EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XG1213(05)

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil- 21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel

OJ C 319, 13.12.2008, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 319/20


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008 dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel

(2008/C 319/08)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI MLAQQGĦIN FIL-KUNSILL

BILLI:

1.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 (1) enfasizzaw li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ kien ta' importanza kruċjali fl-ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien.

2.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2001 dwar il-kooperazzjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel (2) stiednet lill-Istati Membri biex jappoġġaw it-titjib fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel.

3.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-14 ta' Novembru 2006 dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ (3) stiednu lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-riformi u l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu mmirati tajjeb sabiex jitjiebu l-kwalità u l-ekwità, partikolarment b'enfasi fuq it-tagħlim ta' qabel il-primarja, il-programmi ta' intervent bikri u s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ ekwi.

4.

Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 (4) stabbiliet programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja.

5.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (5) stabbiliet il-livell minimu tal-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li l-istudenti kollha għandhom ikunu kisbu sa tmiem l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà tal-għarfien u li, minħabba n-natura trasversali tagħhom, jimplikaw approċċ għat-tagħlim li jmur lil hinn mill-fruntieri dixxiplinarji tradizzjonali.

6.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 (6) enfasizzat il-ħtieġa li l-persuni jingħataw il-potenzjal li jiksbu ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda u li jiżdiedu l-livelli ġenerali ta' ħiliet, permezz ta' edukazzjoni u taħriġ inizjali u kontinwi għall-ħiliet tal-ogħla kwalità, sabiex iżommu u jsaħħu l-kapaċità tagħhom ta' innovazzjoni, li hija meħtieġa għal aktar kompetittività, tkabbir u impjiegi.

7.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fil-15 ta' Novembru 2007, dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema (7) enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-provvediment għal taħriġ inizjali tal-għalliema, appoġġ fil-bidu tal-karriera tagħhom u aktar żvilupp professjonali jkun koordinat, koerenti, b'riżorsi adegwati u b'assigurazzjoni tal-kwalità.

8.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 (8) enfasizzaw li fattur ewlieni għat-tkabbir futur huwa l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal għall-innovazzjoni u l-kreattività taċ-ċittadini Ewropej ibbażat fuq il-kultura Ewropea u l-eċċellenza fix-xjenza, u ħeġġu lill-Istati Membri biex inaqqsu sostanzjalment in-numru ta' żgħażagħ li ma jafux jaqraw sew kif ukoll in-numru ta' żgħażagħ li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, u biex itejbu dak li kapaċi jagħmlu studenti minn ambjenti ta' immigrazzjoni jew dawk żvantaġġati.

9.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (9) innotaw il-ħtieġa dejjem akbar ta' azzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE sabiex tinkiseb il-bidla meħtieġa biex l-iskejjel iħejju lill-istudenti biex jaffrontaw l-isfidi u l-problemi sinifikanti ta' dinja li qed tinbidel b'mod mgħaġġel.

JILQGĦU l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2008 intitolata Titjib tal-kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda għall-Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel li tipproponi aġenda għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li jiżdied u jissaħħaħ l-iżvilupp tas-sistemi skolastiċi.

JAFFERMAW MILL-ĠDID LI

1.

L-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ħlas hija dritt fondamentali għaċ-ċittadini kollha, li huwa d-dover tal-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu u r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jorganizzaw.

2.

L-edukazzjoni fl-iskejjel — inklużi l-forom kollha ta' edukazzjoni fl-iskejjel sa tmiem is-sekondarja — tistabbilixxi l-pedamenti għat-tagħlim tul il-ħajja billi tippermetti lill-istudenti jiksbu l-kompetenzi ewlenin li huma jkunu jeħtieġu u li jgħinu biex jiggwidawhom tul il-ħajja personali u professjonali tagħhom.

3.

L-edukazzjoni fl-iskejjel mhux biss tirrappreżenta mezz importanti għas-soċjalizzazzjoni tal-individwi u għat-trasmissjoni tal-valuri, il-ħiliet, l-għarfien u l-attitudnijiet meħtieġa għad-demokrazija, iċ-ċittadinanza, id-djalogu interkulturali u l-iżvilupp personali, iżda għandha wkoll rwol essenzjali fil-kisba tal-kompetenzi ewlenin meħtieġa għall-integrazzjoni b'suċċess fil-ħajja ekonomika.

4.

L-iskejjel għandhom id-dover li jipprovdu lill-istudenti tagħhom edukazzjoni li tippermettilhom jadattaw għal ambjent dejjem aktar globalizzat, kompettitiv, diversifikat u kumpless, fejn il-kreattività, il-kapaċità għall-innovazzjoni, is-sens ta' inizjattiva, l-intraprenditorija u l-impenn li jkomplu jitgħallmu huma importanti daqs l-għarfien speċifiku ta' suġġett partikolari.

5.

Minkejja li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u l-kontenut tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ taqa' fuq l-Istati Membri individwali, u minkejja li l-iskejjel jistgħu xi drabi jgawdu livell konsiderevoli ta' awtonomija, il-kooperazzjoni Ewropea għandha rwol importanti. Jista' jkun ta' għajnuna għall-Istati Membri li jilħqu sfidi komuni, b'mod partikolari permezz ta' metodu miftuħ ta' koordinazzjoni.

