EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0266

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament - Ewropew Metodu ta' ttraċċjar biex bih tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

/* KUMM/2009/0266 finali */

52009DC0266

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament - Ewropew Metodu ta' ttraċċjar biex bih tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil /* KUMM/2009/0266 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.6.2009

KUMM(2009) 266 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Metodu ta' ttraċċjar biex bih tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Metodu ta' ttraċċjar biex bih tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

1. INTRODUZZJONI

Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil ġie adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008[1], wara li tħabbret il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2008 "Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti"[2] Il-Patt, li jkompli jibni fuq il-progress li sar matul perjodu ta' għaxar snin, jirrappreżenta pass 'il quddiem lejn politika komprensiva tal-UE dwar l-immigrazzjoni. Il-Kunsill Ewropew intrabat b'ħames impenji bażiċi, li se jibgħu jiġu żviluppati u trasferiti f'miżuri konkreti, b'mod partikolari fil-programm li se jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague:

- li l-immigrazzjoni legali tiġi organizzata b'tali mod li jiġu kkunsidrati l-prijoritajiet, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta' tilqigħ li ġew iddeterminati minn kull Stat Membru, u biex titħeġġeġ l-integrazzjoni;

- li l-immigrazzjoni illegali tiġi kkontrollata billi jiġi żgurat li l-immigranti illegali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jew lejn pajjiż ta' tranżitu;

- li l-kontrolli mal-fruntieri jsiru aktar effiċjenti;

- li tinbena Ewropa li toffri ażil;

- li tiġi maħluqa sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex titħeġġeġ is-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

Meta l-Patt ġie adottat, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jżomm dibattitu annwali dwar il-politiki tal-migrazzjoni u l-ażil. Permezz ta' dan id-dibattitu annwali l-Kunsill Ewropew se jkun jista' jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Patt, kemm min-naħa tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri, u tal-programm multi-annwali li jmiss dwar il-ħelsien, is-sigurtà u l-ġustizzja li fl-2010 se jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague.

Fir-rigward ta' dan id-dibattitu, fil-Patt fih innifsu l-Kunsill Ewropew:

- stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport lill-Kunsill kull sena, bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u akkumpanjat, kif meħtieġ, minn proposti għal rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Patt, kemm min-naħa tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri, u tal-programm li se jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague;

- stqarr li permezz tad-dibattitu l-Kunsill Ewropew se jibqa' wkoll aġġornat bl-aħħar informazzjoni tal-iżviluppi l-aktar sinfikanti li ġew ppjanati minn kull Stat Membru individwali waqt li qiegħed jikkonduċi l-politika tiegħu dwar l-immigrazzjoni u l-ażil

Sabiex jipprepara għad-dibattitu, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi metodu ta' ttraċċjar u tressqu lill-Kunsill. Din il-Komunikazzjoni hija r-risposta għal din it-talba.

L-għan ta' dan il-metodu ta' ttraċċjar kif iddefinut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li jħejji għall-ewwel dibattitu tal-Kunsill Ewropew li se jsir f'Ġunju tal-2010.

Il-metodu ta' ttraċċjar se jkun il-proċess li bih il-Kummissjoni se tħejji rapport annwali għall-Kunsill (minn hawn 'il quddiem, "Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni") bl-użu ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u informazzjoni fattwali minn diversi sorsi bil-manjiera u skont it-tempiżmu indikat hawn isfel.

2. IR-RAPPORT ANNWALI TAL-KUMMISSJONI ("RIżULTATI")

B'kunsiderazzjoni għan-natura tad-dibattitu annwali kif ġiet deskritta fil-Patt, ir-rapport tal-Kummissjoni annwali se jikkonsisti f'żewġ partijiet:

- sommarju politiku fil-qosor li jiġbed l-attenzjoni lejn l-iżviluppi prinċipali li saru matul il-perjodu ta' rappurtaġġ u l-iżjed żviluppi sinifikanti li ġew ippjanati, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livelli tal-Istati Membri, u kwalunkwe rakkomandazzjonijiet proposti mill-Kummissjoni;

- rapport aktar fit-tul u ddetaljat li jindika l-azzjoni prinċipali li ttieħdet, u l-aktar żviluppi sinifikanti li ġew ippjanati, fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, għal kull impenn li twiegħed fil-Patt.

Mill-2011 'il quddiem il-metodu ta' ttraċċjar għandu jiġi estiż sabiex ikopri l-impenji li saru taħt il-programm li se jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague u taħt il-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjah. Barra minn hekk, il-metodu ta' ttraċċjar se jkun irfinut u żviluppat aktar fid-dawl tal-esperjenza u l-metodoloġija komuni li ġiet proposta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2008 "Politika dwar l-Immigrazzjoni Komuni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti"[3] B'mod partikolari, l-impenji li twegħdu fil-Patt u fil-programm li se jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague, jistgħu, kif inhu xieraq, jimmaterjalizzaw f'għanijiet u indikaturi komuni sabiex isaħħu l-kumparabbilità tal-azzjoni li ttieħdet u sabiex jiżguraw it-trasparenza u l-fiduċja reċiproka. Kwalukwe impenn ġdid li qabel miegħu l-Kunsill Ewropew għandu jiġi inkluż ukoll.

3. SORSI TA' INFORMAZZJONI GħAR-RAPPORT ANNWALI MħEJJI MILL-KUMMISSJONI ("DħUL")

L-informazzjoni meħtieġa għall-metodu ta' ittraċċjar jew se titressaq mill-Istati Membri jew se tkun disponibbli direttament għall-Kummissjoni permezz ta' mekkaniżmi li ġew żviluppati bħala parti mill-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni.

