EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0358

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport Kompost dwar l-Istat ta’ Konservazzjoni tat-Tipi ta’ Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats

/* KUMM/2009/0358 finali */

52009DC0358

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport Kompost dwar l-Istat ta’ Konservazzjoni tat-Tipi ta’ Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats /* KUMM/2009/0358 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.7.2009

KUMM(2009) 358 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Kompost dwar l-Istat ta’ Konservazzjoni tat-Tipi ta’ Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Kompost dwar l-Istat ta’ Konservazzjoni tat-Tipi ta’ Ħabitats u tal-Ispeċijietkif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats

Sommarju Eżekuttiv

Bħala parti mir-rappurtar regolari dwar il-progress li jsir kull sitt snin, twettqet l-ewwel valutazzjoni sistematika tal-istat tal-konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats u tal-ispeċijiet imħarsa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats – l-ewwel waħda li qatt saret tax-xorta tagħha – f’25 Stat Membru u fi ħdax-il reġjun bijoġeografiku (sebgħa fuq l-art u erbgħa fil-baħar). Fl-Ewropa m’hemmx eżerċizzju ieħor ta’ rrappurtar kbir daqs dan. Dan l-eżerċizzju pprovda deskrizzjoni ġenerali inizjali u punt ta’ referenza biex jiġu vvalutati t-tendenzi tal-ġejjieni.

Ir-riżultati, li jkopru l-perjodu mill-2001 sal-2006, juru li parti żgħira biss mill-ħabitats u mill-ispeċijiet ta’ interess Komunitarju qegħdin fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Ir-rapporti mibgħutin mill-Istati Membri juru li t-tipi tal-ħabitats tal-imriegħi, tal-artijiet mistagħdra u ta’ mal-kosta huma dawk li l-iktar jinsabu taħt pressjoni. It-tipi tal-ħabitats tal-imriegħi huma assoċjati l-iktar mal-metodi tradizzjonali tal-biedja, li qed jintilfu madwar l-UE. Il-ħabitats tal-artijiet mistagħdra qed ikomplu jinbidlu f’artijiet li jintużaw mod ieħor u qed isofru wkoll mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-ħabitats ta’ mal-kosta jinsabu taħt pressjoni dejjem ikbar mill-iżvilupp turistiku u mill-iżvilupp tal-ibliet. Xi wħud mill-ispeċijiet protetti bid-Direttiva, bħal-lupu, il-linċi Ewro-Asjan, il-kastur u l-lontra qed juru xi sinjali ta’ rkupru f’xi partijiet tal-UE. Iżda għal dawn l-ispeċijiet u għal ħafna oħrajn għadna ’l bogħod ferm milli nilħqu popolazzjonijiet tal-annimali b’saħħithom u sostenibbli.

Is-sejbiet juru li l-miżuri ta’ konservazzjoni tad-Direttiva, kif ukoll il-finanzjament u l-istrumenti l-oħrajn skont il-politiki settorjali jistgħu jwasslu għal riżultati pożittivi. Għad fadal ħafna x’isir sabiex nibnu fuq il-progress li nkiseb s’issa. B’mod partikulari, għandu jitlesta n-netwerk tan-Natura 2000, u ċerti siti speċifiċi jista’ jkun li jkunu jeħtieġu miżuri ta’ restawr. Dawn, flimkien man-netwerk, jeħtieġ li jkunu ġestiti b’mod effettiv u li jingħataw ir-riżorsi t-tajba.

Fl-aħħar nett, ir-rapporti mressqin matul il-fażi ta’ rrappurtar attwali juru li, relattivament, ftit Stati Membri jinvestu biżżejjed riżorsi biex jissorveljaw l-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats fit-territorju tagħhom. Programm ta’ monitoraġġ tajjeb jeħtieġ persunal espert u riżorsi konsiderevoli. Madanakollu, minħabba li mhemmx dejta affidabbli, se jkun impossibbli li wieħed jivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ konservazzjoni.

Ir-riżultati ddettaljati tal-eżerċizzju ta’ rrappurtar skont l-Artikolu 17 jinsabu fuq is-sit tal-internet li ġej: http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17.

1. DAħLA

Fl-2001 l-Unjoni Ewropea ffissat l-għan politiku li, sal-2010, twaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE. Fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-Unjoni Ewropea qablet ma’ mira dinjija sabiex “sal-2010, tnaqqas b’mod sinifikanti r-rata attwali tat-telf tal-bijodiversità”. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2006 msejħa “It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sal-2010 u lil hinn”[1], il-Kummissjoni Ewropea reġgħet ikkonfermat il-mira li, sal-2010, jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u stabbiliet pjan, imsejjaħ “il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijodiversità”, sabiex jinkiseb dan il-għan.