6.

L-Istati Membri għandhom interess komuni li jikkooperaw sabiex jibbenefikaw aħjar mill-firxa ta' prattiki innovattivi u ta' kwalità għolja eżistenti fis-sistemi tal-iskejjel fl-UE.

JENFASIZZAW LI:

1.

Fid-dawl tal-kontribut essenzjali li l-edukazzjoni u t-taħriġ jagħtu lit-tkabbir futur, il-kompetittività fuq il-perijodu fit-tul u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni, kif ukoll lill-promozzjoni ta' ċittadinanza attiva, huma għandhom jibqgħu prijorità ewlenija għaċ-ċiklu li jmiss tal-proċess ta' Lisbona.

2.

Jeħtieġ li s-sistemi tal-iskejjel jiġu żviluppati aktar sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-koeżjoni soċjali u li — permezz ta' aċċess u opportunitajiet aħjar — kull żgħażugħ ikun jista' jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu jew tagħha u jsir parteċipant attiv fis-soċjetà emerġenti tal-għarfien.

3.

Jeħtieġ li l-iskejjel irawmu l-kreattività u spirtu ta' innovazzjoni u ta' intrapriża fl-istudenti tagħhom billi jipprovdu ambjenti stimulanti ta' ħidma. Biex jinkiseb dan, l-iskejjel infushom għandhom ikunu postijiet kreattivi u dinamiċi li huma miftuħin għall-kooperazzjoni u l-isħubija mad-dinja ġenerali u li jiżviluppaw kultura ta' evalwazzjoni interna u esterna li fiha huma involuti l-familji wkoll, sabiex jiġu identifikati l-oqsma possibbli għall-bidla u t-titjib.

4.

In ġenerali għad mhemmx progress suffiċjenti lejn it-tliet punti ta' referenza Ewropej adottati mill-Kunsill għall-2010 li huma direttament relatati mal-edukazzjoni fl-iskejjel: dwar dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, l-ħiliet fil-qari u t-tkomplija tal-edukazzjoni sekondarja ogħla.

5.

Approċċ koerenti għall-iżvilupp tal-kompetenzi, ibbażat fuq il-qafas Ewropew ta' referenza tal-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (10), jimplika l-ħtieġa għal sforzi aktar qawwija biex jittejjbu l-ħiliet fil-qari u ħiliet bażiċi oħrajn, kif ukoll approċċi aktar personalizzati għat-tagħlim li jwieġbu għall-ħtiġijiet uniċi ta' kull student, li jinvolvu forom adatti ta' evalwazzjoni u li jwasslu għal motivazzjoni aħjar għat-tagħlim.

6.

Biex tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għolja u sistemi ta' taħriġ li jkunu kemm ekwi kif ukoll effiċjenti (11) jeħtieġ provvediment aħjar u aktar aċċessibbli qabel l-iskola primarja, skejjel ambizzjużi li joffru opportunitajiet ekwi lill-istudenti kollha, irrispettivament mill-ambjenti oriġinali tagħhom, kif ukoll bilanċ tajjeb bejn il-provvediment ta' tagħlim ġenerali u dak speċjalizzat għat-tfal bi ħtiġijiet speċjali.

7.

Jinħtieġu wkoll sforzi akbar biex jiġu implimentati l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2007 (12) li fihom l-Istati Membri ġew mistiedna jiżguraw standard għoli ta' edukazzjoni inizjali tal-għalliema, jipprovdu appoġġ fil-bidu tal-karriera u żvilupp professjonali kontinwu li jkun koordinat, koerenti, b'riżorsi adegwati u b'assigurazzjoni tal-kwalità, jattiraw fil-professjoni tat-tagħlim — u jagħmlu ħilithom biex iżommu — il-persuni bl-aqwa abbiltajiet, jittrattaw każijiet ta' prestazzjoni batuta, jappoġġaw lill-istudenti kollha sabiex dawn jagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tagħhom u joħolqu ambjenti skolastiċi fejn l-għalliema jitgħallmu minn xulxin u li jiffokaw fuq it-titjib fit-tagħlim tal-istudenti.

JAQBLU DWAR IL-PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN GĦALL-KOOPERAZZJONI EWROPEA DWAR L-ISKEJJEL:

1.

Jiggarantixxu u jtejbu l-kisba ta' kompetenzi ewlenin, b'mod partikolari l-ħiliet bażiċi fil-qari u fil-kitba, u fil-matematika.

2.

Itejbu r-rwol essenzjali li l-iskejjel għandhom fil-promozzjoni ta' soċjetajiet inklużivi u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, billi tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha skont il-prinċipju ta' ekwità.

3.

Jippromwovu t-tagħlim bħala professjoni u jtejbu t-taħriġ inizjali u kontinwu għall-persunal involut fit-tagħlim u l-mexxejja tal-iskejjel.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

1.

Fil-qafas tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, jaħdmu flimkien biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-prijoritajiet ta' politika deskritti f'dawn il-konklużjonijiet.