3.1. Informazzjoni li għandha titressaq mill-Istati Membri

L-identifikazzjoni tal-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu, u l-iżviluppi l-aktar sinifikanti li ġew ippjanati, fil-livell tal-Istati Membri se jirrikjedi dħul min-naħa tal-Istati Membri. Il-Patt Ewropew jirrikonoxxi dan meta jkun qiegħed jistqarr li r-rapport annwali mħejji mill-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jipprovdu kontribut annwali li jikkonsisti minn rapport "politiku" fil-qosor flimkien ma' informazzjoni fattwali. L-Istati Membri se jiġu mitluba jużaw struttura komuni għal dawn il-kontribuzzjonijiet. Fir-rigward tar-Rapport mħejji mill-Kummissjoni fl-2010, l-istruttura komuni hija bbażata fuq impenji li twegħdu fil-Patt, u huwa mehmuż bħala Anness. Sabiex tiżdied il-komparabbilità tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, f'Settembru tal-2009, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida ulterjuri li se tieħu s-sura ta' talba formali lill-Istati Membri.

L-effetti tal-kriżi ekonmika attwali, fuq il-flussi ta' migranti, se jibdew jinħassu fl-2009. Madanakollu, kif ġie ddefinut fis-settur li jmiss, l-istatistiċi armonizzati tal-Komunità għall-2009 mhux se jkunu disponibbli (minn barra fir-rigward tal-qasam tal-ażil) fil-ħin biex ikunu kkunsidrati fir-rapport annwali tal-2010, imħejji mill-Kummissjoni. Għalhekk il-Kummissjoni, kif ġie indikat fl-Anness, se titlob lill-Istati Membri jressqu dejta addatta għall-ewwel parti tal-2009, jekk din hija disponibbli. Dejta bħal din mhijiex se tinġabar skont l-istandards armonizzati u għalhekk mhijiex se tkun komparabbli; iżda permezz tad-dejta x'aktarx li se jkun possibbli tiddentifika t-tendenzi

Il-kontribuzzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri għandhom ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-proċess ta' ttraċċjar filwaqt li ma jiġux imposti piżijiet ta' rappurtaġġ li huma esaġerati jew li jwasslu għal xogħol doppju. F'dan ir-rispett, l-Istati Membri, meta jkunu qegħdin iressqu l-kontribuzzjoni annwali tagħhom, jistgħu, jekk jaħsbu li huwa xieraq sabiex jiġi evitat xogħol doppju, jirreferu għal informazzjoni fattwali fir-rapport annwali politiku tal-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali rilevanti tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni. Dawn ir-rapporti huma wħud fost id-diversi sorsi ta' informazzjoni mill-Istati Membri li huma direttament disponibbli għall-Kummissjoni u li huma kkunsidrati fis-sezzjoni li jmiss.

3.2. Informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni

Fir-rigward ta' dejta ta' statistika , ir-Regolament tal-Istatistika (862/2007) jipprevedi l-kollezzjoni ta' statistiċi Komunitarji armonizzati u komparabbli dwar il-migrazzjoni u l-ażil, u proċeduri u proċessi relatati[4] Taħt ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom iressqu dejta lill-Kummissjoni (Eurostat) skont skedi differenti u skont it-tip ta' dejta kkonċernata; ċertu dejta dwar l-ażil għandha titressaq qabel dik dwar il-migrazzjoni[5] Id-dejta li tirriżulta, rilaxxata mill-Kummissjoni (Eurostat), li diġà qiegħda tiġi użata f'rapporti oħra bħar-rapporti ta' statistika mħejjijin minn Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni, se tkun sors ewlieni ta' informazzjoni għall-metodu ta' ttraċċjar.

Fir-rigward tal-ażil, ir-rapport tal-Kummissjoni se jkun jista' jirreferi għal applikazzjonijiet ta' dejta fuq l-ażil u deċiżjonijiet tal-ewwel istanza li huma relativament aġġornati. ir-rapport tal-2010 se jkun jista' jinkludi dejta bħal din għal minn tal-inqas l-ewwel disa' xhur tal-2009. Minkejja li d-dejta annwali tal-2009 dwar id-deċiżjonijiet finali li ttieħħdu fir-rigward tal-ażil mhijiex se tkun disponibbli għar-rapport mill-Kummissjoni tal-2010, ser ssir disponibbli mill-Kummissjoni (Eurostat) qabel id-dibattitu annwali li se jsir fil-Kunsill Ewropew f'Ġunju tal-2010.

Sfortunatament, statistika dwar migrazzjoni oħra għall-2009 mhijiex se tkun disponibbli biex tkun tista' tiġi kkunsidrata fir-rapport mill-Kummissjoni tal-2010 Madanakollu, id-dejta annwali tal-2009 li taħt ir-Regolamenti għandha titressaq mill-Istati Membri lill-Kummisjoni (Eurostat) fiż-żmien l-aħħar tliet xhur tas-sena (li tinkludi dejta dwar dħul u residenza illegali, u dwar każijiet fejn migranti ntbagħtu lura lejn pajjiżhom) se tkun disponibbli mill-Kummissjoni (Eurostat) qabel ma jseħħ id-dibattitu annwali fil-Kunsill Ewropew.

