EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0203

Rapport mill-Kummissjoni Dwar aspetti ewlenin relatati mad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (Id-Direttiva IORP)

/* KUMM/2009/0203 finali */

52009DC0203

Rapport mill-Kummissjoni Dwar aspetti ewlenin relatati mad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (Id-Direttiva IORP) /* KUMM/2009/0203 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2009

KUMM(2009) 203 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Dwar aspetti ewlenin relatati mad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (Id-Direttiva IORP)

(preżentata mill-Kummissjoni)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Dwar aspetti ewlenin relatati mad-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali (Id-Direttiva IORP)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

Id-Direttiva IORP (id-Direttiva 2003/41/KE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali) ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-23 ta' Settembru 2003 u kellha tiġi implimentata mill-Istati Membri sat-23 ta' Settembru 2005. Mill-2007 l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw il-miżuri tal-implimentazzjoni tagħhom, għalkemm għandhom miftuħa żewġ proċedimenti ta' ksur għall-implimentazzjoni mhux korretta.

Id-Direttiva IORP tiddeskrivi b'mod espliċitu r-rekwiżiti ta' rappurtar min-naħa tal-Kummissjoni dwar erba' aspetti ewlenin. L-Artikolu 15(6) jeħtieġ rapport regolari talanqas kull sentejn dwar ir-regoli li jirrigwardaw il-kalkolu tar-riżervi tekniċi. L-Artikolu 21(4) jeħtieġ rapport ta' darba fi żmien erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva IORP dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-investiment (il-punt (a)), il-progress li nkiseb fir-rigward tal-adattament tas-sistemi superviżjorji nazzjonali (il-punt (a)) u l-kustodja transkonfinali(il-punt (b)).

Għalkemm id-Direttiva IORP kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ l-ewwel rapport regolari dwar ir-riżervi tekniċi u r-rapport ta' darba dwar it-tliet aspetti l-oħra f'Settembru 2007, l-implimentazzjoni tard minn għadd kbir tal-Istati Membri għamlitha difffiċli għall-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-esperjenza prattika b'dawn l-erba' dispożizzjonijiet fil-limitu taż-żmien kif previst. Għaldaqstant matul laqgħa tal-Kumitat Ewropew tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPC) tal-5 ta' April 2006 ġie miftiehem mal-Istati Membri li r-rappurtar meħtieġ isir fl-2008, wara eżami minn qabel tal-kwistjonijiet ewlenin tal-implimentazzjoni mill-Kumitat Kumitat Ewropew tas-Superviżuri tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS).

Barra minn hekk, għalkemm f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda notevoli fil-għadd tal-arranġamenti transkonfinali dwar il-pensjoni, il-livell ta' każijiet transkonfinali għadu relattivament baxx. Stħarriġ ta' dan l-aħħar li sar mis-CEIOPS juri li fl-aħħar ta' Ġunju 2008 kien hemm 70 każ ta' attivitajiet transkonfinali fiż-Zona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u 21 stat li kienu qed jaġixxu bħala stati ospitanti.[1]

Fuq it-talba tal-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Pensjonijiet tax-Xogħol ħadu l-impenn ta' eżerċizzju estensiv ta' tiftix tal-fatti relatat mal-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva IORP mill-Istati Membri. Wieħed irid jiftakar li f'dan il-kuntest id-Direttiva IORP tipprovdi għal armonizzazzjoni minima, b'hekk tħalli f'għadd ta' oqsma ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha. Ir-riżultat tax-xogħol tal-OPC jingħata fil-qosor fir-Rapport intitolat "Reviżjoni Inizjali ta' Aspetti Ewlenin tal-Implimentazzjoni tad-Direttiva IORP" (Ir-Rapport OPC) tal-31 ta' Marzu 2008.[2]