Li jkun hemm kejl affidabbli tal-istat u tat-tendenzi tal-bijodiversità huwa prerekwiżit kemm għall-UE kif ukoll għall-politika internazzjonali. Fil-livell tal-UE, it-tagħrif miġbur u rrappurtat mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats[2] huwa għajn importanti tad-dejta dwar l-istat ta’ xi wħud mit-tipi ta’ ħabitats li huma l-iktar mhedda u ta’ xi wħud mill-ispeċijiet tal-annimali u tal-pjanti li huma l-iktar vulnerabbli.

2. IR-REKWIżITI TAR-RAPPURTAR SKONT L-ARTIKOLU 17 TAD-DIRETTIVA DWAR IL-ĦABITATS

X’teħtieġ id-Direttiva

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, kull sitt snin l-Istati Membri għandhom jibagħtu tagħrif dwar kif qed tiġi implimentata d-Direttiva. Għall-perjodu ta’ rrappurtar mill-2001 sal-2006, l-Istati Membri bagħtu, għall-ewwel darba, valutazzjonijiet iddettaljati dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ kull tip ta’ ħabitat u ta’ speċi mniżżlin fid-Direttiva u li jinsabu fit-territorju tagħhom (216 u kważi 1 182 tip rispettivament).

Abbażi tar-rapporti mibgħuta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni jeħtieġ li tagħmel rapport kompost (dan id-dokument), li jkun jinkludi evalwazzjoni tal-progress li jkun sar u l-kontribut li n-netwerk tan-Natura 2000 ikun ta sabiex jinkisbu l-għanijiet imniżżlin fl-Artikolu 3 tad-Direttiva.

L-istat ta ’ konservazzjoni

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats igħid li “l-miżuri meħuda skont din id-Direttiva [għandhom] ikunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw [jirrestawraw], fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli , il-ħabitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità” (it-tipi ta’ ħabitats imniżżlin fl-Anness I u l-ispeċijiet imniżżlin fl-Annessi II, IV u V għad-Direttiva).

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jiddefinixxi l-frażi “ l-istat ta’ konservazzjoni ” hekk kif tapplika għall-ħabitats u għall-ispeċijiet. Dawn id-definizzjonijiet iqisu parametri bħad-daqs taż-żona li fiha jkunu jinsabu l-ħabitat jew l-ispeċi, il-wiċċ taż-żona tal-ħabitat, l-istruttura u l-funzjonijiet tagħha (fil-każ tal-ħabitat), id-daqs tal-popolazzjoni, u l-istruttura tal-età, il-mortalità u r-riproduzzjoni tal-popolazzjoni (tal-ispeċi). Fuq dan jissejjes l-iżvilupp ta’ metodu komuni tal-valutazzjoni u format komuni ta’ rrappurtar, li qabel dwarhom il-Kumitat dwar il-Ħabitats[3] f’Marzu tal-2005[4]. Fl-2006, il-Kummissjoni pprovdiet gwida supplimentari dwar il-proċess tal-valutazzjoni[5].

Ir-reġjuni bijoġeografiċi

Il-ħabitats u l-ispeċijiet li normalment jinsabu flimkien huma assoċjati ma’ reġjuni li jkollhom klima, altitudni u ġeoloġija simili. Mil-lat ekoloġiku, l-Ewropa tista’ tinqasam f’seba’ reġjuni bijoġeografiċi fuq l-art u erbgħa fil-baħar. Għalhekk, meta Stat Membru wettaq valutazzjoni tal-istat tal-konservazzjoni ta’ speċi jew ta’ ħabitat, iż-żona ta’ referenza tal-valutazzjoni ma kinetx it-territorju ta’ dak l-Istat Membru iżda l-parti rispettiva tar-reġjuni bijoġeografiċi li jinsabu f’dak l-Istat Membru (ara l-Kaxxa nru 1 għal iktar tagħrif dwar ir-reġjuni bijoġeografiċi).

Il-proċess ta’ rrappurtar

Ir-rapporti ntbagħtu b’mod elettroniku permezz tas-Sistema tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-EEA) imsejħa “Reportnet”. Ir-rapporti nazzjonali kellhom jintbagħtu sa Ġunju tal-2007. Tliet Stati Membri bagħtuhom fil-ħin, iżda, sa Marzu tal-2008, kien għad hemm Stati Membri li kienu għadhom qed jibagħtu r-rapporti tagħhom[6]. Hekk kif kien jasal rapport minn Stat Membru għall-ewwel darba, kien jiġi analizzat miċ-Ċentru Tematiku Ewropew għad-Diversità Bijoloġika (l-ETC-BD) tal-EEA sabiex ikunu vvalutati l-kwalità tat-tagħrif mibgħut u kemm dak it-tagħrif kien komplut. It-talbiet għall-kjarifiki, żidiet u emendi kienu jintbagħtu lill-Istat Membru sabiex fi żmien qasir dan jibgħat id-dejta li jkun għad fadal jew id-dejta aġġornata.