Sors ta' informazzjoni dwar żviluppi legiżlattivi u politiċi jinkludi b'mod partikolari:

1. Rapporti annwali dwar politika mħejjijin minn Netwerk Ewropew dwar Migrazzjoni (EMN) L-għan tal-EMN huwa li jissodisfa l-ħtiġijiet għall-informazzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-Komunità u l-awtorizzazzjonijiet nazzjonali billi jipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u komparativa dwar il-migrazzjoni u l-ażil, bil-ħsieb li jkun ta' sostenn għat-tfassil tal-politika fl-UE[6] Kull Punt ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) għandu jipprovdi rapport ta' kull sena li jiddiskrivi s-sitwazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil fl-Istati Membri kkonċernati, u f'din id-deskrizzjoni għandhom jissemmew l-iżviluppi li saru fir-rigward tal-politika[7] Il-Kummissjoni se ssejjaħ lil EMN biex jeżamina mill-ġdid is-speċifikazzjonijiet għal, u t-tempiżmu ta', ir-rapporti annwali dwar politika sabiex ikunu aktar utili għall-metodu ta' ttraċċjar.

2. L-informazzjoni li tressqet mill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-erba' fondi tal-programm Ġenerali "Is-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni": a il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-Fond Ewropej għar-Ritorn.

3. Il-mekkaniżmu għall-informazzjoni reċiproku (MIM) li jikkonċerna l-miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni[8] dan huwa kanal li permezz tiegħu jista' jsir skambju ta' informazzjoni u opinijonijiet dwar il-miżuri tal-ażil u l-immigrazzjoni nazzjonali li x'aktarx se jkollhom impatt sinifikanti fuq diversi Stati Membri jew fuq l-UE kollha kemm hi.

4. Rapporti eżistenti li tħejjew mill-Kummissjoni, bħar-rapport annwali dwar l-immigrazzjoni llegali[9]u rapporti dwar l-iżviluppi li saru fis-suq tax-xogħol[10].

5. Rapporti mill-aġenziji (b'mod partikolari Frontex) u organizzazzjonijiet (pereżempju Cirefi[11] Se jkun hemm limiti fl-użu ta' xi sorsi ta' informazzjoni peress illi r-rapport annwali tal-Kummissjoni se jkun dokument pubbliku u għalhekk se jkun bbażat biss fuq informazzjoni li l-pubbliku għandu aċċess għaliha.

6. L-informazzjoni li nġabret fil-kuntest tal-Implimentazzjoni tal-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni[12](pereżempju informazzjoni minn Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għall-Integrazzjoni, Manwali dwar l-integrazzjoni, il-Websajt Ewropew dwar l-Integrazzjoni).

7. Informazzjoni dwar transpożizzjoni għal studji esterni, rapporti mill-Kummissjoni u proċedimenti kontra ksur tal-liġi.

Jeżistu wkoll sorsi addizzjonali ta' informazzjoni li jistgħu jkunu kkunsidrati, li jinkludu l-ħidma ta' fora internazzjonali bħall-OECD u l-proġetti ta' riċerka, b'mod partikolari dawk li ġew iffinanzjati taħt il-programmi tal-Komunità dwar ir-riċerka.

4. PROċESS U TEMPIżMU

Tabella indikattiva tar-rapport annwali għall-2010 li titħejja mill-Kummissjoni:

Data | L-Istati Membri | Il-Kummissjoni |

kmieni f'Settembru 2009 | Titlob b'mod formali lill-Istati Membri biex jagħmlu kontribut. |

min-Novembru | Tibda' tħejji r-rapport annwali fir-rigward tal-implimentazzjoni fil-livell tal-UE |

f'nofs Novembru | L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni fl-livell nazzjonali. |

nofs Jannar 2010 | L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-kontribuzzjoni tagħhom, jekk dan huwa meħtieġ. |

f'nofs April | Taddotta u tippreżenta r-rapport annwali. |

minn April sa nofs Ġunju | Jippreparaw diskussjonijiet fil-Kunsill |

It-tielet ġimgħa | Dibattitu annwali fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. |

Lulju, Settembru | Jirrevedu u jevalwaw il-proċess u jipproponu titjib għaċ-ċiklu li jmiss |

Ir-reviżjoni u l-evalwazzjoni annwali għandhom iwasslu għal titjib gradwali fil-proċess Pass importanti fil-bidu għall-iżvilupp tal-metodu ta' ttraċċjar se jkun l-inklużjoni tal-programm li jkompli minn fejn ħalla l-Programm Hague Il-metodu se jkun jista' jibbenefika wkoll minn mekkaniżmi ta' rappurtaġġ ġodda, b'mod partikolari r-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni fuq l-ażil fl-UE li fuq proposta mill-Kummissjoni għandhom jitħejjew mill-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, tal-futur[13].

Barra minn hekk, dmirijiet ta' rappurtaġġ oħra tal-Kummissjoni eżistenti, b'mod partikolari r-rapporti dwar l-immigrazzjoni illegali[14], u l-informazzjoni li ġiet trasmessa taħt il-MIM[15], għandhom biż-żmien jieqfu għal kollox, u minflok l-informazzjoni kkonċernata għandha tiġi pprovduta fir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Patt.