Ir-rapport OPC jinkludi, iżda mhux biss, l-aspetti ewlenin li dwarhom il-Kummissjoni tintalab tirrapoorta. Ir-rapport OPC sab li għalkemm hemm diversità konsiderevoli fil-mod kif ġew interpretati u implimentati dawn l-aspetti ewlenin tad-Direttiva IORP min naħa tal-Istati Membri, teżisti ftit evidenza dwar problemi kbar li jirrriżultaw minħabba dawn id-differenzi. Minħabba dan, u minħabba l-esperjenza limitata tal-applikazzjoni tad-Direttiva IORP, ir-Rapport OPC ma jsib l-ebda raġuni f'dan l-istadju għal tibdiliet leġiżlattivi fid-Direttiva IORP.

Fit-2 ta' April 2008 s-CEIOPS ippreżenta r-Rapport OPC lill-Kummissjoni, u sussegwentement ir-Rapport ġie diskuss mill-EIOPC matul il-laqgħat tiegħu fis-27 ta' Ġunju u s-26 ta' Novembru 2008. Id-diskussjoni turi li l-Istati Membri jaqblu b'mod ġenerali mal-konklużjonijiet tar-Rapport OPC, u s-servizzi tal-Kummissjoni nnotaw il-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri qablu mar-rakkomandazzjoni tas-CEIOPS biex f'dan l-istadju ma tiġix ikkunsidrata reviżjoni leġiżlattiva tad-Direttiva IORP.[3]

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma li saret s'issa, u bil-għan li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' rappurtar min-naħa tal-Kummissjoni kif stipulat fid-Direttiva IORP, il-bqija tar-rapport jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni minn erba' aspetti ewlenin: ir-riżervi tekniċi, ir-regoli tal-investiment, l-adattament tas-sistemi superviżjorji nazzjonali u l-kustodja. Ir-rapport huwa limitat għas-sodisfar tar-rekwiżit ta' rappurtar tal-Kummissjoni mill-erba' aspetti stipulati fid-Direttiva IORP innifisha. Il-ħtieġa ta' bidliet leġiżlattivi li possibbilment jirriżultaw minn kwistjonijiet importanti oħrajn li jaffettwaw l-IORPs, b'mod partikolari r-regoli ta' solvenza[4], qed tiġi eżaminata mill-Kummissjoni separatament minn dan ir-rapport.

2. RIżERVI TEKNIċI

L-Artikolu 15(6) tad-Direttiva jintroduċi rekwiżit ta' rappurtar għall-Kummissjoni relatat mal-kalkolu tal-provvisti tekniċi [ir-riżervi tekniċi] tal-IORP f'kuntest transkonfinali[5].

L-eżami tal-kalkolu tar-riżervi tekniċi tal-IORPs kien inbeda mill-OPC u wara ġie segwit f'aktar dettall mis-Sotto Kumitat tas-Solvenza (SSC) tas-CEIOPS. Ix-xogħol tal-SSC ingħata fil-qosor fis-(Stħarriġ dwar riżervi tekniċi ffinanzjati bis-sħiħ u l-mekkaniżmi ta' sigurtà fis-settur Ewropew tal-pensjonijiet tax-xogħol" (stħarriġ SSC) ) ta l-31 ta' Marzu 2008[6]. Dan l-istħarriġ jipprovdi ħarsa dettaljata u komprensiva lejn l-assunzjonijiet tal-valutazzjoni u l-mekkaniżmi ta' sigurtà għall-fondi tal-pensjonijiet tax-xogħol, li jeżistu fl-Istati Membri. Safejn jikkonċerna r-riżervi tekniċi, dan jisħaq fuq il-fatt li l-IORPs fl-Istati Membri differenti jużaw metodi differenti u assunzjonijiet biex jiddeterminaw ir-riżervi tekniċi tagħhom. Dan jirriżulta f'varjazzjonijiet sinifikanti fid-daqs tar-riżervi tekniċi madwar il-pajjiżi għal allokazzjonijiet definiti paragunabbli ta' benefiċċji. Fatturi importanti li jaffettwaw il-livell ta' riżervi tekniċi fl-Istati Membri differenti jinkludu l-assunzjonijiet sottostanti ta' valutazzjoni, b'mod partikolari l-assunzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax u l-mortalità, kif ukoll in-natura tal-indiċijiet tal-inflazzjoni u tas-salarji tal-benefiċċji tal-pensjoni.