Il-konsultazzjonijiet

L-Istati Membri ġew ikkonsultati fi tliet stadji waqt li kienet qed tiġi vvalutata d-dejta u waqt li kien qed jitħejja dan id-dokument. L-ewwel nett, huma kienu mistiedna jirrevedu s-sommarji nazzjonali, li tħejjew abbażi tar-rapporti nazzjonali. It-tieni nett, saret konsultazzjoni pubblika fuq l-internet mit-28 ta’ Lulju sal-15 ta’ Settembru 2008, li ppermettiet li jsiru kummenti minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Kienu rreġistrati madwar 2 000 persuna li żaru s-sit, minn 700 post tan-netwerk minn madwar l-UE kollha, u ntbagħtu madwar 400 kumment. 75 % ta’ dawn il-kummenti tqiesu bħala rilevanti u ġew integrati fit-tagħrif fil-bażi tad-dejta ta’ fuq l-internet (it-“Tagħrif fil-formola tad-dejta”). Fl-aħħar nett, intbagħat abbozz ta’ dan id-dokument lill-Kumitat tal-Ħabitats.

Il-Kaxxa nru 1: Ir-reġjuni bijoġeografiċi.

[pic]

It-tifsira tat-taqsiriet tar-reġjuni bijoġeografiċi differenti:

ALP=Ir-reġjun tal-Alpi; ATL=Ir-reġjun Atlantiku; BOR=Ir-reġjun Boreali; CON=Ir-reġjun Kontinentali; MAC=Ir-reġjun Makaroneżjan; MED=Ir-reġjun tal-Mediterran; PAN=Ir-reġjun Pannonjan; MATL=Ir-reġjun tal-baħar Atlantiku; MBAL=Ir-reġjun tal-baħar Baltiku; MMAC=Ir-reġjun tal-baħar Makaroneżjan; MED=Ir-reġjun tal-baħar Mediterran

3. IL-KWALITÀ TAD-DEJTA U KEMM HI KOMPLUTA

It-tagħrif li kien għad fadal jintbagħat

B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw bħala “mhux magħrufa” madwar 13 % mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats reġjonali u 27 % mill-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet reġjonali. L-għadd ta’ speċijiet li l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom kien ikklassifikat bħala“mhux magħruf” kien b’mod partikulari għoli fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, b’Ċipru, il-Greċja, Spanja u l-Portugall kollha jindikaw stat ta’ konservazzjoni “mhux magħruf” għal iktar minn 50 % mill-ispeċijiet irrappurtati fit-territorji tagħhom. Ħafna mill-Istati Membri ma kellhomx tagħrif komprensiv u affidabbli dwar il-friefet il-lejl.

Hemm problema partikulari bl-ambjent tal-baħar. Fih, 57 % mill-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-baħar u madwar 40 % mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats tal-baħar kienu kklassifikati bħala “mhux magħrufa”. Ħafna mill-Istati Membri sempliċiment ma għandhomx it-tagħrif meħtieġ dwar l-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats tal-baħar li jinsabu fit-territorji tagħhom.

Il-kwalità u l-koerenza

Meta t-tagħrif ikun disponibbli, ħafna drabi xorta waħda jkun hemm il-problemi, minħabba l-modi differenti li bihom tkun inġabret u ġiet ippreżentata d-dejta. Fejn kien possibbli, l-ETC-BD indirizza xi wħud minn dawn l-anomaliji fid-dejta waqt li kien qed jipproċessa u jivvaluta d-dejta. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà qed jaħdmu sabiex it-tagħlim miksub minn dan l-ewwel eżerċizzju ta’ rrappurtar jintuża sabiex jittejjeb it-tagħrif imressaq fiċ-ċiklu ta’ rrappurtar li jmiss.

4. IL-MESSAġġI EWLENIN LI JOħORġU MIR-RAPPORTI SKONT L-ARTIKOLU 17

A) Daħla

Iċ-Ċentru Tematiku għall-Bijodiversità tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għamel valutazzjonijiet integrati madwar ir-reġjuni bijoġeografiċi msejsa fuq ir-rapporti tal-Istati Membri u billi uża metodoloġija li kien hemm qbil dwarha. Il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri ngħataw piż skont il-proporzjon ta’ dik l-ispeċi jew dak il-ħabitat partikulari misjub fit-territorju nazzjonali. Imbagħad ir-riżultati nġabru flimkien sabiex ikun hemm valutazzjoni integrata waħda għal kull reġjun bijoġeografiku. B’kollox, fil-livell bijoġeografiku saru 701 valutazzjoni tal-ħabitat u 2 240 valutazzjoni tal-ispeċi.

Is-sit tal-internet (http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17) jipprovdi iktar dettalji dwar il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri tal-istat ta’ konservazzjoni u tal-valutazzjoni bijoġeografika (inklużi mapep u formoli bid-dejta), kif ukoll rapport tekniku ddettaljat.

F’dan ir-rapport, ir-riżultat tal-valutazzjonijiet li saru fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitat jew ta’ speċi partikulari qed jiġu ppreżentati f’waħda minn erba’ kategoriji: “favorevoli” (aħdar), “mhux favorevoli u mhux adegwat” (ambra), “mhux favorevoli u ħażin” (aħmar) jew “mhux magħruf” (griż).