5. KONKLUżJONI

Il-metodu ta' ttraċċjar se jżid ċiklu annwali ta' rappurtaġġ strutturat u dibattitu politiku ta' livell għoli fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil. Ir-rapport annwali se jservi ta' stqarrija politika ewlenija mill-Kummissjoni dwar il-potiiki tal-immigrazzjoni u l-ażil li ġew implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dibattitu annwali fil-Kunsill Ewropew juri li l-immigrazzjoni u l-ażil jirrapreżentaw kwistjonijet politiċi ewlenin fil-qasam tal-Integrazzjoni Ewropea. B'hekk il-proċess se jiżgura li l-ispinta li ngħatat dan l-aħħar permezz tal-Patt Ewropew u l-programm multi-annwali tal-futur dwar il-ħelsien, is-sigurtà u l-ġustizzja se tibqa' għaddejja, u li l-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil se tkompli tiġi żviluppata b'kunsiderazzjoni għall-bżonnijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru u fl-interess komuni tal-Unjoni Ewropea.

Anness: Struttura komuni għall-kontribuzzjonijiet mill-istati membri

I. rapport "politiku" fil-qosor

Fir-rigward tal-ħames oqsma politiċi tal-Patt, jekk jogħġbok ikteb fil-qosor x'inhi l-evalwazzjoni politika tal-Istat Membru tiegħek dwar il-progress li sar minn mindu ġie adottat il-Patt f'Ottubru tal-2008.

I. Immigrazzjoni legali - integrazzjoni

Impenn prinċipali: Li l-immigrazzjoni legali tiġi organizzata biex jiġu kkunsidrati l-prijoritajiet, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta' lqugħ iddeterminati minn kull Stat Membru, u biex titħeġġeġ l-integrazzjoni

II. Immigrazzjoni illegali

Impenn prinċipali: Li l-imigrazzjoni illegali tiġi kkontrollata billi jiġi żgurat li l-immigranti illegali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jew lejn pajjiż ta' tranżitu

III. Kontroll fuq il-Fruntieri

Impenn prinċipali: Li l-kontrolli fuq il-fruntieri jsiru aktar effiċjenti.

IV. Ażil

Impenn prinċipali: Tinbena Ewropa li toffri ażil

V. Strateġija globali dwar migrazzjoni:

Impenn prinċipali: Li tinħoloq sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex titħeġġeġ is-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

II. informazzjoni fattwali

Il-Kummissjoni se tiddentifika l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu fil-livell tal-UE. L-Istati Membri għandhom jużaw it-tabella t'hawn taħt biex jirraportaw dwar l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu, u dawk li ġew ippjanati, fil-livell nazzjonali. L-impenji mfasslin hawn isfel ġew ikkuppjati mill-Patt Ewropew.

Impenn | Azzjonijiet prinċipali li ttieħdu fil-livell tal-Istati Membri | L-aktar żviluppi sinifikanti li ġew ippjanati fil-livell tal-Istati Membri |

I. Immigrazzjoni legali - integrazzjoni |

Impenn prinċipali: Li l-immigrazzjoni legali tiġi organizzata biex jiġu kkunsidrati l-prijoritajiet, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta' lqugħ iddeterminati minn kull Stat Membru, u biex titħeġġeġ l-integrazzjoni; |

(a) għandha ssir stedina lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw politiki dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema, b'rispett għall-acquis communautaire u l-preferenza Komunitarja, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżorsi umani fi ħdan l-UE, u jintużaw ir-riżorsi l-aktar adattati, li jqisu l-bżonnijiet kollha tas-suq tax-xogħol ta' kull Stat Membru, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008; | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll dwar kif il-leġiżlazzjoni u/ jew il-politika ta' pajjiżek dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema ġew affetwati mill-kriżi ekonomika. Jekk jogħġbok ipprovdi dejta u tendenzi dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema fl-ewwel parti tal-2009, jekk din hija disponibbli. |

(b) azzjoni għandha tittieħed biex l-UE tkun f'pożizzjoni li tiġbed lejha aktar il-ħaddiema bi kwalifiki għoljin | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll dwar kif il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew politiki ta' pajjiżek dwar id-dħul ta' ħaddiema bi kwalifiki għoljin ġew affettwati mill-kriżi ekonomika. Jekk jogħġbok ipprovdi dejta u tendenzi dwar il-ħaddiema bi kwalifiki għoljin fl-ewwel parti tal-2009, jekk din hija disponibbli. |

u għandhom jittieħdu miżuri ġodda biex ikunu ffaċilitati aktar l-ilqugħ ta' studenti u riċerkaturi u l-moviment tagħhom fi ħdan l-UE. | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll dwar kif il-leġiżlazzjoni u/jew politiki ta' pajjiżek dwar id-dħul tal-istudenti u riċerkaturi ġew affettwati mill-kriżi ekonomika. Jekk jogħġbok ipprovdi dejta u tendenzi dwarl-istudenti u riċerkaturi fl-ewwel parti tal-2009, jekk din hija disponibbli. |

(c) għandu jiġi żgurat, meta titħeġġeġ il-migrazzjoni temporanja jew ċirkolari, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2007, li dawn il-politiki ma jaggravawx it-telf mill-pajjiż ta' individwi li huma kapaċi; |

(d) il-migrazzjoni tal-familji għandha tiġi rregolata b'mod aktar effiċjenti permezz ta' stedina lil kull Stat Membru, b'konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali, biex jikkunsidra fil-legiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, bl-eċċezzjoni ta' ċerti kategoriji speċifiċi, il-kapaċitajiet ta' lqugħ proprji tiegħu u l-kapaċità tal-familji biex jintegraw, kif ġiet evalwata permezz tar-riżorsi tagħhom u l-akkomodazzjoni li sabu fil-pajjiż ta' destinazzjoni u, per eżempju, l-għarfientagħhom tal-lingwa ta’ dak il-pajjiż; |

