiex ODAhuma importanti għall-iżvilupp, iżda l-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependi fuq il-qafas tal-politika. Il-programm ta’ ġidma tal-PCD se jipprovdi l-qafas ta’ politika biex ixedd il-potenzjal ta-flussi finanzjarji li mhumiex ODA għall-iżvilupp u jżid il-valur tal-iżvilupp tagħhom kemm fil-livell tal-Komunità u kemm f’dak tal-Istati Membri. Madanakollu, għandu jiġi nnutat li ħafna minn dawn il-flussi finanzjarji li mhumiex ODA lil pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddependu ħafna fuq azzjonijiet ta’ individwi privati u atturi ekonomiċi. Dan hu l-każ pereżempju fir-rigward tal-flussi tal-investiment, ir-remessi u t-trasferiment tat-teknoloġija. Bħala riżultat, il-fokus tal-azzjonijiet mill-gvernijiet – kemm fil-pajjiżi zżviluppati kif ukoll f’dawk li qed jiżviluppaw – se jkun li jiżgura politika li ssostni l-iżvilupp u ambjent regolatorju.

Il-programm ta’ ħidma tal-PCD se jipprovdi gwida għall-kunċett ta’ ODA u iktar u għall-forniment u rrintraċċar ta’ għejjun finanzjarji li jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u beni publiċi globali iżda huma distinti mill-ODA.

Se tinforma wkoll diskussjonijiet dwar il-perspettivi finanzjarji tal-UE li jmiss u b'mod partikolari l-istruttura tal-ħlas estern kif ukoll l-identifikazzjoni tal-flussi finanzjarji lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn strumenti finanzjarji ta' politiki interni.

L-approċċ il-ġdid mqiegħed fil-prattika

Aktar involviment proattiv/Kwistjonijiet organizzattivi

Sabiex ix-xogħol fuq il-kwistjonijiet ta’ prijorità tal-PCD jimxu 'l quddiem, kif identifikat fil-programm ta’ ħidma tal-PCD, l-Istati membri u l-Kummissjoni se jużaw l-istrumenti eżistenti biex itejbu l-PCD, inklużu konsultazzjonijiet bejn is-servizzi, evalwazzjoni tal-impatt u gruppi ta’ bejn is-servizzi, biex jiġi ġġenerat l-għarfien meħtieġ u jiġu identifikati l-għażliet ta’ politika.

Dan ix-xogħol għandu jiġi kkumplimentat mill-Presidenza u l-Kunsill inkluż bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat konġunti kemm fuq livell ministerjali kif ukoll fuq livell ta’ ħidma.

Ir-rapport bijennali tal-PCD se jiffoka fuq il-kwistjonijiet ta’ prijorità

Iktar sħubija

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isiru iktar interessati f’aġenda usa’ tal-UE. L-UE se tibni fuq dan l-interess u se tikkonsulta lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-kwistjonijiet ta’ prijorità tal-PCD sabiex tivvaluta liema impatti li se jkollhom il-politiki tal-UE fuq il-kapaċità tagħhom biex jilħqu l-MDGs. Filwaqt li hemm provdut għar-rappreżentanti ta' konsulenza minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, pereżempju, fil-linja gwida tal-evalwazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lid-djalogu mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet ta' prijoritajiet tal-PCD.

KONKLUżJONI

L-għajnuna għandha rwol ewlieni xi twettaq fl-appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiġi mnaqqas il-faqar u jintlaħqu l-MDGs. Iżda mhux se jkun biżżejjed fih innifsu. Fl-indirizzar ta’ numru ta’ kwistjonijiet globali ewlenin, l-UE tista’ twettaq ħafna iktar sabiex ittejjeb l-effetti pożittivi għall-iżvilupp ta’ għażliet ta’ politika tagħha f’oqsmka ta’ politika oħrajn. Barra minn hekk, ix-xedd tal-potenzjali tal-iżvilupp tal-flussi finanzjarji barra l-ODA jista' jkun approċċ effetiv ferm. 'Għandna bżonn nimmiraw aħjar filwaqt li nwessgħu l-istrumenti'.[25]

[1] COM(2009) 160 finali, 8.4.2009: "Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi" u SEC (2009) 445/2, 8.4.2009. "Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: l-Impatt tal-Kriżi Finanzjarja fuq il-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw".