2.

Fis-segwitu tar-Rakkomandazzjoni dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, jiffokaw il-kooperazzjoni fuq:

iż-żieda fil-livelli tal-ħiliet bażiċi fil-qari u fil-kitba, u fil-matematika, kif ukoll il-promozzjoni tat-tagħlim ta' mill-inqas żewġ lingwi oħra minbarra dik materna;

it-tħeġġiġ ta' interess akbar fil-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija, sabiex jiġu żviluppati metodi xjentifiċi ta' ħsieb minn età bikrija;

it-tisħiħ mhux biss ta' kompetenzi bbażati fuq is-suġġetti, iżda wkoll kompetenzi trasversali, b'mod partikolari kompetenzi ċiviċi u li wieħed 'jitgħallem kif jista' jitgħallem';

it-titjib fit-tekniki ta' evalwazzjoni fil-kuntest ta' tagħlim personalizzat.

3.

Fis-segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jiffokaw il-kooperazzjoni fuq:

l-iżgurar ta' provvediment aċċessibbli u ta' kwalità għolja qabel l-iskola primarja;

it-tnaqqis fit-tluq mill-iskola qabel iż-żmien;

il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u t-trawwim tal-inklużjoni soċjali, billi jippruvaw inċekknu n-nuqqas ta' progress tal-istudenti u tittejjeb il-prestazzjoni tal-iskejjel;

l-iżgurar ta' transizzjonijiet b'suċċess bejn it-tipi u l-livelli differenti ta' skejjel, u għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, partikolarment bit-titjib fl-aċċess għas-servizzi ta' informazzjoni, ta' gwida u ta' konsulenza, u l-kwalità tagħhom;

l-iżgurar ta' aċċess għal opportunitajiet u servizzi edukattivi ta' kwalità għolja, partikolarment għat-tfal u ż-żgħażagħ li — żvantaġġati minn ċirkostanzi personali, soċjali, kulturali u/jew ekonomiċi — jeħtieġu appoġġ partikolari sabiex iwettqu l-potenzjal edukattiv tagħhom;

l-identifikazzjoni bikrija ta' diffikultajiet fit-tagħlim u s-sejbien ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq approċċi pedagoġiċi aktar personalizzati, imfassla skont il-ħtiġijiet u l-abbiltajiet ta' kull student;

l-iżgurar ta' appoġġ adegwat u f'waqtu għat-tagħlim għall-istudenti kollha bi ħtiġijiet speċjali, kemm fl-iskejjel ġenerali kif ukoll f'dawk speċjalizzati;

it-titjib fil-governanza tal-iskejjel u l-ftuħ tagħhom għad-dinja ta' madwarhom.

4.

Fis-segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema, jiffokaw il-kooperazzjoni fuq:

iż-żieda fl-attrazzjoni tat-tagħlim bħala professjoni;

il-possibbiltà li l-għalliema ġodda kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn programmi strutturati ta' appoġġ fil-bidu tal-karriera;

it-titjib fil-provvediment, il-kwalità u l-parteċipazzjoni fi programmi ta' żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema;

ir-reviżjoni tal-politiki ta' reklutaġġ, impjieg, żamma u mobilità tal-għalliema, sabiex l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel jiġi massimizzat;

it-twessigħ ta' opportunitajiet għall-għalliema biex jgħaddu perijodu ta' żmien fi Stat Membru ieħor, sabiex ikunu jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom stess, jiksbu esperjenza addizzjonali tax-xogħol u jiżviluppaw il-ħiliethom f'lingwi barranin;

it-titjib fir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-mexxejja tal-iskejjel, sabiex dawn itejbu l-ħiliet amministrattivi u pedagoġiċi tagħhom.

5.

Jużaw l-istrumenti rilevanti kollha, bħal dawk li jifformaw parti mill-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u, skont il-prijoritajiet nazzjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jippromwovu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.

6.

Ikollhom djalogu regolari dwar kwistjonijiet relatati mal-iskejjel — inkluża l-promozzjoni tal-kreattività u l-kapaċità innovattiva fl-edukazzjoni fl-iskejjel u permezz tagħha — li jinvolvi persuni mill-Istati Membri, ta' livell għoli fit-tfassil tal-politika.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI:

biex tipproponi forom adatti ta' kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika fl-oqsma mniżżla f'dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tat-tħejjijiet għal qafas strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lil hinn mill-2010.


(1)  SN 100/1/00 REV 1, paragrafu 25.

(2)  ĠU L 60, 1.3.2001.

(3)  ĠU C 298, 8.12.2006.

(4)  ĠU L 327, 24.11.2006.

(5)  ĠU L 394, 30.12.2006.

(6)  ĠU C 290, 4.12.2007.

(7)  ĠU C 300, 12.12.2007.

(8)  7652/08, paragrafu 15, p. 10.

(9)  ĠU C 141, 7.6.2008, p. 17.

(10)  ĠU L 394, 30.12.2006.

(11)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Marzu 2006, (dok. 7775/06, paragrafu 23, p. 6).

(12)  ĠU C 300, 12.12.2007.


Top