EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0277

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-Governanza tal-Internet : il-passi li jmiss

/* KUMM/2009/0277 finali */

52009DC0277

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Il-Governanza tal-Internet : il-passi li jmiss /* KUMM/2009/0277 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

INTRODUZZJONI

Minn nofs is-snin disgħin ’il hawn, il-governanza tal-internet kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet internazzjonali, u l-UE kienet minn tal-ewwel li identifikat kwistjonijiet ewlenin tal-politika pubblika li għandhom jiġu diskussi bejn l-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi sħab internazzjonali.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, fid-dawl tal-mod li bih l-Internet ittrasforma l-ħajjiet u l-ambjenti tax-xogħol ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej, il-governanza tal-Internet tibqa’ prijorità kruċjali tal-politika pubblika. Biex nieħdu eżempju, l-UE għandha ftit aktar minn 7% tal-popolazzjoni tad-dinja, iżda kważi 19 % tal-utenti tal-Internet fid-dinja[1]. L-internet sar għodda li tintuża minn kullimkien għall-kummerċ, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u l-interazzjoni soċjali ta’ kuljum. L-interazzjonijiet bejn il-bnedmin issa qegħdin dejjem aktar jiġu ssupplimentati minn interazzjonijiet bejn il-magni - l-hekk imsejjaħ 'Internet tal-oġġetti' - li fuqhom jissejsu attivitajiet importanti, saħansitra meta forsi ma nkunux konxji li l-Internet ikun involut.

GħALIEX HIJA IMPORTANTI L-GOVERNANZA TAL-INTERNET ?

Fl-aħħar għoxrin sena, l-Internet kellu impatt tremend fuq is-soċjetà. Diġà sa nofs id-disgħinijiet, dak li fil-bidu kien netwerk ta’ riċerka xjentifika fuq skala żgħira kien sar pjattaforma tal-komunikazzjoni tabilħaqq globali. Minn dak iż-żmien, il-gvernijiet ħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma’ firxa wiesgħa ta’ sfidi tal-politika pubblika, mit-tiftixa għall-mezzi biex jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tal-internet, sat-trattament tal-kontenut mhux xieraq jew illegali, il-ħtieġa għal-miżuri xierqa għall-ħarsien tal-konsumaturi, u l-indirizzar ta’ problemi tal-ġurisdizzjoni f’dinja onlajn dejjem aktar globalizzata.

Huwa importanti li l-użu u l-penetrazzjoni tal-Internet issa tant huma għolja, speċjali fil-pajjiżi żviluppati bħalma huma dawk tal-UE, li dan sar riżorsa kritika , li kwalunkwe xkiel fis-servizz jista’ jkollu effetti potenzjalment katastrofiċi fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Mudelli kummerċjali sħaħ issa jinbnew fuq l-assunzjoni ta’ disponibbiltà tal-konnettività tal-Internet kważi kontinwa. Ħafna gvernijiet u servizzi finanzjarji issa tant saru bbażati fuq l-internet li kwalunkwe tfixkil sinifikanti fis-servizz jista’ jxekkel l-aċċess taċ-ċittadini għal servizzi ewlenin.

Ħafna utenti tal-Internet fl-UE għalhekk għandhom stennija leġittima dwar l- affidabbiltà tal-‘Internet tagħhom’. L-utenti inevitabbilment iduru lejn il-gvernijiet tagħhom jekk ikun hemm xi tfixkil nazzjonali kbir għas-servizz tagħhom tal-Internet , u mhux lejn il-korpi varji tal-governanza tal-Internet responsabbli għall-koordinazzjoni tar-riżorsi.

IS-SUċċESS TAL-INTERNET

Arkitettura miftuħa u interoperabbli

L-istorja bikrija tal-Internet tirrifletti l-oriġini tiegħu fir-riċerka u l-akkademja. Id-deċiżjonijiet dwar dik li llum nafuha bħala 'governanza' kienu jsiru mill-inġiniera u x-xjentisti. Għall-benefiċċju ta’ miljuni ta’ utenti tal-Internet sussegwenti, dan irriżulta f’arkitettura miftuħa u interoperabbli, li fiha l-effiċjenza u l-affidabbiltà inkisbu bit-tqassim tal-intelliġenza lejn il-partijiet periferali tan-netwerk. Sakemm jiġu rispettati protokolli relattivament sempliċi, kwalunkwe netwerk seta’ jaqbad ma’ kwalunkwe netwerk ieħor.