[2] “Ir-Rapport ta' Monitoraġġ Globali 2009. Emerġenza tal-Iżvilupp", Il-Bank Dinji, 2009. Ara wkoll "l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju", Nazzjonijiet Uniti, 2009.

[3] "Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fil-punt tan-Nofs: Fejn ninsabu u fejn sejrin", Settembru 2008, François Bourguignon, Agnès Bénassy-Quéré, Stefan Dercon, Antonio Estache, Jan Willem Gunning, Ravi Kanbur, Stephan Klasen, Simon Maxwell, Jean-Philippe Platteau, Amedeo Spadaro. Dokument prodott fil-qafas tar-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp,

[4] It-Taqsira tal-Politika tal-OECD, Diċembru 2008, "Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp – Tagħlimiet"

[5] Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, pereżempju, fil-preżent qed jikkonsidra kif jista’ "japprofondixxi u jgħaġġel xogħlu sabiex jippromwovi l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp". Ara l-eżerċizzju ta’ riflessjoni: "Ninvestu fl-Iżvilupp" – kawża komuni f’dinja dejjem tinbidel", OECD DAC, 14.05. 2009.

[6] SEC (2007) 1202 of 20.09.2007u SEC (2009)XXX of xx.xx.2009.

[7] Dok. Tal-Kunsill 10018/09, 18.05.2009, Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni, , § 15.

[8] L-Artikolu 21(2)(d) u (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-kapitolu dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni li jistabilixxi żvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar bħala għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jistipula li l-UE għandha ssegwi dan l-għan fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-aspetti esterni tal-politiki l-oħrajn tagħha. l-Artikolu 208(1) tat-Trattat dwar it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni huwa l-verżjoni l-ġdida tal-artikolu ta’ koerenza 178 redat kważi b’mod identiku.

[9] COM(2009) 201, 28.4.2009, Komunikazzjoni Dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa; COM(2009) 160, 8.4.2009, ''Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ lill-Pajjiżi li qed Jiżviluppaw biex Ilaħħqu mal-Kriżi''

[10] Kummerċ, Ambjent, Bidla fil-klima, Sgurtà, Agrikoltura, Sajd, Dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, impjiegi u xogħol diċenti, Migrazzjoni, Riċerka u innovazzjoni, Soċjetà tal-informazzjoni, Trasport u Enerġija.

[11] SEC (2009)XXX of xx.xx.2009, Rapport tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp tal-2009.

[12] It-tabella bbażata fuq it-tweġibiet tal-Istati Membri għal kwestjonarju tat-2009 speċifiku dwar il-PCD preparat mill-Kummissjoni Ewropea.

[13] Stqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni Ewropea Release IP/08/1998, 17.12.2008 għal ħarsa ġenerali. Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/environment/climat/climate_action.htm

[14] SEC (2009)XXX of xx.xx.2009, Rapport tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp tal-2009.

[15] Dok. Tal-Kunsill 10018/09, 18.05.2009, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffaċċjaw il-kriżi, § 15.

[16] Idem.

[17] Reviżjoni tal-Għajnuna għall-Iżvilupp bejn esperti Indaqs tal-Komunità Ewropea, OECD (2007), p.35.

[18] SEC (2009)XXX of xx.xx.2009, Rapport tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp.

[19] Idem.

[20] SEC(2009) 92, 15.01.2009. Għal aktar dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fil-Kummissjoni Ewropea, ara http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm

[21] Kif imsemmi fil-"Investiment fl-iżvilupp – kawża komuni f’dinja dejjem tinbidel", OECD DAC, 14.05.2009.

[22] SEC(2008) 434, 9.4.2008, "Koerenza Politika għall-Iżvilupp - Tibdil fil-Klima/Enerġija/Bijokarburanti, Migrazzjoni u Riċerka".

[23] FAO, il-Kamra tal-aħbarijiet tal-FAO, http://www.fao.org/news/story/en/item/9962/icode/

[24] SEC (2009)XXX of xx.xx.2009, Rapport tal-UE dwar il-koerenza ta’ Politika għall-Iżvilupp 2009, il-kapitolu dwar is-sigurtà.

[25] Paul Collier, "The Bottom Billion", Oxford University Press 2007, p. 192.

Top