[pic]

B) L-istat tat-tipi ta’ ħabitats imniżżlin fl-Anness I għad-Direttiva dwar il-Ħabitats

Fil-livell bijoġeografiku, kważi 65 % mis-701 valutazzjoni tal-ħabitats imniżżlin fl-Anness I mhumiex favorevoli. 17 % biss mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats huma favorevoli (ara l-istampa nru 1.A).

[pic] | [pic] |

L-istampa nru 1.A L-istampa nru 1.B

L-istampa nru 1.A: Sommarju tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats tal-Anness I (il-perċentwal jikkorrispondi mal-għadd ta’ valutazzjonijiet li twettqu)

L-istampa nru 1.B: Sommarju tal-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats fir-reġjuni bijoġeografiċi differenti (in-numri fil-parentesi jirreferu għall-għadd ta’ valutazzjonijiet)

Is-sitwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats fir-reġjuni bijoġeografiċi differenti (l-istampa nru 1.B) turi differenzi ċari bejn ir-reġjuni. L-ebda waħda mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats tar-reġjun Atlantiku ma kienet favorevoli, filwaqt li, fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Alpi, minn 20 sa 30 % tal-valutazzjonijiet tal-ħabitats kienu favorevoli.

L-Anness I għad-Direttiva dwar il-Ħabitats jinkludi għadd wiesa’ ta’ ħabitats li huma maqsumin f’disa’ gruppi ta’ tipi ta’ ħabitats relatati, bħall-foresti u l-imriegħi. L-istampa nru 2 tagħti, fil-qosor, ir-riżultati tal-valutazzjonijiet imwettqa għal kull wieħed minn dawn id-disa’ gruppi ta’ ħabitats.

[pic]

L-istampa nru 2: Valutazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats skont il-grupp tal-ħabitat (in-numru mogħti fil-parentesi jirreferi għall-għadd ta’ valutazzjonijiet li twettqu għal kull grupp)

Il-biċċa l-kbira tal-ħabitats tal-imriegħi fl-Ewropa jeħtieġ li jiġu ġestiti b’mod attiv. L-abbandun tal-prattiki tradizzjonali tal-ġestjoni wassal għat-telf tal-bijodiversità f’ċerti postijiet filwaqt li f’oħrajn, l-għerq tal-problema hija l-bidla lejn prattiki tal-biedja iktar intensivi. Il-ħabitats tal-imriegħi jinsabu taħt pressjoni b’mod partikulari fir-reġjun Atlantiku, f’dak Boreali u f’dak Pannonjan.

L-għadajjar, il-pantani u l-moxa mgħaddra jeħtieġu sistemi speċifiċi idroloġiċi. L-istat ta’ dawn it-tipi ta’ ħabitats huwa ħażin l-iktar fir-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku u f'dak Kontinentali.

Madwar l-UE kollha, il-ħabitats tad-duni jinsabu taħt pressjoni kbira ferm, u m’hemm kważi l-ebda valutazzjoni favorevoli tagħhom. L-Istati Membri identifikaw l-iżvilupp turistiku ta’ mal-kosta bħala t-theddida ewlenija għalihom.

Hemm tendenza li l-ħabitats tal-blat u l-arbuxxelli sklerofilli (eż. it-tipi differenti ta’ żoni mimlija żrar) ikollhom valutazzjonijiet li jkunu iktar pożittivi minn dawk tal-gruppi tal-ħabitats l-oħrajn. It-tip ta’ ħabitat imsejjaħ “glaċieri permanenti” huwa eċċezzjoni ċara għal din ir-regola ġenerali. Dan huwa minħabba li, madwar l-UE kollha, il-glaċieri huma mhedda mit-tibdil fil-klima.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tipi ta’ ħabitats tal-foresti, is-sitwazzjoni tvarja ferm u mhemmx tendenzi ġenerali daqshekk ċari.

C) L-istat tal-ispeċijiet imniżżlin fl-Annessi għad-Direttiva dwar il-Ħabitats

B’mod ġenerali, madwar l-UE, twettqu 2 240 valutazzjoni separata tal-ispeċi. Minn dawn il-valutazzjonijiet, 17 % biss kienu favorevoli, waqt li 52 % ma kinux favorevoli. F’31 % tal-każijiet, l-istat kien irrappurtat bħala “mhux magħruf” (l-istampa nru 3.A).

[pic] | [pic] |

L-istampa nru 3.A L-istampa nru 3.B

L-istampa nru 3.A: Sommarju tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet (il-perċentwal jirreferi għall-għadd ta’ valutazzjonijiet li twettqu)

L-istampa nru 3.B: Sommarju tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet fir-reġjuni bijoġeografiċi differenti (in-numri fil-parentesi jirreferu għall-għadd ta’ valutazzjonijiet)

Ir-reġjun Boreali kellu l-ikbar perċentwal ta’ valutazzjonijiet tal-istat ta’ konservazzjoni kklassifikati bħala “favorevoli”, u warajh kien hemm ir-reġjun Makaroneżjan u dak tal-Alpi (l-istampa nru 3.B). Il-proporzjon għoli ferm ta’ valutazzjonijiet bi stat ta’ konservazzjoni rrappurtat bħala “mhux magħruf” fir-reġjun tal-Mediterran u f’dak Atlantiku jagħmilha diffiċli ferm li wieħed iqabbel ir-riżultati.