Dan ippermetta l-innovazzjoni sseħħ minn kwalunkwe post, inkluż minn utenti individwali u atturi kompletament ġodda li ma xxekklux minn ostakoli tad-dħul sinifikanti. Barra minn hekk, in-natura imqassma tal-Internet globali hija wkoll vantaġġ ewlieni tas-sigurtà peress illi huwa ferm inqas probabbli li xi falliment lokalizzat jinterferixxi mat-traffiku x’imkien ieħor.

Is-suċċess ta’ din l-arkitettura miftuħa u newtrali wasslet biex ħafna atturi oħra jisfruttaw il-flessibbiltà u l-effiċjenza inerenti tal-Internet biex iwasslu s-servizzi u jużawh bħala pjattaforma għall-innovazzjonijet tagħhom.

Tmexxija mis-settur privat

Hekk kif l-Internet għadda mill-qasam akkademiku għas-soċjetà mifruxa, is-settur privat b’mod partikolari ħa fuqu rwol importanti tat-tmexxija billi pprovda l-investiment meħtieġ, l-għarfien espert u l-inizjattiva imprenditorjali biex imexxi 'quddiem ir-rata tal-innovazzjoni u l-ambitu tal-mobilitazzjoni tal-Internet li naraw illum. Huwa s-settur privat li jippossjedi u li jopera l-biċċa l-kbira l-infrastruttura tas-sinsla internazzjonali, in-netwerks nazzjonali tal-kejbil, u li jipprovdi s-servizzi varji li jiffaċilitaw u jmexxu t-traffiku. Ħafna mir-regoli tekniċi li permezz tagħhom jaħdem l-Internet, huma mfassla mill-Grupp ta' Ħidma għall-Inġinerija tal-Internet, l-IETF, għal darb'oħra, mhux korp governattiv. L-allokazzjoni tal-indirizzi IP fuq il-livell reġjonali jsir mill-entitajiet privati bħalma huma r-RIPE NCC[2], li tkopri r-reġjun tal-Ewropa[3]. Din it-tmexxija mis-settur privat tkompli taqdi għanijiet importanti tal-politika pubblika u jeħtieġ li tinżamm u tiġi appoġġata.

Il-mudell ta’ partijiet interessati varji

Aspett ieħor tal-governanza tal-internet li kkontribwixxa għas-suċċess tiegħu sal-lum kien l-użu ta’ proċessi b’partijiet interessati varji sabiex jintgħata bidu u jiġi żviluppat il-kunsens dwar il-politiki tal-governanza tal-Internet. Il-Forum għall-Governanza tal-Internet huwa eżempju tajjeb ta’ forum b’partijiet interessati varji ta’ dan it-tip.

IR-RWOL TAL-GVERNIJIET U R-RESPONSABBILTÀ

L-importanza dejjem tikber tal-Internet għas-soċjetà kollha kemm hi, madankollu, tesiġi dejjem aktar li l-gvernijiet ikunu involuti b’mod aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet ewlenin li fuqhom huwa bbażat l-iżvilupp tal-Internet.

Huwa importanti wkoll nirrikonoxxu li fil-klima li ħalliet warajha l-kriżi finanzjarja, l-attitudnijiet tal-pubbliku fir-rigward tal-kunċett tal-awtoregolazzjoni nbidlu. Fejn huma kkonċernati riżorsi kritiċi, humiex sistemi bankarji inkella infrastrutturi u servizzi tal-Internet, wieħed jista' jifhem l-istennija ogħla li teżisti li l-gvernijiet se jkunu aktar proattivi milli setgħu kienu fl-imgħoddi biex jiddefendu l-interess pubbliku.

Li nkomplu nsegwu linja passiva fil-konfront tal-iżvilupp tal-prattiki tal-governanza internazzjonali tal-Internet għalhekk sempliċement mhix għażla . Madankollu, dan ma jfissirx li l-gvernijiet jeħtieġu xi rwol aktar b’saħħtu fil-ġestjoni jew il-kontroll tat-tħaddim ta' kuljum tal-Internet.