(e) għandha titkattar l-informazzjoni reċiproka fuq il-migrazzjoni billi jiġu mtejbin l-istrumenti eżistenti kif meħtieġ; |

(f) għandha tijieb l-informazzjoni dwar il-possibilitajiet u l-kundizzjonijiet tal-migrazzjoni legali, b'mod partikolari bl-istabbiliment, kemm jista' jkun malajr, tal-istrumenti meħtieġa biex dan l-iskop jintlaħaq; | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll jekk kienx hemm bżonn li jsir xi tibdil fil-politiki tiegħek dwar informazzjoni, minħabba l-kriżi ekonomika. |

(g) għandha issir stedina lill-Istati Membri, b'konformità mal-prinċipji komuni approvati mill-Kunsill fl-2004, biex jistabilixxu politiki ambizzjużi, b'manjiera u permezz ta' riżorsi li skonthom huma xieraq biex jippromwovu l-integrazzjoni armonjuża fil-pajjiżi li qegħdin jospitaw dawk l-immigranti li x'aktarx se jsiru residenti permanenti; | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll jekk kienx hemm bżonn li jsir xi tibdil fil-politiki tiegħek dwar integrazzjoni, minħabba l-kriżi ekonomika. |

dawn il-politiki, li l-implimentazzjoni tagħhom se tesiġi sforz ġenwin min-naħa tal-pajjżi ospitanti, għandhom ikunu bbażati fuq bilanċ bejn id-drittijiet tal-migranti (b'mod partikolari fid-dawl tal-edukazzjoni, ix-xogħol, is-sigurtà, u s-servizzi pubbliki u soċjali) u d-dmirijiet (il-konformità mal-liġijiet tal-pajjiż ospitanti). |

Dawn se jinkludu miżuri speċifiċi sabiex jiġi promoss it-tagħlim tal-lingwi u l-aċċess għall-impjieg, fatturi essenzjali għall-integrazzjoni; |

se jagħmlu enfasi fuq ir-rispett għall-identità differenti ta' kull Stat Membru u tal-UE u għall-valuri fundamentali tagħhom, bħal mhuma d-drittijiet umani, il-libertà li tesprimi l-opinjoni, id-demokrazija, it-tolleranza, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u li t-tfal jintbagħtu l-iskola fuq bażi obbligatorja. |

Il-Kunsill Ewropew se jagħmel sejħa wkoll lill-Istati Membri biex jikkunsidraw, permezz ta' miżuri xierqa, il-ħtieġa li tittieħed azzjoni xierqa kontra kwalunkwe sura ta' diskriminazzjoni fil-konfront tal-migranti; |

(h) għandu jiġi promoss skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiki li ġew implimentati, b'konformità mal-prinċipji komuni approvati mill-Kunsill fl-2004, fir-rigward tal-ilqugħ u l-integrazzjoni, u dwar il-miżuri tal-UE biex jingħata sostenn għall-politiki ta' integrazzjoni nazzjonali. |

II. Immigrazzjoni illegali |

Impenn prinċipali: Biex l-imigrazzjoni illegali tiġi kkontrollata billi jiġi żgurat li l-immigranti illegali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jew lejn pajjiż ta' tranżitu; |

(a) għandha tintuża biss regolarizzazzjoni każ b'każ, minflok regolarizzazzjoni ġġeneralizzata, taħt il-liġi nazzjonali, minħabba raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi; | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll jekk kienx hemm bżonn li jsir xi tibdil fil-politiki tiegħek dwar informazzjoni, minħabba l-kriżi ekonomika |

(b) għandhom jiġu konklużi ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid fil-livell tal-UE jew livell bilaterali ma' dawk il-pajjiżi li hemm bżonn li jsir ftehim magħhom, ħalli kull Stat Membru ikollu l-istrumenti legali biex jiżguraw li l-immigranti illegali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom; | Jekk jogħġbok irrapporta dwar ftehimiet bilaterali li ġew konklużi. |

l-effettività ta' ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid se tkun evalwata; |

direttivi dwar negozjar li ma rnexxewx għandhom ikunu rriveduti; |

L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jikkonsultaw fil-qrib meta ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid tal-UE ikunu qegħdin jiġu nnegozjati; |

(c) għandha tiġi żgurata l-prevenzjoni tar-riskji marbutin mal-migrazzjoni irregolari fi ħdan il-qafas tal-modalitajiet tal-politiki dwar id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew, fejn inhu xieraq, politiki oħra, li jinkludu l-modalitajiet tal-qafas għall-moviment ħieles; |

(d) għandha tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, fuq bażi volontarja u fejn neċessarju, permezz ta' ftehimiet komuni li jiżguraw li l-immigranti illegali jintbagħtu lura f'pajjiżhom (identifikazzjoni biometrika ta' migranti illegali, titjiriet konġunti, eċċ); |

(e) għandha tiżdied il-kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu, taħt l-Istrateġija Globali għall-Migrazzjoni, sabiex l-immigrazzjoni illegalli tkun ikkontrollata, b'mod partikolari billi flimkien magħhom tiġi segwita politika ambizzjuża dwar il-kooperazzjoni bejn il-puluzija u dik ġudizzjarja sabiex tittieħed azzjoni kontra organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali li qegħdin jittraffikaw il-migranti u l-bnedmin, |

u għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar aġġornata lill-komunijiet li qegħdin fil-periklu biex b'hekk ikunu ġew evitati t-traġedji li jistgħu jinqalgħu, b'mod partikolari fuq il-baħar; |