Fir-reġjuni tal-baħar, fil-biċċa l-kbira tal-valutazzjonijiet l-istat ta’ konservazzjoni kien irrappurtat bħala “mhux magħruf”, ħlief għar-reġjun tal-baħar Baltiku, li fih l-istat tal-erba’ speċijiet tal-mammali kien kullimkien ħażin.

F'dak li għandu x’jaqsam mal-gruppi tassonomiċi ewlenin, huwa diffiċli li wieħed jinnota differenzi sistematiċi bejniethom f’dak li għandu x’jaqsam mal-istat ta’ konservazzjoni tagħhom madwar l-UE kollha (l-istampa nru 4).

[pic]

L-istampa nru 4: Sommarju tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet skont il-gruppi tassonomiċi (in-numru mogħti fil-parentesi jirreferi għall-għadd ta’ valutazzjonijiet li twettqu għal kull grupp

D) L-istat tal-konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats assoċjati mal-biedja

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet li twettqu għat-tipi ta’ ħabitats assoċjati mal-biedja tqabblu ma’ dawk li saru għat-tipi ta’ ħabitats assoċjati ma’ użi oħra tal-art (l-istampa nru 5). Huwa ċar li, b’mod ġenerali, it-tipi ta’ ħabitats marbutin mal-biedja qegħdin fi stat ta’ konservazzjoni agħar mill-oħrajn, b’7 % biss mill-valutazzjonijiet ikunu favorevoli, meta mqabbla ma’ 21 % għall-ħabitats li “mhumiex tal-biedja”. Is-sitwazzjoni hija gravi b’mod partikulari fir-reġjun Atlantiku, li fih l-ebda wieħed mill-ħabitats assoċjati mal-biedja ma kien ivvalutat bħala “favorevoli”. Ir-reġjun Atlantiku huwa dak li fih l-art agrikola l-iktar li tinsab taħt pressjoni, u jinkludi wħud miż-żoni li l-iktar jintużaw għall-biedja b’mod intensiv fil-kontinent kollu. Fir-reġjun Pannonjan u f’dak tal-Mediterran, il-perċentwal ta’ valutazzjonijiet favorevoli għal dawn it-tipi ta’ ħabitats kien ta’ 5 % u ta’ 3 % rispettivament. Madanakollu, fir-reġjun tal-Mediterran, is-sitwazzjoni hija kkumplikata minħabba l-perċentwal għoli ferm ta’ valutazzjonijiet li fihom l-istat ta’ konservazzjoni kien irrappurtat bħala “mhux magħruf”. Ir-riżultati ta’ dan il-perjodu ta’ rrappurtar se jipprovdu punt ta’ referenza li abbażi tiegħu wieħed ikun jista’ jivvaluta l-impatt tal-firxa wiesgħa tal-miżuri favur il-bijodiversità li qed jiġu implimentati skont il-Politika Agrikola Komuni.

L-istampa nru 5: L-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats meqjusin bħala tipi ta’ ħabitats assoċjati mal-biedja meta mqabbel ma’ dak tat-tipi ta’ ħabitats li mhumiex assoċjati mal-biedja

Tipi ta’ ħabitats assoċjati mal-biedja (204 valutazzjoni) | Tipi ta’ ħabitats li mhumiex assoċjati mal-biedja (497 valutazzjoni) |

[pic] | [pic] |

E) Ħabitats u speċijiet li huma effettwati mit-tibdil fil-klima

Fir-rapporti mibgħutin mill-Istati Membri, kien indikat li t-tibdil fil-klima għandu impatt negattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ 42 ħabitat (19 %) ta’ 144 speċi (12 %).

Mid-dehra, il-ħabitats tal-artijiet mistagħdra bħall-għadajjar, il-pantani u l-moxa mgħaddra huma l-iktar li huma influwenzati mit-tibdil fil-klima, u l-ħabitats tad-duni wkoll huma effettwati b’mod negattiv.

Jidher li, fost il-gruppi ewlenin tal-ispeċijiet, l-anfibji jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima iktar mill-gruppi l-oħra. L-anfibji huma assoċjati bis-sħiħ mat-tipi ta’ ħabitats tal-artijiet mistagħdra li huma effettwati mit-tibdil fil-klima (ara dan ta’ hawn fuq). Jista’ jkun ukoll li l-bidliet fil-klima jeffettwaw is-suċċess tat-tgħammir minħabba li, ħafna drabi, it-tibdil fit-temperatura jservi bħala s-sinjal biex jibda l-istaġun tat-tgħammir fl-ispeċi tal-anfibji.