It-tmexxija tal-bini u l-ġestjoni ta’ kuljum tal-Internet mis-settur privat, hekk kif nafuhom illum, ħadmet tajjeb. Kif ingħad qabel, din l-inizjattiva mis-settur privat għandha tinżamm. Iżda l-partijiet interessati mhux governattivi jridu jirrikonoxxu li l-utenti tal-Internet madwar id-dinja – li l-maġġoranza tagħhom ma jiħdux sehem, inkella mhumiex rappreżentati b’xi mod ieħor fil-fora dwar il-governanza tal-Internet – għandhom stennija leġittima li l-gvernijiet tagħhom se jiggarantixxu li kwalunkwe arranġament kurrenti jew futur dwar il-governanza se jirrifletti l- interess pubbliku tas-soċjetà kollha kemm hi u mhux se jkun suġġett għal tfixkil minn interessi kummerċjali jew reġjonali dojoq. It-tmexxija mis-settur privat u politiki pubbliċi effikaċi mhumiex inkompatibbli ma xulxin . Qafas tal-politika pubblika b’saħħtu u ċar jista’ jgħin ukoll biex jinħoloq ambjent prevedibbli li jwassal għall-investiment billi jidentifika miri tal-politika pubblika li jiġu appoġġati u ‘linji ħomor’ li m’għandhomx jinqabżu. Dan jinkludi l-ħtieġa li l-gvernijiet ikunu jistgħu jivverifikaw jekk dawk il-prinċipji jissegwewx u jesiġi rekwiżit għall-affidabbiltà tal-entitajiet privati li jittrattaw operazzjonijiet tal-Internet ta’ kuljum.

X'INHU R-RWOL TA’ L-UE?

Kif intqal hawn fuq l-UE kienet fuq quddiemnett tad-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-ġestjoni tal-Internet minn meta bdew dawn id-diskussjonijiet. L-aktar komunikazzjoni bikrija għall-Kummissjoni dwar dan is-suġġett waslet fl-1998[4] u l-Unjoni Ewropea kienet minn ta' quddiem fid-diskussjonijiet dwar il-governanza tal-Internet fil-kuntest tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) bejn l-2003 u l-2005. Barra minn hekk, l-UE kienet attiva u influenti fid-diskussjonijiet internazzjonali dwar it-twaqqif tal-Korporazzjoni tal-Internet għal Ismijiet u Numri Assenjati (ICANN)[5] lejn l-aħħar tas-snin disgħin u l-iffirmar tal-għanijiet tal-organizzazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’April 2000 dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-Internet[6] u r-Riżoluazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2000[7] semmew, madankollu, li l-għanijiet li stabilixxiet għaliha nnifisha l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-ġestjoni tal-ismijiet tad-domains ma tqisux bħala kompletament milħuqa, fost l-oħrajn fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

- in-natura ta’, u arranġamenti għall-kontroll bilanċjat u ugwali ta' xi wħud mill-attivitajiet tal-ICANN mill-awtoritajiet pubbliċi,

- ir-regoli dwar l-iggvernar tad-domains ġeneriċi, partikolarment is-sjieda tad-databases u s-separazzjoni tar-reġistri u tal-attivitajiet tar-reġistraturi,

- it-trasferiment tal-ġestjoni tas-sistema tar-root server mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti lill-ICANN, taħt superviżjoni internazzjonali xierqa mill-awtoritajiet pubbliċi.

Ma jistax jitqies li l-aspetti kollha ta’ dawk il-kwistjonijiet ġew indirizzati b’mod sodisfaċenti sal-lum.

Sadanittant, huwa importanti li ninnutaw li l-inizjattiva tal-UE sabiex tistabbilixxi d-Domain tagħha tal-Ogħla Livell '.eu' kien suċċess kbir, u sal-lum ġew irreġistrati aktar minn 3 miljun isem bid-domain tal-UE.

IL-PERSPETTIVA TAL-IżVILUPP

L-UE tat ukoll prijorità politika lill-aspetti ta’ żvilupp tal-governanza tal-Internet, u l-importanza li jitnaqqas ‘id-distakk diġitali’. L-ewwel biljun utent tal-internet kienu jiddependu ħafna mid-dinja żviluppata, u għalhekk mhux sorprendenti li d-deċiżjonijiet u l-istrutturi tal-governanza inizjali saru l-aktar mill-parteċipanti mill-pajjiżi żviluppati. Madankollu, il-biljun utent li jmiss se jiġu l-aktar mid-dinji li qed tiżviluppa, u l-interessi tagħhom iridu jitqiesu fi kwalunkwe arranġamenti ta’ governanza li jsiru għall-ġejjieni.