Is-CEIOPS ippreżenta l-istħarriġ tal-SSC lill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2008. Il-Kummissjoni tilqa' r-riżultat tar-rapport tal-SSC. Aġixxa bħala bażi tajba għall-konsultazzjoni pubblika li kienet nediet il-Kummissjoni fil-bidu ta' Settembru 2008 dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar is-solvenza għall-IORPs soġġett għall-Artikolu 17 tad-Direttiva IORP u dwar l-IORPs li joperaw fuq bażi transkonfinali. Il-potenzjal għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kalkolu tar-riżervi tekniċi mill-perspettiva transkonfinali huwa wieħed waħda mill-oqsma li ġie espliċitament indirizzat f'din il-konsultazzjoni. Dan il-perjodu ta' konsultazzjoni ngħalaq fi tmiem Novembru 2008. Sabiex tieħu l-ewwel tagħlimiet min din l-ewwel konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni fis-27 ta' Mejju 2009 għandha ppjanata seduta pubblika fi Brussell.

Ir-riżultat tal-konsultazzjoni u tas-seduta pubblika se jgħin lill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha jekk tressaqx proposta għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli għall-kalkolu tar-riżervi tekniċi fil-kuntest tal-attivitajiet transkonfinali. Kif isir normalment, kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni, f'konformità mal-approċċ ta' Regolamentazzjoni Aħjar, għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt rigoruża.

3. REGOLI TA’ INVESTIMENT

L-Artikolu 21(4)(a) tad-Direttiva IORP jirrkjedi lill-Kummissjoni li "toħroġ rapport li jirrevedi l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 […]", li fih ir-regoli kwalitattivi u kwantitattivi għall-IORPs. L-eżami li sar identifika għadd ta' kwistjonijiet.

L-ewwel nett, ir-Rapport OPC sab li l-introduzzjoni tar-regola dwar il-'persuna prudenti' imsemmija fl-Artikolu 18(1) kellu impatt fuq il-qafas regolatorju f'ħafna mill-Istati Membri u li, għalkemm il-limiti kwantitattivi ta' investiment għad għandhom rwol importanti, issa qed tingħata aktar attenzjoni lill-aspetti kwalitattivi tar-regoli tal-investiment.

It-tieni, ir-Rapport OPC jindika wkoll nuqqas ta' fehim komuni dwar l-ambitu tar-regola dwar emittent waħdieni, li għandha l-għan tal-prevenzjoni ta' dipendenza eċċessiva fuq attiv, emittent jew grupp partikolari (l-Artikolu 18(1)(e)).[7] Barra minn hekk, il-promozzjoni ta' konverġenza fir-regoli dwar l-emittent waħdieni hija relevanti b'mod partikolari f'kuntest transkonfinali, minħabba l-eżenzjoni espliċita mir-regoli tal-investiment fl-istat tal-oriġini li l-istat ospitanti jista' jimponi fuq "IORPs mistiedna" fi ħdani ċerti limiti kwantitattivi u kwalitattivi (l-Artikolu 18(7)(b) tad-Direttiva IORP). Fir-rigward tal-limiti kwantitattivi, ġie kkonfermat li l-istati ospitanti jistgħu japplikaw dawn għall-IORPs fil-każ biss li r-regoli ta' investiment applikati għall-IORPs li jinsabu fl-istat ospitanti nnifsu jkunu huma wkoll daqshekk stretti jew saħansitra aktar stretti. Fir-rigward tal-limiti kwalitattivi, i.e. il-kategoriji tal-attivi koperti bl-Artikolu 18(7)(b) tad-Direttiva IORP, jista' jkun utli li wieħed jirreferi għal biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE bħad-Direttiva MiFID[8], li jipprovdi għal definizzjonijiet ta' 'strumenti finanzjarji', 'sigurtajiet trasferibbli' u 'strument tas-suq monetarju.'[9]