5. MINN WARA L-KWINTI

Mill-eżerċizzju ta’ rrappurtar skont l-Artikolu 17 ħareġ tagħrif estensiv dwar l-istat ta’ konservazzjoni ta’ iktar minn 200 tip ta’ ħabitat u ta’ kważi 1 200 speċi fil-25 Stat Membru u madwar 11-il reġjun bijoġeografiku. F'dan ir-rapport, il-Kummissjoni ppruvat tislet ir-riżultati u l-konklużjonijiet ewlenin, iżda, naturalment, il-proċess tal-ġbir flimkien u tal-konsolidazzjoni wassal għall-ħabi ta’ bosta mit-tagħrif iddettaljat.

Minkejja li l-messaġġ ġenerali huwa li l-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħafna tipi ta’ ħabitats u ta’ ħafna speċijiet huwa ħażin, ir-riżultati iktar iddettaljati juru li xi speċijiet, bħall-ors il-kannella, il-lupu u l-kastur qed jirkupraw u qed jerġgħu jistabbilixxu lilhom infushom f’ħafna żoni (iżda mhux f’kollha). La speċijiet kbar bħal dawn qed iwessgħu ż-żoni tagħhom, dan ifisser li hemm il-ħabitats it-tajbin u li tnaqqsu l-pressjonijiet negattivi bħall-kaċċa u t-tniġġis.

Barra minn hekk, għal ħafna mill-ispeċijiet u mit-tipi ta’ ħabitats li, b’mod ġenerali, kellhom stat ta’ konservazzjoni li kien ivvalutat bħala “mhux favorevoli” f’reġjun bijoġeografiku partikulari, valutazzjoni iktar iddettaljata turi li l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom ivarja minn Stat Membru għall-ieħor. Il-valutazzjonijiet reġjonali jissejsu fuq mhux iktar minn għaxar valutazzjonijiet imwettqa mill-Istati Membri u l-valutazzjonijiet reġjonali negattivi ħafna drabi jinkludu pajjiżi li fihom ikunu ġew irrappurtati valutazzjonijiet differenti. Pereżempju, il-mazzarell Aeshna viridis kien ivvalutat bħala “mhux favorevoli u ħażin” fir-reġjun Kontinentali b’mod ġenerali, iżda, hekk kif muri fl-istampa nru 6, l-istat ta’ konservazzjoni tiegħu jvarja f’kull wieħed mit-tliet pajjiżi fejn jinsab.

[pic]

L-istampa nru 6: Il-valutazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri fir-reġjun Kontinentali għall-mazzarell Aeshna viridis (“green hawker”) tal-Anness IV. Din l-ispeċi ġiet ivvalutata bħala fi stat “mhux favorevoli u ħażin” f’dan ir-reġjun (minn http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17).

Bl-istess mod, il-pjanta Arnica montana kienet ivvalutata bħala fi stat “mhux favorevoli u mhux adegwat” fir-reġjun tal-Alpi imma l-istampa nru 7 tagħti ’l wieħed x’jifhem li l-istat ta’ konservazzjoni fil-livell nazzjonali jvarja minn favorevoli fil-Punent għal mhux favorevoli u ħażin fil-Lvant. Madanakollu, dan igħodd biss għar-reġjun tal-Alpi minħabba li fil-parti Atlantika ta’ Franza u fil-pajjiżi tal-Benelux (reġjun Atlantiku u Kontinentali), l-ispeċi qiegħda fi stat “mhux favorevoli u ħażin”.

[pic]

L-istampa nru 7: Il-valutazzjonijiet li twettqu mill-Istati Membri fir-reġjun tal-Alpi għall-pjanta Arnica montana tal-Anness IV. Din l-ispeċi ġiet ivvalutata bħala fi stat “mhux favorevoli u mhux adegwat” f’dan ir-reġjun (minn http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17).

6. IR-RABTA BEJN L-ISTAT TA’ KONSERVAZZJONI U N-NETWERK TAN-NATURA 2000

A) Daħla

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats teħtieġ li r-rapport kompost tal-Kummissjoni jittratta l-kontribut li l-programm tan-Natura 2000 ikun ta sabiex jinkisbu l-għanijiet imniżżlin fl-Artikolu 3. B’mod partikulari, il-programm tan-Natura 2000 kien immirat biex igħin lit-tipi ta’ ħabitats imniżżlin fl-Anness I għad-Direttiva u l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness II “biex jinżammu, jew, fejn ikun xieraq, ikunu rrestawrati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fiż-żona naturali tagħhom”.

B) X’inhu l-programm tan-Natura 2000?

Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri jeħtieġ li jistabbilixxu għadd ta’ siti protetti. Dawn is-siti jagħmlu parti min-netwerk tan-Natura 2000 (li jinkludi siti magħżulin skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u dik dwar l-Għasafar), li huwa l-ikbar netwerk ekoloġiku fid-dinja. Illum hemm kważi 22 000 sit magħżulin skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, li jkopru madwar 13.3 % tat-territorju tal-UE. B’kollox, in-netwerk tan-Natura 2000 jinkludi iktar minn 25 000 sit (id-Direttiva dwar l-Għasafar u dik dwar il-Ħabitats flimkien). Dawn jinsabu f’firxa wiesgħa ta’ artijiet użati għal diversi raġunijiet – għall-biedja, għall-foresti, u bħala żoni selvaġġi, u jkopru madwar 17 % tat-territorju tal-UE.