IL-PRINċIPJI TAL-GOVERNANZA TAL-INTERNET

L-esperjenza tal-aħħar 10 snin turi il-vijabbiltà tal-approċċ ta’ politika li sa issa pproponiet l-UE għall-governanza tal-Internet sa issa. Il-Kummissjoni temmen li għandha tinżamm l-enfażi b’saħħitha tal-UE fuq il-ħtieġa għas-sigurtà u l-istabilità tal-Internet globali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, il-privatezza, il-ħarsien tad-dejta personali u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika.

Barra minn hekk, il-prinċipji ewlenin imħeġġa mill-UE li jippermettu s-suċċess tal-Internet jibqgħu:

- In-natura miftuħa, interoperabbli u li tgħaqqad ‘tarf ma’ tarf’ tal-arkitettura tal-qalba tal-Internet għandha tiġi rrispettata. Dan ġie enfasizzat mill-Kunsill fl-2005[8] u reġa’ ssemma fl-2008[9].

- It-tmexxija tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Internet mis-settur privat jeħtieġ li tinżamm iżda l-korpi privati responsabbli għall-koordinazzjoni tar-riżorsi globali tal-Internet għandhom ikunu responsabbli lejn il-komunità internazzjonali għall-azzjonijiet tagħhom. Ir-rwol tal-gvernijiet għandu jkun iffokat l-aktar fuq kwistjonijiet ta’ prinċipju dwar il-politika pubblika, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe involviment fl-operazzjonijiet minn jum għall-ieħor.

- Il-proċess b’diversi partijiet interessati dwar il-governanza tal-Internet jibqa’ jipprovdi mekkaniżmu inklużiv u effikaċi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni globali u jeħtieġ li jkompli jiġi mħeġġeġ.

- Jeħtieġ li l-Gvernijiet jinteraġixxu kompletament ma' proċessi bħal dawn b'diversi partijiet interessati, u dawn il-partijiet interessati għandhom jaċċettaw li fl-aħħar mill-aħħar il-gvernijiet biss huma responsabbli għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi.

- L-arranġamenti tal-governanza tal-internet jeħtieġ li jkunu kompletament inklusivi, u għandhom jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għat-titjib fil-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-fora ewlenin tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-governanza.

TISMIJA U ALLOKAZZJONI TAL-INDIRIZZI TAL-INTERNET

Kif jaħdmu l-ismijiet u l-indirizzi tal-internet

Funzjoni ċentrali ta’ ġestjoni sabiex jiġi żgurat li l-Internet globali jaħdem kif xieraq hija l-koordinazzjoni tar-riżorsi tiegħu għat-'tismija u l-allokazzjoni tal-indirizzi'. Bit-traffiku kollu li jgħaddi mill-Internet globali kuljum, huwa importanti ħafna li t-tagħmir tal-individwu jkun jista’ jiġi identifikat affidabbilment sabiex il-pakketti tal-Internet ikunu jistgħu imorru fejn suppost.

Il-proċess tal-komunikazzjoni jkompli jiġi ffaċilitat permezz tal-assoċjazzjoni ta’ ħafna mill-indirizzi numeriċi li jintużaw għal dan l-għan bl-‘ismijiet tad-domains’ uniċi tal-Internet. Ismijiet tad-domains bħal dawn saru dejjem aktar popolari fl-aħħar snin, u issa hemm aktar minn 170 miljun isem ta’ domains rreġistrati[10] madwar id-dinja taħt madwar 270 'Domains tal-Ogħla Livell’.

IANA

Għal raġunijiet storiċi il-funzjonijiet tal-IANA (Internet Assigned Numbers Authority – L-Awtorità għan-Numri Assenjati tal-Internet) marbuta mar-riżorsi globali ewlenin tat-tismija u l-allokazzjoni tal-indirizzi isiru fl-Istati Uniti tal-Amerika. Hekk kif l-Internet kompla jinfirex u sar ċentrali għall-attività ekonomika u soċjali, il-gvern tal-Istati Uniti lejn l-aħħar tas-snin disgħin iddeċieda li joħroġ servizzi relatati b’kuntratt mill-ICANN[11], organizzazzjoni mis-settur privat li ma toperax għal skop ta' qligħ.