It-tielet, hemm nuqqas ta' fehim komuni dwar it-terminu ‘swieq ta' kapital ta' riskju’, li għandu x'jaqsam mal-Artikolu 18(5)(c) li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprevjenu l-IORPs li jinsabu fit-territorju tagħhom milli jinvestu fit-tali swieq. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport OPC, u wara input mill-Kummissjoni, ittieħdu aktar sforzi biex dan jiġi kkjarifikat bil-għan tal-possibbiltà li -CEIOPS jagħmlu "gwida tat-3 livell" dwar din il-kwistjoni. Dan ix-xogħol addizzjonali wera li d-definizzjonijiet differenti madwar l-Ewropa jiddependu fuq l-iskop u l-kuntest li fihom jiġi applikat il-kunċett tal-kapital ta' riskju (regoli dwar il-kompetizzjoni jew tas-suq intern, definizzjonijiet miftuħa jew magħluqa, inkluż jew eskluż strumenti ta' kważi-ekwità) u li l-kwistjoni fil-prattika għad ma kellhiex relevanza transkonfinali. Minflok ħrug ta' gwida astratta, il-kwistjoni għandha tibqa' tiġi mistħarrġa.

Ir-raba', sitt Stati Membri qed jużaw il-possibbiltà pprovduta bl-Artikolu 18(7) tad-Direttiva IORP biex bħala pajjiżi ospitanti jimponu limiti ta' investiment addizzjonali[10].

Is-sejbiet tal-OPC jissuġġerixxu li minkejja xi differenzi fl-applikazzjoni tar-regoli ta' investiment, jidher li dawn ma jżommux il-proċess ta' konverġenza għas-suq intern u għall-attivitajiet transkonfinali tal-IORPs Il-Kummissjoni tappoġġa din il-konklużjoni, u tħeġġeġ lis-CEIOPs biex ikomplu bl-analiżi tiegħu relatata mas-swieq ta' kaptiali ta' riskju u r-regola tal-emittent waħdieni. Fil-każ partikolari ta' dan tal-aħħar, jista' jkun meħtieġ aktar xogħol għar-regoli tal-awtoinvestiment, li jillimitaw l-investiment fl-impriża li tisponsorja (l-Artikolu 18(1)(f))[11].

Konverġenza li hija għaddejja fl-applikazzjoni tar-regoli ta' investiment għandha tikkontribwixxi għas-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-gwadann in ġenerali tal-portafolli tal-IORPs, b'hekk l-iskemi tal-irtirar mix-xogħol madwar l-UE jittejbu kemm f'termini kwalitattivi kif ukoll dawk kwantitattivi.

Is-CEIOPs u l-Kummissjoni se jkomplu jissorveljaw it-tħaddim tar-regoli ta' investiment fid-dawl ukoll ta' kwalunkwe tagħlimiet li joħorġu mill-kriżi finanzjarja.

4. L-ADATTAMENT TAS-SISTEMI SUPERVIżORJI NAZZJONALI

L-Artikolu 21(4)(a) tad-Direttiva IORP Directive jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni "għandha toħroġ rapport li jirrevedi […] l-progress miksub fl-addattazzjoni tas-sistemi superviżorji nazzjonali". F'dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) sa (3) tad-Direttiva IORP ukoll huma ta' relevanza għaliex jipprovdu għal kooperazzjoni mill-qrib bejn is-superviżuri nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea sabiex tkun żgurata applikazzjoni uniformi tad-Direttiva IORP u biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tal-operazjonijiet tal-IORPs.

Sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni, fi Frar 2004 s-CEIOPS stabbilixxa l-OPC. Il-ħidma ta' dan il-Kumitat, li fih il-Kummissjoni tipparteċipa bħala osservatur, wasslet fi Frar 2006 għall-ftehim tal-"Protokoll ta' Budapest."[12] Dan il-protokoll jirregola l-arranġamenti superviżjorji u l-iskambju tal-informazzjoni bejn is-superviżuri tal-istat tal-oriġini u dawk tal-istat ospitanti tal-IORPs transkonfinali. Il-Protokoll ta' Budapest jinkludi wkoll awtoritajiet superviżorji minn madwar l-UE kollha li mhumiex formalment membri tas-CEIOPS, b'hekk joffri bażi wiesgħa għal aktar żvilupp tas-superviżjoni transkonfinali għall-pensjonijiet tax-xogħol.

Il-Kummissjoni tilqa' u tappoġġa x-xogħol għaddej tas-superviżuri mhux biss taħt il-Protokoll ta' Budapest iżda wkoll fuqu, għaliex dan bħalissa qed jiġi rivedut mill-OPC bil-għan li fl-ewwel nofs tal-2009 ssir konsultazzjoni pubblika mis-CEIOPS għal verżjoni riveduta.

5. IL-KUSTODJA

L-Artikolu 21(4)(b) tad-Direttiva IORP jesiġi li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni tat-tieni subpaagarafu tal-Artikolu 19(2). Din id-dispożizzjoni tistipula li l-Istati Membri tal-oriġini jitħallew jagħmlu obbligatorja l-ħatra minn IORP ta' kustodju jew depożitarju. Madankollu, meta jagħmlu hekk, ma għandhomx jżommu l-IORPs milli jaħtru kustodju jew depożitarju hekk awtorizzat li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(2).

Ir-Rapport OPC jinnota li jeżistu approċċi diverġenti relatati mal-ħatra ta' kustodju u t-tip ta' korp li jinħatar biex jissodisfa dan ir-rwol, inklużi d-dmirijiet li jkollu jaqdi. Jeżistu wkoll differenzi fir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti, li wħud minnhom għandhom rwol fil-proċess tal-ħatra tal-kustodju. Madankollu, l-OPC ma jikkunsidrax dawn id-diverġenzi fil-prassi bħala ostaklu. Bħalissa għadu kmieni wisq biex wieħed jikkonkludi jekk id-dispożizzjonijiet dwar il-kustodja fid-Direttiva IORP joħolqux kwistjonijiet dwar is-superviżjoni, għalkemm, jekk wieħed iħares 'il quddiem, l-OPC iwarrab għadd ta' kwistjonijiet li jistgħu jirrikjedu aktar attenzjoni.[13]

B'mod partikolari, l-OPC jinnota li fil-każ li kustodju jew depożitarju jinsab fi Stat Membru ieħor minbarra tal-IORP, tkun ħaġa utli li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji tal-IORP u l-Awtoritajiet Superviżorji tal-kustodju/depożitajru barrani (speċjalment fil-każ fejn l-awtorità superviżorja ma tkunx membru tas-CEIOPS) l-aktar sabiex l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva IORP tiġi ggarantita fil-każ tal-iffriżar tal-attivi[14]. Jekk il-kooperazzjoni mtejba fi ħdan il-qafas legali tal-UE ma tkunx possibbli, l-OPC huwa tal-opinjoni li dan jista' jikkostitwixxi kwistjoni li possibbilment tkun tirrikjedi bidla leġiżlattiva.

Il-Kummissjoni tilqa' din l-evalwazzjoni u tħeġġeġ aktar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji. Tinsab lesta li tressaq il-kwistjoni quddiem is-CEIOPS, fejn meħtieġ. Il-ħtieġa għal tibdiliet possibbli fil-ġejjieni se tiddependi wkoll fuq ir-riżultat tal-ħidma aktar ġenerali relatata mal-arranġamenti superviżorji Ewropej[15].