C) In-netwerk tan-Natura 2000 u l-kontribut tiegħu sabiex jinkiseb stat ta’ konservazzjoni favorevoli

In-netwerk tan-Natura 2000 żviluppa b’mod kostanti matul dawn l-aħħar 15-il sena (l-istampa nru 8) u l-parti tan-netwerk ta' fuq l-art għandha titlesta sal-2010.

[pic]

L-istampa nru 8: L-iżvilupp tan-netwerk tan-Natura 2000 f’termini tal-għadd ta’ siti

Skont id-Direttva, ladarba sit ikun miżjud b’mod formali mal-lista tas-Siti ta’ Interess Komunitarju tal-UE, l-Istat Membru jkollu sitt snin ċans biex jiżviluppa l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa sabiex jitħares il-valur ekoloġiku taż-żona. Minħabba d-dewmien biex jiġi stabbilit in-netwerk u l-fatt li, f’ħafna mill-każijiet, il-miżuri ta’ konservazzjoni għadhom qed jiġu żviluppati, mhuwiex realistiku li, f’dan l-istadju, wieħed jistenna li jara relazzjoni ċara pożittiva bejn in-netwerk tan-Natura 2000 u l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats u tal-ispeċijiet koperti mid-Direttiva (fl-Annessi I u II rispettivament). Dan ma jfissirx li m’hemmx eżempji pożittivi (ara t-taqsimiet 3 u 4 ta’ hawn fuq). Fil-fatt huma ħafna l-każijiet li fihom siti tan-Natura 2000 ibbenefikaw bis-sħiħ fil-livell lokali, b’mod speċjali dawk is-siti li jirċievu l-fondi permezz tal-programmi msejħa “LIFE” jew tal-programmi tal-iżvilupp rurali. Barra minn hekk, issa hemm evidenza xjentifika ċara li s-siti tan-Natura 2000 magħżulin skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, li kienet adottata tlettax-il sena qabel dik dwar il-Ħabitats, jagħtu kontribut sinifikanti għall-ħarsien tal-ispeċijiet tal-għasafar[7]. Sa ma jiġu biex joħorġu t-tieni u t-tielet rapport fl-2013 u fl-2019 rispettivament, għandu jkun jidher biċ-ċar il-kontribut siewi tal-programm tan-Natura 2000 għall-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats u tal-ispeċi koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats.

D) Appoġġ finanzjarju sabiex tkun implimentata d-Direttiva dwar il-Ħabitats

Fl-2004, il-Kummissjoni Ewropea stmat li l-ispiża annwali totali tal-ġestjoni tan-netwerk tan-Natura 2000 kienet ta’ 6.1 biljun EUR[8]. Flimkien ma’ dan, hemm ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni meħudin mill-Istati Membri ’l barra mis-siti tan-Natura 2000 sabiex jiksbu l-għanijiet tad-Direttiva. Fil-livell tal-UE, ħafna mill-appoġġ finanzjarju disponibbli għall-ħarsien tan-natura ġej mill-programmi tal-iżvilupp rurali tal-programmi tal-Politika Agrikola Komuni u tal-politika ta’ Koeżjoni. Barra minn hekk, proġetti b’mira speċifika skont il-programm imsejjaħ “LIFE” ukoll taw kontribut għat-titjib tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ ħabitats u ta’ speċijiet partikulari. Hemm differenzi kbar fil-mod li bih l-Istati Membri differenti jużaw l-opportunitajiet biex jappoġġaw il-bijodiversità li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE, u r-riżultati murija f’dan ir-rapport jissuġġerixxu li f’ħafna każijiet, il-livell tal-investiment jeħtieġ li jiżdied biex l-Istati Membri jżommu mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.

7. KONKLUżJONIJIET

Għall-ewwel darba, l-UE wettqet valutazzjoni komprensiva tal-istat tal-ħabitats u tal-ispeċijiet l-iktar vulnerabbli tagħha f’25 Stat Membru u fi ħdax-il reġjun bijoġeografiku (sebgħa fuq l-art u erbgħa fil-baħar). Issa, l-UE għandha punt ċar ta’ referenza biex jiġu vvalutati t-tendenzi tal-ġejjieni fl-istat tal-ispeċijiet u tal-ħabitats l-iktar vulnerabbli tagħha. Fl-Ewropa m’hemmx eżerċizzju ieħor ta’ rrappurtar dwar il-bijodiversità kbir daqs dan.