Is-sitwazzjoni attwali rigward dawn il-funzjonijiet ġiet studjata dan l-aħħar mill-komunità internazzjonali fil-kuntest tal-WSIS, fejn intlaħaq qbil li l-“Awtorità għal kwistjonijiet tal-politika pubblika marbuta mal-internet hija d-dritt sovran tal-Istati". Intlaħaq ukoll il-qbil li l-“Pajjiżi m’għandhomx ikunu involuti f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-kodiċi tal-pajjiż tad-Domain tal-Ogħla livell (ccTLD) ta’ pajjiż ieħor[12]

ICANN

Il-Korporazzjoni għall-Ismijiet u n-Numri Assenjati tal-Intern - (ICANN, l-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers), ġiet stabbilita fl-1998 u nħolqot bħala esperiment uniku fl-awtogovernanza bl-aġenda ambizzjuża li tgħaqqad il-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex jikkooperaw fuq il-koordinazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi.

L-UE kienet sieħba attiva f’dan il-proċess, u esprimiet appoġġ kundizzjonali għall-inizjattiva tal-gvern tal-Istati uniti fuq il-bażi li l-koordinazzjoni ta’ riżorsi ewlenin bħal dawn għandha tkun primarjament ir-responsabbiltà tas-settur privat li dawn ir-riżorsi joperahom fuq bażi ta’ kuljum, iżda fl-aħħar mill-aħħar dan għandu jkun responsabbli lejn il-komunità internazzjonali kollha kemm hi u għanha titmexxa fl-interess pubbliku usa’ għall-benefiċċju tal-utenti tal-Internet madwar id-dinja.

L-ICANN issa kkompletat l-ewwel għaxar snin tagħha. F’Settembru 2009, se jiġi fi tmiemu l-aktar ftehim reċenti minn serje ta’ ftehimiet bejn l-ICANN u l-gvern tal-Istati Uniti dwar l-għanijiet tal-ICANN. Għalhekk dan huwa l-ħin propizju biex l-UE tħares lura lejn il-progress tal-ICANN sal-lum, u li tidentifika liema bidliet, jekk hemm, jistgħu jkunu f'lokhom.

Il-Ftehim dwar il-Proġetti Konġunti (JPA)

L-indikazzjoni mill-gvern tal-Istati Uniti fl-2006 li l-ftehim attwali għandu jkun l-aħħar ftehim ta’ dak it-tip mal-ICANN intlaqa’ b’mod ġenerali mill-komunità internazzjonali (inkluża l-UE). Fl-istess ħin, il-gvern tal-Istati Uniti indika b’konsistenza li se jżomm kontroll effettiv tal-koordinazzjoni tal-funzjonijiet globali ewlenin tat-tismija u tal-allokazzjoni tal-indirizzi u dan x’aktarx se jfisser li l-problema rigward ‘il-kontroll unilaterali’ ta’ riżorsi bħal dawn se tibqa’ ma tissolviex.

Kif kienet il-prestazzjoni tal-ICANN fl-ewwel għaxar snin tagħha?

Bla dubju, l-esperjenza tal-ICANN sa issa fl-ewwel 10 snin tagħha pprovdiet firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet għall-analiżi. Huwa importanti ninnutaw li fil-bidu l-istabbiltà tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Domains inżammet matul dan il-perjodu u dan huwa għan ewlieni li l-ICANN u l-gvern tal-Istati Uniti jistgħu jgħidu b’kunfidenza li laħquh. Il-ħolqien ta’ forum wiesa’ b’diversi partijiet interessati għat-tfassil inklussiv tal-politika ukoll huwa attività siewja fost il-ħidmiet tal-ICANN.

Filwaqt li l-ICANN uriet b'suċċess dak li huwa possibbli b'mudell bħal dan, kienet ukoll utli biex tistabbilixxi l-limitazzjonijiet ta' mudell bħal dan.