(f) għandha ssir stedina lill-Istati Membri, b'mod speċifiku, bl-appoġġ tal-istrumenti Komunitarji, biex jifasslu sistemi ta' inċentiva biex jassistu r-ritorn volontarju. | Jekk jogħġbok irrapporta wkoll jekk il-politika tiegħek dwar ritorn volontarju ġiet affetwata mill-kriżi ekonomika. |

u kulħadd għandu jinżamm informat dwar dan il-punt sabiex ikun ġie ostakolat ir-ritorn illegali lejn l-UE ta' migranti li jingħataw għajnuna bħal din; |

(g) għandha issir stedina lill-Istati Membri biex tittieħed azzjoni vigoruża, anke fl-interess tal-immigranti stess, permezz ta' penalitajiet skoraġġanti u proporzjonali kontra dawk li jissfruttaw l-immigranti illegali (impjegati eċċ.); |

(h) għandhom jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li skonthom deċiżjoni ta' espulsjoni li tittieħed minn Stat Membru hija applikabbli fl-UE kollha, u, fi ħdan dan il-qafas, allarm li juri li deċiżjoni bħal din iddaħħlet fis-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (SIS) jobbliga l-Istati Membri l-oħra jieħdu azzjoni biex il-persuna ma tkunx tista' tidħol jew tirresjedi fi ħdan it-territorju tiegħu. |

III. Kontroll fuq il-fruntieri |

Impenn prinċipali: Li l-kontrolli fuq il-fruntieri jsiru aktar effiċjenti. |

(a) għandha ssir stedina lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jimmobbilizzaw ir-riżorsi kollha li għandhom disponibbli biex jiġi żgurat kontroll aktar effettiv tal-art estern, tal-baħar u tal-fruntieri tal-ajru; |

(b) għadu jiġi ġġeneralizzat l-ħruġ ta' visas biometriċi mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2012, bħala riżultat tas-Sistema ta' Informazzjoni tal-Visas (VIS) |

għandha titjieb b'mod immedjat il-kooperazzjoni bejn il-konsulati tal-Istati Membri, |

għandhom jinġabru kemm jista' jkun, ir-riżorsi u jiġu stabbiliti gradwalment, fuq bażi volontarja, servizzi konsulari konġunti għall-visas; |

(c) L-Aġenżija Frontex għandha tingħatalha, b'kunsiderazzjoni għar-rwol u r-responsabbilitajiet tal-Istati Membri, ir-riżorsi meħtieġa sabiex tkun tista' tissodisfa l-missjoni tagħha, li tikkoordina l-kontroll fuq il-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista' tlaħħaq ma' sitwazzjonijiet ta' kriżi u biex tieħu taħt idejha, fuq talba mill-Istati Membri, kwalunkwe operazzjoni neċessarja, kemm jekk temporanja jew permanenti, b'konformità, b'mod partikolari, mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u 6 ta' Ġunju 2008. |

Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-aġenzija, ir-rwol u r-riżorsi operattivi tagħha se jissaħħew u x'aktarx se tittieħed deċiżjoni biex jiġu stabbiliti uffiċċji speċjalizzati li jieħdu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-fruntiera tal-art fil-Lvant u dik fuq il-baħar fin-Nofsinhar: l-istabbiliment ta' uffiċċji bħal dawn m’għandu bl-ebda mod ikun ta' xkiel għall-unità tal-aġenzija Frontex. |

Fl-aħħar mill-aħħar, tista' tiġi eżaminata l-possibilità li titfassal sistema ta' għassiesa fuq il-fruntieri, Ewropea; |

(d) għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni, bi spirtu ta' solidarjetà, għad-diffikultajiet ta' dawk l-Istati Membri li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' flussi mhux proporzjonali ta' immigranti u, għal dan il-fini, għandha ssir stedina lill-Kummissjoni biex tissottometti l-proposti tagħha f'dan ir-rigward; |

(e) għandhom jiġu mmobilizzati mezzi teknoloġiċi moderni biex jiġi żgurat li s-sistemi huma kapaċi joperaw flimkien u sabiex il-fruntiera esterna tkun tista' tiġi ġestita b'mod effettiv, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008 u tal-Kunsill fil-5 u s-6 ta' Ġunju 2008. |

Mill-2012, dejjem skont x'tipproponi l-Kummissjoni, għandha tingħata importanza lill-istabbiliment ta' rrekordjar elettroniku ta' dħul u ħruġ, flimkien ma' proċedura rapida għal ċittadini Ewropej u vjaġġjaturi oħra; |

(f) għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex jissaħħaħ il-kontroll fuq il-frunitieri esterni u biex tittieħed azzjoni kontra l-immigrazzjoni illegali billi tiżdied l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex il-persunal ta' dawn il-pajjiżi, li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tal-flussi tal-migranti, jingħataw taħriġ u jiġu mgħammrin kif meħtieġ; |

(g) għandhom jitjiebu l-modilitajiet u l-frekwenza tal-proċess ta' evalwazzjoni Schengen b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u 6 ta' Ġunju 2008. |

IV. Ażil |

Impenn prinċipali: Li tinbena Ewropa li toffri ażil; |

(a) għandu jiġi stabbilit, fl-2009, uffiċċju ta' appoġġ Ewropew li jkollu l-kompitu li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, u ta' analiżi u ta' esperjenzi bejn l-Istati Membri, u li jiżviluppa kooperazzjoni prattika bejn l-amministrazzjonijiet inkarigati bl-eżami tat-talbiet għall-ażil. Dan l-uffiċċju mhux se jkollu l-poter li jeżamina l-applikazzjonijiet jew li jieħu deċiżjonijiet iżda se juża t-tagħrif kondiviż tal-pajjiżi ta' oriġini biex jgħin iġib il-prattiki, il-proċeduri, u konsegwentament id-deċiżjonijiet nazzjonali konformi ma' xulxin. |