6. GħELUQ

Fir-rigward tal-erba' aspetti li fuqhom id-Direttiva IORP tirrikjedli li l-Kummissjoni tirraporta, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx il-ħtieġa immedjata ta' bidla leġiżlattiva. Madankollu, ir-rapport huwa limitat għas-sodisfar tar-rekwiżit ta' rappurtar tal-Kummissjoni kif stipulat fid-Direttiva IORP innifisha. Il-ħtieġa ta' tibdiliet leġiżlattivi li possibbilment jirriżultaw minn kwistjonijiet importanti oħrajn li jaffettwaw l-IORPs, b'mod partikolari r-regoli ta' solvenza, qed tiġi eżaminata mill-Kummissjoni separatament minn dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni temmen li d-Direttiva IORP diġà wasslet l-ewwel riżultati permezz tal-istabbiliment ta' suq intern għall-provvista ta' irtirar okkupazzjonali organizzata fuq skala Ewropea. Jeħtieġ aktar żmien sabiex jibdew joħorġu l-effetti kollha tad-Direttiva.

Fl-istess ħin, l-eżami li twettqet mis-CEIOPS indikat li hemm il-ħtieġa tat-tkomplija tal-monitoraġġ ta' diversi aspetti tad-Direttiva IORP. Il-possibbiltà ta' aktar armonizzazzjoni fir-regoli dwar il-kalkolu tar-riżervi tekniċi tista' titqies fil-kuntest tal-ħidma tal-Kummissjoni għaddeja bħalissa dwar ir-regoli ta' solvenza għall-IORPs. Fil-qasam tar-regoli dwar l-investiment, hemm il-ħtieġa ta' aktar kjarifika tad-definizzjoni tas-swieq kapitali ta' riskju u l-ambitu tar-regola dwar l-emittent waħdieni. Il-Kummissjoni u s-CEIPOS se jkomplu wkoll jissorveljaw l-operat tar-regoli ta' investiment fid-dawl saħansitra tal-kriżi finanzjarja. Il-Kummissjoni tappoġġja l-kooperazzjoni mtejba bejn is-superviżuri u tilqa' l-konsultazzjoni pubblika ppjanata mis-CEIOPS dwar il-Protokoll ta' Budapest . Fir-rigward tal-kustodja, il-Kummissjoni tħeġġeġ kooperazzjoni mtejba bejn l-Awtoritajiet Superviżorji tal-IORP u l-Awtoritajiet Superviżorji tal-kustodju/depożitarju barrani u tinsab lesta biex tressaq proposti leġiżlattivi fejn meħtieġ. Il-ħtieġa għal tibdiliet possibbli fil-ġejjieni se tiddependi wkoll fuq ir-riżultat tal-ħidma aktar ġenerali relatata mal-arranġamenti superviżorji Ewropej.

Il-Kummissjoni tibqa' impenjata għall-verifika sostnuta tal-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva IORP min-naħa tal-Istati Membri u tkompli fil-ħidma tagħha f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lis-CEIOPS biex ikompli bix-xogħol tiegħu fuq kwistjonijiet usa' li tqajmu fir-Rapport OPC, u se tkompli tissorvelja u tippromwovi kooperazzjoni mtejba bejn is-superviżuri sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tad-Direttiva IORP.

[1] CEIOPS "2008 Report on Market Developments" ["Rapport tal-2008 dwar Żviluppi fis-Suq" tas-CEIOPS] tal-11 ta' Novembu 2008, disponibbli fuq: http://www.ceiops.eu/media/docman/public_files/publications/reports/OPC-Report-Market-Developments2008.pdf

[2] Għar-rapport sħiħ ara s-sit web tas-CEIOPS: http://www.ceiops.eu/media/docman/public_files/publications/submissionstotheec/ReportIORPdirective.pdf

[3] Id-dokumenti tal-EIOPC huma aċċessibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/committee_en.htm

[4] Aktar tagħrif dwar dan ix-xogħol huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2008/occupational_retirement_provision_en.htm