Eżempju wieħed huwa li l-Kumitat Konsultattiv Governattiv (GAC) tal-ICANN għandu ma jinkorporax fih il-komunità sħiħa ta’ stati u għalhekk huwa espost għall-kritika rigward kemm huwa rappreżentattiv. Madankollu, ħareġ għadd ta’ prinċipji sostantivi dwar kwistjonijiet importanti tal-politika pubblika, eż. dwar id-Domains tal-Ogħla Livell bil-kodiċijiet tal-pajjiżi, Domains tal-Ogħla Livell ġeneriċi ġodda u prinċipji Whois. Fl-istess ħin ġie espress tħassib dwar kemm il-Bord tal-ICANN iqis il-pariri tal-GAC. Eżempju ieħor jirrigwarda t-tħassib li jista’ jqum rigward il-kompetizzjoni minħabba l-pożizzjoni tal-ICANN, korp tas-settur privat, bħala fornitur b’monopolju fuq ċerti servizzi.

Xi tfisser ir-'responsabbiltà' fil-kuntest tal-ICANN?

Ir-responsabbiltà tfisser li organizzazzjoni bħalma hija l-ICANN jkollha twieġeb għad-deċiżjonijeit li tieħu. L-ICANN dan l-aħħar allokat sforzi sinifikanti biex tagħti ħarsa lejn l-arranġamenti għar-responsabbiltà interna tagħha – jiġifieri r-responsabiltà lejn dawk li jieħdu sehem attivament f'kull waħda mill-kostitwenzi varji tal-ICANN. Il-problema hi li l-maġġoranza kbira tal-utenti tal-Internet ma jiħdux sehem fl-attivitajiet tal-ICANN. Għalhekk teżisti l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ICANN tkun responsabbli esternament lejn il-komunità globali tal-Internet, li l-ewwelnett ifisser (parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ alternattiva għaliha f’bosta pajjiżi) li tkun responsabbli esternament lejn il-gvernijiet tad-diversi pajjiżi tad-dinja.

L-unika responsabbiltà esterna li għandha l-ICANN attwalment hija lejn il-gvern tal-Istati Uniti taħt il-kuntratti JPA u IANA, iżda dan jipprovdi biss għar-responsabbiltà unilaterali lejn gvern wieħed. L-istabbiltà u l-ġestjoni tal-fajl tar-root huma madankollu kwistjoni ta’ importanza kruċjali, mhux biss għall-gvern tal-Istati Uniti iżda għall-pajjiżi kollha tad-dinja. Madankollu ma jeżistix kunsens internazzjonali dwar il-ħolqien ta' organizzazzjoni intergovernattiva ġdida li teżerċita kontroll bħal dan jew dwar id-delegar ta' responsabbiltajiet bħal dawn lil kwalunkwe organizzazzjoni li diġà teżisti. Alternattiva tkun li l-ICANN issir esternament responsabbli sabiex kull gvern ikun jista’ jeżerċita fl-interess tiegħu dawk ir-responsabbiltajiet li huwa xieraq li jkunu fuq il-livell tiegħu.

Jeżistu kwistjonijiet oħra li jeħtieġ li jiġu indirizzati?

L-istruttura legali u l-inkorporazzjoni tal-ICANN taħt il-liġi tal-Kalifornja tippreżenta ċerti problemi, fosthom kunflitti bejn il-liġijiet u l-ġurisdizzjonijiet applikabbli. Barra minn hekk, jibqgħu punti leġittimi ta’ tħassib[13] rigward jekk kumitat governattiv li jagħti pariri lil korporazzjoni privata huwiex mekkaniżmu xieraq u effikaċi sabiex il-gvernijiet jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom tal-politika pubblika. Barra minn hekk, l-approċċ awtoregolatorju kif ipprattikat mill-ICANN ifisser li l-operaturi tradizzjonali għandhom rwol li potenzjalment mhux xieraq (eż. mil-lat tal-politika tal-kompetizzjoni) fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tad-dħul għall-kompetituri ġodda.

INRESSQU L-AġENDA ’L QUDDIEM

It-trasformazzjoni tal-prinċipji tal-politika pubblika f’azzjonijiet rilevanti jesiġi sforzi koordinati sabiex jinħoloq djalogu inklussiv li biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-mekkaniżmi tar-responsabbiltà li jiżguraw li l-prinċipji jiġu implimentati kif xieraq. Id-deliberazzjonijiet u r-riflessjonijiet fuq il-governanza wkoll għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jibqgħu jgħoddu fil-ġejjieni. B’mod partikolari, ir-riżultati ta’ riflessjonijiet bħal dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu adattati għal żviluppi prospettivi tal-Internet fil-ġejjieni, inkluż għall-‘Internet tal-oġġetti’.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi li l-UE għandha tinvolvi lis-sħab internazzjonali tagħha f’diskussjonijiet dwar kif jista’ jiġi stimulat u appoġġat id-djalogu intergovernattiv u l-kooperazzjoni sabiex jiġu implimentati l-prinċipji tal-politika pubblika maqbula għall-governanza tal-Internet fil-WSIS lil hinn mix-xogħol eżistenti mwettaq permezz tal-linji ta’ azzjoni.