(b) għandha ssir stedina lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha biex tistabilixxi, fl-2010 jekk inhu possibbli, u mhux aktar tard mill-2012, proċedura unika ta' azil li tikkonsisti minn garanziji komuni u li permezz tagħha jkun jista' jiġi adottat status uniformi għar-rifjuġjati u għall-benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja; |

(c) għandhom jiġu stabbiliti proċeduri, fil-każ li jkun hemm kriżi fi Stat Membru li qiegħed iħabbat wiċċu ma' fluss kbir ta' persuni li qegħdin ifittxu l-ażil, li jippermettu s-sekondar ta' uffiċjali minn Stati Membri oħra biex jgħinu l-Istat fi kriżi, u li juru solidarjetà effettiva ma' dan l-Istat billi jwasslu biex programmi eżistenti tal-UE ikunu mmobilizzati b'mod aktar rapidu. |

Fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil nazzjonali tagħhom tinsab taħt pressjonijiet partikolari u sproporzjonali, partikolarment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà mmirati biex jiffavorixxu, fuq bażi volontarja u kkoordinata, it-tqassim aħjar tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali minn Stati Membri bħal dawn għal Stati Membri oħra, filwaqt li jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil ma jiġux abbużati. B'konformità ma' dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni, wara li kkonsultat mal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, fejn kien xieraq, se tiffaċilita allokazzjoni mill-ġdid volontarja u kkordinata bħal din. |

Finanzjament speċifiku li se jingħata taħt strumenti finanzjarji eżistenti tal-UE għandu jkun ipprovdut għal din l-allokazzjoni mill-ġdid, b'konformità mal-proċeduri baġitarji; |

(d) għandha titkattar il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar għal persuni li qegħdin jgħixu 'l barra mit-territorji tal-Istati Membri tal-UE li jistaqsu għall-protezzjoni, b'mod partikolari billi: isir progress, fuq bażi volantarja, lejn stabbiliment mill-ġdid fi ħdan l-UE ta' persuni li tpoġġew taħt il-protezzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, b'mod partikolari bħala parti mill-programmi reġjonali dwar protezzjoni; |

għandha issr stedina lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċjutal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, biex tippreżenta proposti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jissaħħew il-kapaċitajiet tas-sistemi ta' protezzjoni li għandhom; |

(e) għandha ssir stedina lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ marbut mad-drittijiet u l-obbligi li jaqgħu taħt il-protezzjoni internazzjonali, lill-persunal li huwa responsabbli għall-kontrolli fuq il-fruntieri. |

V. Strateġija globali dwar il-migrazzjoni: |

Impenn prinċipali: Li tiġi stabbilita sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu sabiex titħeġġeġ is-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. |

(a) għandhom jiġu konklużi ftehimiet, bilaterali jew fil-livell tal-UE, ma' pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu li fihom, kif inhu xieraq, klawżoli dwar l-opportunitajiet ta' migrazzjoni legali kif ġew adottati għas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, il-kontroll tal-immigranti illegali, l-ammissjoni mill-ġdid, u l-iżvilupp tal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini; |

il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinfurmaw lil xulxin u jikkonsultaw bejniethom dwar l-għanijiet u l-limiti ta' ftehimiet bilaterali bħal dawn, u fuq ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid; |

(b) l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġuti, biex joffru, kemm jista' jkun, l-opportunitajiet ta' immigrazzjoni legali liċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba fil-Lvant u fin-Nosfsinhar tal-Ewropa, li ġew adottati għas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, ħalli b'hekk dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jakkwistaw taħriġ jew esperjenza professjonali u jakkumulaw tfaddil li jistgħu jużaw għall-benefiċċju ta' pajjiżhom. |

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu, f'dan il-kuntest, forom ta' migrazzjoni temporanja jew ċirkulari, sabiex ma jintilfux mill-pajjiż individwi li huma kapaċi; |

(c) għandhom jiġu segwiti politiki ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex tiġi skoraġġita jew ostakolata l-migrazzjoni illegali, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet f'dawn il-pajjiż; |

(d) għandhom jiġu integrati b'mod aktar effiċjenti l-politiki dwar migrazzjoni u żvilupp billi jiġi eżaminat kif politiki bħal dawn jistgħu jkunu ta' benefiċċju għar-reġjuni ta' origini tal-migrazzjoni, b'koerenza ma' aspetti oħra tal-politika għall-iżvilupp u l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. |

F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jistieden l-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiffukaw, fi ħdan il-prijoritajiet settorali li ġew identifikati mal-pajjiżi msieħba, fuq proġetti ta' solidarjetà għall-iżvilupp li jgħollu l-livell ta' għajxien taċ-ċittadini, per eżempju, fl-oqsma tan-nutriment, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-taħriġ ta' vokazzjoni u l-impjieġ; |

(e) għandhom jiġu promossi azzjonijiet żviluppati bis-sħab li jippermettu lill-migranti jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-pajjiż tagħhom. |

Il-Kunsill Ewropew jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jagħtu sostenn fir-rigward tal-adozzjoni ta' strumenti finanzjarji speċifiċi għat-trasferiment sikur u irħas ta' flus li jintbagħat mill-migranti lejn pajjiżhom għal fini ta' investiment u assigurazzjoni ta' benesseri; |