[5] L-Artikolu 15(6) jitlob li "[Bil]-ħsieb ta’ aktar armonizzazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw il-kalkolazzjoni ta’ riżervi tekniċi li jistgħu jkunu ġġustifikati — b’mod partikolari r-rata ta’ imgħax u assunzjonijiet oħra li jinfluwenzaw il-livell ta’ riżervi tekniċi — il-Kummissjoni għandha, kull sentejn jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, toħroġ rapport dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-iżvilupp ta’ attivitajiet bejn il-fruntieri." Minbarra dan, "[il]-Kummissjoni għandha tipproponi kull miżura meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ tgħawwiġ possibbli kkawżat minn livelli differenti ta’ rati ta’ imgħax u biex jiġu protetti l-interessi tal-benefiċjari u l-membri ta’ xi skema."

[6] http://www.ceiops.eu/media/docman/public_files/publications/submissionstotheec/ReportonFundSecMech.pdf

[7] L-Artikolu 18(1)(e) jispeċifika li l-attiv għandhom ikunu ddiversifikati kif imiss b’dak il-mod li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq xi attiv partikolari, dak li joħroġ jew grupp ta’ impriżi u akkumulazzjonijiet ta’ riskju fil-portafolli kollha kemm huma. Investimenti f’attiv maħruġ mill-istess persuna jew minn persuni li jagħmlu parti mill-istess grupp m’għandhomx jesponu lill-istituzzjoni għal konċentrazzjoni eċċessiva ta’ riskju".

[8] Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, Ġurnal Uffiċjali L 145, 30.4.2004.

[9] Ara l-Artikoli 4(1)(17), 4(1)(18) u 4(1)(19) tad-Direttiva MiFID.

[10] L-Artikolu 18(7) jippermetti lill-Istati Membri jimponu limiti ta' investiment addizzjonali fuq ospiti IORPs li joperaw fit-territorju tagħhom. Skont id-Direttiva limiti bħal dawn huma aċċettabbli biss fil-każ li l-istess regoli jew regoli aktar stretti jiġu imponuti fuq l-IORPs ibbażati f'pajjiżhom stess.

[11] L-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma' din ir-regola, sakemm ma jsirx użu mill-alternattiva fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva.

[12] Il-"Protocol relating to the Collaboration of the Relevant Competent Authorities of the Member States of the European Union in Particular in the Application of the Directive 2003/41/EC of the European Parliament and of the Council of 3 June 2003 on the Activities and Supervision of Institutions for Occupational Retirement Provision (IORPs) Operating Cross-Border" ["Protokoll relatat mal-Kollaborazzjoni tal-Awtoritajiet Kompetenti Relevanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b'mod Particolari l-Applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-Attivitajiet u s-Superviżjoni tal-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta' Irtirar Okkupazzjonali (IORPs) li Joperaw fil-livell Transkonfinali"] huwa disponibbli fuq http://www.ceiops.eu/content/view/19/23/

[13] Minbarra dan, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi l-mod kif l-Istati Membri kienu implimentaw il-prinċipji preżenti fid-Direttiva 85/611/EEC (Id-Direttiva UCITS) dwar ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni tad-depożitarju, bi tweġiba għall-kawża ta' Madoff. Skont ir-riżultat ta' dan ix-xogħol, jista' jkun hemm il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet relevanti fid-Direttiva IORP jiġu riveduti.

[14] L-Artikolu 19(3) jesiġi li "kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex ikun jista’ skont il-liġi nazzjonali tiegħu li jipprojbixxi, skont l-Artikolu 14, id-disponiment bla ħlas miżmuma minn depożitarju jew kustodju li jinsab fit-territorju tiegħu fuq it-talba tal-istituzzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini."

[15] Għal aktar tagħrif, ara r-Rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli mmexxi minn Jacques de Larosière u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2009 "Nixprunaw l-irkupru Ewropew" (COM(2009) 114 finali).

Top