Il-punt tal-bidu għal dawn id-diskussjonijiet għandu jkun il-ħtieġa li t-tmexxija tinżamm f’idejn is-settur privat f’dak li għandu x'jaqsam mat-tmexxija ta’ kuljum tal-Internet. Proċess b’diversi partijiet interessati ukoll għandu jkun imħeġġeġ kulfejn hu possibbli.

Fl-istess ħin, il-politiki pubbliċi għar-riżorsi globali ewlenin tal-Internet (speċjalment dawk li jirrikjedu l-koordinazzjoni dinjija, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kooperazzjoni intergovernattiva multilaterali.

Element wieħed mill-evoluzzjoni tas-sistema attwali tal-governanza jista’ jkun it-tlestija ta’ riforma interna tal-ICANN, li twassal għal responsabbiltà u trasparenza sħiħa.

Fir-rigward tar-responsabbiltà esterna, l-arranġamenti attwali għall- kontroll unilaterali fir-rigward tal-ICANN u l-IANA jeħtieġ li jkunu sostitwiti minn mekkaniżmu alternattiv sabiex jiġi żgurat li l-ICANN ikollu responsabbiltà multilaterali.

Dan għandu jkun parti minn approċċ evoluzzjonarju li jippermetti lill-gvernijiet jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom kif xieraq. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ kif għandu jiġi żgurat li l-karattru legali tal-inkorporazzjoni tal-ICANN f’Kalifornja ma jxekkilx il-konsiderazzjoni mistħoqqa tal-kontribut mill-gvernijiet.

Barra minn hekk, l-UE għandha tassumi rwol ta’ tmexxija hija u taħdem lejn l-għan ta’ sigurtà u stabilità akbar tal-internet, billi tiftaħ djalogu mas-sħab internazzjonali.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-UE għandha tiftaħ id-diskussjonijiet mal-gvern tal-Istati Uniti dwar kif jista’ jinsab arranġament aktar ekwitabbli għall-kontroll tal-ġestjoni tal-IANA li jirrispetta l-prijoritajiet nazzjonali tal-Istati Uniti filwaqt li fl-istess ħin jirrifletti l-aspettattivi u l-interessi leġittimi tal-komunità internazzjonali.

[1] http://www.internetworldstats.com/stats9.htm.

[2] Réseaux IP Européens Network Coordination Centre

[3] U tabilħaqq lil hinn minnha, tkopri l-Ewropa kollha, l-Ażja Ċentrali u l-Lvant Nofsani.

[4] COM(98) 111, 20.2.1998 ‘International policy issues related to Internet governance’ [‘Kwistjonijiet ta’ politika internazzjoni marbuta mal-governanza tal-Internet’.] (segwita minn komunikazzjonijiet sussegwenti dwar l-istess suġġett fl-istess sena: COM(1998) 476, 29.7.1998, imbagħad fl-2000: COM(2000) 202, 11.4.2000).

[5] Ara 8.2.

[6] COM(2000) 202.

[7] ĠU C 293, 14.10.2000, p. 3.

[8] Ara d-dokument 10285/05 (Presse 156).

[9] Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-telekomunikazzjoni tas-26-27 ta’ Ġunju 2005 rigward il-WSIS, u tat-28 ta’ Novembru 2008 rigward in-‘Netwerks tal-ġejjieni u l-Internet’ (COM(2008) 594).

[10] Sors: Verisign ‘Domain Name Industry Brief’, Frar 2009.

[11] Ara: http://www.ntia.doc.gov/ntiahome/domainname/iana/ianacontract_081406.pdf.

[12] Paragrafi 35 u 63 tal-Aġenda ta’ Tunis. Ara: http://www.itu.int/wsis/docs2/tunis/off/6rev1.html

[13] Kif jidher min-nuqqas kontinwu ta’ diversi pajjiżi kbar mill-GAC u l-kritika fundamentali li tibqa’ ssir minn diversi pajjiżi li jieħdu sehem b’mod attiv.

Top