(f) għandu jiġi implimentat fis-sod is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika kif ġie miftiehem fil-Liżbona f'Diċembru tal-2007, il-konklużjonijiet tal-ewwel laqgħa ministerjali Euro-Mediterranju dwar il-migrazzjoni li saret fil-Albufeira f'Novembru tal-2007 u l-pjan ta' azzjoni Rabat u għal dan il-fini s-sejħa għat-tieni konferenza ministerjali Euro-Afrikana dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp f'Pariġi fil-ħarifa tal-2008 sabiex tittieħed deċiżjoni dwar miżuri prattiċi; |

għandu jiġi żviluppat, b'konformità mal-konklużjonijiet tagħha ta' Ġunju 2007, l-Istrateġija Globali għall-Migrazzjoni fil-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa u, f'dan ir-rigward, tintlaqa' l-inizjattiva li ssir konferenza ministerjali dwar dan is-suġġett f'April 2009 fi Praga; |

l-użu ta' djalogi politiċi u settorali eżistenti għandu jkompli għaddej, b'mod partikoalri ma' pajjiżi tal-Amerika Latina, il-Karibew u l-Ażja, sabiex jiġi konsolidat fehim reċiproku dwar x'inhu involut fil-qasam tal-migrazzjoni u tiġi intensifikata l-kooperazzjoni attwali; |

(g) għandha titħaffef il-mobilizzazzjoni tal-għodda ewlenin tal-Istrateġija Globali għall-Migrazzjoni (il-bilanċ ta' migrazzjoni, pjattaformi ta' kooperazzjoni, sħubijiet għal programmi dwar il-migrazzjoni ta' mobilità u dik ċirkolari), sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn ir-rottot ta' migrazzjoni min-Nofsinhar u dawk mill-Lvant u mix-Xlokk u biex jiġu kkunsidrati t-tagħlimiet li u l-ftehimiet bilaterali dwar il-migrazzjoni u l-ammissjoni mill-ġdid ma' pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll bħal Sħubiji Piloti dwar il-Mobilità; |

(h) fil-waqt li dawn id-diversi azzjonijiet ikunu qegħdin jiġu implimentati, għandu jiġi żgurat, li huma konsistenti mal-aspetti l-oħra tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari mal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005, u ma' politiki oħra, b'mod partikolari l-politika tal-viċinat. |

[1] Konklużjonijiet Presidenzjali, dokument 14368/08 Il-Patt fih innifsu huwa fid-dokument 13440/08.

[2] COM(2008) 359 finali.

[3] COM(2008) 359 finali.

[4] Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika tal-Komunità fir-rigward tal-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.

[5] Fir-rigward tal-ażil, l-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni (Eurostat) statistiċi marbutin ma' (skont il-kateġorija tad-dejta) perjodi ta' kull xhar, ta' kull tliet xhur u ta' kull sena. Dejta ta' kull xahar (applikazzjonijiet tal-ażil) u dejta ta' kull tliet xhur (deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet tal-ażil tal-ewwel istanza) għandha tintbagħat wara xahrejn mill-aħħar perjodu ta' referenza. Fir-rigward ta' statistiċi oħra dwar il-migrazzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta ta' kull sena fi ħdan, tliet, sitt jew tnax-il xhar (skont il-kategorija tad-dejta) Dawn l-iskedi huma stipulati fir-Regolament u jirrapreżentaw l-aktar dati kmieni li fihom dejta komparabbli se tkun disponibbli f'kull Stat Membru.

[6] Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta' Mejju 2008 li tistabbilixxi n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni ĠU L 131, 21.5.2008, p.7, Artikolu 1 (2)

[7] Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni.

[8] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/688/KE tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' informazzjoni reċiproka dwar miżuri tal-Istati Membri fl-oqsma tal-ażil u l-immigrazzjoni ĠU L 283, 14.10.2006, p. 40.

[9] It-tielet rapport annwali dwar l-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali, l-ittraffikar tal-bnedmin, il-kontrolli tal-fruntieri esterni, u r-ritorn tal-immigranti illegali f'pajjiżhom. SEC(2009) 320 finali.

[10] Ara per eżempju r-Rapport dwar l-Impjieg fl-Ewropa 2008, li kien jinkludi kapitolu dwar is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-impatt ta' migranti reċenti minn pajjiżi terzi.

[11] Iċ-Ċentru għall-Informazzjoni, Diskussjoni u Skambju dwar il-Qsim tal-Fruntieri u l-Immigrazzjoni (Cirefi) ġie stabbilit bid-deċiżjoni tal-Ministri responsabbli għall-immgrazzjoni fl-1992 L-attivitajiet tiegħu ġew estiżi fl-1994 biex jinkludu t-tiġbir ta' informazzjoni dwar migrazzjoni illegali, immigrazzjoni illegali u residenza kontra l-liġi, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u l-użu ta' dokumenti ta' vvjaġġjar foloz jew falsifikati, ĠU C 274, 19.9.1996, p. 50

[12] COM(2005) 389 finali.

[13] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, COM(2009) 66 finali, l-Artikolu 12. Bl-għan li jkun hemm konsistenza bejn id-diversi strumenti legali fis-settur tal-ażil, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-possibbiltà li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabilixxi l-EMN.

[14] Li ntalbu mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tal-2003.

[15] Meħtieġ skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2006/688/KE

Top