Għall-Unjoni Ewropea, il-ħarsien tal-bijodiversità huwa prijorità, u sabiex il-politiki tagħna jirnexxu jrid ikollna kejl komprensiv u affidabbli tal-istat tal-bijodiversità tagħna. Għaldaqstant jeħtieġ li jkunu investiti biżżejjed riżorsi fil-monitoraġġ u r-rappurtar meħtieġa kemm skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats kif ukoll skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Dan ir-rapport juri li ħafna mill-Istati Membri jeħtieġ li jinvestu ferm iktar f’dan ix-xogħol u li għall-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar m’hemmx tagħrif jewinkella hemm tagħrif, imma dan huwa dgħajjef.

Ir-riżultati tar-rapporti tal-2001 sal-2006 juru li, għal ħafna mill-ħabitats u mill-speċijiet imniżżlin fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, għadu ma ntlaħaqx stat ta’ konservazzjoni favorevoli kemm fil-livell reġjonali nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali bijoġeografiku. Madanakollu, xi indikazzjonijiet juru li f’ċerti każijiet, it-tendenza hija waħda pożittiva. Jeħtieġ li nistennew ir-riżultati tal-fażi ta’ monitoraġġ u ta’ rrappurtar li jmiss qabel ma jkunu jistgħu jiġu kkonfermati dawn it-tendenzi.

Fattur ewlieni li jiddetermina s-suċċess tad-Direttiva huwa l-livell tal-investimenti li jsiru għall-ħarsien tal-bijodiversità. Matul dan id-deċennju huwa importanti ferm li jiżdiedu l-fondi tal-UE għall-bijodiversità. L-effetti ta’ dan, kif ukoll l-effetti ta’ tibdiliet fil-politika dwar il-prattika jeħtieġ li jkunu mmonitorjati sabiex ikun żgurat li dawn ikunu qed itejbu l-qagħda tal-bijodiversità b’mod permanenti. Huwa ċar li se jkunu meħtieġa iktar sforzi fis-snin li ġejjin minħabba l-kobor tal-isfida biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità.

Ir-rapporti mressqa mill-Istati Membri juru li, b’mod ġenerali, it-tipi ta’ ħabitats tal-imriegħi, tal-artijiet mistagħdra u ta’ mal-kosta qegħdin, b’mod partikulari, fi stat ħażin. It-tipi tal-ħabitats tal-imriegħi huma assoċjati l-iktar mal-metodi tradizzjonali tal-biedja, li qed jintilfu madwar l-UE. B’mod ġenerali, it-tipi kollha tal-ħabitats assoċjati mal-biedja qegħdin fi stat ta’ konservazzjoni agħar mit-tipi tal-ħabitats l-oħrajn. Filwaqt li f’ċerti żoni tal-UE dan huwa marbut ma’ bidliet lejn prattiki tal-biedja iktar intensivi, f’żoni oħrajn ir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas huma l-abbandun tal-art u n-nuqqas tal-ġestjoni. Il-ħabitats tal-artijiet mistagħdra qed ikomplu jinbidlu f’artijiet li jintużaw mod ieħor u qed isofru wkoll mill-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-ħabitats ta’ mal-kosta jinsabu taħt pressjoni dejjem ikbar mill-iżvilupp tal-ibliet.

Il-parti tan-netwerk tan-Natura 2000 li tinsab fuq l-art qiegħda fl-aħħar stadji tat-tlestija tagħha u issa l-prijorità għandha tkun li jkunu żgurati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati ta’ konservazzjoni għas-siti kollha tan-Natura 2000, inkluż biżżejjed appoġġ finanzjarju. Għall-ambjent tal-baħar, għad irid isir ħafna xogħol sabiex in-netwerk jitlesta.

[1] COM(2006) 216 finali, 22.5.2006.

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.

[3] Kumitat Regolatorju tal-Istati Membri stabbilit skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats sabiex igħin lill-Kummissjoni timplimenta d-Direttiva.

[4] Il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-istat tal-konservazzjoni – Inħejju r-rapport tal-2001 sal-2006 skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Nota lill-Kumitat dwar il-Ħabitats tad-DĠ għall-Ambjent, Brussell, il-15 ta’ Marzu 2005, http://circa.europa.eu/Public/irc/env/monnat/library?l=/habitats_reporting/reporting_2001-2007/reporting_framework&vm=detailed&sb=Title.

[5] Il-valutazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats: Noti ta’ spjegazzjoni u linji ta’ gwida ta’ Ottubru 2006.http://circa.europa.eu/Public/irc/env/monnat/library?l=/habitats_reporting/reporting_2001-2007/guidlines_reporting&vm=detailed&sb=Title.

[6] Tagħrif li wasal wara dik id-data ma setax jitqies iktar.

[7] “ International Conservation Policy Delivers Benefits for Birds in Europe ” (Il-politika internazzjonali dwar il-konservazzjoni twassal għal benefiċċji għall-għasafar fl-Ewropa). Science ( Ix-Xjenza ), l-10 ta’ Awwissu 2007.

[8] COM (2004) 431 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Niffinanzjaw il-programm tan-Natura 2000 [ titlu mhux uffiċjali ].

Top